EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1596

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1596 tat-3 ta’ Awwissu 2023 li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

C/2023/5085

ĠU L 196, 4.8.2023, p. 17–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 04/05/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1596/oj

4.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/17


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1596

tat-3 ta’ Awwissu 2023

li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolament bażiku”), (1)

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1198 tat-12 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Billi,

A.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Fit-13 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina (“oġġetti li jintużaw fuq il-mejda”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 (3) (“ir-Regolament oriġinali”).

(2)

Fit-12 ta’ Lulju 2019, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni estendiet il-miżuri tar-Regolament oriġinali għal ħames snin oħra permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

(3)

Fit-28 ta’ Novembru 2019, wara investigazzjoni antiċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni emendat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 (4).

(4)

Fl-investigazzjoni oriġinali, il-kampjunar ġie applikat għall-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(5)

Il-Kummissjoni imponiet rati ta’ dazju anti-dumping individwali li jvarjaw minn 13,1 % sa 18,3 % fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina għall-produtturi esportaturi fil-kampjun mir-RPĊ. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun ġiet imposta rata ta’ dazju ta’ 17,9 %. Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun huma elenkati fl-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131. Barra minn hekk, ġiet imposta wkoll rata ta’ dazju mal-pajjiż kollu ta’ 36,1 % fuq il-prodott ikkonċernat minn kumpaniji fir-RPĊ li jew ma ddikjarawx ruħhom jew inkella ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

(6)

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, l-Anness 1 ta’ dak ir-Regolament jista’ jiġi emendat billi l-produttur esportatur il-ġdid jingħata r-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun, jiġifieri r-rata tad-dazju medja ponderata ta’ 17,9 %, meta dak il-produttur esportatur ġdid jagħti biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:

(a)

ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (“il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali”);

(b)

ma huwa relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-RPĊ li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198; kif ukoll

(c)

effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali jew ikun daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni.

B.   TALBA GĦAL TRATTAMENT TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID

(7)

Il-kumpanija Shenzhen M&G Ceramics Co., Ltd. (“M&G” jew “l-applikant”), ippreżentat talba lill-Kummissjoni biex tingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid (new exporting producer treatment, “NEPT”) u għalhekk tkun soġġetta għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw fir-RPĊ mhux inklużi fil-kampjun, li hija ta’ 17,9 %. L-applikant sostna li kien jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, (“il-kundizzjonijiet ta’ NEPT”).

(8)

Sabiex tiddetermina jekk l-applikant issodisfax il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni l-ewwel bagħtet kwestjonarju lill-applikant fejn talbet għal evidenza li turi li kien jissodisfa l-kundizzjonijiet tan-NEPT.

(9)

Wara l-analiżi tat-tweġiba għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni u evidenza ta’ sostenn, li l-applikant ippreżenta.

(10)

Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa biex tiddetermina jekk l-applikant kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-NEPT. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni analizzat l-evidenza ppreżentata mill-applikant fil-kwestjonarju u t-tweġibiet tal-ittri ta’ defiċjenza tiegħu; ikkonsultat diversi bażijiet tad-data online, inkluż Orbis (5), D&B (6), u Qichacha (7); u kkontroverifikat l-informazzjoni tal-kumpanija mal-informazzjoni ppreżentata f’każijiet preċedenti. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-industrija tal-Unjoni dwar it-talba tal-applikant u stednitha tipprovdi kwalunkwe kumment skont il-bżonn. Ma wasal l-ebda kumment mill-industrija tal-Unjoni.

C.   ANALIŻI TAT-TALBA

(11)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li l-applikant ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li l-miżuri huma bbażati fuqu, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali”), matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet li f’dak iż-żmien l-applikant ma kienx jeżisti. Il-liċenzji tan-negozju u tal-esportazzjoni kkonfermaw Diċembru 2019 bħala d-data tal-istabbiliment tal-applikant u din ġiet kontroverifikata wkoll ma’ sorsi oħra disponibbli pubblikament. Għaldaqstant, l-applikant ma setax jesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(12)

B’konsegwenza, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant huwa konformi mal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

(13)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li l-applikant mhuwiex relatat ma’ produttur esportatur li esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet li skont it-tweġibiet tal-applikant għall-kwestjonarju u l-ittra ta’ defiċjenza, iż-żewġ azzjonisti ta’ M&G għandhom rispettivament 60 % u 40 % tal-azzjonijiet. Dan ġie kkonfermat minn Qichacha. L-investigazzjoni kkonfermat li wieħed mill-azzjonisti ma kellu l-ebda rabta ma’ kumpaniji oħra soġġetti għall-miżuri anti-dumping imsemmija hawn fuq. It-tieni azzjonist kien attiv f’erba’ kumpaniji oħra fl-industrija mill-1995, li tlieta minnhom ma għadhomx jeżistu. F’dak li jirrigwarda l-kumpanija li għadha teżisti, wara kjarifiki li saru permezz ta’ tweġibiet għal ittra ta’ defiċjenza kif ukoll investigazzjoni ulterjuri, dan l-azzjonist ma nstabx li kellu rabtiet ma’ produtturi soġġetti għall-miżuri anti-dumping oriġinali. B’hekk, il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda relazzjoni skont id-definizzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (8).

(14)

B’konsegwenza, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant huwa konformi mal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

(15)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, li l-applikant effettivament esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni stabbiliet li M&G esportat għall-ewwel darba lejn l-Unjoni (Spanja) f’April 2020, jiġifieri wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. L-applikant ipprovda l-ordni, il-fattura, il-lista tal-imballaġġ, il-formola tad-dikjarazzjoni doganali, il-polza ta’ karigu u d-dokumenti tal-pagament bankarju. Il-prodotti tal-ordni ġew identifikati wkoll fis-sit web tal-importatur tal-UE.

(16)

B’konsegwenza, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant huwa konformi mal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

(17)

Għaldaqstant, l-applikant jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet li biex jingħata n-NEPT, kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 u jenħtieġ għalhekk li t-talba tiġi milqugħa. Konsegwentement, jenħtieġ li l-applikant ikun soġġett għal dazju anti-dumping ta’ 17,9 % għall-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali.

D.   DIVULGAZZJONI

(18)

L-applikant u l-industrija tal-Unjoni kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet skont liema tqies xieraq li tingħata r-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli lill-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali lil Shenzhen M&G Ceramics Co., Ltd. (“M&G”).

(19)

Il-partijiet ingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw kummenti. Ma wasal l-ebda kumment.

(20)

Dan ir-Regolament huwa skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kumpanija li ġejja tiżdied mal-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131 li fih il-lista tal-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun:

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

“Shenzhen M&G Ceramics Co., Ltd.

C932”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU L 189, 15.7.2019, p. 8.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 tat- 13 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 131, 15.5.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 139).

(5)  Orbis huwa fornitur globali tad-data ta’ informazzjoni korporattiva li jkopri aktar minn 220 miljun kumpanija fid-dinja kollha. Prinċipalment jipprovdi informazzjoni standardizzata dwar kumpaniji privati u strutturi korporattivi.

(6)  Dun and Bradstreet (D&B) software solution tipprovdi data kummerċjali, analitika, u għarfien għan-negozji dwar il-kumpaniji privati u l-istrutturi korporattivi.

(7)  Qichacha hija bażi tad-data privata Ċiniża, bi skop ta’ qligħ, li tipprovdi data kummerċjali, informazzjoni dwar il-kreditu, u analitika dwar kumpaniji privati u pubbliċi bbażati fiċ-Ċina, lill-konsumaturi/lill-professjonisti.

(8)  L-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558) (il-Kodiċi Doganali tal-UE), jistipula li żewġ persuni għandhom jitqiesu relatati jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tkun tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew iktar tal-azzjonijiet bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom direttament jew indirettament ikun jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien ikunu jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni li huma assoċjati fin-negozju ma’ xulxin, fis-sens li waħda tkun l-aġent waħdieni, id-distributur waħdieni jew il-konċessjonarju waħdieni, hi xinhi d-deżijazzjoni, tal-persuna l-oħra, għandhom jitqiesu bħala relatati biss jekk ikunu jaqgħu fil-kriterji msemmija fis-sentenza ta’ qabel.


Top