Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D2700

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2700 tal-4 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1515 li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża

ST/15374/2023/INIT

ĠU L, 2023/2700, 5.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2700/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 08/12/2024; Impliċitament imħassar minn 32024D3116

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2700/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2700

5.12.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/2700

tal-4 ta’ Diċembru 2023

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1515 li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 42(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1515 (1).

(2)

Il-Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (KESD) espanda l-attivitajiet tiegħu b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin u jospita għadd akbar ta’ esperti nazzjonali ssekondati miegħu mill-Istati Membri, wara bosta talbiet għal attivitajiet ġodda ta’ taħriġ u edukazzjoni.

(3)

Il-KESD jeħtieġ li jsaħħaħ l-istruttura ta’ appoġġ amministrattiv tiegħu kif xieraq, inkluż sabiex jiżgura aktar operazzjonalizzazzjoni tiegħu sabiex jilħaq l-objettivi tiegħu.

(4)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit ammont ta’ referenza finanzjarja ġdid għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1515 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1515 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 16

Kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea

1.   Il-KESD għandu jirċievi kontribuzzjoni annwali jew pluriennali mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Dik il-kontribuzzjoni tista’ tkopri, b’mod partikolari, l-ispejjeż ta’:

(a)

l-appoġġ għall-attivitajiet ta’ taħriġ u edukazzjoni;

(b)

esperti nazzjonali ssekondati mill-Istati Membri mal-KESD;

(c)

sa erba’ membri tal-persunal kuntrattwali impjegati mill-KESD jew issekondati mis-SEAE mal-KESD, fuq talba tal-Kap tal-KESD u soġġett għall-approvazzjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-KESD; għall-fini tal-issekondar tiegħu lill-KESD, il-persunal kuntrattwali ssekondat mis-SEAE għandu jkun impjegat skont il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68.

2.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-KESD matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2024 għandu jkun ta’ EUR 2 933 304,01.

3.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja biex ikopri n-nefqa tal-KESD għal perjodi sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

4.   Wara d-deċiżjoni mill-Kunsill imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, għandu jiġi konkluż ftehim ta’ finanzjament bejn il-KESD u l-Kummissjoni.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

O. PUENTE SANTIAGO


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1515 tad-19 ta’ Ottubru 2020 li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2382 (ĠU L 348, 20.10.2020, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2700/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top