EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2332

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2332 tal-28 ta’ Novembru 2022 dwar l-identifikazzjoni tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni bħala qasam ta’ kriminalità li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

ST/10287/2022/REV/1

ĠU L 308, 29.11.2022, p. 18–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2332/oj

29.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/18


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2332

tal-28 ta’ Novembru 2022

dwar l-identifikazzjoni tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni bħala qasam ta’ kriminalità li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 83(1), it-tielet subparagrafu tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprevedi li l-Kunsill jista’ jadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-approċċ tal-Unjoni għal kwistjoni partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika, inklużi miżuri restrittivi.

(2)

L-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jippermetti lill-Kunsill jadotta miżuri restrittivi kontra persuni u gruppi fiżiċi jew ġuridiċi, jew entitajiet mhux statali, jew li jadotta miżuri li jipprevedu l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar, abbażi ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 29 TUE. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tar-Regolamenti tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi tal-Unjoni.

(3)

Din id-deċiżjoni tkopri biss miżuri restrittivi li l-Unjoni adottat abbażi tal-Artikolu 29 TUE jew tal-Artikolu 215 TFUE, bħal miżuri dwar l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi, il-projbizzjoni dwar tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi u l-projbizzjoni dwar dħul fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni, kif ukoll il-miżuri ekonomiċi settorjali u l-embargo tal-armi.

(4)

Huwa neċessarju li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. Huwa neċessarju wkoll li dawk il-pieni jindirizzaw iċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

(5)

Il-Kummissjoni tiżgura l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni fl-infurzar tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni adottati fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u vvalutat l-interazzjoni bejn il-miżuri restrittivi u l-miżuri tal-liġi kriminali.

(6)

L-Artikolu 83(1) TFUE bħalissa ma jipprovdix għall-istabbiliment ta’ regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ u l-pieni għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, peress li l-ksur tagħhom bħala tali għadu mhuwiex kopert mill-oqsma ta’ kriminalità elenkati f’dak l-Artikolu. L-oqsma ta’ kriminalità attwalment elenkati fl-Artikolu 83(1), it-tieni subparagrafu, huma t-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali tan-nisa u t-tfal, it-traffikar illeċitu ta’ droga, it-traffikar illeċitu ta’ armi, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ ħlas, il-kriminalità fl-informatika u l-kriminalità organizzata. Madankollu, il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni jista’ f’xi każijiet ikun relatat ma’ reati kriminali koperti minn xi wħud mill-oqsma ta’ kriminalità elenkati, bħat-terroriżmu u l-ħasil tal-flus.

(7)

L-Artikolu 83(1), it-tielet subparagrafu, TFUE jippermetti proċedura speċjali li permezz tagħha l-Kunsill jista’ jidentifika oqsma ġodda ta’ kriminalità. Dan jista’ jsir biss wara valutazzjoni bir-reqqa tal-kriterji stipulati fit-Trattat, li jirriflettu n-natura eċċezzjonali tal-proċedura. L-iżviluppi fil-kriminalità li seħħew wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna jikkostitwixxu ċirkostanzi eċċezzjonali.

(8)

Il-kriterji msemmija fl-Artikolu 83(1), l-ewwel subparagrafu, TFUE relatati mad-dimensjoni transfruntiera ta’ qasam ta’ kriminalità, jiġifieri n-natura jew l-impatt ta’ reati kriminali u l-ħtieġa speċjali li jiġu miġġielda fuq bażi komuni huma interkonnessi u ma jistgħux jiġu vvalutati f’iżolament.

(9)

Il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi identifikat bħala qasam ta’ kriminalità sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-politika tal-Unjoni dwar miżuri restrittivi. Il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni diġà huwa kkategorizzat bħala reat kriminali mill-maġġoranza tal-Istati Membri. Xi Stati Membri li jikkategorizzaw il-ksur tal-miżuri restrittivi bħala reat kriminali, għandhom definizzjonijiet wiesgħa fis-seħħ, bħal “ksur tas-sanzjonijiet tan-NU u tal-UE” jew “ksur tar-regolamenti tal-UE”, filwaqt li oħrajn għandhom dispożizzjonijiet aktar dettaljati, pereżempju li jipprovdu lista ta’ kondotta pprojbita. Il-kriterji skont liema l-imġiba taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi kriminali jvarjaw fost l-Istati Membri, iżda normalment ikunu relatati mal-gravità tagħhom (natura serja), jew iddeterminati f’termini kwalitattivi (intenzjoni, negliġenza serja) jew kwantitattivi (danni).

(10)

Il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni huwa qasam ta’ kriminalità partikolarment serju, li, f’termini ta’ gravità, jikkostitwixxi grad ta’ serjetà simili għall-oqsma ta’ kriminalità elenkati fl-Artikolu 83(1) TFUE, peress li jista’ jipperpetwa t-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, jimmina l-konsolidazzjoni u l-appoġġ għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u jirriżulta fi ħsara ekonomika, soċjali, soċjetali u ambjentali sinifikanti. Minħabba tali ksur, l-individwi u l-entitajiet li l-assi tagħhom jkunu ġew iffriżati jew li l-attivitajiet tagħhom ikunu ristretti jkomplu jkunu jistgħu jaċċessaw l-assi u jappoġġaw reġimi li huma fil-mira tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni jew ikomplu jaċċessaw fondi tal-Istat li nkisbu b’miżapproprjazzjoni. Bl-istess mod, il-flus iġġenerati mill-isfruttament ta’ merkanzija u riżorsi naturali nnegozjati bi ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni jistgħu jippermettu wkoll lir-reġimi fil-mira ta’ dawk il-miżuri restrittivi jixtru l-armi, li bihom iwettqu r-reati tagħhom. Barra minn hekk, il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni relatati mal-kummerċ jista’ jikkontribwixxi għall-isfruttament illegali tar-riżorsi naturali fil-ġuriżdizzjoni fil-mira ta’ dawk il-miżuri restrittivi.

(11)

Fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 1196 (1998), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti enfasizza l-importanza li tissaħħaħ l-effettività tal-embargo tal-armi bħala mezz sabiex titnaqqas id-disponibbiltà tal-armi li bihom jitwettqu l-kunflitti armati. Heġġeġ ukoll lill-Istati jikkunsidraw bħala mezz ta’ implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom li jwettqu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar l-embargo tal-armi, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni jew miżuri legali oħra li jagħmlu l-ksur tal-embargo tal-armi stabbilit mill-Kunsill tas-Sigurtà reat kriminali.

(12)

Il-fatt li l-Istati Membri għandhom definizzjonijiet u pieni differenti ħafna għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni skont il-liġi nazzjonali tagħhom jikkontribwixxi għal livelli differenti ta’ infurzar tas-sanzjonijiet, skont l-Istat Membru fejn isir il-ksur. Dan jimmina l-objettivi tal-Unjoni sabiex jiġu ssalvagwardjati l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u jiġu rrispettati l-valuri komuni tal-Unjoni. Għalhekk, hemm ħtieġa partikolari għal azzjoni komuni fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi indirizzat il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali.

(13)

Il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni għandu dimensjoni transfruntiera ċara u, xi drabi, anke inerenti. Mhux biss tali ksur jista’ jitwettaq minn persuni fiżiċi jew bl-involviment ta’ entitajiet ġuridiċi li joperaw fuq skala globali, iżda f’xi każijiet il-miżuri restrittivi tal-Unjoni, bħar-restrizzjonijiet fuq is-servizzi bankarji, saħansitra jipprojbixxu operazzjonijiet transfruntieri. Il-ksur tagħhom għalhekk jekwipara għal kondotta fuq skala transfruntiera li teħtieġ rispons transfruntier komuni fil-livell tal-Unjoni.

(14)

Id-definizzjonijiet u pieni differenti għal ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni skont il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri, jostakolaw l-applikazzjoni konsistenti tal-politika tal-Unjoni dwar miżuri restrittivi. Dawn jistgħu jwasslu saħansitra għal għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni mit-trasgressuri u għal forma ta’ impunità minħabba li jistgħu jagħżlu li jwettqu l-attivitajiet tagħhom f’dawk l-Istati Membri li jipprevedu pieni anqas severi għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. L-armonizzazzjoni tal-pieni għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni żżid l-effettività, il-proporzjonalità y d-disważjoni ta’ tali pieni.

(15)

Għalhekk, il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi identifikat bħala qasam ta’ kriminalità għall-finijiet tal-Artikolu 83(1) TFUE, peress li jissodisfa l-kriterji speċifikati f’dak l-Artikolu.

(16)

Azzjoni komuni fil-livell tal-Unjoni mhux biss tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi fost l-Istati Membri u ssaħħaħ l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-indirizzar tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni; din tikkontribwixxi wkoll għal kundizzjonijiet ekwi globali f’termini ta’ infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja ma’ pajjiżi terzi dwar il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

(17)

L-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li tidentifika l-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni bħala qasam ta’ kriminalità li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 83(1) TFUE, għandu jinkiseb fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk huwa konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-objettiv.

(18)

L-identifikazzjoni tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni bħala qasam ta’ kriminalità għall-finijiet tal-Artikolu 83(1) TFUE hija meħtieġa, bħala l-ewwel pass, sabiex tippermetti, bħala t-tieni pass, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja sostantiva, inter alia dwar l-istabbiliment ta’ regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u l-pieni għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

(19)

Din id-Deċiżjoni ma taffettwa ebda azzjoni meħuda minn hemm’ il quddiem, skont il-proċeduri leġiżlattivi stabbiliti fit-Trattat. B’mod partikolari, din la tiddetermina u lanqas tantiċipa l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni sekondarja proposta sussegwentement għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(20)

Huwa essenzjali li kwalunkwe proposta leġiżlattiva għal tali leġiżlazzjoni sekondarja titħejja f’konformità mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar.

(21)

B’mod partikolari, jeħtieġ li tingħata konsiderazzjoni xierqa lid-diversità tas-sistemi nazzjonali u lill-aspetti fundamentali tas-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri, inkluż fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-pieni. Jeħtieġ li jitqiesu b’mod xieraq ukoll is-salvagwardji għad-drittijiet fundamentali, il-prinċipju tan-nonretroattività ta’ reati kriminali, il-prinċipji tal-legalità u tal-proporzjonalità tar-reati kriminali u l-pieni minquxa fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ir-rekwiżiti tal-preċiżjoni, iċ-ċarezza u l-intelliġibbiltà tal-liġi kriminali.

(22)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għalhekk mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(23)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat, permezz tal-ittra tad-29 ta’ Ġunju 2022, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(24)

Sabiex tippermetti, bħala kwistjoni ta’ urġenza, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja li tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni tar-reat tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni u l-pieni għalih, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni għandu jkun qasam ta’ kriminalità skont it-tifsira tal-Artikolu 83(1), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

V. BALAŠ


(1)  Approvazzjoni tas-7 ta’ Lulju 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


Top