Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D2064

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2064 tas-26 ta’ Lulju 2024 li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

ST/11963/2024/INIT

ĠU L, 2024/2064, 26.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2064/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2064/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2064

26.7.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/2064

tas-26 ta’ Lulju 2024

li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal-20 ta’ Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK.

(2)

Fit-12 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/2231 (2) b’reazzjoni għat-tfixkil tal-proċess elettorali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem marbut miegħu fir- Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK). Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2231 emendat id-Deċiżjoni 2010/788/PESK u introduċiet miżuri restrittivi addizzjonali.

(3)

Wara evalwazzjoni taċ-ċirkostanzi rilevanti u fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fir-RDK, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li jiżdiedu disa’ persuni u entità waħda mal-lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK.

(4)

Jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni 2010/788/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/788/PESK huwa emendat skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)   ĠU L 336, 21.12.2010, p. 30.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2231 tat-12 ta’ Diċembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 336 I, 12.12.2016, p. 7).


ANNESS

L-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK huwa emendat kif ġej:

(1)

il-persuni li ġejjin jiżdiedu mat-Taqsima A (“Persuni”):

 

Isem

Informazzjoni ta’ Identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“27.

Benjamin MBONIMPA

Funzjoni/grad: Segretarju Eżekuttiv tal-Moviment tat-23 ta’ Marzu / l-Armata Rivoluzzjonarja Kongoliża (M23/ARC), Superviżur tas-segretarjat permanenti tal-Alliance Fleuve Congo

Sess: raġel

Benjamin Mbonimpa għandu pożizzjoni ewlenija bħala Segretarju Eżekuttiv tal- M23/ARC, grupp armat mhux governattiv li jopera fil-Lvant tar-RDK.

L-M23/ARC isostni l-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK, b’mod partikolari permezz tal-inċitament tal-vjolenza. Barra minn hekk, huwa responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż qtil, attakki u vjolenza sesswali kontrihom.

Minħabba l-pożizzjoni ewlenija tiegħu fl-M23/ARC, Benjamin Mbonimpa huwa għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Huwa responsabbli wkoll għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK.

26.7.2024

28.

Justin Gacheri MUSANGA

magħruf ukoll bħala Gaceri MUSANGA, CS BRAVO SIERRA, BRAVO THREE

Funzjoni/grad: Brigadier Ġenerali tal- Moviment tat-23 ta’ Marzu / l-Armata Rivoluzzjonarja Kongoliża (M23/ARC)

Post tat-twelid: Masisi, DRC

Sess: raġel

Missier: Erasto NTIBATURANA (Mexxej konswetudinarju tal-Hutu f’BUSUMBA)

Justin Gacheri Musanga għandu pożizzjoni ewlenija bħala Brigadier Ġenerali tal-M23/ARC, grupp armat mhux governattiv li jopera fil-Lvant tar-RDK.

L-M23/ARC isostni l-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK, b’mod partikolari permezz tal-inċitament tal-vjolenza. Barra minn hekk, huwa responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż qtil ta’ persuni ċivili, attakki u vjolenza sesswali kontrihom, kif ukoll reklutaġġ ta’ tfal.

Minħabba l-pożizzjoni ewlenija tiegħu fl-M23/ARC, Justin Gacheri Musanga huwa għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Huwa responsabbli wkoll għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK.

26.7.2024

29.

Pierre Celestin RURAKABIJE

magħruf ukoll bħala Guillaume NGABO, Bagdad, Simba Guillaume, Samba Guillaume, Ngabo Simba, Logutenent Kurunell

Funzjoni/grad: Viċi Kmandant tal-‘Commando de recherche et d’action en profondeur’ (CRAP) tal-Forces Démocratiques pour la Libération du Rwanda/Forces Combattantes Abacunguzi (FDLR/FOCA)

Nazzjonalità: Rwanda

Sess: raġel

Pierre Celestin Rurakabije għandu pożizzjoni ewlenija bħala mexxej Viċi Kmandant fil-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda - Forces Combattantes Abacunguzi (FDLR-FOCA), grupp armat mhux governattiv li jopera fil-Lvant tar-RDK. B’mod partikolari, huwa l-Viċi Kmandant tal-‘Commando de recherche et d’action en profondeur’ (CRAP) tal-FDLR-FOCA – meqjus bħala l-unità commando u tal-intelligence tal-grupp armat.

L-FDLR-FOCA huma grupp armat fil-biċċa l-kbira Hutu, li wħud mill-mexxejja tiegħu ħadu sehem fil-ġenoċidju tal-1994 fir-Rwanda. L-FDLR-FOCA, inkluż l-unità CRAP, jikkontribwixxu għall-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK, b’mod partikolari permezz ta’ vjolenza u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż attakki fuq persuni ċivili, qtil, vjolenza kontra t-tfal, stupri u atti oħra ta’ vjolenza sesswali.

Minħabba l-pożizzjoni ewlenija tiegħu fl-FDLR, Pierre Celestin Rurakabijeis huwa għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Huwa responsabbli wkoll għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK.

26.7.2024

30.

Gustave KUBWAYO

magħruf ukoll bħala Sirkoof, Surkoof, Sirkoff, Surcouf, Surcoff, Surcof, Surkouf, Syrkoff, Modeste, Slycove, Colonel

Funzjoni/grad: Kmandant tal-‘Commando de recherche et d’action en profondeur’ (CRAP) tal-Forces Démocratiques pour la Libération du Rwanda/Forces Combattantes Abacunguzi (FDLR/FOCA)

Post tat-twelid: Karago municipality, Gisenyi prefecture, Rwanda; jew Nyabihu District, Western province, Rwanda

Nazzjonalità: Rwanda

Sess: raġel

Gustave Kuwayo għandu pożizzjoni ewlenija bħala Kmandant fil-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda – Forces Combattantes Abacunguzi (FDLR-FOCA), grupp armat mhux governattiv li jopera fil-Lvant tar-RDK. Huwa jmexxi l-unità speċjali ‘Commando de recherche et d’action en profondeur’ (CRAP) tal-FDLR-FOCA – meqjusa bħala l-unità commando u tal-intelligence tal-grupp armat.

L-FDLR-FOCA huma grupp armat fil-biċċa l-kbira Hutu, li wħud mill-mexxejja tiegħu ħadu sehem fil-ġenoċidju tal-1994 fir-Rwanda. Il-ġellieda tal-FDLR-FOCA, inkluż l-unità CRAP, wettqu stupri u atti oħra ta’ vjolenza sesswali u qatlu persuni ċivili. L-FDLR-FOCA huma sistematikament involuti f’sekwestri għal riskatti, detenzjonijiet u eżekuzzjonijiet arbitrarji ta’ persuni ċivili u r-reklutaġġ ta’ ġellieda tfal. Il-grupp armat huwa involut ukoll fil-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, l-isfruttament ta’ riżorsi naturali bħall-faħam u t-taxxi miġbura illegalment fil-punti ta’ kontroll.

Fil-pożizzjoni tiegħu bħala Kmandant tal-unità CRAP, Gustave Kubwayo huwa involut fit-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Huwa responsabbli wkoll għas-sostenn tal-konflitt armat fir-RDK.

26.7.2024

31.

Jean Claude HABYARIMANA MBITSE

magħruf ukoll bħala Jules MULUMBA, Habyarimana Mbitshemunda

Funzjoni/grad: Kelliem tal-‘Collectif des mouvements pour le changement/Forces de défense du peuple’ (CMC-FDP), Kelliem tal-VDP u Uffiċjal ta’ Kollegament

Post tat-twelid: Rugari Groupement, Rutshuru Territory, North Kivu province, DRC

Indirizz: Bujumbura, Burundi

Nazzjonalità: Kongoliż

Sess: raġel

Jean Claude Habyarimana Mbitse għandu pożizzjoni ewlenija bħala kelliem tal-‘Collectif des mouvements pour le changement/Forces de défense du peuple’ (CMC-FDP), grupp armat mhux governattiv li jopera fil-Lvant tar-RDK. Barra minn hekk, Jean Claude Habyarimana Mbitse għandu pożizzjoni ewlenija bħala kelliem u uffiċjal ta’ kollegament tal-hekk imsejħa ‘Wazalendo’ jew ‘Volontaires pour la Défense de la Patrie’ (VDP), koalizzjoni ta’ gruppi armati mhux governattivi li joperaw fil-Lvant tar-RDK li tiġġieled kontra l-koalizzjoni tal-M23/RDF/AFC.

Is-CMC-FDP u l-VDP isostnu l-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK, b’mod partikolari permezz tal-inċitament tal-vjolenza. B’mod partikolari, il-ġellieda ta’ CMC-FDP u VDP wettqu ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni ċivili. Pereżempju, il-kumbattenti tal-VDP huma sistematikament involuti f’ħtif ta’ persuni għal riskatt, tortura, stupru, detenzjonijiet arbitrarji u eżekuzzjonijiet ta’ persuni ċivili, u r-reklutaġġ ta’ kumbattenti tfal.

Minħabba l-pożizzjoni ewlenija tiegħu fis-CMC-FDP u l-VDP, Jean Claude Habyarimana Mbitse huwa għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Huwa responsabbli wkoll għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK.

26.7.2024

32.

Dominique KAMANZI NDARURUTSE

magħruf ukoll bħala Domi, Dominique NDARURUTSE, Général, Dominique NDARUHUTSE

Funzjoni/grad: Kmandant tal-Collectif des Mouvements pour le Changement-Forces de Défense du Peuple (CMC-FDP)

Data tat-twelid: 1982

Post tat-twelid: Kashavu, Bukombo Groupement, Rutshuru Territory, North Kivu province, DRC

Nazzjonalità: Kongoliż

Sess: raġel

Dominique Kamanzi Ndarurutse huwa Kmandant tal- ‘Collectif des Mouvements pour le Changement-Forces de Défense du Peuple’ (CMC-FDP), grupp armat attiv fil-Lvant tar-RDK u parti mill-hekk imsejħa ‘Wazalendo’ jew ‘Volontaires pour la Défense de la Patrie’ (VDP) li jikkonsistu mill-forzi armati Kongoliżi (FARDC) u diversi gruppi armati oħra. Din il-koalizzjoni tiġġieled kontra l-koalizzjoni tal- Moviment tat-23 ta’ Marzu/l-Armata Rivoluzzjonarja Kongoliża (M23/RDF) u ‘l-Alliance Fleuve Congo’ (AFC) fil-Lvant tar-RDK u kienet involuta fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

Is-CMC-FDP u l-VDP isostnu l-konflitt armat, l-instabbiltà u l-insigurtà fir-RDK, b’mod partikolari permezz tal-inċitament għall-vjolenza. B’mod partikolari, il-kumbattenti ta’ CMC-FDP u VDP wettqu ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni ċivili. Pereżempju, il-kumbattenti tal-VDP huma sistematikament involuti f’ħtif ta’ persuni għal riskatt, tortura, stupru, detenzjonijiet arbitrarji u eżekuzzjonijiet ta’ persuni ċivili, u r-reklutaġġ ta’ kumbattenti tfal.

Bħala Kmandant tas-CMC-FDP, Dominique Kamanzi Ndarurutse jopera l-kmand militari tagħha u għalhekk huwa involut fit-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Bħala mexxej tas-CMC-FDP, huwa responsabbli wkoll għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u l-insigurtà fir-RDK.

26.7.2024

33.

Amigo KIBIRIGE

magħruf ukoll bħala Kibirige Muhammand, Mzee Amigo, Simba Amigo, Marine

Funzjoni/grad: Kmandant tal-Forzi Demokratiċi Alleati

Data tat-twelid: bejn l-1975 u l-1979

Post tat-twelid: Masaka, Uganda

Nazzjonalità: Uganda

Sess: raġel

Amigo Kibirige huwa Kmandant tal-Forzi Demokratiċi Alleati (ADF). ADF huwa grupp armat mhux governattiv li jopera fl-Uganda u fil-Lvant tar-RDK. Amigo Kibirige ġie identifikat bħala wieħed mill-kmandanti ewlenin tal-ADF li joperaw f’Mwalika.

L-ADF isostnu l-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK (b’mod partikolari fil-provinċji ta’ Ituri u fit-Tramuntana ta’ Kivu), pereżempju b’attakki fuq persuni ċivili. Barra minn hekk, huwa responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż attakki kontra persuni ċivili, qtil u sekwestri.

Minħabba l-pożizzjoni ewlenija għolja bħala Kmandant tal-ADF, Amigo Kibirige huwa involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Huwa responsabbli wkoll għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK.

26.7.2024

34.

Augustin MIGABO

Funzjoni/grad: Kurunell, Viċi Kmandant tal-Kmand tal-Forza Speċjali tal-Forza tad-Difiża tar-Rwanda (RDF)

Data tad-twelid: Marzu 1968

Post tat-twelid: Burundi

Nazzjonalità: Rwanda

Numru ta’ servizz militari: 1574

Sess: raġel

Il-Korunell Augustin Migabo għandu pożizzjoni ewlenija bħala Viċi Kmandant tal-Kmand tal-Forza Speċjali tad-Difiża tar-Rwanda (RDF), skjerata fir-RDK minn Mejju 2022, b’mod aktar speċifiku fir-reġjun tat-Tramuntana ta’ Kivu.

L-objettiv tal-preżenza tal-RDF fir-RDK huwa li ssaħħaħ l-operazzjonijiet tal-Moviment 23 ta’ Marzu/l-Armata Rivoluzzjonarja Kongoliża (M23/ARC), grupp armat mhux governattiv li jopera fil-Kongo tal-Lvant billi jipprovdi truppi u ekwipaġġ.

Il-preżenza tal-RDF tikkostitwixxi ksur tal-integrità territorjali tar-RDK. Issostni wkoll il-konflitt armat, l-instabbiltà u l-insigurtà fir-reġjun kif ukoll l-abbużi u ksur serji tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn membri tal-M23/ARC.

Minħabba l-pożizzjoni ta’ tmexxija tiegħu fi ħdan it-truppi RDF preżenti fir-RDK, Augustin Migabo huwa responsabbli għas-sostenn tal-konflitt armat, instabbiltà u insigurtà tar-RDK. Huwa responsabbli wkoll għall-għoti ta’ appoġġ lill-grupp armat M23/ARC, li jsostni l-konflitt armat, l-instabbiltà u l-insigurtà fir-RDK, b’mod partikolari billi jipprovdilha truppi u tagħmir.

26.7.2024

35.

Corneille NANGAA YOBELUO

Funzjoni/grad: Fundatur, mexxej u koordinatur politiku tal-‘Alliance Fleuve Congo’ (AFC)

Data tat-twelid: 9.7.1970

Post tat-twelid: Bagboya, Wamba Territory, Haut-Uele Province, DRC

Nazzjonalità: Kongoliż

Numru tal-passaport: DP0000149, DP0003850

Sess: raġel

Corneille Nangaa Yobeluo għandu pożizzjoni ewlenija bħala fundatur, mexxej u koordinatur politiku tal-‘Alliance Fleuve Congo’ (AFC), moviment politiku-militari li jopera fil-Lvant tar-RDK u assoċjat fil-miftuħ ma’ diversi gruppi armati mhux governattivi, inkluż il-Moviment 23 ta’ Marzu/l-Armata Rivoluzzjonarja Kongoliża (M23/ARC).

Diversi gruppi armati mhux governattivi, inkluż il-M23/ARC, iffaċilitaw il-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK, bl-appoġġ tal-AFC. Billi tappella pubblikament u ripetutament għat-twaqqigħ militari u vjolenti tal-gvern Kongoliż, l-AFC tinċita wkoll il-vjolenza.

Minħabba l-pożizzjoni ta’ tmexxija tiegħu bħala fundatur, mexxej u koordinatur politiku tal-AFC, Corneille Nangaa Yobeluo huwa għalhekk responsabbli għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u l-insigurtà fir-RDK. Huwa wkoll responsabbli għall-għoti ta’ appoġġ lill-grupp armat M23/ARC, li jsostnu l-kunflitt armat, l-instabbiltà u l-insigurtà fir-RDK, b’mod partikolari billi ffurmaw alleanza u billi jaħdmu fil-viċin mal-M23/ARC.

26.7.2024”

(2)

l-entità li ġejja tiżdied mat-Taqsima B (“Entitajiet”):

 

Isem

Informazzjoni ta’ Identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1.

Alliance Fleuve Congo (AFC)

Data tal-ħolqien: 15.12.2023

Post tal-ħolqien: Kenya

L-‘Alliance Fleuve Congo’ (AFC) hija moviment politiku-militari li jopera fil-Lvant tar-RDK u huwa assoċjat fil-miftuħ ma’ diversi gruppi armati mhux governattivi, inkluż il-Moviment 23 ta’ Marzu/l-Armata Rivoluzzjonarja Kongoliża (M23/ARC).

Diversi gruppi armati mhux governattivi, inkluż M23/ARC, iffaċilitaw il-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK, bl-appoġġ tal-AFC. Billi tappella pubblikament u ripetutament għat-twaqqigħ militari u vjolenti tal-gvern Kongoliż, l-AFC tinċita wkoll il-vjolenza.

L-AFC hija għalhekk responsabbli għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u l-insigurtà fir-RDK. L-AFC hija responsabbli wkoll għall-għoti ta’ appoġġ lill-grupp armat M23/ARC, li jsostni l-konflitt armat, l-instabbiltà u l-insigurtà fir-RDK, b’mod partikolari billi jifforma alleanza u ħadem mill-qrib mal-M23/ARC.

26.7.2024”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2064/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top