Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0592

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/592 tal-11 ta’ April 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

    ST/6861/2022/INIT

    ĠU L 114, 12.4.2022, p. 37–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/592/oj

    12.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 114/37


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/592

    tal-11 ta’ April 2022

    li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 tat-12 ta' April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta' April 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 359/2011.

    (2)

    Abbażi ta' rieżami tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK (2), il-Kunsill iddeċieda li l-miżuri restrittivi stabbiliti fiha jenħtieġ li jiġġeddu sat-13 ta' April 2023.

    (3)

    Tliet persuni indikati fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 huma mejta, u jenħtieġ li l-entrati dwarhom jitneħħew minn dak l-Anness. Il-Kunsill ikkonkluda wkoll li jenħtieġ li l-entrati li jikkonċernaw 25 persuna inklużi fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 jiġu aġġornati.

    (4)

    Għalhekk l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-11 ta’ April 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)   ĠU L 100, 14.4.2011, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta' April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51).


    ANNESS

    L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 (“Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2(1)”) huwa emendat kif ġej:

    (1)

    jitħassru l-entrati 27 (dwar ZARGAR Ahmad), 38 (dwar FIRUZABADI Maj-Gen Dr Hasan) u 41 (dwar HEJAZI Mohammad) fil-lista intitolata “'Persuni”';

    (2)

    l-entrati għall-25 persuna li ġejjin huma sostitwiti b'dan li ġej:

    Persuni

     

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “1.

    AHMADI- MOQADDAM Esmail

    Post tat-twelid: Tehran (Iran)

    Data tat-twelid: 1961

    Sess: raġel

    Direttur tal-Università u l-Istitut tar-Riċerka tad-Difiża Nazzjonali Superjuri mill-20 ta' Settembru 2021. Eks Konsulent Għoli għall-Affarijiet ta' Sigurtà tal-Kap tal-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati. Kap tal-Pulizija Nazzjonali tal-Iran mill-2005 sa kmieni fl-2015. Kap tal-Pulizija Ċibernetika Iranjana (elenkata mill-UE) minn Jannar 2011 sa kmieni fl-2015 ukoll. Il-forzi taħt il-kmand tiegħu wettqu attakki brutali fuq protesti paċifiċi, u attakk vjolenti mal-lejl fuq id-dormitorji tal-Università ta' Tehran fil-15 ta' Ġunju 2009. Eks kap tal-Kwartieri Ġenerali tal-Iran b'appoġġ għall-Poplu Jemenita.

    12.4.2011

    20.

    MOGHISSEH Mohammad (magħruf ukoll bħala NASSERIAN)

    Sess: raġel

    Imħallef fil-Qorti Suprema minn Novembru 2020. Eks kap tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta' Tehran, fergħa 28. Meqjus ukoll responsabbli għall-kundanni ta' membri tal-komunità Bahai. Ittratta wkoll kawżi ta' wara l-elezzjoni. Ta sentenzi ta' priġunerija fit-tul matul proċessi inġusti ta’ attivisti u ġurnalisti soċjali u politiċi, u diversi pieni tal-mewt għal persuni li pprotestaw u attivisti soċjali u politiċi.

    12.4.2011

    21.

    MOHSENI-EJEI Gholam-Hossein

    Post tat-twelid: Ejiyeh (Iran)

    Data tat-twelid: madwar 1956

    Sess: raġel

    Prim Imħallef minn Lulju 2021. Membru tal-Kunsill ta' Espedjenza. Prosekutur Ġenerali tal-Iran minn Settembru 2009 sal-2014. Eks Viċi Kap tal-Ġudikatura (2014 sa Lulju 2021) u kelliem għall-Ġudikatura (2010-2019). Ministru tal-Intelligence mill-2005 sal-2009. Waqt li kien Ministru għall-Intelligence matul l-elezzjoni tal-2009, aġenti tal-intelligence taħt il-kmand tiegħu kienu responsabbli għad-detenzjoni u t-tortura ta’ u l-akkwist ta' stqarrijiet foloz taħt pressjoni mingħand, mijiet ta' attivisti, ġurnalisti, dissidenti u politiċi riformisti. Barra minn hekk, figuri politiċi kienu mġiegħla jagħmlu stqarrijiet foloz taħt interrogazzjoni insopportabbli li kienu jinkludu tortura, abbuż, rikatti, u t-theddid ta' membri tal-familja.

    12.4.2011

    22.

    MORTAZAVI Said (magħruf ukoll bħala MORTAZAVI Saeed)

    Post tat-twelid: Meybod, Yazd (Iran)

    Data tat-twelid: 1967

    Sess: raġel

    Kap tas-Sistema ta' Protezzjoni Soċjali mill-2011 sal-2013. Prosekutur Ġenerali ta' Tehran sa Awwissu 2009. Bħala Prosekutur Ġenerali ta' Tehran, huwa kien ħareġ ordni ġenerali għad-detenzjoni ta' mijiet ta' attivisti, ġurnalisti u studenti. F'Jannar 2010, investigazzjoni parlamentari sabitu direttament responsabbli għad-detenzjoni ta' tliet ħabsin li sussegwentement mietu fil-ħabs. Huwa ġie sospiż mill-kariga f'Awwissu 2010 wara investigazzjoni mill-ġudikatura Iranjana dwar ir-rwol tiegħu fl-imwiet tat-tliet irġiel miżmuma fuq l-ordnijiet tiegħu wara l-elezzjoni.

    F'Novembru 2014, ir-rwol tiegħu fl-imwiet ta' detenuti ġie rikonoxxut uffiċjalment mill-awtoritajiet Iranjani. Ġie liberat minn Qorti Iranjana fid-19 ta' Awwissu 2015, fuq akkużi marbuta mat-tortura u l-imwiet ta' tliet ġuvintur fiċ-ċentru ta' detenzjoni ta' Kahrizak fl-2009. Ikkundannat għall-ħabs fl-2017 u rilaxxat f'Settembru 2019. F'Awwissu 2021, il-Qorti Suprema tal-Iran ħarġet sentenza b'appoġġ sħiħ għal Said Mortazavi, fejn qalbet is-sentenza preċedenti tiegħu ta' sentejn ħabs.

    12.4.2011

    25.

    SALAVATI Abdolghassem

    Sess: raġel

    Imħallef tal-Qorti Speċjali għar-Reati Finanzjarji, fergħa 4 mill-2019. Imħallef, Kap tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta' Tehran, fergħa 15. Imħallef fit-Tribunal ta' Tehran. Inkarigat mill-kawżi ta' wara l-elezzjoni, huwa kien l-Imħallef li ppresieda l-"proċessi spettaklu" fis-sajf 2009, huwa kkundanna għall-mewt żewġ monarkisti li dehru fil-proċessi spettaklu. Huwa kkundanna aktar minn mitt priġunier politiku, attivisti għad-drittijiet tal-bniedem, u dimostranti għal sentenzi ta' priġunerija fit-tul.

    Fl-2018, ir-rapporti wrew li kompla jagħti sentenzi simili mingħajr l-osservanza xierqa tal-proċeduri ta' smigħ ġust.

    12.4.2011

    28.

    YASAGHI Ali-Akbar

    Sess: raġel

    Imħallef fil-Qorti Suprema, kap tat-13-il taqsima. Viċi Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Setad-e Dieh. Prim Imħallef, Qorti Rivoluzzjonarji ta' Mashhad (2001-2011). Proċessi taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati. Peress li nħarġu sentenzi ta' eżekuzzjoni bil-massa (sa 550 bejn is-sajf tal-2009 u s-sajf tal-2011), il-pieni tal-mewt inħarġu mingħajr l-osservanza xierqa tal-proċeduri ta' smigħ ġust.

    12.4.2011

    30.

    ESMAILI Gholam-Hossein (magħruf ukoll bħala ESMAILI Gholam Hossein)

    Sess: raġel

    Kap tal-Persunal tal-President Iranjan Raisi minn Awwissu 2021. Kelliem għall-ġudikatura minn April 2019 sa Lulju 2021. Eks Kap tal-Ġudikatura ta' Tehran. Eks Kap tal-Organizzazzjoni tal-Ħabsijiet tal-Iran. F'din il-kariga, huwa kien kompliċi fid-detenzjoni massiva ta' persuni li pprotestaw għal raġunijiet politiċi u għall-ħabi ta' abbużi mwettqa fis-sistema ta' priġunerija.

    12.4.2011

    33.

    ABBASZADEH- MESHKINI, Mahmoud

    Sess: raġel

    Membru tal-Parlament (minn Frar 2020) u Speaker tal-Kumitat tal-Parlament għas-Sigurtà Nazzjonali u l-Affarijiet Barranin. Eks Konsulent għall-Kunsill Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Iran (sal-2019). Eks segretarju tal-Kunsill Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem. Eks gvernatur tal-Provinċja ta' Ilam. Eks Direttur Politiku tal-Ministeru għall-Intern. Bħala Kap tal-Kumitat tal-Artikolu 10 tal-Liġi dwar Attivitajiet ta' Partiti u Gruppi Politiċi, huwa kien jieħu ħsieb l-awtorizzazzjoni ta' dimostrazzjonijiet u avvenimenti pubbliċi oħra u r-reġistrazzjoni ta' partiti politiċi.

    Fl-2010, huwa ssospenda l-attivitajiet ta' żewġ partiti politiċi riformisti marbuta ma' Mousavi – il-Front Iżlamiku għall-Parteċipazzjoni tal-Iran u l-Organizzazzjoni ta' Mujahedeen għar-Rivoluzzjoni Iżlamika. Mill-2009 'l quddiem, irrifjuta b'mod konsistenti u kontinwu l-laqgħat kollha mhux governattivi, u b'hekk ċaħħad dritt kostituzzjonali għall-protesta u wassal għal ħafna arresti ta' dimostranti paċifiċi bi ksur tad-dritt għal-libertà ta' assemblea.

    Fl-2009 huwa ċaħħad ukoll l-oppożizzjoni minn permess għal ċerimonja biex tibki t-telfa tan-nies maqtula fi protesti matul l-elezzjonijiet Presidenzjali.

    10.10.2011

    35.

    AKHARIAN Hassan

    Sess: raġel

    Kap tas-Sala 5 u inkarigat mir-reklużjoni fil-Ħabs ta' Rajaee Shahr elenkat mill-UE mill-2015; kien Gwardjan tas-Sala 1 tal-ħabs ta' Rajaee Shahr, Karadj sa Lulju 2010. Diversi eks-detenuti ddenunzjaw l-użu tiegħu ta' tortura, kif ukoll ordnijiet li ta biex il-priġunieri ma jirċevux għajnuna medika. Skont traskrizzjoni ta' detenut irrappurtat fil-ħabs ta' Rajaee Shahr, il-gwardjani sawtuh bil-qawwa, u Akharian kien jaf b'dak kollu li kien qed jiġri. Hemm ukoll mill-inqas każ wieħed irrappurtat tat-trattament ħażin u l-mewt ta' detenut, Mohsen Beikvand, taħt il-gwardja ta' Akharian. Beikvand miet f'Settembru 2010. Priġunieri oħra jiddikjaraw b'mod kredibbli li nqatel fuq struzzjonijiet ta' Hassan Akharian.

    10.10.2011

    36.

    AVAEE Seyyed Ali-Reza (magħruf ukoll bħala: AVAEE Seyyed Alireza, AVAIE Alireza)

    Post tat-twelid: Dezful (Iran)

    Data tat-twelid: 20.5.1956

    Sess: raġel

    Ministru għall-Ġustizzja sal-25 ta' Awwissu 2021. Eks Direttur tal-uffiċċju ta' investigazzjonijiet speċjali. Sa Lulju 2016 Viċi Ministru għall-Intern u l-Kap tar-Reġistru pubbliku. Konsulent għall-Qorti Dixxiplinari għall-Imħallfin sa minn April 2014. Eks President tal-Ġudikatura ta' Tehran. Bħala President tal-Ġudikatura ta' Tehran, kien responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, arresti arbitrarji, ċaħdiet tad-drittijiet tal-priġunieri u għadd kbir ta' eżekuzzjonijiet.

    10.10.2011

    46.

    KAMALIAN Behrouz (magħruf ukoll bħala: Hackers Brain, Behrooz_Ice)

    Post tat-twelid: Tehran (Iran)

    Data tat-twelid: 1983

    Sess: raġel

    Kap taċ-ċibergrupp "Ashiyaneh" b'rabta mar-reġim Iranjan. Is-Sigurtà Diġitali "Ashiyaneh", imwaqqfa minn Behrouz Kamalian hija responsabbli għal attakki ċibernetiċi intensivi kemm fuq opponenti u riformisti domestiċi kif ukoll istituzzjonijiet barranin. Il-ħidma tal-organizzazzjoni "Ashiyaneh" ta' Kamalian assistiet lir-reġim fir-repressjoni tal-oppożizzjoni, li kienet tinvolvi ħafna istanzi ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-2009. Kemm Kamalian kif ukoll iċ-ċibergrupp "Ashiyaneh" komplew bl-attivitajiet tagħhom mill-inqas sa Diċembru 2021.

    10.10.2011

    47.

    KHALILOLLAHI Moussa (magħruf ukoll bħala: KHALILOLLAHI Mousa, ELAHI Mousa Khalil)

    Post tat-twelid: Tabriz (Iran)

    Data tat-twelid: 1963

    Sess: raġel

    Prim Imħallef tal-provinċja tal-Azerbajġan tal-Lvant. Eks Prosekutur ta' Tabriz mill-2010 sal-2019. Huwa kien involut fil-każ ta' Sakineh Mohammadi-Ashtani u huwa kompliċi fi ksur serju tad-dritt għal proċess dovut.

    10.10.2011

    53.

    TALA Hossein (magħruf ukoll bħala: TALA Hosseyn)

    Post tat-twelid: Tehran (Iran)

    Data tat-twelid: 1969

    Sess: raġel

    Sindku ta' Eslamshahr sal-2020. Eks MP Iranjan. Eks Gvernatur Ġenerali ("Farmandar") tal-Provinċja ta' Tehran sa Settembru 2010, kien responsabbli għall-intervent tal-forzi tal-pulizija u għalhekk għar-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet. F'Diċembru 2010 huwa rċieva premju għar-rwol tiegħu fir-repressjoni ta' wara l-elezzjoni.

    10.10.2011

    55.

    ZEBHI Hossein

    Sess: raġel

    L-ewwel Viċi Konsulent għall-Ġudikatura u Mħallef tal-Qorti Suprema (Kap tal-Fergħa 41 tal-Qorti Suprema, li jittratta b'mod partikolari reati ta' sigurtà u drogi). Deputat għall-Prosekutur Ġenerali tal-Iran (2007-2015). F'dan ir-rwol, kien responsabbli mill-każijiet ġudizzjarji li tressqu wara l-protesti ta' wara l-elezzjoni fl-2009 li twettqu bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem. F'dan ir-rwol ukoll, huwa appoġġa l-kastigi eċċessivi għal reati ta' drogi.

    10.10.2011

    56.

    BAHRAMI Mohammad- Kazem

    Sess: raġel

    Kap tal-qorti tal-ġustizzja amministrattiva sa April 2021. Huwa kien kompliċi fir-repressjoni ta' dimostranti paċifiċi fl-2009 bħala kap tal-fergħa ġudizzjarja tal-forzi armati.

    10.10.2011

    60.

    HOSSEINI Dr Mohammad (magħruf ukoll bħala: HOSSEYNI Dr Seyyed Mohammad; Seyed, Sayyed u Sayyid)

    Post tat-twelid: Rafsanjan, Kerman (Iran)

    Data tat-twelid: 23.7.1961

    Sess: raġel

    Viċi President għall-affarijiet parlamentari taħt il-President Raisi minn Awwissu 2021. Eks konsulent tal-President Mahmoud Ahmadinejad u kelliem għall-fazzjoni politika estremista YEKTA. Ministru għall-Kultura u l-Gwida Iżlamika (2009-2013). Eks IRGC, kompliċi fir-repressjoni tal-ġurnalisti.

    10.10.2011

    62.

    ZARGHAMI Ezzatollah

    Post tat-twelid: Dezful (Iran)

    Data tat-twelid: 22.7.1959

    Sess: raġel

    Ministru tal-Kultura, l-Artiġjanat u t-Turiżmu mill-25 ta' Awwissu 2021. Membru tal-Kunsill Suprem għaċ-Ċiberspazju u tal-Kunsill għar-Rivoluzzjoni Kulturali mill-2014. Eks Kap tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB) sa Novembru 2014. Taħt it-tmexxija tiegħu fl-IRIB, kien responsabbli għad-deċiżjonijiet kollha ta' programmazzjoni. L-IRIB xandar konfessjonijiet furzati ta' detenuti u serje ta' "proċessi spettaklu" f'Awwissu 2009 u f'Diċembru 2011. Dawn jikkostitwixxu ksur ċar tad-dispożizzjonijiet internazzjonali dwar proċess legali ġust u d-dritt għal proċess dovut.

    23.3.2012

    64.

    KAZEMI Toraj

    Sess: raġel

    Kap tad-diviżjoni ta' Greater Tehran tal-Pulizija Ċibernetika ddeżinjata mill-UE sa Ġunju 2020. F'din il-kapaċità, nieda kampanja għar-reklutaġġ ta' hackers tal-gvern sabiex jikkontrolla aħjar l-informazzjoni fuq l-Internet u jattakka siti "perikolużi".

    23.3.2012

    65.

    LARIJANI Sadeq

    Post tat-twelid: Najaf (Iraq)

    Data tat-twelid: 1960 jew Awwissu 1961

    Sess: raġel

    Kap tal-Kunsill ta' Espedjenza mid-29 ta' Diċembru 2018. Eks membru tal-Kunsill tal-Gwardjani (sa Settembru 2021). Eks Kap tal-Ġudikatura (2009-2019). Il-Kap tal-Ġudikatura huwa mitlub li jagħti l-kunsens tiegħu għal u jirreġistra kull kastig għal qisas (tpattija), hodoud (reat kontra Alla) u ta'zirat (reati kontra l-istat). Dan jinkludi sentenzi li jġibu magħhom il-piena tal-mewt, is-swat u l-amputazzjoni. F'dan ir-rigward, hu personalment awtorizza bosta sentenzi ta' piena tal-mewt, bi ksur tal-istandards internazzjonali, inkluż bi tħaġġir, eżekuzzjonijiet bit-tgħalliq, eżekuzzjonijiet ta' minuri, u eżekuzzjonijiet pubbliċi bħal dawk fejn il-priġunieri kienu mgħallqa mill-pontijiet quddiem folol ta' eluf ta' nies. Għalhekk, huwa kkontribwixxa għal għadd kbir ta' eżekuzzjonijiet. Huwa ppermetta wkoll sentenzi ta' kastigi korporali bħal amputazzjonijiet u t-taqtir tal-aċidu fl-għajnejn tal-ikkundannati. Minn meta Sadeq Larijani ħa l-kariga, l-arresti arbitrarji ta' priġunieri politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-minoranzi żdiedu konsiderevolment. Sadeq Larijani huwa responsabbli wkoll mill-fallimenti sistemiċi fil-proċess ġudizzjarju Iranjan fir-rigward tad-dritt għal proċess ġust.

    23.3.2012

    69.

    MORTAZAVI Seyyed Solat

    Post tat-twelid: Farsan, Tchar Mahal-o-Bakhtiari (Nofsinhar) - (Iran)

    Data tat-twelid: 1967

    Sess: raġel

    Mill-5 ta' Settembru 2021, Viċi President għall-Affarijiet Eżekuttivi tal-Iran u Kap tal-Uffiċċju Presidenzjali. Kap tal-fergħa tal-proprjetà immobbli tal-Fondazzjoni Mostazafan, li kienet immexxija direttament mill-Mexxej Suprem Khamenei mis-16 ta' Settembru 2019 sa Settembru 2021. Sa Novembru 2019, Direttur tal-fergħa ta' Tehran tal-Fondazzjoni Astan Qods Razavi. Eks sindku tat-tieni l-akbar belt tal-Iran, Mashhad, fejn regolarment jitwettqu eżekuzzjonijiet pubbliċi. Eks Viċi Ministru għall-Intern għall-Affarijiet Politiċi, maħtur fl-2009. F'dik il-kapaċità, kien responsabbli biex imexxi r-repressjoni ta' persuni li tkellmu biex jiddefendu d-drittijiet leġittimi tagħhom, inkluż il-libertà tal-espressjoni. Aktar tard maħtur bħala Kap tal-Kumitat Elettorali Iranjan għall-elezzjonijiet parlamentari fl-2012 u għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-2013.

    23.3.2012

    74.

    REZVANMA-NESH Ali

    Sess: raġel

    Viċi Prosekutur fil-provinċja ta' Karaj, reġjun ta' Alborz fil-perjodu 2010-2016. Responsabbli mill-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-involviment fl-eżekuzzjoni ta' persuna minorenni.

    23.3.2012

    79.

    RASHIDI AGHDAM, Ali Ashraf

    Sess: raġel

    Viċi Direttur tas-Saħħa, Korrezzjoni u Edukazzjoni tal-Ħabsijiet ta' Tehran. Eks kap tal-Ħabs ta' Evin (2012-2015). Matul il-kariga tiegħu, il-kundizzjonijiet fil-ħabs iddeterjoraw u r-rapporti għamlu riferiment għal trattament ħażin intensifikat tal-priġunieri. F'Ottubru 2012, disa' priġunieri nisa għamlu strajk tal-ġuħ bi protesta kontra l-ksur tad-drittijiet tagħhom u t-trattament vjolenti mill-gwardjani tal-ħabs.

    12.3.2013

    80.

    KIASATI Morteza

    Sess: raġel

    Imħallef tal-fergħa 54 tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta' Tehran u tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta' Ahwaz, Fergħa 4; ikkundanna għall-mewt erba' priġunieri politiċi Għarab, Taha Heidarian, Abbas Heidarian, Abd al-Rahman Heidarian (tlett aħwa) u Ali Sharifi. Dawn ġew arrestati, ittorturati u mgħallqa mingħajr proċess korrett. Sar riferiment għal dawn il-każijiet u n-nuqqas ta' proċess korrett f'rapport tat-13 ta' Settembru 2012 mir-Relatur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-Iran tat-22 ta' Awwissu 2012.

    12.3.2013

    83.

    JAFARI Asadollah

    Sess: raġel

    Bħalissa Avukat Ġenerali f'Isfahan. F'din il-pożizzjoni, ordna reazzjonijiet vjolenti kontra d-dimostranti li ħarġu fit-toroq f'Novembru 2021 biex jipprotestaw kontra l-iskarsezzi tal-ilma. Skont xi rapporti, Jafari ħabbar il-formazzjoni ta' uffiċċju speċjali biex jinvestiga d-dimostranti arrestati.

    Bħala l-eks Prosekutur tal-Provinċja ta' Mazandaran, Jafari rrakkomanda l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt f'kawżi mmexxija minnu, li rriżulta f'ħafna eżekuzzjonijiet fosthom eżekuzzjonijiet pubbliċi, u f'ċirkostanzi fejn l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt tmur kontra d-drittijiet internazzjonali tal-bniedem, fosthom billi kien sproporzjonat u l-kastig eċċessiv. Jafari kien ukoll responsabbli għall-arresti illegali u l-ksur tad-drittijiet tad-detenuti ta' Baha'i mill-arrest inizjali saż-żamma tagħhom f'iżolament fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni tal-Intelligence.

    12.3.2013

    95.

    VASEGHI Leyla (magħrufa wkoll bħala VASEQI Layla, VASEGHI Leila, VASEGHI Layla)

    Post tat-twelid: Sari, Provinċja ta' Mazandaran (Iran)

    Data tat-twelid: 1352 (Kalendarju Hijri Iranjan), 1972 jew 1973 (kalendarju Gregorjan)

    Sess: mara

    Pożizzjoni: Eks gvernatur ta' Shahr-e Qods u Kap tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Belt

    Bħala gvernatur ta' Shahr-e Qods u Kap tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Belt minn Settembru 2019 sa Novembru 2021, Leyla Vaseghi ordnat lill-pulizija u lil forzi armati oħra biex jużaw forza letali matul il-protesti ta' Novembru 2019, li kkawżat imwiet u korrimenti ta' dimostranti mhux armati u persuni ċivili oħra. Bħala l-gvernatur ta' Shahr-e Qods u Kap tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Belt, Leyla Vaseghi ġġorr ir-responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

    12.4.2021”


    Top