Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0269

    Green Paper - Dwar żarmar aħjar tal-bastimenti {SEG(2007) 645}

    /* KUMM/2007/0269 finali */

    52007DC0269




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 22.5.2007

    KUMM(2007) 269 finali

    GREEN PAPER

    Dwar żarmar aħjar tal-bastimenti

    (preżentata mill-Kummissjoni){SEG(2007) 645}

    GREEN PAPER

    Dwar żarmar aħjar tal-bastimenti

    1. Daħla: Il-kontribut ta' l-Ewropa kontra problema dinjija

    Iż-żarmar tal-bastimenti fl-era tal-globalizzazzjoni huwa suġġett ta’ tħassib. Bħalissa dan huwa sostenibbli mill-perspettiva ekonomika qasira, imma l-piż fuq saħħet il-bniedem u l-ambjent huwa għoli. Hija meħtieġa bidla radikali minnufih.

    - Kull sena bejn 200 u 600 bastiment tat-tbaħħir li jammontaw għal aktar minn 2 000 tunnellata ta' piż mejjet (dead weight tons, dwt) qed jiżżarmaw madwar id-dinja. Il-quċċata hija mistennija li tintlaħaq fl-2010 meta madwar 800 tanker b'buq singolu se jkollhom jitneħħew mis-servizz.

    - Illum il-ġurnata żewġ terzi jew aktar ta' dawn il-bastimenti jiżżarmaw fuq ix-xtajtiet tal-baħar u tax-xmajjar fis-sottokontinent Indjan, fejn il-Bangladexx għandu l-ogħla sehem ta' dan is-suq.

    - Bejn l-2001 u l-2003 14% tal-bastimenti li ġew skrappjati tajru l-bandiera ta' Stati Membri ta' l-UE u 18% l-bandiera ta' stati li ssieħbu fl-UE fl-2004. Ta' lanqas 36% tat-tunnellaġġ dinji tal-bastimetni fl-2006 kien proprjetà ta' kumpaniji residenti fl-UE.

    - Madwar 100 bastiment tal-gwerra u bastimenti oħra tal-gvern li jtajru bnadar ta' l-UE – bosta minn dawn Franċiżi u Ingliżi – huma mistennija li jkunu rtirati fl-10 snin li ġejjin. Il-bastimenti navali mibnija bejn is-sittinijiet u fil-bidu tat-tmenijiet fihom relattivament kwantitajiet kbar ta' asbestos u materjali perikolużi oħra.

    - Mill-bastimenti skrappjati bejn l-2006 u l-2015, huwa stmat li 5.5 miljun tunnellata ta' materjali b'potenzjal ta' tħassib ambjentali se jispiċċaw f'impjanti taż-żarmar (partikolarment, żejt mhux maħdum, żjut, żebgħa, PVC, u asbestos).

    - L-ebda wieħed mis-siti użati għaż-żarmar tal-bastimenti fis-sottokontinent Indjan ma għandu lqugħ kontra t-tniġġis tal-ħamrija u l-ilma, ftit minnhom għandhom faċilitajiet għar-rimi ta' l-iskart, u t-trattament ta' l-iskart rari jikkonforma ma' l-istandards ambjentali, saħansitra dawk minimi.

    - L-iskrappjar tal-bastimenti huwa sors importanti għall-materja prima fin-Nofsinhar ta' l-Ażja. Il-Bangladexx jikseb 80-90% tal-ħadid tiegħu minn bastimenti fi tmiem l-użu. Il-prezzijiet li jitħallsu għalihom minn kumpaniji li jkissru l-bastimenti huma ħafna aktar minn $400 kull tunnellata tal-piż tal-bastiment vojt (light displacement ton, ldt) fil-Bangladexx u għalhekk huma konsiderevolment ogħla minn f'pajjiżi oħra.

    - It-tkissir tal-bastimenti huwa xogħol perikoluż. Skond rapport reċenti Indjan, wieħed minn kull sitt ħaddiema f'Alang, l-akbar sit taż-żarmar fl-Indja, qed isofri mill-asbestożi. Ir-rata ta' l-inċidenti fatali titqies li hija sitt darbiet ogħla minn dik ta' l-industrija tal-minjieri Indjana. Fil-Bangladexx madwar mitejn ħaddiem fit-tkissir tal-bastimenti mietu f'inċidenti bejn l-1998 u l-2003. L-NGOs stmaw li t-total ta' l-imwiet mill-iskrappjar tal-bastimenti jlaħħaq l-eluf, u dan se jiżdied konsiderevolment minħabba li qed jitħaddmu aktar ħaddiema mingħajr esperjenza biex ilaħħqu ma' l-ogħa numru ta' tankers b'buq singolu fis-snin li ġejjin.

    - Attwalment, teżisti l-possibiltà tar-riċiklaġġ "ekoloġiku" tal-bastiment, jiġifieri li wieħed jikkonforma ma' l-istandards ambjentali u ta' sikurezza, biex b'kapaċità massima ta' 2 miljun ldt fis-sena madwar id-dinja, li jikkorrispondi għal madwar 20% tad-domanda totali ta' l-iskrappjar prevista fi snin normali. Bosta minn dawn il-faċilitajiet – parikolarment fiċ-Ċina, imma wkoll f'uħud mill-Istati Membri ta' l-UE – isibuha diffiċli biex joperaw, minħabba li huma ma jistgħu joffru l-istess prezzijiet għall-iskrapp u għandhom spejjeż ħafna ogħla mill-kompetituri tagħhom fin-Nofsinhar ta' l-Ażja.

    Fil-prinċipju, it-trasferiment tal-bastimenti fi tmiem l-użu mill-pajjiżi industrijalizzati għal dawk li qed jiżviluppaw huwa kopert bid-dritt internazzjonali dwar it-trasport ta' l-iskart bil-baħar, u l-esportazzjoni mill-Komunità Ewropea ta' bastimenti li fihom materjali perikolużi pprojbiti mir-Regolament tal-KE dwar Trasport ta' l-Iskart bil-Baħar. Madankollu, fis-snin reċenti, bosta każijiet distinti ta' bastimenti Ewropej li jmorru biex jiġu riċiklati fin-Nofsinhar ta' l-Ażja, kixfu l-problemi ta' l-implimentazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni.

    Dawn in-nuqqasijiet ovvji u n-nuqqas ta' faċilitajiet taż-żarmar tal-bastimenti socjalment u ambjentalment sostenibbli fetħu għajnejn il-pubbliku internazzjonali u ħolqu momentum politiku. L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali – l-IMO – bdiet taħdem fuq konvenzjoni internazzjonali għar-riċiklaġġ sikur tal-bastimenti u li jħares l-ambjent. Uħud mill-pajjiżi marittimi, bħar-Renju Unit, qed jiżviluppaw strateġiji nazzjonali għall-bastimenti tal-gvern u l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom. Il-Parlament Ewropew u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi talbu li tittieħed azzjoni fil-livell ta' l-UE.

    Fil-konklużjonijiet tiegħu ta' l-20 ta' Novembru 2006, il-Kunsill ta' l-UE rrikonoxxa li l-ġestjoni ekoloġika taż-żarmar tal-bastimenti hija prijorità għall-Unjoni Ewropea. Iddikjara li avvenimenti u tbassir riċenti dwar tunnellaġġ li se jiżżarma fil-futur qrib jeħtieġ azzjoni urgenti u xierqa mill-komunità internazzjonali, inkluż mill-UE. Il-Kunsill laqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taħdem favur strateġija għall-UE dwar iż-żarmar tal-bastimenti. Din l-istrateġija għandha ssaħħaħ l-infurzar ta' leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti, tirrikonoxxi l-ispeċifità tad-dinja marittima, l-iżviluppi li qed iseħħu fiha, partikolarment fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni marittima internazzjonali, u l-għan finali li tinstab soluzzjoni globalment sostenibbli. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni qed tkun mistiedna biex tivvaluta l-bżonn li tinbena kapaċità suffiċjenti għaż-żarmar tal-bastimenti fl-UE.

    Il-Kummissjoni diġà stabbiliet il-pożizzjoni tagħha fil- Green Paper dwar il-Politika Marittima f’Ġunju 2006[1]. Hi pproponiet li politika futura marittima ta' l-UE għandha tappoġġa inizjattivi fuq livell internazzjonali biex jintlaħqu l-istandanrds minimi vinkolanti dwar ir-riċiklar tal-bastimenti u biex jippromwovu l-istabbiliment ta' faċilitajiet tar-riċiklaġġ ekoloġiku. Madankollu, l-UE tista' wkoll ikollha ssegwi ġabra ta' inizjattivi reġjonali biex jagħmlu tajjeb għal dak li ma jkunx kopert bir-reġim internazzjonali mistenni u d-dewmien possibli sakemm dan ir-reġim jidħol fis-seħħ.

    Din il- Green Paper qed tipprova tressaq ideat ġodda dwar iż-żarmar tal-bastimenti sabiex tkompli u tintensifika d-djalogu bejn l-Istati Membru u l-partijiet ikkonċernati, u twitti t-triq għal azzjoni futura fil-kuntest tal-politiki ta’ l-UE, fosthom il-Politika Marittima tal-ġejjieni. L-għan ewlieni għal dan l-eżerċizzju huwa l-ħarsien ta’ l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem; il-mira mhix li jinġiebu lura superfiċjalment lejn l-UE, il-volumi ta’ negozju tar-riċiklaġġ tal-bastimenti, biex b’hekk jiċċaħħdu l-pajjiżi tan-Nofsinhar ta’ l-Ażja minn sors ewlieni ta’ dħul. Bil-kontra, filwaqt li jiġi rikonoxxut il-vantaġġ ekonomiku strutturali komparattiv ta’ tali pajjiżi, il-mira finali ta’ l-Unjoni Ewropea hija li jiġi żgurat li l-istandards ambjentali u ta’ saħħa u sikurezza minimi jitħarsu madwar id-dinja.

    2. KWISTJONIJIET EWLENIN

    2.1 . Sitwazzjoni ġuridika: il-projbizzjoni ta' l-esportazzjonijiet ta' skart perikoluż

    Fi tmiem is-snin tmenin, każijiet ta' skart tossiku minn pajjiżi industrijalizzati mibgħut lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw qajmu għadab internazzjonali. Tmint elef kartell ta' skart kimiku mormija fix-xtajta ta' Koko, fin-Niġerja, u bastimenti bħal Karin B ibaħħru minn port għal ieħor jippruvaw iħottu l-merkanzija ta' skart perikoluż spiċċaw aħbarijiet prinċipali fil-gazzetti. Saret sejħa għal qafas legali internazzjonali rinfurzat. Il-Konvenzjoni ta' Basel tan-Nazzjonijiet Uniti ġiet adottata fit-22 ta' Marzu 1989 biex jitwaqqaf qafas għall-kontroll tal-moviment ta' skart perikoluż bejn il-konfini internazzjonali. Sal-lum 168 pajjiż iffirmaw din il-Konvenzjoni u 165 irratifikawha. Il-Komunità Ewropea bħala entità waħda hija msieħba fil-Konvenzjoni ta' Basel, kif inhuma wkoll l-Istati Membri.

    Projbizzjoni assoluta fuq l-esportazzjonijiet ta' skart perikoluż mill-pajjiżi ta' l-OECD lejn pajjiżi mhux fl-OECD ġiet adottata fl-1995 bħala emenda għall-Konvenzjoni ta' Basel. Il-projbizzjoni ddaħħlet minħabba tħassib politiku li tqajjem kemm minn pajjizi li qed jiżviluppaw kif ukoll il-pajjiżi żviluppati, rigward ż-żieda fl-ammonti ta' skart perikoluż li qed jiġu esportati minn pajjiżi żviluppati lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u mbagħad jiġi ġestit b'mod inkontrollat u riskjuż.

    Il-"projbizzjoni ta' Basel" iddaħħlet fil-leġiżlazzjoni ta' l-UE fl-1997 u hija vinkolanti fl-Istati Membri kollha (l-Artikolu 14 u 16 tar-Regolament attwali dwar Trasport ta' l-iskart bil-baħar2). L-UE hija l-aktar parteċipant importanti globalment li implimenta l-projbizzjoni fil-leġiżlazzjoni domestika. L-Istati Uniti ta' l-Amerka, perżempju, ma rratifikatx il-Konvenzjoni ta' Basel, lanqas fil-forma mhix emendata tagħha. Fost il-pajjiżi l-kbar li huma msieħba fil-Konvenzjoni, iċ-Ċina, l-Indoneżja, l-Eġittu u n-Niġerja aċċettaw l-emenda dwar il-projbizzjoni, filwaqt li l-Awstralja, il-Brażil, il-Ġappun, l-Indja, il-Kanada, il-Korea u r-Russja ma aċċettawhiex. L-UE u l-Istati Membri tagħha qed jippromwovu, flimkien mas-sieħba internazzjonali tagħhom, ir-ratifika tal-“projbizzjoni ta’ Basel” li tikkonstitwixxi element ewlieni fit-titjieb tal-qafas ġuridiku tat-trasport internazzjonali ta' l-iskart.

    Il-leġiżlazzjoni internazzjonali dwar il-trasport ta' l-iskart bil-baħar tirrikonoxxi l-fatt li bastiment jista' jsir skart skond kif definit fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta' Basel, u li fl-istess waqt jista' jkun definit ukoll bħala bastiment skond regolamentazzjoni internazzjonali oħra3. Id-definizzjoni ta' skart fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, li tqis l-iskart bħala kwalunkwe materjal jew oġġett fil-kategoriji msemmija fl-Anness I tad-Direttiva Qafas4 dwar l-Iskart li l-proprjetarju jarmi jew, biħsiebu jarmi, jew jkun meħtieġ li jarmi, tapplika wkoll għall-bastimenti li jintbagħtu għaż-żarmar. Jekk bastiment iġorr kwantitajiet konsiderevoli ta' sustanzi perikolużi, jew fi kliem l-entrata rilevanti dwar l-iskart GC 030, ma "tbattalx kif xieraq" mill-materjali perikolużi, dan se jitqies bħala skart perikoluż. L-esportazzjoni ta' tali bastiment għall-iskrapp mill-KE għal pajjiż mhux membru ta' l-OECD huwa projbit skond il-projbizzjoni ta' Basel u r-Regolament dwar il-Trasport ta' l-Iskart bil-Baħar, u kwalunkwe żarmar għandu jsir b'kundizzjonijiet favur l-ambjent f'pajjiż ta' l-OECD. L-alternattiva hija li l-bastiment jiġi ddekontaminat (imnaddaf qabel) b'tali mod li l-bastiment ma jibqax bħala skart perikoluż. Din l-interpretazzjoni legali ġiet ikkonfermata mill- Conseil d'Etat Franċiż fil-każ tal-vapur li kien iġorr l-ajruplani Clemenceau 5.

    L-obbligi ta' l-Istati Membri ta' l-UE skond il-konvenzjonijiet ta' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) ma jnaqqsux mill-validità ta' dawn ir-regoli dwar il-trasport ta' l-iskart bil-baħar, anki minkejja li bastiment ma għandux jitwaqqaf jew "jiddewwem bla bżonn" jekk għandu ċertifikati validi ta' l-IMO. Il-Konvenzjoni ta' Basel u l-projbizzjoni għall-esportazzjoni ta' l-iskart perikoluż, kif implimentati fil-livell ta' l-UE permezz tar-Regolament dwar il-Trasport ta' l-Iskart bil-Baħar, huma vinkolanti u jeħtieġ li jkunu infurzati fl-Istati Membri. Iż-żewġ sistemi ta' regoli huma kompatibbli, billi kemm il-Liġi dwar il-Baħar u l-konvenzjonijiet ta' l-IMO, jipprovdu wkoll għal-jeddijiet (u dmirijiet) għall-istati kostali biex jinfurzaw regoli applikabbli oħra tad-dritt internazzjonali fir-rigward tal-ħarsien ta' l-ambjent.

    Fil-prattika, ir-rekwiżiti tan-notifki fil-Konvenzjoni ta' Basel, li huma vinkolanti għall-imsieħba kollha, rarament jitħarsu fil-każ tal-bastimenti fi tmiem l-użu. Huwa diffiċli li tiġi applikata l-projbizzjoni dwar l-esportazzjoni skond ir-Regolament tal-KE dwar il-Trasport ta' l-Iskart bil-Baħar jekk bastiment ikun ħalla l-ilmijiet Ewropej u mbagħad is-sid jiddeċiedi li jibgħatu għaż-żarmar f'partijiet oħra tad-dinja. Regoli internazzjonali vinkolanti speċifiċi dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti qed jiġu proposti fl-abbozz tal-Konvenzjoni li attwalment qed jiġi diskuss fi ħdan l-IMO, imma li bħalissa ma jeżistux.

    2.2. L-ekonomija taż-żarmar tal-bastimenti

    Attwalment is-suq taż-żarmar tal-bastimenti jiffunzjona kif ġej. Is-sidien tal-bastimenti li ddeċidew li jtemmu l-ħajja ekonomika ta' bastiment, ifittxu bejgħ f'kontanti. Dan iseħħ bażikament meta l-ispejjeż tal-manutenzjoni tal-bastiment jibdew jeċċedu d-dħul possibbli, jew meta l-bastiment ma jibqax attraenti fis-suq tal-bastimenti użati, jiġifieri, meta ma tantx jibqa' possibli li jerġa' jinbiegħ. Ix-xerrej li jħallas f'kontanti jew ikun sensar speċjalizzat jew l-operatur innifsu ta' impjant ta' l-iskrapp. Tipikament, il-bastiment iġorr merkanzija għall-aħħar vjaġġ lejn iż-żona fejn jinsab l-impjant ta' l-iskrappjar. Wara t-tmiem ta' dan il-vjaġġ, il-bastiment jittieħed, misjuq bil-magni tiegħu stess, lejn l-impjant ta' l-iskrappjar fejn ikun se jiżżarma.

    Ix-xerrej iħallas f'kontanti prezz f'US$ għal kull tunnellata tal-piż tal-bastiment vojt (ldt), li bejn wieħed u ieħor huwa ekwivalenti għall-piż tal-ħadid tal-bastiment. Għal snin sħaħ il-prezz kien madwar 150 US$/ldt (l-anqas jinżel għal madwar 100 US$/ldt u l-ogħla madwar 200 US$/ldt), imma dan l-aħħar id-domanda qawwija għall-iskrapp ta' l-azzar fiċ-Ċina u l-provvista baxxa ta' bastimenti mbuttat il-prezzijiet 'il fuq lejn livelli rekord ta' madwar 500 US$/ldt għal bastimenti ta' qies medju u ogħla għal oħrajn partikolarment ta' valur. L-ogħla prezzijiet li jitħallsu bħalissa huma fil-Bangladexx.

    Tanker kbir ħafna taż-żejt mhux raffinat (VLCC) b'kapaċità ta' ġarr ta' merkanzija ta' 300,000 tunellata jew ekwivalenti, jiżen madwar 45,000 ldt u għalhekk iġib madwar 5 sa 10 miljun US$ (jew saħansitra aktar), skond il-kundizzjonijiet tas-suq. Dawn iċ-ċifri huma biss indikazzjoni approssimattiva minħabba li l-prezz ikun affettwat ukoll minn fatturi oħra bħall-ammont u l-kwalità tal-ħadid, il-preżenza tal-metalli bħar-ram jew n-nikil, u t-tagħmir li jkun jista' jerġa' jinbiegħ. Jekk ikunx hemm sustanzi problematiċi jew le abbord ma jidhirx li jaffettwa l-prezz.

    Il-Kummissjoni fliet l-ekonomija ta' l-iskrappjar tal-bastimenti fi studju li sar fl-20006. L-istudju kkonkluda li bil-kundizzjonijiet attwali jkun estremament diffiċli biex trendi s-suq tar-riċiklaġġ tal-bastiment ekonomikament vijabbli u fl-istess waqt jitħarsu l-istandards favur l-ambjent, minħabba diversi raġunijiet.

    - L-għadd ta' bastimenti disponibbli għall-iskrapp jiddependi mill-kundizzjonijiet tas-suq tat-trasport tal-merkanzija. Jekk il-bastimenti xorta waħda jistgħu jrendu dħul tajjeb, is-sidien mhux se jiddeċiedu li jibgħatu l-bastiment għall-iskrapp. Fl-aħħar sentejn, il-volumi ta' skrapp kienu baxxi ħafna minħabba suq tal-ġarr tal-merkanzija li qed jiffjorixxi u li fih il-qligħ. Il-maġġoranza kbira tal-bastimenti għall-iskrapp se jkollhom jiġu mill-flotta merkantili tal-baħar fond u jkunu fil-biċċa l-kbira tankers u bastimenti kbar tal-ġarr tal-merkanzija (li huma s-segmenti ta' "volum kbir"). Segmenti tas-suq oħra, bħal bastimenti tal-gwerra, bastimenti għall-ilmijiet interni, u strutturi 'il barra mill-kosta, huma ta' daqs limitat u ma tantx issib minnhom, u għalhekk diffiċli jlaħħqu provvista kontinwa ta' materjal għar-riċiklaġġ fuq skala kbira. Għalhekk l-operatur ta' faċilità moderna tar-riċiklaġġ se jkollu diffikultà biex jibni mudell tan-negozju li jkopri kompletament l-ispejjeż ta' l-ammortizzazzjoni tiegħu. Huwa għalhekk li l-operaturi li baqa' fl-Ewropa kienu kapaċi li jsalvaw biss billi jikkonċentraw fuq is-swieq niċċa, partikolarment strutturi 'il barra mill-kosta, dgħajjes tas-sajd u bastimenti għall-ilmijiet interni7.

    - Il-bastimenti huma kostruzzjonijiet individwali b'ċiklu tal-ħajja twil u jkunu għaddew minn bosta tiswijiet u manutenzjoni tul l-20-30 sena li jitħaddmu. Vera ftit minn dan ikun dokumentat kif xieraq. Il-faċilità tar-riċiklaġġ għalhekk ma tkunx taf għal xiex dieħla jew liema xogħol ta' riċiklaġġ se jkun meħtieġ. Dan jgħodd partikolarment għall-bastimenti tal-passiġġieri li jkun fihom varjetà wiesgħa ta' materjali inkluż taħlit li jkun tassew diffiċli biex jiġi separat u rriċiklat. Il-bastimenti li attwalment se jiġu skrappjati kienu nbnew fis-snin sebgħin fejn intużaw materjali li m'għadhomx jintużaw illum (bħall-asbestos). Għaldaqstant, l-ammont ta' xogħol manwali meħtieġ huwa sinifikanti u jidher li jibqa' fattur prinċipali ta' l-ispejjeż. L-użu ta' makkinarju kbir għal dawn it-tipi ta' bastimenti se jkun limitat.

    - Xi materjali abbord jistgħu jiġu riċiklati u se jiġġeneraw dħul. Oħrajn jeħtieġu trattament għali, li diffiċli tistma minn qabel kemm se jkun iqum.

    - L-għajn prinċipali tad-dħul mill-impjanti ta' l-iskrapp fl-Ażja huwa l-ħadid li jintuża fil-bini, u s-suq tat-tagħmir użat tal-bastimenti. Dawn l-għejun ta' dħul bażikament ma jeżistux fil-pajjiżi żviluppati minħabba rekwiżiti regolatorji.

    Fattur ieħor huwa d-differenza fil-kost ta' riżorsi umani fl-Ażja u l-Ewropa. Waqt li ħaddiema f'sit taż-żarmar fil-Bangladexx u fl-Indja jaqilgħu 1-2 US$/jum u l-ispejjeż ta' min iħaddem għas-sikurezza u s-saħħa huma negliġibbli, l-ispejjeż fl-Ewropa jistgħu jiġu stmati madwar 250US$/jum għal ħaddiem fl-Olanda u 13 US$/jum fil-Bulgarija8.

    Dawn id-differenzi fil-kost tar-riżorsi umani, fir-rekwiżiti ambjentali u tas-saħħa u fid-dħul mir-riċiklaġġ u materjali użati jispjegaw għaliex is-suq fin-Nofsinhar ta' l-Ażja jista' joffri prezzijiet ferm aħjar lis-sidien tal-bastimenti mill-kompetituri potenzjali f'pajjiżi oħrajn. Fil-Bangladexx l-impriżi taż-żarmar li m'għandhom l-ebda spejjeż ambjentali jew ta' saħħa u sikurezza, iħallsu 450-500 US$/t għal bastiment, filwaqt li l-impjanti Ċiniżi bi standards ftit aħjar joffru nofs dan il-prezz u l-operaturi ta’ l-Istati Uniti għaxra fil-mija tiegħu. Tabilħaqq, qabel l-isplużjoni tal-prezzijiet tal-ħadid, impjanti tar-riċiklaġġ fil-pajjiżi industrijalizzati kienu saħansitra jitħallsu għaż-żarmar tal-bastimenti navali.

    B'konsegwenza ta' l-iżviluppi tas-suq, il-kapaċità taż-żarmar fl-UE twaqqgħet għal-livell marġinali tul l-aħħar 20 sena. Illum il-ġurnata hemm faċilitajiet għal bastimenti akbar, prinċipalment fil-Belġju, fl-Italja u fl-Olanda, li flimkien għandhom kapaċità ta' madwar 230,000 ldt fis-sena, u għadd kbir ta' faċilitajiet iżgħar għall-bastimenti tas-sajd u inġenji żgħar oħra f'bosta Stati Membri marittimi oħrajn. Kumplessivament, il-kapaċità attwali fl-UE għaż-żarmar tal-bastimenti tista' tiġi stmata għal madwar 500,000 ldt fis-sena9. Barra minn hekk, il-proċeduri tal-ħruġ tal-liċenzji ma jieqaf xejn fir-Renju Unit għall-attivitajiet taż-żarmar f'żewġ tarzni eżistenti li jista' jkollhom kapaċità konsiderevolment ogħla (600,000 ldt fis-sena fil-każ ta' Able UK). Din il-lista ma tinkludix bosta tarzni magħluqa fil-portijiet madwar l-Ewropa, li teknikament jistgħu jkunu tajbin għall-operazzjonijiet taż-żarmar, imma li diffiċli li jinfetħu mill-ġdid fil-kundizzjonijiet ekonomiċi attwali.

    It-Turkija, li toffri kapaċità akbar minn dik ta' l-UE, u li hija membru ta' l-OECD, fil-prinċipju tikkwalifika bħala destinazzjoni, saħansitra biex timporta skart perikoluż. Madwar 20 impjant taż-żarmar fuq il-kosta ta' Aliaga (qrib Izmir) għandhom kapaċità ta' madwar miljun tunnellata fis-sena, li attwalment ftit li xejn tintuża.

    Il-faċilitajiet ta' l-UE, b'mod ġenerali jilħqu standards għolja ta' ħarsien u sikurezza fuq il-post tax-xogħol u ambjentali. Il-ġirien Torok tagħhom għamlu progress konsiderevoli fil-ġestjoni ambjentali u ta' sikurezza tul l-aħħar snin, anki jekk għad hemm xi tħassib ambjentali. Hemm ukoll għadd ta' faċilitajiet b'mollijiet għat-tkissir tal-bastimenti fiċ-Ċina, li ttejbu f'dawn l-aħħar snin biex jilħqu standards ta' kwalità aċċettabli, imma li l-kapaċità tagħhom ma tlaħħaqx għal ħafna aktar minn 500,000 ldt fis-sena. Il-faċilitajiet taż-żarmar fi Brownsville/Texas u postijiet oħra fl-Istati Uniti ta' l-Amerka għandhom kwalità simili, imma fil-prinċipju m'humiex miftuħa għal bastimenti barranin.

    Il-kapaċità eżistenti għaż-żarmar nadif tal-bastimenti fl-UE, kif ukoll fit-Turkija, hija għaldaqstant biżżejjed għal bastimenti tal-gwerra u bastimenti oħra ta' l-istat – stima ta' 100 minn aktar minn 1,000 ldt, b'tunnellaġġ ikkumbinat sa 500,000 ldt10 – li se jiġu jintbagħtu għaż-żarmar tul l-10 snin li ġejjin, imma għal parti żgħira biss mill-flotta merkantili li jtajru bnadar ta' l-UE. Skond ir-rapporti ta' l-UNCTAD, tunnellaġġ bejn is-6 u 30 miljun dwt inbiegħu għaż-żarmar kull sena bejn l-2000 u l-2005, filwaqt li madwar 23% tal-flotta merkantili dinjija ttajjar il-bnadar ta' l-Istati Membri ta' l-UE11.

    Din il-problema ta' nuqqas ta' kapaċità "nadifa" se tiggrava bl-eliminazzjoni gradwali ppjanata tat-tankers kollha taż-żejt b'buq singolu. Inċidenti li involvew tankers bħall- Erika u l- Prestige ħolqu diżastri ambjentali kbar fid-deċennji riċenti. B'reazzjoni għal dan, leġiżlazzjoni ta' l-UE u regoli internazzjonali ġew adottati għall-eliminazzjoni gradwali tat-tankers b'buq singolu u dan se jkollu l-akbar effett fid-deċennji li jmiss. Huwa stmat li madwar 1,300 tanker b'buq singolu se jiġu ddekommissjonati u jittieħed għall-iskrapp sas-sena 2015, b'madwar terz minnhom itajjar bnadar ta' l-Istati Membri12. Id-domanda għall-kapaċità għar-riċiklaġġ tal-bastimenti hija mistennija li tkun l-ogħla fis-sena 2010, il-qofol taż-żmien għall-eliminazzjoni gradwali ta' dawn it-tankers. Madankollu, se jkun hemm ukoll żidiet fit-terminu t-twil taż-żmien, minħabba ż-żieda qawwija ġenerali fil-bini tal-bastimenti f'dawn l-aħħar snin.

    Attwalment is-suq ta' l-iskrappjar tal-bastimenti għadu ekonomikament vijabbli, jekk wieħed iwarrab l-esternalizzazzjoni estrema ta' l-ispejjeż. Is-sidien għandhom dħul sinifikanti mill-bejgħ ta' bastimenti ddekommissjonati (it-tanker kbir ħafna taż-żejt mhux raffinat – VLCC – imsemmi hawn fuq bħala eżempju, illum jiswa madwar 90 miljun US$ biex jinbena mill-ġdid, u jġib 10 miljun US$ jew aktar wara 25 sena użu). L-impjanti ta' l-iskrapp jagħmlu profitti mir-riċiklaġġ tal-materjal irkuprat. Imma s-suq jiffunzjona biss taħt kundizzjonijiet problematiċi ħafna mfissra hawn taħt. Dan huwa dejjem anqas aċċettabbli għall-pubbliku fil-pajjiżi żviluppati fejn jgħixu bosta mis-sidien tal-bastimenti u fejn jinġabar id-dħul finanzjarju mill-operazzjonijiet tal-bastimenti, u mhux kompatibbli mal-prinċipji tas-sostenibbiltà ambjentali u soċjali.

    2.3. L-impatti ambjentali u soċjali

    Il-maġġoranza mill-bastimenti jkun fihom ammonti kbar ta' materjali perikolużi, bħall-asbestos (partikolarment jekk ikunu nbnew qabel s-snin tmenin), iż-żejt u qatran, PCBs (bifenili poliklorinati), u metalli tqal fiż-żebgħa u fit-tagħmir. Għalhekk meta jintbagħtu għaż-żarmar, dawn il-bastimenti, jirrappreżentaw wieħed mill-għejun prinċipali ta' skart perikoluż mill-pajjiżi industrijalizzati lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Fl-2004 studju tal-Kummissjoni (DĠ TREN) stima li l-qatran mill-bastimenti fi tmiem l-użu biss jammonta għal bejn 400,000 u 1.3 mijlun tunnellata fis-sena sa l-2015. Mill-iskart perikoluż f'faċilitajiet taż-żarmar kull sena, l-asbestos jammonta għal 1,000 sa 3,000 tunnellata, TBT 170-540 tunnellata, u żebgħa li tikkawża ħsara ambjentali 6,000-20,000 tunnellata13.

    L-iskrappjar tal-bastimenti fil-Bangladexx, l-Indja u l-Pakistan isir fuq xtajtiet tar-ramel mingħajr ebda kontroll jew ilqugħ biex jipprevjeni t-tniġġis ta' l-ilma u l-ħamrija. Hemm ftit faċilitajiet li jieħdu skart perikoluż, u materjali li ma jistgħux jiġu riċiklati, is-soltu jintremew fil-post. Il-kisi tal-PVC tal-wajers ħafna drabi jinħaraq.

    L-impatt ta' dawn il-prassi fuq l-ambjent rarament ġie studjat fid-dettall. Dejta disponibbli turi li l-elementi fiżikokimiki ta' l-ilma baħar, il-ħamrija u l-art tax-xtajtiet huma affetwat sew mit-tkissir tal-bastimenti14. It-tniġġis tax-xtajta u tal-baħar tal-madwar miż-żjut huwa viżibbli f'ritratti mill-ajru tas-siti taż-żarmar f'Alang (fl-Indja) u f'Chittagong (fil-Bangladexx), u l-NGOs jirrapportaw li l-vegetazzjoni u l-ħut għebu minn dawn l-inħawi.

    Il-kundizzjonijiet tas-sikurezza u s-saħħa fl-impjanti ta' l-iskrapp fin-Nofsinhar ta' l-Ażja huma f'sitwazzjoni kritika. Hemm riskju kbir ta' inċidenti perikolużi, partikolarment minħabba n-nuqqas ta' makkinarju kbir (krejnijiet) u tagħmir tas-sikurezza għall-ħaddiema. Skond rapport tal-gvern Indjan fl-2004, kien hemm 434 inċident fl-impjanti ta' Alang bejn l-1996 u l-2003, fejn mietu 209 ħaddiem15. Fil-Bangladexx, skond rapporti tal-midja, aktar minn 400 ħaddiem inqatlu u 6,000 weġġgħu serjament tul l-aħħar 20 sena16. Il-fatt li l-Bangladexx, għall-kuntrarju ta' l-Indja, lanqas biss jeħtieġ ċertifikazzjoni "ħieles mill-gass għal xogħol b'temperaturi għolja" (gas-free-for-hot-work) fil-prattika jispjega l-prezzijiet partikolarment baxxi li għandu, iżda wkoll għall-isplużjonijiet letali ferm spissi li jseħħu fl-impjanti taż-żarmar.

    Barra minn hekk, huwa stmat li eluf jieħdu mard li ma jitfejjaqx mill-kuntatt u n-nifsijiet ta' sustanzi tossiċi mingħajr il-prekawzjonijiet u protezzjoni minimi. Skond rapport mediku għall-Qorti Suprema Indjana f'Settembru 2006, 16% ta' l-impjegati f'kuntatt ma' l-asbestos f'Alang instabu li kienu qed isofru mill-asbestożi u għalhekk kienu f'riskju kbir tal-mesoteljoma17. Kif inhu magħruf mir-riċerka medika, l-inċidenza ta’ dan it-tip ta’ kanċer tal-pulmun jilħaq biss l-agħar livelli tiegħu għexieren ta' snin wara l-esponiment.

    Fl-2005 kien hemm madwar 25,000 ħaddiem fl-impjanti ta' l-iskrapp fil-Bangladexx. Fl-Indja l-impiegi fiż-żminijiet ta' tkabbir eċċezzjonali kienu jammontaw għal 40,000, li niżlu għal 6,000 sa tmiem l-200618. Għaż-żewġ pajjiżi jista' jingħad li bosta mill-ħaddiema ġejjin mill-ifqar reġjuni tal-pajjiż u bosta drabi mingħajr taħriġ. Jaħdmu mingħajr kuntratti u assigurazzjoni tas-saħħa u għall-inċidenti, u ma jitħallewx jissieħbu f'għaqdiet tal-ħaddiema. Hemm ftit jew l-ebda kumpens għall-inċidenti. Jeżisti wkoll ċertu livell ta' tħaddim tat-tfal għax-xogħol il-ħafif.

    Il-kundizzjonijiet fil-faċilitajiet taż-żarmar tal-bastimenti ġew ikkritikati mill-għaqdiet ambjentalisti u favur id-drittijiet tal-bniedem u mix-xandir, u mill-Qorti Suprema ta' l-Indja. Madankollu, il-gvernijiet ta' l-istati tan-Nofsinhar ta' l-Ażja ma tantx għandhom ħajra jinfurzaw bidla fil-prassi minħabba li jqisu li ż-żarmar tal-bastimenti bħala attività ekonomikament importanti li għandha tiġi mfixkla mill-anqas.

    2.4. Is-sitwazzjoni internazzjonali tas-suq

    Il-problema taż-żarmar tal-bastimenti ġiet diskussa għal bosta snin, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali involuti: l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Konvenzjoni ta' Basel (jew aktar preċiż l-organizzazzjoni prinċipali tagħha, il-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti, UNEP). It-tliet organizzazzjonijiet li huma żviluppaw linji gwida tekniċi mhux vinkolanti għar-riċiklaġġ tal-bastimenti19. F'żewġ laqgħat fl-2005, Grupp ta' Ħidma Konġunt ILO/IMO/Konvenzjoni ta' Basel dwar l-Iskrappjar tal-Bastimenti ddiskuta approċċ koordinat għall-kwistjoni biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol u d-duplikazzjoni tar-rwoli, responsabbiltajiet u l-kompetenzi fit-tliet organizzazzjonijiet.

    L-IMO ilha taħdem mill-2005 favur reġim vinkolanti internazzjoni għaż-żarmar ekoloġiku tal-bastimenti. L-Istati Membri ta' l-UE u l-Kummissjoni ħadu sehem f'din il-ħidma. Abbozz ta' Konvenzjoni dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti Sikur u li Jħares l-Ambjent qed jiġi nnegozjat fi ħdan l-organizzazzjoni fil-Kumitat tal-Protezzjoni ta' l-Ambjent tal-baħar (MEPC) biex jiġi adottat b'konferenza diplomatika fl-2008/2009, biex tidhol fis-seħħ ftit snin wara. L-abbozz fih anness li jinkludi r-regolamenti dwar ir-rekwiżiti għall-bastimenti (inkluż tad-disinn, tal-kostruzzjoni, tħaddim u manutenzjoni) u għall-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-bastimenti, u dwar xi rekwiżiti ta' rappurtaġġ. Dan jimmira lejn approċċ "mill-bidu sa l-aħħar" għar-riċiklaġġ tal-bastimenti, bil-ħsieb li l-materjali perikolużi jiġu evitati fil-bastimenti l-ġodda u biex jitneħħew mill-bastimenti eżistenti tul il-ħajja operattiva tagħhom. Dettalji tekniċi, li jkopru l-ġestjoni li tħares l-ambjent tal-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-bastimenti, huma mistennija li jkunu stipulati fil-linji gwidi rrakkomandati li jissupplimentaw il-Konvenzjoni.

    Skond l-abbozz attwali, il-Konvenzjoni – b'armonija ma' l-istrumenti l-oħra ta' l-IMO - mhux se tapplika għall-bastimenti iżgħar ta’ anqas minn 400 jew 500 tunnellata grossa, lanqas għall-bastimenti tal-gwerra, bastimenti navali awżiljari jew bastimenti oħra li huma proprjetà ta' l-istat jew imħaddma mill-istat u użati biss għall-serviżżi mhux kummerċjali tal-gvern. Kwistjoniijiet kontroversjali, li se jiġu diskussi mill-gruppi ta' ħidma ta' l-IMO fl-2007, inkluż il-mistoqsijiet dwar jekk għandhiex issir referenza għar-regoli u standards barra l-qafas ta' l-IMO, l-istandard ambjentali minimu għall-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-bastimenti, rekwiżiti futuri dwar ir-rappurtaġġ (partikolarment jekk notifiki stat-għal-stat għandhomx ikunu meħtieġa bħal fil-Konvenzjoni ta' Basel) u t-tip ta' mekkaniżmu ta' konformità biex jgħin fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni.

    Fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta' Basel, il-kwistjoni ta' qofol diskussa hija jekk il-Konvenzjoni proposta dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti tiżgurax livell ekwivalenti ta' kontroll u infurzar l-istess bħall-Konvenzjoni ta' Basel. It-8 Konferenza tal-Partijiet fl-1 ta' Diċembru, 2006 tenniet din it-talba u ddikjarat fost affarijiet oħra, li l-istrumenti legali futuri għandhom jiġġeneraw kundizzjonijiet għaż-żarmar tal-bastimenti li jħarsu l-ħaddiema u l-ambjent mill-impatti avversi ta' l-iskart perikoluż u l-prassi perikolużi tax-xogħol.

    3. ALTERNATTIVI GħAT-TITJIB TAL-ġESTJONI EWROPEA TAż-żARMAR TAL-BASTIMENTI

    Il-Kummissjoni eżaminat il-varjetà tal-kwistjonijiet involuti u identifikat xi alternattivi biex titneħħa jew ta' lanqas jitnaqqsu d-diskrepanzi fl-implimentazzjoni u titjieb il-ġestjoni taż-żarmar tal-bastimenti. Dawn l-alternattivi m'għandhomx jitqiesu reċiprokament esklussivi, imma li jissuplimentaw u jappoġġaw lil xulxin.

    3.1. Infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar it-trasport ta' l-iskart bil-baħar

    L-Istati Membri ta' l-UE huma fl-obbligu li japplikaw u jinfurzaw ir-Regolament tal-KE dwar it-trasport ta' l-iskart bil-baħar, inkluż il-"projbizzjoni ta' Basel" dwar l-esportazzjonijiet ta' l-iskart perikoluż.

    Anki jekk il-mobbiltà tal-bastimenti tfisser li huwa relattivament faċli biex wieħed jaħrab mill-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni, l-infurzar għandu jittejjeb, ta' lanqas fil-każijiet ta' bastimenti u linji tal-bastimenti li regolarment joperaw fl-ilmijiet Ewropej. Dan ikun jeħtieġ:

    - aktar kontrolli mill-awtoritajiet tat-trasport ta' l-iskart bil-baħar u tal-portijiet fil-portijiet Ewropej, immirati għall-bastimenti li huma eqdem minn ċerta età (25 sena) jew fejn ikun hemm indikazzjonijiet li jkunu sejrin għaż-żarmar;

    - possibilment gwida addizjonali mill-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar id-definizzjoni ta' skart u ta' skart perikoluż b'rabta mal-bastimenti, u lista ta' faċilitajiet tar-riċiklaġġ li jilħqu standards ta' ġestjoni li tħares l-ambjent u li huma sikuri għall-ħaddiema;

    - kooperazzjoni aktar sistematika u skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, u bejnhom u l-Kummissjoni, inkluż l-użu ta' databases u rapporti għall-istampa li jidentifikaw bastimenti potenzjali fi tmiem l-użu u l-insegwiment tar-rotot tagħhom lejn faċilitajiet taż-żarmar;

    - aktar kooperazzjoni ma' ċerti terzi pajjiżi, partikolarment stati li jirriċiklaw u stati ta' tranżitu (bħall-Eġittu b'rabta mal-bastimenti fi tmiem l-użu li jgħaddu mill-Kanal ta' Suez);

    - politika li tiffoka fuq bastimenti tal-gwerra u bastimenti oħrajn proprjetà ta' l-istat u bastimenti kummerċjali li regolarment joperaw fl-ilmijiet ta' l-UE (bħal laneċ).

    Billi r-Regolament dwar it-trasport ta' l-iskart bil-baħar ma japplikax biss għal bastimenti li jtajru l-bnadar ta' l-UE, imma għall-esportazzjonijiet ta' l-iskart kollha, u għalhekk għall-bastimenti fi tmiem l-użu li jitilqu mill-portijiet ta' l-UE, is-sidien tal-bastimenti ma għandhomx possibiltà li jaħarbu l-kontrolli billi jbiddlu l-bandiera għal waħda li ma tkunx Ewropea. Ir-riskju li attività tat-tbaħħir fl-Ewropa tista' titnaqqas minħabba infurzar aktar strett, mhuwiex kbir ħafna sakemm l-UE tibqa' ekonomikament attraenti u suq profittabbli. Aktar realistiku huwa r-riskju li sidien tal-bastimenti irresponsabbli mhux Ewropej affettwati mill-kontrolli jistgħu jabbandunaw il-bastimenti tagħhom fil-portijiet ta' l-UE, sabiex eventwalment ir-rimi xieraq isir minn flus il-poplu li jħallas it-taxxi. Din it-tip ta' problema tista' tiġi indirizzata biss b'infurzar aktar effiċjenti tar-regoli marittimi inġenerali.

    3.2. Soluzzjonijiet internazzjonali

    Fi ħdan il-korpi internazzjonali involuti, jidher li hemm qbil ġenerali li l-aktar kwistjoni importanti hija li jiġi żgurat li l-bastimenti jiġu rriċiklati b'mod ekoloġiku u sikur. Sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ġusti madwar id-dinja, huma meħtieġa standards internazzjonali vinkolanti. Standards bħal dawn għandhom jiġġeneraw bidla reali fil-prassi attwali taż-żarmar billi jitwaqqaf it-tniġġis frekwenti tal-ħamrija u l-ilma, u billi jitħarsu l-ħaddiema mill-inċidenti u l-kontaminazzjoni. Pereżempju, l-ilqugħ sikur kontra t-tixrid aċċidentali tar-residwi taż-żejt, it-tneħħija minn qabel ta' l-asbestos b'tagħmir protettiv, il-prekawzjonijiet għar-rilaxx tal-gass biex jiġu evitati splużjonijiet, u makkinarju biex jinġarru piżijiet tqal b'mod sikur, kollha għandhom isiru obbligatorji.

    Xorta waħda probabbilment se jkun hemm differenza fil-prezz bejn il-pajjiżi Ewropej u Ażjatiċi, anki jekk ta' l-aħħar jilħqu standards ambjentali u tas-saħħa għoljin, imma xorta waħda fi kwalunkwe każ mhux mistenni li dan se jkun projbittiv. Fil-futur qrib, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jkunu kapaċi joffru prezzijiet baxxi għall-ħaddiema u prezzijiet ogħla għall-ħadid u tagħmir li jista' jerġa' jintuża. Madankollu, xorta waħda jkun hemm aktar lok biex id-differenza fil-prezz tixxejjen b'miżuri voluntarji li jippermettu ċertu ammont ta' żarmar tal-bastimenti biex isir fl-Ewropa fejn wieħed isib partikolarment standards għolja "mingħajr tniġġis" u "mingħajr ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem".

    Il-Konvenzjoni internazzjonali futura se tkun essenzjali biex tissolva l-problema globali taż-żarmar tal-bastimenti. Għaldaqstant, l-IMO hija l-aktar forum rilevanti biex jitratta din il-kwistjoni fuq livell dinji. Il-Konvenzjoni l-ġdida se tħalli impatt fuq ir-Regolament dwar it-Trasport ta’ l-Iskart u liġijiet ta’ l-UE oħra dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent u s-sikurezza fuq ix-xogħol. Il-Komunità kollha kemm hi teħtieġ li ssegwi l-mira li tissieħeb f’din il-Konvenzjoni partikolari ta’ l-IMO. Dan jista' jsir billi fil-Konvenzjoni tiddaħħal klawsola dwar l-organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali ("klawżola REIO"), bħal fil-każ tal-ftehimiet multilaterali reċenti kollha dwar l-ambjent. Sabiex jintlaħqu standards internazzjonali ta' sikurezza u li jħarsu l-ambjent kemm jista' jkun malajr, hu meħtieġ li r-rwol tal-Komunità fl-IMO ikun rinfurzat.

    Huwa fl-interess ta' l-UE, l-ewwel, li l-ħidma ta' l-IMO tiġi konkluża minnufih, u t-tieni, li l–Konvenzjoni tkun biżżejjed wiesgħa fl-ambitu u tiġġenera standards li jagħmlu sens għall-ħarsien tas-saħħa u l-ġestjoni ambjentali, kif ukoll il-mekkaniżmi meħtieġa għall-infurzar tagħhom. Għaldaqstant, il-Konvenzjoni għandha tistabilixxi obbligi u prerogattivi ċari ta' l-istati tal-bandiera, ta' l-istati tal-port u ta' l-istati tar-riċiklaġġ, u bilanċ ekwu bejniethom. Is-sistema ta' l-IMO għandha ssir effettiva fis-sens li toħloq sistema li biha l-bastimenti jkunu jistgħu jiżżarmaw biss b'mod li jħares l-ambjent u li jkun sikur.

    Mhux mistenni li l-istrument legali li jmiss jinkludi obbligu biex jiġi ddekontaminat bastiment qabel l-aħħar vjaġġ tiegħu, billi l-industrija tat-tbaħħir tqis li t-tindif minn qabel jew mhuwiex prattiku mil-lat ta' sikurezza inkella li mhux ekonomiku. Skond l-abbozz tal-Konvenzjoni, it-tneħħija minn qabel ta' materjali perikolużi tista' ma tkunx meħtieġa jekk il-faċilità tar-riċiklaġġ magħżula tkun totalment awtorizzata biex tipproċessa t-tip jew l-ammont ta' materjali perikolużi li fih il-bastiment. L-abbozz (ta' Diċembru 2006) jfittex li jqarreb ir-rekwiżiti tal-bastiment individwali u l-kapaċitajiet ta' l-impjanti tar-riċiklaġġ permezz ta' Pjan tar-Riċiklaġġ u Ċertifikat Internazzjonali "Ready for Recycling". Madankollu, xorta hemm il-bżonn li jiġi kkjarifikat li, f'każ li l-faċilità tar-riċiklaġġ finali mhix kapaċi tipproċessa ċerti materjali perikolużi, is-sid tal-bastiment fi tmiem l-użu għandu jagħżel impjant ieħor jew ineħħi l-materjali għar-rimi jew irkupru sikur minn qabel. Għalissa, billi r-Regolament tat-trasport ta' l-iskart bil-baħar jeħtieġ li l-bastimenti "jitbattlu kif xieraq" mill-materjali perikolużi sabiex jiġi klassifikat bħala skart mhux perikoluż, il-Kummissjoni qed taħdem fuq studju dwar ir-riskji, l-kosti u l-benefiċji tat-tindif minn qabel. Ir-riżultati għandhom joħorġu tard fir-Rebbiegħa 2007.

    Mhux qed jiġi kkunsidrat li jinbidel ir-Regolament tal-KE dwar it-trasport ta' l-iskart bil-baħar jew leġiżlazzjoni Komunitarja oħra effetwata bil-Konvenzjoni proposta. Din il-leġiżlazzjoni ta' l-UE għandha u se tibqa' fis-seħħ u m'hemm l-ebda pjan li tinbidel sakemm ir-regoli internazzjonali ta' l-IMO ma jilħqux l-istess standard għoli. Partikolarment, m'hemm l-ebda raġuni biex tinbidel is-sistema tal-Konvenzjoni ta' Basel għall-kontroll tat-trasport transkonfinali ta' l-iskart bil-baħar u li jingħataw eżenzjonijiet għal bastimenti fi tmiem l-użu sakemm u sa meta reġim internazzjonali ġdid jiggarantixxi livell ekwivalenti ta' kontroll fuqhom.

    Madankollu, sabiex jittejjeb l-involviment tal-Komunità fin-negozjati ta' l-IMO dwar Konvenzjoni internazzjonali dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti, huwa meħtieġ:

    (a) li tiġi stabbilita pożizzjoni Komunitarja u possibilment tagħti mandat lill-Kummissjoni għal aktar negozjar tal-Konvenzjoni ta' l-IMO dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti, minħabba l-leġiżlazzjoni Komunitarja li tista' tiġi affetwata;

    (b) li tiddaħħal "klawżola REIO" biex tippermetti lill-Komunità tissieħeb fil-Konvenzjoni tar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti;

    (c) li tintensifika l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet fin-negozjati bejn l-Istati Membri ta' l-UE u l-Kummissjoni; diġà hemm kooperazzjoni tajba imma huwa meħtieġ aktar rinfurzar.

    Wara l-adozzjoni ta' dawn, il-Konvenzjoni u l-linji gwida tagħha għandhom jiġu trasposti fid-dritt Komunitarju sabiex isiru mandatorji għall-bastimenti li jtajru bnadar ta' l-UE jew bastimenti li jidħlu fl-ilmijiet ta' l-UE. Dan kien il-każ b'għadd ta' konvenzjonijiet ta' l-IMO, bħal pereżempju l-Konvenzjoni dwar is-Sistema Anti-Fouling (AFS), imdaħħla fid-dritt Komunitarju permezz tar-Regolament (KE) Nru 782/2003. Dan l-approċċ għall-istabbiliment ta' regoli ta’ l-UE abbażi ta’ strumenti legali internazzjonali huwa attwalment il-bażi ta’ l-azzjonijiet ta’ l-UE fi kwistjonijiet tat-trasport bil-baħar li jippermetti li jitqiesu l-partikolaritajiet tat-tbaħħir internazzjonali.

    Il-Konvenzjoni dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti, madankollu, tista' tkun tard wisq biex tissolva l-problema ta' l-eliminazzjoni gradwali tat-tankers b'buq singolu, minħabba li l-konvenzjonijiet ta' l-IMO jieħdu medja ta' sitt snin biex jidħlu fis-seħħ, u l-qofol tal-proċess ta' l-eliminazzjoni gradwali hu mistenni li jaħbat għal madwar 2010. Għalhekk, filwaqt li huwa meħtieġ li ssir pressjoni biex l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ kemm jista' jkun malajr, għandhom jinstabu soluzzjonijiet għall-perjodu interim.

    3.3. Tisħiħ tal-kapaċità ta' l-UE għaż-żarmar tal-bastimenti

    Kif deskritt hawn fuq f'2.2, il-kapaċità attwali għaż-żarmar tal-bastimenti fl-UE u f’pajjiżi oħra ta' l-OECD (speċjalment it-Turkija) hija biżżejjed għall-bastimenti tal-gwerra u oħrajn proprjetà ta' l-istat kollha li se jiġu dekommissjonati tul l-10 snin li ġejjin, imma mhux għall-ammont ħafna akbar ta' tankers taż-żejt u bastimenti merkantili kbar oħra li jtajru l-bnadar ta' l-UE jew huma proprjetà ta' kumpaniji domiċiljati fl-UE. Din is-sitwazzjoni mhix se tinbidel wisq anki wara li bosta tarzni fir-Renju Unit li applikaw għal-liċenzji meħtieġa jibdew joperaw fil-futur qrib20. Anki jekk il-faċilitajiet imtejba tar-riċiklaġġ fiċ-Ċina jiġu inklużi bħala alternattiva għal dawn il-bastimenti ta' l-UE li jsiru skart barra l-ilmijiet Ewropej, xorta se jkun hemm żbilanċ konsiderevoli fil-kapaċità taż-żarmar li jħares l-ambjent għas-snin li ġejjin.

    Madankollu, in-nuqqas fl-użu ta' faċilitajiet "ekoloġiċi" jew imtejba eżistenti fl-UE, it-Turkija u fiċ-Ċina juri li l-problema taż-żarmar tal-bastimenti hija aktar waħda ta' domanda milli ta' provvista. Il-kundizzjonijiet attwali tas-suq jagħmilha impossibli għall-operaturi fl-UE biex jikkompetu ma' l-impjanti fin-Nofsinhar ta' l-Ażja. Sakemm ma jkunx hemm kundizzjonijiet ekwi fil-forma ta' standards mandatorji effettivi u bis-sens għaż-żarmar tal-bastimenti madwar id-dinja, il-faċilitajiet Ewropej se jkollhom diffikultà biex jikkompetu fis-suq u s-sidien tal-bastimenti x'aktarx se jibagħtu l-bastimenti lejn siti Ażjataċi ta' standards inferjuri.

    B'reazzjoni għal din is-sitwazzjoni, il-Kunsill ta' l-UE ħareġ dikjarazzjoni fis-17 ta' Mejju 2006, li permezz tagħha l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bl-aħjar mod biex iżidu l-kapaċità għaż-żarmar tal-bastimenti fl-UE. Barra minn hekk, l-Istati Membri jagħmlu l-għalmu tagħhom biex jiżguraw li jsir progress xieraq fin-negozjati internazzjonali biex jiġu stabbiliti rekwiżiti mandatorji fil-livell dinji taż-żarmar tal-bastimenti. Fil-konklużjoni tal-Kunsill adottata fl-20 ta' Novembru 2006, qabel it-8 Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta' Basel, il-Kummissjoni kienet mistiedna biex tivvaluta l-bżonn li tinbena kapaċità suffiċjenti għaż-żarmar tal-bastimenti fl-UE.

    Meta jitqiesu inġenerali modi ta' tisħiħ tal-pożizzjoni tal-faċilitajiet taż-żarmar ekoloġiku tal-bastimenti u l-faċilitajiet ta' l-UE għall-perjodu interim, sakemm reġim internazzjonali ġdid jistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi dinji, l-azzjoni għandha tiffoka fuq il-bastimenti li huma proprjetà ta' l-istat. Il-gvernijiet ta' l-Istati Membri ta' l-UE huma marbuta b'obbligu speċjali biex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u biex jaġixxu b'mod eżemplari fir-rigward taż-żarmar tal-bastimenti tal-gwerra u bastimenti oħra li huma proprjeta ta' l-istat. Fir-rigward tal-bastimenti tal-gwerra, hemm responsabbiltà addizjonali li toriġina mill-proporżjon relattivament ogħli ta' materjali perikolużi (speċjalment l-asbestos) abbord ta' bastimenti eqdem.

    Il-gvernijiet ta' l-Istati Membri jistgħu jrawmu l-provvista ta' servizzi taż-żarmar u tindif minn qabel "ekoloġiċi" għall-bastimenti fi tmiem l-użu tagħhom permezz ta' offerti pubbliċi, fejn isegwu regoli stretti ta' l-akkwist pubbliku li jippermettu biss iż-żarmar skond il-leġiżlazzjoni attwali dwar it-trasport ta' l-iskart bil-baħar u standards għoljin ta' ġestjoni li tħares l-ambjent. Il-vijabbiltà tal-faċilitajiet taż-żarmar fl-Ewropa diġà tista' titmexxa 'l quddiem b'aktar trasparenza fid-dekummissjonar tal-bastimenti proprjetà ta' l-istat, skeda tal-ħin koordinata, u armonizzazzjoni madwar l-UE kollha ta' l-istandards ta' kwalità meħtieġa mill-gvernijiet fil-kuntratti taż-żarmar.

    Fejn l-Istati Membri jbiegħu l-bastimenti tagħhom biex jerġgħu jintużaw lil pajjiżi oħra jew xerrejja kummerċjali, xorta jistgħu jżommu ċertu kontroll billi jinkludi dispożizzjonijiet dwar iż-żarmar, bħal klawżola fil-kuntratt tal-bejgħ li titlob għall-kunsens tal-gvern minn qabel għar-rimi. Tali dispożizzjonijiet jiffurmaw parti mill-Istrateġija proposta tar-Renju Unit dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti ppublikata f'Marzu 200621.

    Fir-rigward tal-flotta merkantili, li hija ħafna akbar, il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi deskritti hawn fuq huma kruċjali. Sakemm ma jiġi stabbilit l-ebda regim vinkolanti internazzjonali, u probabbilment anki wara li dan iseħħ, huma meħtieġa inċentivi qawwija biex titrawwem bidla fil-prassi attwali fl-industrija tat-tbaħħir. Fit-terminu t-twil, l-għan għandu jkun li tiġi stabbilita sistema ta' finanzjament sostenibbli fejn is-sidien tal-bastimenti u possibilment benefiċjarji oħrajn tat-tbaħħir jikkontribwixxu għaż-żarmar sikur u ekoloġiku tal-bastimenti madwar id-dinja. Dettalji possibli ta' tali sistema qed jiġu diskussi hawn taħt (fi 3.6).

    Għall-perjodu interim, l-impenji volontarji fl-ispirtu ta' Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpanija jista' jkollhom ċertu rwol u għandhom ikun inkuraġġiti (ara hawn taħt fi 3.5). Għotjiet u sistemi ta' ċertifikazzjoni partikolarment jistgħu jgħinu biex juru t-triq 'il quddiem.

    Il-kwistjoni dwar jekk għandhux jintgħata appoġġ finanzjarju dirett lill-faċilitajiet ekoloġiċi taż-żarmar tal-bastimenti fl-UE jew lis-sidien tal-bastimenti li jieħdu l-bastimenti tagħhom f'impjanti "ekoloġiċi", jew għaż-żarmar totali tal-bastiment jew għad-dekontaminazzjoni, għandha tingħata attenzjoni speċjali. Tali għajnuna għal faċilitajiet innovattivi jistgħu jnaqqsu indirettament l-għadd ta' bastimenti f'kundizzjonijiet inaċċettabbli. Madankollu, huwa faċli li wieħed jara r-riskju li ammonti enormi jkunu meħtieġa fuq perjodu twil ta' żmien mingħajr ma tinħoloq attività industrijali sostenibbli u tissogra sussidji trażversali għal attivitajiet oħra, partikolarment fis-settur tal-bini tal-bastimenti fejn hemm kompetizzjoni qawwija. Apparti dan, l-issussidjar tal-faċilitajiet taż-żarmar, u aktar minn hekk tas-sidien tal-bastimenti direttament, imur kontra l-prinċipju li "min iniġġes iħallas" skond id-dritt Ewropew. Għal din ir-raġuni, minn ewl id-dinja li r-regoli dwar l-għajnuna mill-istat dwar dan it-tip ta' għajnuna huma pjuttost limitati.

    Il-linji gwida attwali ta' l-UE dwar l-għajnuna statali dwar l-ambjent22, li huma strument li jiddefinixxi l-ambitu ta' tali għajnuna, jinkludu ċerti servizzi ta' l-immaniġġjar ta' l-iskart imma mhux taż-żarmar tal-bastimenti bħala oġġett per se. Kemm jekk sussidji għal ċerti attivitajiet, bħal investimenti innovattivi, ir-rimi ta' l-asbestos jew il-parteċipazzjoni ta' kumpanija fi skemi ta' ċertifikazzjoni u sorveljanza, humiex għajnuniet mill-istat f'dan is-sens u permessi mill-linji gwida, għandu jiġi valutat każ b'każ illum. Il-politika Ewropea ta’ koeżjoni tista’ wkoll tipprovdi appoġġ għat-tarzni, inkluż għall-faċilitajiet tar-riċiklaġġ, bil-kundizzjoni li dan ikun konformi mal-miri, r-regoli u l-proċeduri tal-politika.

    3.4. Assistenza teknika u trasferiment tat-teknoloġija u l-aqwa prassi għall-istati li jirriċiklaw

    Minkejja l-kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol u ta' periklu u d-degradazzjoni ta' l-ambjent lokali, l-impjanti taż-żarmar tal-bastimenti huma ta' importanza ekonomika għall-pajjiżi tan-Nofsinhar ta' l-Ażja. Pereżempju, il-Bangladexx probabbli jikseb madwar 90% tal-provvista tal-ħadid tiegħu miż-żarmar tal-bastimenti, u l-industrija tipprovdi impjiegi għal għexieren ta' eluf ta' ħaddiema.

    Sabiex jitħeġġeġ it-titjib tal-faċilitajiet ta' dawn il-pajjiżi, se jkun meħtieġ li tingħata assistenza teknika u titħeġġeġ regolamentazzjoni aħjar. Fuq skala żgħira dan diġà jsir minn organizzazzjonijiet internazzjonali, xi pajjiżi ta' l-OECD, kif ukoll mill-Kummissjoni. Din l-għajnuna teknika u finanzjarja għandha tiġi reveduta b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi affetwati u donaturi internazzjonali oħra, bl-għan li jiġi promoss iż-żarmar tal-bastimenti sikur u ekoloġiku. L-UE dalwaqt tinnegozja ftehimiet politiċi jew ekonomiċi ġodda jew aġġornati ma’ għadd ta’ stati li jirriċiklaw, u fejn xieraq, tesplora kif jistgħu jiġu riflessi l-miri ta’ prassi mtejba tax-xogħol u standards ambjentali ogħla.

    Fi ħdan l-UE, hemm esperjenza u teknoloġija konsiderevoli fiż-żarmar ekoloġiku tal-bastimenti. L-UE għandha tfittex li taqsam din l-esperjenza ma' l-istati li jirriċiklaw u tippromwovi t-trasferimenti rilevanti tat-teknoloġija u l-aqwa prassi. Bl-istess mod, l-UE tista’ tittrasferixxi l-esperjenza u l-prassi b’rabta mat-trattament tar-riskji li joriġinaw mill-asbestos, u b’hekk tgħin biex tgħolli l-istandards tal-ħarsien u prekawzjoni fil-pajjiżi kkonċernati.

    Lil hinn mil-livell tekniku, madankollu, huwa meħtieġ ir-rikonoxximent li l-ineżistenza jew in-nuqqas ta' l-implimentazzjoni ta' regoli elementari dwar is-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u dwar il-ħarsien ambjentali huma marbuta mal-faqar strutturali u problemi soċjali u legali oħra f'ċerti nħawi fin-Nofsinhar ta' l-Ażja, bħan-nuqqas tad-drittijiet ta' proprjetà u l-frekwenza ta' kirjiet estremament qosra għall-operaturi fuq l-inħawi kostali, id-dgħufija ta' l-awtoritajiet ta' l-infurzar, u l-preżenza ta' prassi ħżiena ta' l-iggvernar. Sabiex tinkiseb bidla sostenibbli, l-assistenza għandha tkun mifruxa f'qafas usa'.

    3.5. It-tħeġġiġ ta’ l-azzjoni volontarja

    Il-bastimenti merkantili jiġġeneraw profitti kbar għas-sidien tagħhom fuq perjodu relattivament twil ta' ħajja operattiva. Meta bastiment isir skart fit-tmiem l-użu tiegħu, is-sid, bħala l-persuna li normalment tkun iddeċiediet ukoll li tieħu l-bastiment tagħha għall-iskrapp, u għaldaqstant huwa l-"produttur" ta' l-iskart, huwa għalhekk l-aħjar persuna li tista’ tiżgura li r-rimi jew l-irkupru tiegħu jseħħ b'mod sikur u ekoloġiku. Is-sidien tal-bastimenti li jieħdu l-professjoni tagħhom bis-serjetà ma għandhomx jittolleraw il-prassi attwali taż-żarmar, li jipperikolaw il-ħajja u s-saħħa tal-ħaddiema u jniġġsu l-ambjent.

    Impenji volontarji minn sidien tal-bastimenti, l-assoċjazzjonijiet tagħhom u l-klijenti tagħhom huma potenzjalment l-aktar mod sempliċi u ħafif biex jinbidlu l-prassi f'dal-kuntest. Il-kumpanija tat-tbaħħir P&O Nedlloyd, pereżempju, (issa parti mill-Grupp Maersk) issieħbet ma' faċilitajiet Ċiniżi li l-istandards ambjentali u ta' sikurezza tagħhom ittejbu permezz ta' assitenza teknika u taħriġ. Intertanko, l-organizzazzjoni indipendenti tas-sidien tat-tankers, ħabbret li f'Settembru 2006 l-adozzjoni ta' "Strateġija Interim", li permezz tagħha s-sidien tal-bastimenti jkollhom jużaw biss il-faċilitajiet tar-riċiklaġġ li wrew li għamlu progress f'termini ta' sikurezza u ġestjoni ambjentali f'Sezzjoni C ta' l-abbozz tal-Konvenzjoni internazzjonali.

    Il-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta' Basel, f'deċiżjoni ta' l-1 ta' Diċembru 2006, appellat lis-sidien tal-bastimenti u partijiet oħra kkonċernati biex jieħdu l-passi prattiċi kollha biex jiżguraw li l-bastimenti fi tmiem l-użu jiżżarmaw b'mod li jħares l-ambjent.

    Ftehimiet volontarji jistgħu jkunu effettivi meta jkunu mfassla kif xieraq f’termini ta’ sustanza u jinkludu mekkaniżmi ċari biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ l-impenji magħmlua mill-partjiet privati kkonċernati, kif ukoll bħala sistema ta’ monitoraġġ u kontroll. Impenn ta' dan it-tip huwa pass inizzjali siewi biex tinħoloq il-bidla. Għalhekk dan għandu jitħeġġeġ pubblikament u, fejn possibli, appoġġat b'inċentivi mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, li wara l-implimentazzjoni tagħhom ikunu meħtieġa li jiġu sorveljati. Jekk imbagħad jirriżulta li l-impenn ma jitwettaqx fil-prattika, xorta waħda tista' tkun meħtieġa leġiżlazzjoni.

    3.6. Fond għaż-żarmar tal-bastimenti

    Speċjalment fit-terminu t-twil ta' żmien mhux se jkun aċċettabbli li l-investiment f'faċilitajiet taż-żarmar ekoloġiku tal-bastimenti fl-Ewropa jew fl-Ażja jkun sussidjat minnn fondi pubbliċi. Il-prinċipji ta' "min iniġġes iħallas" u tar-responsabbiltà tal-produttur ta' l-iskart jeħtieġu li s-sidien jieħdu r-responsabbiltà sħiħa għar-rimi xieraq. Tali sistema ta' finanzjament sostenibbli tista' tiġi organizzata fuq bażi volontarja, b'impenji partikolarment mill-industrija tat-tbaħħir, imm minħabba kompetizzjoni qawwija fis-suq, jidher li jkun aktar effettiv li tiġi stabbilita bħala element mandatorju fir-reġim internazzjonali dwar iż-żarmar tal-bastimenti. L-IMO tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tħaddem dan il-fond, bl-istess mod bħal fondi eżistenti dwar it-tniġġis miż-żejt skond il-Konvenzjoni tal-MARPOL.Biex jiġi evitat it-tibdil tal-bandiera għal stati li ma jissieħbux fis-sistema tal-fond, il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu marbuta mar-reġistrazzjoni fl-IMO jew it-tħaddim tal-bastimenti tul ħajjithom, pereżempju permezz ta' tariffi tal-portijiet jew skemi mandatorji ta' l-assigurazzjoni.

    Din ir-rabta mal-fażi operattiva tal-bastiment hija wkoll ppreferuta minn depożitu meta jinbena l-bastiment, minħabba li spiss it-tarzna li tkun bniet il-bastiment ma tkun teżisti aktar meta l-bastiment finalment jiġi skrappjat. Jekk fond fi ħdan l-IMO ma jkunx possibli, tkun tista’ titqies sistema regjonali.

    3.7. Alternattivi oħra

    Bosta miżuri oħrajn jistgħu jkunu bżonnjużi biex jassistu l-proċess ta' titjib ta' l-industrija taż-żarmar tal-bastimenti fit-terminu qasir u medju taż-żmien:

    (a) Leġiżlazzjoni ta' l-UE, partikolarment dwar it-tankers taż-żejt b'buq singolu. Minħabba li dawn it-tankers se jkunu parti kbira mill-bastimenti fi tmiem l-użu li se jkunu skrappjati fi ftit snin li ġejjin, jista jkun utli li tiġi kkunsidrata azzjoni biex tissupplimenta l-leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza marittima b'regoli dwar iż-żarmar ekoloġiku u sikur tal-bastimenti.

    Xi Stati Membri indikaw li huma jappoġġaw tali proposta jekk il-Kummissjoni tiegħu l-inizjattiva. L-iżvantaġġ ta' din il-leġiżlazzjoni huwa li, billi t-tankers b'buq singolu xorta waħda spiss huma pprojbiti f'portijiet ta' l-UE, allura tkun indirizzata prinċipalment lejn l-istati tal-bandiera ta' l-UE u għalhekk jista' jkun li toħloq inċentiv ta' tibdil tal-bandiera, mingħajr ma trendi l-benefiċċji għas-sikurezza u l-ambjent.

    Apparti mill-kwistjonijiet speċifiċi tat-tankers taż-żejt, miżuri aktar ġeneriċi huma possibli biex ma jitħalliex l-użu ta' materjali perikolużi fil-bini ta' bastimenti ġodda. L-adozzjoni riċenti ta’ leġiżlazzjoni ġdida REACH (ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006), dwar il-kimiki, jipprovdi l-qafas regolatorju fir-rigward ta’ l-użu ta’ kimiki perikolużi. Jekk humiex meħtieġa miżuri adizzjonali, b’rabta ma’ l-użu ta’ sustanzi oħra fil-bini ta’ bastimenti, jeħtieġ analiżi b’reqqa u valutazzjoni ta’ l-impatt.

    (b) Razzjonalizzazzjoni ta' l-għajnuniet għat-tbaħħir b'rabta maż-żarmar ekoloġiku tal-bastimenti. Finanzjament Komunitarju għall-industrija tat-tbaħħir u l-għajnuniet ta' l-istat għat-trasport bil-baħar jistgħu jkunu marbuta mal-kundizzjoni li l-benefiċjarju juża faċilitajiet taż-żarmar ekoloġiku u sikur għall-bastimenti kollha fil-kontroll tiegħu.

    (c) It-twaqqif ta' sistema Ewropea ta' ċertifikazzjoni għaż-żarmar ekoloġiku tal-bastimenti u premjijiet għar-riċiklaġġ ekoloġiku eżemplari. Sistemi ta' ċertifikazzjoni eżistenti jew imtejba fil-futur, bħall-EMAS, jistgħu jintużaw għall-benefiċċju tat-titjib tal-ġestjoni tal-faċilitajiet taż-żarmar tal-bastimenti u biex dan it-titjib ikun aktar trasparenti għall-klijenti u l-pubbliku. Ir-reviżjoni maħsuba fir-Regolament ta' l-EMAS jista' jiftaħ is-sistema għal siti mhux ta' l-UE wkoll u għalhekk jippermetti l-operaturi interessati, bħal fit-Turkija biex takkwista ċertifikat tal-ġestjoni ambjentali ta' reputazzjoni tajba. Barra minn dan, azzjoni bikrija mis-sidien tal-bastimenti, faċilitajiet tar-riċiklaġġ u partijiet ikkonċernati oħra favur prassi sikuri u ħielsa mit-tniġġis fiż-żarmar tal-bastimenti tista' titħeġġeġ minn tikketta ekoloġika jew skema ta' premju għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u s-sikurezza. L-iskemi diġà eżistenti "Clean Marine" jew "Green Awards" għal-linji tat-tbaħħir u l-portijiet jistgħu jservu ta' ispirazzjoni. Barra minn hekk, reġistru pubbliku ta' faċilitajiet ekoloġiċi jista' jkun ta' gwida għas-sidien tal-bastimenti.

    (d) Intensifikazzjoni tar-riċerka internazzjonali dwar iż-żarmar tal-bastimenti. Attwalment, is-Sitt Programm ta' Qafas għar-Riċerka u Żvilupp tal-Kummissjoni Ewropea jiffinanzja proġett tar-riċerka wieħed dwar dan is-suġġett ("SHIPDISMANTL") li jagħti ħarsa lejn l-alternattivi teknoloġiċi mill-aspett ta' kooperazzjoni internazzjonali. F'dan il-qafas, istituti tar-riċerka u impjanti taż-żarmar mill-UE, it-Turkija u l-Indja żviluppaw Sistema ta' Appoġġ għad-Deċiżjoni (DSS) li se tkun disponibbli bla ħlas għall-industrija taż-żarmar tal-bastimenti madwar id-dinja. L-ewwel sejħa għall-proposti ppubblikata dan l-aħħar taħt is-Seba' Programm ta' Qafas tiddefenixxi b'mod ċar il-qasam tar-riċerka għal strateġiji għall bastimenti fi tmiem l-użu bħala prijorità.

    Barra minn dan u riċerka oħra li kienet u qed issir mill-Kummissjoni nnifisha23, aktar kooperazzjoni xjentifika b'approċċ ta' partenarjat li jinvolvi timijiet mill-Ażja u l-Ewropa tista' tkun utli biex jiġu analizzati l-alternattivi u l-implikazzjonijiet tagħhom b'mod integrat li jinkludi aspetti ambjentali, soċjali, ekonomiċi u istituzzjonali. B'hekk ikun possibli li jiġu proposti rotot ta' azzjoni b'bażi xjentifika li jistgħu jkunu ta' għanjuna għal parteċipanti domestiċi differenti u f'negozjati internazzjonali. Madankollu, jistgħu jgħaddu bosta snin qabel ma r-riżultati ta' din ir-riċerka jkunu disponibbli.

    4. KONKLUżJONI

    Din il-Green Paper tagħti l-fatti bażiċi dwar iż-żarmar tal-bastimenti u tispjega l-problemi. Hemm aktar dettalji u dejta f'dan l-Anness. Biex tingħata stampa aktar ċara ta' l-azzjoni meħtieġa mill-UE, se jintalbu l-Istati Membri, il-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku biex jikkunsidraw l-mistoqsijiet li ġejjin.

    1. Kif jista' jittejjeb l-infurzar tad-dritt Komunitarju attwali (ir-Regolament dwar it-trasport ta' l-iskart bil-baħar) fejn jaffettwa l-bastimenti fi tmiem l-użu? X'inhi l-aħjar taħlita ta' miżuri biex tinċentiva bastimenti li jtajru bnadar ta' l-UE jew bis-sieda fl-UE milli jittieħdu f'siti taż-żarmar bi standards għolja ambjentali u ta' sikurezza?

    2. Tista' gwida għar-regoli dwar it-trasport ta' l-iskart bil-baħar u d-definizzjonijiet tal-bastimenti fi tmiem l-użu tgħin biex ittejjeb l-implimentazzjoni tar-regoli u l-prassi fin-negozju, u x'bixra għandha tingħata din il-gwida?

    3. X'inhu l-aħjar mod biex tiggwida n-negozjati attwali dwar il-Konvenzjoni ta' l-IMO dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti sabiex tittejjeb il-prassi taż-żarmar tal-bastimenti madwar id-dinja?

    4. Għandha l-UE timmira għal standards dinjiji ta' l-ambjent u sikurezza fil-Konvenzjoni ta' l-IMO, li huma kumparabbli ma' l-istandards ta' l-UE?

    5. Kif tista l-UE tiżgura bl-aħjar mod li l-bastimenti Ewropej jiżżarmaw b'mod sikur u li jħares l-ambjent fil-perjodu interim qabel ma tidħol fis-seħħ il-Konvenzjoni ta' l-IMO? X'tikkummenta dwar il-bastimenti proprjetà tas-settur pubbliku? L-istrateġiji nazzjonali u l-impenji volontarji mis-sidien tal-bastimenti se jkunu biżżejjed? X'miżuri addizzjonali jkunu meħtieġa fil-livell ta' l-UE?

    6. Għandhom l-UE u l-Istati Membri tagħha jkollhom rwol attiv biex tiżdied il-kapaċità ta' l-UE nnifisha fir-riċiklaġġ tal-bastimenti, u kif?

    7. X'inhuma l-miżuri u l-azzjonijiet fil-każ li l-UE tidħol biex tinkuraġġixxi l-istati tan-Nofsinhar ta' l-Ażja biex jintroduċu u jimplimentaw standards ambjentali u ta' sikurezza ogħla għaż-żarmar tal-bastimenti?

    8. X'inhuma l-miżuri u l-azzjonijiet fil-każ li l-UE tidħol biex tinkuraġġixxi s-sidien tal-bastimenti biex jieħdu l-bastimenti fi tmiem l-użu f'siti bi standards ambjentali u ta' sikurezza għolja?

    9. Kif għandha l-UE tiżgura finanzjament sostenibbli għaż-żarmar ekoloġiku tal-bastimenti skond il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, u x'miżuri u azzjonijiet għandha tieħu?

    Kontribuzzjonijiet fil-kuntest ta' dan il-proċess ta’ konsultazzjoni għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sat- 30 ta ’ Ġunju 2007 , permezz ta’ email fl-indirizz “ship-dismantling@ec.europa.eu”, jew bil-posta f’dan l-indirizz:

    Il-Kummissjoni Ewropea

    Id-Direttorat-Ġenerali għall-Ambjent

    Unità G.4 "Produzzjoni u Konsum Sostenibbli"

    B-1049 Brussell

    Din il-Green Paper u l-kontribuzzjonijiet li jaslulna se jiġu ppublikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni, sakemm ma jkunx mitlub espliċitament biex dan ma jsirx. Lejn l-ahhar ta’ l-2007, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tippreżenta l-analiżi tagħha dwar ir-reazzjonijiet li jaslulha, flimkien, fejn xieraq, mal-proposta u/jew l-inizjattivi tagħha għal strateġija ta’ l-UE dwar iż-żarmar tal-bastimenti.

    [1] Ir-referenzi jinsabu fit-tmiem ta' l-Anness.

    Top