Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1717

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1717 tas-27 ta’ Ġunju 2023 li jemenda d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għar-reċipjent tal-iċċarġjar u l-protokoll tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar għall-kategoriji jew għall-klassijiet kollha ta’ tagħmir tar-radju li jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2023/4032

    ĠU L 223, 11.9.2023, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1717/oj

    11.9.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 223/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1717

    tas-27 ta’ Ġunju 2023

    li jemenda d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għar-reċipjent tal-iċċarġjar u l-protokoll tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar għall-kategoriji jew għall-klassijiet kollha ta’ tagħmir tar-radju li jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 3(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Wieħed mill-objettivi tad-Direttiva 2014/53/UE huwa li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għat-tagħmir tar-radju.

    (2)

    Sabiex jiġu armonizzati l-interfaċċi tal-iċċarġjar u l-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar għal kategoriji jew klassijiet speċifiċi ta’ tagħmir tar-radju, u sabiex jiġu speċifikati r-rekwiżiti dwar il-bejgħ ikkombinat tat-tagħmir tar-radju u ċ-ċarġers tiegħu u fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-konsumaturi u lil utenti finali oħra, id-Direttiva 2014/53/UE ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2022/2380 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    (3)

    Wara l-emendi tad-Direttiva (UE) 2022/2380, id-Direttiva 2014/53/UE tipprovdi wkoll il-bażi għall-adattament ta’ dawn ir-rekwiżiti għal kwalunkwe progress xjentifiku u teknoloġiku jew żvilupp tas-suq fil-futur sabiex tiġi żgurata interoperabbiltà komuni minima bejn it-tagħmir tar-radju u l-apparati tal-iċċarġjar tiegħu, kif ukoll biex tittejjeb il-konvenjenza għall-konsumaturi, jitnaqqas l-iskart ambjentali u tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq.

    (4)

    Fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-interfaċċi tal-iċċarġjar u tal-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar għall-iċċarġjar bil-fili, l-Artikolu 3(4), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2014/53/UE jirrikjedi li t-tagħmir tar-radju fil-kategoriji jew fil-klassijiet tat-tagħmir tar-radju speċifikati fil-Parti I tal-Anness Ia ta’ dik id-Direttiva jinbena b’tali mod li jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-kapaċitajiet tal-iċċarġjar stabbiliti f’dak l-Anness.

    (5)

    L-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fil-Parti I tal-Anness Ia tad-Direttiva 2014/53/UE jipprevedu li l-kategoriji jew il-klassijiet ta’ tagħmir tar-radju li huma elenkati f’dak l-Anness u li jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili għandhom ikunu mgħammra bir-reċipjent tal-USB tat-Tip-C kif deskritt fl-istandard EN IEC 62680-1-3:2021 “Interfaċċi tal-universal serial bus għad-data u l-elettriku – Parti 1-3: Komponenti komuni – Speċifikazzjoni tal-Kejbil u tal-Konnettur tal-USB tat-Tip-C®”. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fil-Parti I tal-Anness Ia tad-Direttiva 2014/53/UE jipprevedu li l-kategoriji jew il-klassijiet ta’ tagħmir tar-radju li huma elenkati f’dak l-Anness u li jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili b’vultaġġi ogħla minn 5 volts, kurrenti ogħla minn 3 amperes jew potenzi ogħla minn 15 watt għandhom jinkorporaw it-Twassil tal-Enerġija USB kif deskritt fl-istandard EN IEC 62680-1-2:2021 “Interfaċċi tal-universal serial bus għad-data u l-elettriku – Parti 1-2: Komponenti komuni – Speċifikazzjoni tat-Twassil tal-Enerġija bil-USB”.

    (6)

    Fil-5 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC) ippubblikat l-istandard IEC 62680-1-2:2022 “Interfaċċi tal-universal serial bus għad-data u l-elettriku – Parti 1-2: Komponenti komuni – Speċifikazzjoni tat-Twassil tal-Enerġija bil-USB” u l-istandard IEC 62680-1-3:2022 “Interfaċċi tal-universal serial bus għad-data u l-elettriku – Parti 1-3: Komponenti komuni – Speċifikazzjoni tal-Kejbil u tal-Konnettur tal-USB tat-Tip-C®”. Dawk iż-żewġ standards fihom speċifikazzjonijiet aġġornati.

    (7)

    Fl-14 ta’ Ottubru 2022, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) adotta, bħala standards Ewropej (EN), dawk iż-żewġ standards internazzjonali tal-IEC ippubblikati fil-5 ta’ Settembru 2022, permezz ta’ EN IEC 62680-1-2:2022 “Interfaċċi tal-universal serial bus għad-data u l-elettriku – Parti 1-2: Komponenti komuni – Speċifikazzjoni tat-Twassil tal-Enerġija bil-USB” u EN IEC 62680-1-3:2022 “Interfaċċi tal-universal serial bus għad-data u l-elettriku – Parti 1-3: Komponenti komuni – Speċifikazzjoni tal-Kejbil u tal-Konnettur tal-USB tat-Tip-C®”.

    (8)

    Sabiex ikun hemm adattament għall-progress tekniku, jeħtieġ li jiġu mmodifikati, fil-Parti I, il-Punt 2, tal-Anness Ia tad-Direttiva 2014/53/UE, ir-referenzi tal-istandard relatat mar-reċipjent tal-iċċarġjar u l-kejbils għall-iċċarġjar bil-fili f’konformità mal-istandard EN IEC 62680-1-3:2022.

    (9)

    Jeħtieġ ukoll li jiġu mmodifikati, fil-Parti I, il-Punt 3, tal-Anness Ia tad-Direttiva 2014/53/UE, ir-referenzi tal-istandard relatat mal-protokoll tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar dwar l-iċċarġjar bil-fili b’vultaġġ ogħla minn 5 Volts, kurrenti ogħla minn 3 Amperes jew potenzi ogħla minn 15 Watt, f’konformità mal-istandard EN IEC 62680-1-2:2022.

    (10)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2014/53/UE tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-Parti I tal-Anness Ia tad-Direttiva 2014/53/UE hija emendata kif ġej:

    (1)

    fil-punt 2.1, ir-referenza għall-istandard “EN IEC 62680-1-3:2021” hija sostitwita b’“EN IEC 62680-1-3:2022”;

    (2)

    fil-punt 2.2, ir-referenza għall-istandard “EN IEC 62680-1-3:2021” hija sostitwita b’“EN IEC 62680-1-3:2022”;

    (3)

    fil-punt 3.1, ir-referenza għall-istandard “EN IEC 62680-1-2:2021” hija sostitwita b’“EN IEC 62680-1-2:2022”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ġunju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62.

    (2)  Id-Direttiva (UE) 2022/2380 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 li temenda d-Direttiva 2014/53/UE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju (ĠU L 315, 7.12.2022, p. 30).


    Top