Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0513

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u llll-Kumitat tar-Reġjuni - Il-maws muftieħ tal-wirt kulturali tal-Ewropa : progress fid-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà onlajn tal-materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali madwar l-UE [SEC(2008)2372]

    /* KUMM/2008/0513 finali */

    52008DC0513

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u llll-Kumitat tar-Reġjuni - Il-maws muftieħ tal-wirt kulturali tal-Ewropa : progress fid-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà onlajn tal-materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali madwar l-UE [SEC(2008)2372] /* KUMM/2008/0513 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 11.8.2008

    KUMM(2008) 513 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Il-maws muftieħ tal-wirt kulturali tal-Ewropa Progress fid-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà onlajn tal-materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali madwar l-UE [SEC(2008)2372]

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Il-maws muftieħ tal-wirt kulturali tal-EwropaProgress fid-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà onlajn tal-materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali madwar l-UE

    IL-KUNTEST U L-GħAN TA’ DIN IL-KOMUNIKAZZJONI

    Il-libreriji, l-arkivji, il-mużewijiet u l-arkivji awdjoviżivi Ewropej għandhom kollezzjonijiet vasti u għonja li jirrappreżentaw l-istorja u d-diversità kulturali tal-Ewropa. Meta dawn il-kollezzjonijiet isiru aċċessibbli bl-internet, iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jikkonsultawhom u jutilizzawhom għal użi ġodda fir-rikreazzjoni, ix-xogħol jew l-istudji tagħhom.

    F’Settembru 2005, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-inizjattiva tal-Libreriji Diġitali, bil-għan li l-wirt kulturali u xjentifiku tal-Ewropa tagħmlu aċċessibbli onlajn[1]. L-inizjattiva, li hija parti mill-istrateġija i2010 tal-Kummissjoni għas-soċjetà tal-informazzjoni, irċeviet appoġġ qawwi mill-Parlament Ewropew[2] u mill-Kunsill.

    L-inizjattiva tal-Libreriji Diġitali tirfed l-iżvilupp tal- Europeana – il-librerija diġitali Ewropea – u tagħti kontribut biex ittejjeb il-kundizzjonijiet għall-aċċessibbiltà onlajn ta’ kotba, ġurnali, films, mapep, ritratti u materjal tal-arkivji mill-istituzzjonijiet kulturali Ewropej. Fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2006 dwar id-diġtizzazzjoni u l-aċċessibbiltà onlajn ta' materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali[3], u l-Konklużjonijiet relatati tal-Kunsill[4], ġew identifikati l-oqsma ta' prijorità li għandhom jiġu indirizzati mill-Istati Membri.

    Il-Kummissjoni tiddeskrivi l-progress lejn il-ħolqien ta' librerija diġitali Ewropea kif ukoll l-azzjonijiet mobilizzati mill-Istati Membri sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet organizzazzjonali, finanzjarji, tekniċi u legali li huma essenzjali biex il-materjal kulturali jsir aċċessibbli fuq l-internet. Hi ssejjaħ lill-Istati Membri u l-partijiet interessati biex iżidu l-isforzi tagħhom biex il-wirt komuni tagħna jkun aktar aċċessibbli, u tikkonferma l-impenn tal-Kummissjoni biex tappoġġja dan l-għan permezz tal-azzjonijiet ta' politika u programmi ta' finanzjament.

    EUROPEANA , PUNT TA' AċċESS KOMUNI GħALL-WIRT KULTURALI EWROPEW

    Il-qagħda attwali

    Il-Kummissjoni nkoraġġiet l-istituzzjonijiet kulturali Ewropej biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom u jaħdmu biex jinħoloq punt ta' aċċess komuni multilingwi għar-riżorsi diġitizzati madwar l-Ewropa. Din il-librerija, arkivju u mużew diġitali Ewropew, jisimha Europeana.

    L-utenti jistgħu jaċċessaw il- Europeana biex jesploraw u jikkombinaw materjal iddiġitizzat minn mużewijiet, arkivji, libreriji u arkivji awdjoviżivi madwar l-Ewropa kollha, mingħajr ma jkollohom għalfejn ikunu jafu bl-eżistenza jew imorru f'ħafna siti. Huma jkollhom aċċess dirett għal kotba diġitizzati, gazzetti, rekords tal-arkivji, ritratti u fajls awdjoviżivi u jistgħu jikkonsultawhom jew jużawhom għal skopijiet ta' mogħdija ta' żmien, studju jew xogħol.

    Is-sena li għaddiet saru bosta passi kbar biex tinħoloq il-Europeana , kemm mil-lenti organizzattiva u kemm mil-lenti operazzjonali. Fit-8 ta' Novembru 2007, ġiet stabbilita l-Fondazzjoni Ewropea tal-Libreriji Diġitali, li turi l-impenn tas-setturi kulturali differenti biex dan l-għan jintlaħaq. Il-membri fundaturi huma l-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-libreriji, l-arkivji, il-mużewijiet u l-arkivji awdjoviżivi, kif ukoll numru ta' istituzzjonijiet kulturali individwali kbar. L-istruttura operazzjonali li tirfed il- Europeana hija ospitata mil-Librerija Nazzjonali Olandiża.

    L-iżvilupp ta' Europeana beda għaddej ġmielu. Huwa jibni fuq ir-riżultati ta' proġetti eżistenti u inizjattivi u huwa mirfud minn serje ta' proġetti ġodda kofinanzjati mill-programm e Content plus . Ix-xogħol huwa mixħut fuq it-tnedija tal-ewwel prototip f'Novembru 2008. Hu se jagħti aċċess dirett, permezz ta' interface multilingwi, għal mill-naqas 2 miljun oġġett minn istituzzjonijiet kulturali madwar l-Ewropa, u b'hekk iservi ta' vetrina għall-potenzjal tal-kunċett. Ġie ppubblikat sit ta' dimostrazzjoni għall-kummenti fi Frar tal-2008[5].

    Żvilupp ulterjuri ta' Europeana

    Matul is-sentejn li ġejjin, il-protorip se jkun żviluppat f'servizz operazzjonali kollu kemm hu. L-ewwel u qabel kollox dan ifisser li se jkun miżjud aktar kontenut minn tipi diversi ta' istituzzjonijiet kulturali. Sal-2010, in-numru ta' oġġetti diġitali aċċessibbli permezz ta' Europeana x'aktarx imur lil hinn ħafna mis-6 miljuni li kienu maħsuba oriġinarjament.

    Fil-bidu, il-materjal aċċessibbli permezz ta' Europeana fil-biċċa l-kbira tiegħu se jkun materjal tad-dominju pubbliku. Waħda mill-isfidi ewlenin hija biex jiġi inkluż materjal bid-dritt tal-awtur, sabiex jiġi evitat il-"vojt iswed tas-seklu 20" - sitwazzjoni li fiha ħafna mill-materjal kulturali ta' qabel l-1900 huwa aċċessibbli fuq il-web, imma ftit li xejn hemm materjal tal-passat aktar reċenti. Dan jirrikjedi kollaborazzjoni tajba bejn l-istituzzjonijiet kulturali u dawk li għandhom id-drittijiet. Din il-kollaborazzjoni tista' tieħu l-forma ta' ftehimiet bejn l-istituzzjonijiet kulturali nazzjonali u dawk li għandhom id-drittijiet jew permess ta' links mis-siti tal-Europeana mħaddma minn dawk li għandhom id-drittijiet.

    L-iżvilupp ulterjuri tal- Europeana għandu jindirizza wkoll it-tiftix u l-irkupru multilingwi, kif ukoll l-integrazzjoni tal-għodod kollaborattivi.

    Il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew saħqu fuq il-ħtieġa li l-librerija diġitali Ewropea tkun magħrufa sew mill-pubbliku u li jittieħdu l-passi li jkunu meħtieġa f'dan ir-rigward. Il-Kummissjoni se tippromwovi attivament il- Europeana u diġà qed talloka riżorsi biex tqajjem kuxjenza dwar is-servizz permezz tal-programm e Content plus. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kulturali jistgħu jgħinu wkoll biex il-Europeana tkun magħrufa mal-pubbliku ġenerali.

    Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jagħtu sehemhom billi jisponsorjaw direttament lill-Fondazzjoni Ewropea tal-Librerija Diġitali bħala msieħba assoċjati, b'żieda mal-isforzi tagħhom biex jimplimentaw bis-sħiħ il-partijiet relevanti tar-Rakkomdandazzjoni 2006/585/KE u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill relatati.

    IMPLIMENTAZZJONI TAR-RAKKOMDANDAZZJONI 2006/585/KE MILL-ISTATI MEMBRI

    Is-sorveljar tar-Rakkomandazzjoni u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill relatati

    Fir-Rakkomandazzjoni tagħha tal-2006 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċissebilità onlajn ta' materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni f'numru ta' oqsma ewlenin magħżula u biex jirrappurtaw dwar il-progress sa Frar 2008. Fit-13 ta' Novembru 2006, il-Ministri responsabbli għall-kultura adottaw il-Konklużjinijiet tal-Kunsill u wrew kemm l-Istati Membri huma lesti li jaħdmu flimkien dwar dawn il-kwistjonijiet. Il-Konklużjonijiet żiedu wkoll skeda ta' żmien ma' dawn l-azzjonijiet..

    Il-Kummissjoni, fuq suġġeriment tal-Kunsill ħolqot il-Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri dwar id-Diġitizzazzjoni u l-Konservazzjoni Diġitali, li ħa post il-grupp intergovernattiv eżistenti li kien jitratta d-dġitizzazzjoni. Il-grupp il-ġdid iltaqa' darbtejn fl-2007 sabiex jirrapporta dwar il-progress fl-oqsma rilevanti u għall-iskambju ta' esperjenzi nazzjonali.

    L-osservazzjonijiet li ġejjin dwar il-progress huma ġeneralment ibbażati fuq ir-rapporti li l-Istati Membri ssottomettew fi Frar/Marzu tal-2008.

    Progress dwar id-diġitizzazzjoni (punti 1-4 tar-Rakkomandazzjoni)

    - Rapporti ġenerali dwar l-attivitajiet tad-diġitizzazzjoni

    Il-ħolqien ta' rapporti ġenerali tal-materjal diġitizzat huwa essenzjali biex wieħed jevita d-duplikazzjoni tal-isforzi u biex tinkiseb kumplimentarjetà bejn l-attivitajiet tad-diġitizzazzjoni. Mill-2005, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri bdew jagħmlu rapporti bħal dawn, f'diversi forom. Uħud mill-pajjiżi stabbilew reġistri ta' kollezzjonijiet diġitizzati, kultant appoġġjati permezz ta' leġiżlazzjoni, pereżempju s-Slovenja.

    F'pajjiżi oħra, portali nazzjonali jservu bħala punti ewlenmin ta' referenza. Bosta Stati Membri jġibu bħala eżempju l-proġett MICHAEL f'dan il-kuntest, li jipprovdi deskrizzjonijiet ta' u links ma' kollezzjonijiet diġitali madwar l-Ewropa. Min-natura tagħha stess, l-iżvilupp tal- Europeana se twassal ukoll għal rapport aktar iddettaljat tar-riżorsi diġitizzati.

    L-istudju NUMERIC, iffinanzjat mill-Kummissjoni, jindirizza l-metodoloġija għall-kisba ta' figuri aktar ta' min jorbot fuqhom dwar id-diġitizzazzjoni fil-futur, li tista' tgħin biex jiġi ppjanati sforzi addizzjonali fid-diġitizzazzjoni. Ir-riżultati tal-ewwel studju madwar l-Ewropa se jkun disponibbli kmieni fis-sena 2009.

    Minkejja l-isforzi msemmija hawn fuq, ir-rapporti eżistenti m'humiex użati sistematikament bħala għodda għat-twaqqif tal-prijoritajiet fi ħdan il-politiki diġitali. Barra minn hekk, rapporti u studji fl-Istati Membri juru li bosta mill-materjal diġitalizzat għadu mhux aċċessibbli fuq il-web, u għalhekk l-użu tiegħu huwa limitat.

    - Pjanijiet għad-diġitizzazzjoni u r-riżorsi finanzjarji relatati.

    Il-miri kwantitattivi għad-diġitizzazzjoni se jgħinu biex l-attivitajiet jiġu ffukati u jikkontribwixxu għall-effiċjenza tad-diġitizzazzjoni madwar l-Ewropa.

    Bosta mill-Istati Membri għandhom strateġiji ta' diġitizzazzjoni u pjanijiet imħejjija, ta' spiss bħala parti minn strateġiji aktar wiesa' għas-soċjetà tal-informazzjoni. Ħafna oħrajn qed jaħdmu fuq pjanijiet bħal dawn. Madankollu, f'xi ftit eċċezzjonijiet, dawn l-istrateġiji u l-pjanijiet ma fihomx miri ċari kwalitattivi għad-diġitizzazzjoni kif indikat fir-Rakkomandazzjoni u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill relatati. It-tfassil ta' miri kwantitattivi u l-ippjanar finanzjarju assoċjat huwa qasam li jeħrieġ aktar sforz mill-Istati Membri.

    Il-finanzjament tad-diġitizzazzjoni hija kwistjoni ċentrali. Matul dawn l-aħħar ftit snin, bosta Stati Membri allokaw riżorsi ġodda konsiderevoli għad-diġitizzazzjoni li se jwasslu għad-diġitizzazzjoni ta' miljuni ta' oġġetti ġodda.

    Bejn l-2003 u l-2007, il-Greċja appoġġjat 180 proġett differenti ta' diġitizzazzjoni minn mużewijiet, libreriji u arkinvji b'finanzjament totali ta' €100 miljun. Skont l-istrateġija nazzjonali Griega għad-diġitizzazzjoni għall-2008-2013 ammont simili huwa maħsub għad-diġitizzazzjoni.

    L-Olanda allokat €90 miljun għad-diġitizzazzjoni tal-arkivji awdjoviżivi waħedhom għall-perjodu 2007-2014.

    Xi Stati Membri oħra kienu anqas ambizzjużi. Xi kultant l-istampa ma tkunx ċara, minħabba li l-baġits għad-diġitizzazzjoni huma frammentati u 'moħbija' fil-baġits tal-istituzzjonijiet kulturali.

    F'ħafna każi (pereżempju l-Litwanja u l-Finlandja), il-Fondi Strutturali Ewropej huma użati bħala appoġġ għad-diġitizzazzjoni. L-Istati Membri u r-reġjuni jistgħu jesploraw aktar dan il-mezz ta' finanzjament tal-proġetti tad-diġitizzazzjoni.

    - Il-partenarjati pubbliċi-privati għad-diġitizzazzjoni

    Wieħed mill-modi ta' finanzjament għad-diġitizzazzjoni jista' jkun l-isponsorizzazzjoni jew il-partenarjati pubbliċi-privati. Kumpaniji privati huma tassew involuti fl-attivitajiet tad-diġitizzazzjoni f'bosta Stati Membri, imma ta' spiss sempliċement bħala dawk li jipprovdu s-servizz. Hemm ukoll bosta eżempji ta' partenarjati pubbliċi-privati veri jew sponsorizzazzjoni privata ta' diġitizzazzjoni, pereżempju minn kumpaniji tat-teknoloġija, banek u kumpaniji tat-telekominikazzjoni.

    Dawn l-eżempji jistgħu jispiraw lill-Istati Membri biex joħolqu partenarjati simili u istituzzjonijiet kulturali u sponsors privati biex isibu mezzi kif jistgħu jikkollaboraw, u jikkunsidraw il-gwida li ngħatat mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Libreriji Diġitali dwar din il-kwistjoni.

    - Faċilitajiet ta' diġitizzazzjoni ta' skala kbira.

    Sabiex il-wirt kulturali Ewropew jinġieb onlajn, ir-rata u l-kapaċità tal-bżonnijiet tad-diġitizzazzjoni għandha bżonn tiġi mtejba. Bosta Stati Membri jirrappurtaw fuq ċentri ta' diġitizzazzjoni li kienu stabbiliti taħt diversi forom u daqsijiet. Xi drabi huma marbuta ma' Universitajiet (il-Ġermanja), librerija nazzjonali (il-Finlandja, Franza, l-Olanda), arkivju (l-Iżvezja, il-Greċja), arkivju awdjoviżiv (Franza), ministeru (l-Italja) jew kumpanija privata (l-Ungerija). B'mod ġenerali, l-Istati Membri jistennew li x-xogħol fuq id-diġitizzazzjoni se jiżdied ħafna fis-snin li ġejjin.

    Bħala appoġġ għal dawn l-attivitajiet, il-Kummissjoni tikkofinanzja netwerk ta' ċentri ta' kompetenza għad-diġitizzazzjoni ta' tipi differenti ta' materjal madwar l-Ewropa (ara sezzjoni 5).

    Addizzjonalment l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE huwa involut fi proġett kbir ta' diġitizzazzjoni li se jitratta madwar 130 000 pubblikazzjonijiet sa Ottubru tal-2009. Din il-librerija diġitali tal-pubblikazzjonijiet kollha tal-UE mill-1952 se tkun aċċebbli permezz tas-sit tal-ħanut tal-kotba tal-UE u aktar tard permezz ukoll tal-Europeana.

    Progress dwar l-aċċessibbiltà onlajn (punti 5 u 6 tar-Rakkomandazzjoni)

    - L-aċċess għall-kontenut permezz ta' Europeana

    L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu għas-suċċess tal-Europeana billi jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet kulturali biex iżidu l-materjal diġitali tagħhom. Dan jista' jsir permezz ta' kriterji speċifiċi ta' finanzjament għad-diġitizzazzjoni, approċċ adottat fi Spanja u l-Olanda.

    Tlettax-il Stat Membru rrappurtaw li waqqfu jew qegħdin fil-proċess li jwaqqfu portali nazzjonali. Portali bħal dawn jista' jkollhom rwol importanti bħala aggregaturi għall-punti ta' aċċess komuni Ewropej, sakemm ikunu qed jimplimentaw l-istandards it-tajba.

    Il-maġġoranza tal-Istati Membri jirrappurtaw xogħol kontinwu fir-rigward tal-istandards meħtieġa biex tinkiseb interoperabbiltà madwar l-Ewropa. L-istess, il-kriterji tal-finanzjament jistgħu jkollhom rwol f'din, bħal fl-Olanda. Il-proġetti EDLnet u Minerva huma msemmija bħala punti ta' referenza importanti għax-xogħol ta' standardizzazzjoni.

    F'uħud mill-Istati Membri tittieħed azzjoni biex jiġu involuti dawk li għandhom kontenut privat u hekk tiġi ffaċilitata d-disponibbiltà ta' xogħlijiet koperti bid-drittijiet tal-awtur. Bħala eżempji hemm il-ftehim bejn il-librerija nazzjoni u l-assoċjazzjoni nazzjonali tal-pubblikaturi fi Franza fi ħdan il-kuntest ta' Gallica 2, attivitajiet relatati mal-portal 'Liberka!' stabbilit minn pubblikaturi Ġermaniżi, u ftehim bejn l-Istati u dar tal-pubblikazzjonijiet fl-Italja.

    - Xogħlijiet orfni

    Xogħlijiet orfni huma xogħlijiet koperti bid-drittijiet tal-awtur illi l-proprjetarji tagħhom huma diffiċli jew kważi mpossibbli li jinstabu. Dan joħloq problemi minħabba l-awtorizzazzjoni biex il-materjal jiġi diġitizzat u jkun aċċessibbli onlajn..

    Il-Finlanda, l-Iżvezja, id-Danimarka u l-Ungerija jaħdmu b'mekkaniżmu ta' liċenzjar kollettiv estiż li jista' jintuża biex jitratta x-xogħlijiet orfni. Kemm id-Danimarka u l-Ungerija huma fil-proċess li jibdlu l-leġiżlazzjoni biex jintroduċu mekkaniżmu aktar strett biex wieħed jitratta x-xogħlijiet orfni. Il-Ġermanja wkoll qed tħejji leġiżlazzjoni fi ħdan il-kuntest ta' adattazzjoni aktar wiesgħa ta' regoli tad-drittijiet tal-awtur.

    Minkejja dawn l-eżempji, b'mod ġenerali ftit progress prattiku ġie rrappurtat. Fil-biċċa l-kbira tal-każi, il-kwistjoni għadha qed tiġi kkunsidrata, spiss permezz ta' gruppi ta' ħidma li jikkunsidraw il-kwistjonijiet tax-xogħlijiet orfni flimkien ma' kwistjonijiet oħra relatati mad-drittijiet tal-awtur fi ħdan id-dominju tal-libreriji diġitali. Uħud mill-Istati Membri jindikaw li huma jilqgħu tajjeb xi soluzzjoni jew gwida fil-livell Ewropew.

    Ir-rapporti ma jurux xi xogħol sostanzjali fuq databases ta' xogħlijiet orfni fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Madankollu, l-azzjonijiet fil-livell Ewropew - bħall-proġett ARROW li fih dawk li għandhom id-drittijiet tal-awtur u istituzzjonijiet kulturali jindirizzaw flimkien il-ħolqien ta' databases ta' xogħlijiet orfni - għandhom ikunu appoġġjati minn sforzi nazzjonali.

    B'mod ġenerali hemm bżonn ta' aktar sforzi mill-Istati Membri fuq ix-xogħlijiet orfni.

    - Ix-xogħlijiet li m'għadhomx jiġu stampati jew distribwiti

    L-ispejjeż għall-awtorizzazzjoni għad-diġitizzazzjoni u tqegħid onlajn ta' xogħlijiet li m'għadhomx jiġu stampati jew distribwiti jistgħu jkunu għaljin ħafna. Sabiex wieħed jiffaċilita l-awtoritzzazzjoni, dawk li għandhom id-drittijiet, l-istituzzjonijiet kulturali u s-soċjetajiet tal-ġbir għandhom jaħdmu flimkien. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu billi jipprovdu pjattaforma għal din il-kollaborazzjoni.

    Għalkemm hemm eżempji ta' istituzzjonijiet kulturali - b'mod partikolari fis-settur awdjoviżiv - li kisbu ftehim ma' dawk li għandhom id-drittijiet tal-awtur għad-digitizzazzjoni u d-disponibbiltà tal-kollezzjonijiet tagħhom, l-azzjonijiet tal-Istati Membri f'dan il-qasam qajla bdew.

    Meta wieħed jagħti l-awtorizzazzjoni għal xogħlijiet li m'għadhomx jiġu stampati jew distribwiti, huwa essenzjali għall-istituzzjonijiet kulturali biex jiksbu d-drittijiet sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-materjal disponibbli lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Approċċ li jillimita l-aċċess għall-materjal diġitizzat għal utenti fi ħdan territorju speċifiku nazzjonali jmur kontra l-idea bażika tal-Librerija Diġitali Ewropea.

    - Barrieri għall-użu ta- xogħlijiet fid-dominju pubbliku

    Dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jistgħu jinkludu barrieri għall-użu ta xogħlijiet li huma fid-dominju pubbliku. Dawn il-barrieri jistgħu jillimitaw l-aċċessibbiltà u l-użu tal-materjal, pereżempju permezz tal- Europeana.

    Il-kwistjoni hija indirizzata minn minorità tar-rapporti tal-Istati Membri. Ir-rispons baxx dwar dan il-qasam speċifiku jidher li jindika li ma ttieħdet l-ebda azzjoni f'bosta mill-Istati Membri u li tirrikjedi attenzjoni ulterjuri. Uħud mill-Istati Membri jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li huma ma' ltaqgħu mal-ebda barriera fil-leġiżlazzjoni tagħhom għall-użu ta' materjal fid-dominju pubbliku. Uħud mill-Istati Membri jinnotaw li ġew identifikati barrieri, imma dawn huma ġustifikati.

    F'dan il-kuntest, huwa importanti li jkun hemm enfasi fuq l-importanza li x-xogħlijiet fid-dominju pubbliku jibqgħu aċċessibbli wara li jinbidel il-format. Fi kliem ieħor, xogħlijiet fid-dominju pubbliku għanhom jibqgħu hemm ladarba jiġi diġitizzati u jkunu aċċessibbli permezz tal-internet.

    Progress dwar il-konservazzjoni diġitali (punti 7-11 tar-Rakkomandazzjoni)

    - Strateġiji u pjanijiet għall-konservazzjoni diġitali; Skambju ta' informazzjoni

    In-nuqqas ta' politiki ċari u komprensivi f'bosta mill-Istati Membri kien identifikat fir-Rakkomdnazzjoni bħala theddida għas-soppravvivenza tal-meterjal diġitizzat jew ikkreat b'mod diġitali.

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri bdew jaħdmu fuq strateġiji ta' konservazzjoni diġitali, permezz ta' kumitati speċjali jew gruppi ta' xogħol li jinvolvu l-istituzzjonijiet ewlenin tal-memorja, u f'uħud mill-każi hemm pjanijiet speċifiċi għall-konservazzjoni diġitali. Madankollu, ħafna drabi s-segwitu operazzjoni għall-appoġġ finanzjarju ta' strateġiji infrasrutturali u organizzazzjonali ta' livell għoli huwa limitat. Hemm bżonn ta' aktar sforz f'dan il-qasam biex l-informazzjoni u l-kontenut ta' valur jiġu kkonservati għall-ġenerazzjonijiet futuri.

    Progress isir l-aktar minn pajjiżi li għandhom organizzazzjoni jew aktar minn waħda bi storja twila fl-qasam tal-konservazzjoni diġitali u li ma jaħdmux f'iżolament imma jikkollaboraw ma' istituzzjonijiet nazzjonali oħra u istituzzjonijiet barra l-pajjiż.

    Fir-Renju Unit, il-Koalizzjoni dwar il-Konservazzjoni Diġitali, li tinkludi, fost l-oħrajn, il-Librerija Britannika, il-Kumitat tas-Sistemi Konġunti tal-Informazzjoni u bosta istituzzjonijiet tar-riċerka, tipprovdi forum għall-iżvilupp u l-koordinazzjoni tal-istrateġiji tal-konservazzjoni diġitali fil-livell nazzjonali.

    Ir-rapporti tal-Istati Membri jiddeskrivu proġetti ffinanzjati mill-Kommunità kif ukoll il-Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri dwar id-Diġitizzazzjoni u l-Konservazzjoni Diġitali bħala pjattaformi utli għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri.

    - Kopji multipli għal skopijiet ta' konservazzjoni

    Maġġoranza kbira tal-Istati Membri diġa jippermettu l-ikkuppjar multiplu għal skopijiet ta' konservazzjoni u għalhekk jikkunsidraw il-ħtieġa ta' migrazzjoni bejn il-formati. Uħud mill-Istati Membri, fejn l-ikkupjar multiplu għal skopijiet ta' konservazzjoni mhux permess, qed jikkunsidraw azzjoni leġiżlattiva biex jibdlu s-sitwazzjoni preżenti tagħhom (pereżempju r-Renju Unit, bħala parti mill-implimnetazzjoni tal-Gowers Review dwar il-leġiżlazzjoni tad-drittijiet tal-awtur).

    - Depożitu legali

    Maġġoranza kbira tal-Istati Membri aġġornaw il-leġiżlazzjoni tagħhom tad-depożitu legali jew għamlu arranġamenti prattiċi biex ikopru wkoll materjal ikkreat b'mod diġitali. Madankollu, it-tipi ta' metrjal koperti f'din il-leġiżlazzjoni ta' depożitu (pereżempju CD-ROMS, pubblikazzjonijiet statiċi tal-web, kontenut dinamiku tal-web) ivarjaw b'mod konsiderevoli minn pajjiż għall-ieħor, kif jiġri wkoll bil-kriterji tad-depożitu.

    Ir-rapporti jixħtu dawl fuq l-iskambju ta' esperjenzi bejn l-istituzzjonijiet ta' depożitu u l-parteċipazzjoni fi proġetti ffinanzjar mill-KE dwar il-konservazzjoni diġitali bħala mod biex jitnaqqas ir-riskju ta' diverġenza fl-arranġamenti ta' depożitu.

    - Ġbir ta' materjal mill-web

    Madwar nofs l-Istati Membri implimentaw leġiżlazzjoni li tippermetti ġbir tal-informazzjoni mill-web - il-ġbir attiv ta' materjal mill-inernet - permezz ta' istituzzjonijiet kulturali magħżula. Dispożizzjonijiet relatati tal-ġbir mandatorju mill-web huma normalment inklużi fil-leġiżlazzjoni relatata mad-depożitu legali tal-materjal ikkreat b'mod diġitali. Fil-biċċa l-kbira tal-każi, l-organizzazzjoni responsabbli għall-ġbir hija l-librerija nazzjonali.

    Politiki ta' aċċess fir-rigwward ta' materjal miġbur mill-internet huma ġeneralment restrittivi, minħabba konsiderazzjonijiet ta' drittijiet u privatezza ta' proprjetà intelletwali.

    Oqsma ewlenin li jeħtieġu attenzjoni

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/585/KE u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill relatati stabbilew firxa ta' ħidmiet għall-Istati Membri biex l-informazzjoni kulturali jagħmluha aċċessibbli għal kulħadd fuq l-internet u jikkonservawha għall-ġenerazzjonijiet futuri. Sadanittat ġie rreġistrat progress kbir, imma għad fadal ħafna x'isir. Fuq il-bażi tal-analiżi t'hawn fuq, l-oqsma u l-aspetti li ġejjin għandhom bżonn attenzjoni partikolari:

    Riżorsi finanzjarji u miri kwantitattivi għad-diġitizzazzjoni.

    - Appoġġ sod mill-Istati Membri għal Europeana , li jvarja minn kriterji għall-iffinanzjar tad-diġitizzazzjoni għat-twaqqif ta' aggregaturi nazzjonali u xogħol fuq l-istandardizzazzjoni.

    - Mekkaniżmi leġiżlattivi u prattiċi li jiffaċilitaw id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà tax-xogħlijiet orfni, u miżuri li jinkoraġġixxu ftehimiet volonatarji dwar xogħlijiet li m'għadhomx jiġu stampati jew distribwiti, b'kunsiderazzjoni ta' aspetti transkonfinali.

    Aspetti finanzjarji u organizzazzjonali tal-konservazzjoni diġitali.

    XOGħOL MAL-PARTIJIET IKKONċERNATI

    Fi Frar tal-2006, il-Kummissjoni waqqfet Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Libreriji Diġitali. Il-grupp jiġbor flimkien istituzzjonijiet kulturali, pubblikaturi, kumpaniji tat-teknoloġija u akkademiċi biex isibu soluzzjonijiet li dwarhom jaqblu l-partijiet interessati dwar kwistjonijiet potenzjalment diffiċli. Hemm tliet sotto-gruppi attivi, dwar partenarjati pubbliċi-privati, dwar informazzjoni xjentifika u dwar kwistjonijiet ta-drittijiet tal-awtur.

    Il-Grupp ta' Livell Għoli sab soluzzjoni komuni f'diversi oqsma u ta gwida prattika fuq kwistjonijiet indirizzati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/585/KE. Fassal dak li wieħed għandu jew m'għandux jagħmel, pereżempju għall-partenarjati pubbliċi privati għad-diġitizzazzjoni, u ħaddan liċenzja mudell għad-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà ta' xogħlijiet li m'għadhomx jiġu stampati.

    Ir-riżultati tal-Grupp ta' Livell Għoli, b'mod partikolari dwar il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-awtur, ġew diskussi u mressqa lil grupp usa' ta' partijiet ikkonċernati. Għall-kwistjonijiet ta' xogħlijiet orfni, gruppi bbażati f'setturi kienu attivi u stabbilew linji gwida dwar diliġenza dovuta, fi kliem ieħor, ftehim komuni dwar x'miżuri għandhom jittieħdu qabel xi xogħol ikun ikkunsidrat bħala orfni. Fl-4 ta' Ġunju 2008 organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati ffirmaw Memorandum ta' Ftehim f'dan ir-rigward.

    Fi ħdan il-kuntest tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill tas-16 t' Novembru 2005 dwar il-wirt ċinematorgrafiku, il-Kummissjoni qed taġixxi ta' faċilitatur għal ftehim bejn l-arkivji tal-films u dawn li għandhom id-drittijiet tal-awtur għall-użu ta' films depożitati fl-arkivji.

    KWISTJONIJIET TEKNIċI

    Progress dwar kwistjonijiet tekniċi huwa prerekwiżit għall-iżvilupp ta' libreriji diġitali b'mod ġenerali u t-titjib tas-servizzi ta' Europeana b'mod partikolari.

    L-ewwelnett, hemm ħtieġa għal diġitizzazzjoni ta' kwalità li tkun orħos u aħjar (li tinkludi sistema ottika li tagħraf il-kitba, li hija meħtieġa sabiex it-testi kollha jkunu jistgħu jiġu mfittxija) u tekniki ta' konservazzjoni orħos u aħjar għall-kontenut diġitali. Fi ħdan il-Programmi Qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp, dawn il-problemi u oħrajn relatati magħhom huma indirizzati permess tal-qasam tematiku tal-libreriji diġitali u tagħlim imsaħħaħ permezz tat-teknoloġija.

    Il-proġett IMPATT taħt is-7 Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp jirfed netwerk ta' ċentri ta' kompetenza għad-diġitizzazzjoni. Il-proġett jirċievi kofinanzjament Komunitarju ta' €11.5 miljun, għal baħit totali ta' €15.5 miljun.

    Il-programm e Content plus għamel ukoll kontribuzzjoni kbira fil-qasam tal-libreriji diġitali, billi notevolement indirizza kwistjonijiet ta' interoperabbiltà bejn id-dominji u aċċess multilingwu permezz ta' baġit ta' xi €60 miljun fuq il-perjodu 2005-2008.

    Il-proġett EDLnet, ikkofinanzjat taħt l-eContentplus, jikkontribwixxi direttament għall-ħolqien tal-Europeana. Huwa jgib flimkien il-fornituri ewlenin tal-kontenut għand Europeana u jgħin biex jiġi stabbilit qafas ta' interoperabbiltà li jirfed ix-xogħol. Il-proġett European Film Gateway (b'kofinanzjament ippjanat ta' €4.5 miljun) jgħin lill-arkivji nazzjonali ċinematogfrafiċi biex jaggregaw kontenut minn madwar l-Istati Membri, u għalhekk jista' jinġieb b'mod faċli fil-Europeana.

    Permezz tal-programmi tagħha ta' finanzjament, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja proġetti li jsaħħu l-aċċessibbiltà onlajn tal-kontenut kulturali u l-konservazzjoni diġitali u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' Europeana. Fi ħdan is-7 Programm Qafas ta' Riċerka u Żvilupp, il-libreriji diġitali u l-konservazzjoni diġitali issa huma objettiv speċifiku, b'baġit li hu mistenni li jkun xi €69 miljun fuq il-perjodu 2009-2010. Fi ħdan il-programm e Content plus , xi €25 miljun ġie ppjanat għal-libreriji diġitali għall-2008. Fl-2009 u l-2010, ammont li huwa simili fil-kobor se jkun allokat għall-qasam tal-libreriji diġitali fi ħdan il-programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni.

    KONKLUżJONI

    L-internet ħoloq opportunità bla preċedent li jagħmel il-wirt kulturali Ewropew aċċessibbli. Permezz tal-inizjattiva tal-Libreriji Diġitali, il-Kummissjoni qed tagħti lill-istituzzjonijiet kulturali Ewropej l-appoġġ li għandhom bżonn biex jibdlu din l-opportunità f'realtà. Kull fejn il-materjal kulturali sar disponibbli mil-libreriji, il-mużewijiet u l-arkivji (awdjoviżivi), ġeneralment kien hemm interess kbir mill-pubbliku.

    Europeana , il-librerija diġitali Ewropea, se tkun imnedija f'Novembru 2008 u se turi l-potenzjal ta' punt ta' aċċess komuni tal-wirt kulturali Ewropew distribwit. Il-kontenut u s-servizzi offruti minn Europeana se jikber matul is-snin hekk kif jissieħbu iżjed istituzzjonijiet u aktar materjal ikun diġitizzat.

    Biex il-materjal kulturali jkun aċċessibbli għaċ-ċittadin hemm bżonn ix-xogħol fuq il-kundizzjonijiet bażiċi għad-diġitizzazzjoni, aċċessibbiltà onlajn u konservazzjoni diġitali. Il-Kummissjoni rrakkomandat sett ta' miżuri prijoritarji lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-progress madwar l-Ewropa. Minkejja li, b'mod ġenerali, l-Istati Membri għamlu qabżet 'il quddiem, irid isir aktar sabiex massa kritika ta' kontenut diġitali ssir disponibbli għal kulħadd. B'mod partikolari, l-oqsma ewlenin għall-attenzjoni identifikati f'sezzjoni 3 fuq il-bażi tar-rapporti nazzjonali jeħtieġu li jiġu indirizzati.

    Il-Kummissjoni se tibqa' tagħti l-appoġġ tagħha lill-proċess permezz tal-inizjattivi tal-politiki tagħha u l-programmi ta' finanzjament u ssejjaħ lill-Istati Membri, lill-istituzjonijiet kulturali tagħhom u lill-partijiet ikkonċernati biex jaħdmu lejn l-għan komuni sabiex il-kontenut kulturali Ewropew isir aċċessibbli b'mod wiesa' fuq l-internet. Hija se ssegwi mill-qrib l-iżviluppi b'kollaborazzjoni mal-Istati Membri sabiex jiġi eżaminat fejn hemm bżonn iżjed attenzjoni.

    [1] Ara COM(2005)465 tat-30 ta’ Settembru 2005, li tiffoka fuq l-aċċess għall-materjal kulturali. Il-kwistjoni tal-aċċess għall-materjal xjentifiku hija trattata separatament: ara COM(2007)56 finali tal-14 ta’ Frar 2008.

    [2] Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ‘i2010, lejn librerija diġitali Ewropea’ tas-27 ta’ Settembru 2007.

    [3] Ir-Rakkomandazzjoni 2006/585/KE, tal-24 ta' Awwissu 2006, ĠU L 236, 31.8.2006, p.28.

    [4] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2006, ĠU C297,7.12.2006, p.1.

    [5] Arah fuq http://www.europeana.eu/.

    Top