Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0523

Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017

PE/74/2020/REV/1

ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30–89 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/03/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/523/oj

26.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/30


REGOLAMENT (UE) 2021/523 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Marzu 2021

li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 173 u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw ill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-pandemija tal-COVID-19 hija xokk ewlieni għall-ekonomija globali u tal-Unjoni u qed ikollha impatt soċjali u ekonomiku ewlieni fl-Istati Membri u r-reġjuni. Minħabba l-miżuri ta' konteniment meħtieġa, l-attività ekonomika fl-Unjoni naqset b'mod sinifikanti. Ir-reċessjoni ekonomika fil-PDG tal-Unjoni fl-2020 hija mistennija li tkun madwar 7,4 %, ferm aktar profonda milli matul il-kriżi finanzjarja fl-2009. L-attività ta' investiment naqset b'mod sinifikanti. Il-vulnerabbiltajiet bħad-dipendenza żejda fuq sorsi esterni tal-provvista mhux diversifikata u nuqqas ta' infrastruttura kritika jenħtieġ li jiġu indirizzati, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), inklużi l-mikrointrapriżi, pereżempju permezz tad-diversifikazzjoni u t-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur strateġiċi, biex jitjieb ir-rispons ta' emerġenza tal-Unjoni kif ukoll ir-reżiljenza tal-ekonomija sħiħa, filwaqt li tibqa' miftuħa għall-kompetizzjoni u l-kummerċ f'konformità mar-regoli tagħha. Anki qabel il-pandemija, filwaqt li seta' jiġi osservat irkupru fil-proporzjonijiet ta' bejn l-investiment u l-PDG fl-Unjoni, dan baqa' taħt dak li jista' jkun mistenni f'irkupru qawwi u ma kienx biżżejjed biex jikkumpensa għal snin ta' nuqqas ta' investiment wara l-kriżi tal-2009. Aktar importanti minn hekk, il-livelli u t-tbassir attwali tal-investiment ma jkoprux il-ħtiġijiet ta' investiment strutturali tal-Unjoni għall-bidu mill-ġdid u għas-sostenn ta' tkabbir fit-tul quddiem il-bidla teknoloġika u l-kompetittività globali, inkluż l-innovazzjoni, il-ħiliet, l-infrastruttura, l-SMEs u l-ħtieġa li jiġu indirizzati sfidi soċjetali ewlenin bħas-sostenibbiltà u t-tixjiħ demografiku. Konsegwentement, sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni u biex jiġi appoġġat l-irkupru ekonomiku rapidu, sostenibbli, inklużiv, dejjiemi u b'saħħtu, hemm bżonn ta' sostenn biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq u s-sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali u biex titnaqqas id-diskrepanza fl-investiment f'setturi fil-mira.

(2)

L-evalwazzjonijiet enfasizzaw li l-varjetà ta' strumenti finanzjarji implimentati matul il-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 wasslet għal xi duplikazzjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom. Din il-varjetà pproduċiet ukoll kumplessità għall-intermedjarji u r-riċevituri finali li ġew iffaċċjati b'regoli ta' eliġibbiltà u rapportar differenti. L-assenza ta' regoli kompatibbli xekklet ukoll il-kombinazzjoni ta' bosta fondi tal-Unjoni, għalkemm kombinazzjonijiet bħal dawn kienu jkunu ta' benefiċċju sabiex isostnu proġetti li kienu jeħtieġu tipi differenti ta' finanzjament. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit fond uniku, il-Fond InvestEU, li jibni fuq l-esperjenza tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) stabbilit skont il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, sabiex jingħata sostenn li jiffunzjona b'mod aktar effiċjenti lir-riċevituri finali billi jiġi integrat u ssimplifikat il-finanzjament offrut skont skema ta' garanzija baġitarja unika, u b'hekk jittejjeb l-impatt tas-sostenn tal-Unjoni filwaqt li titnaqqas l-ispiża għall-Unjoni pagabbli mill-baġit.

(3)

Fis-snin reċenti, l-Unjoni adottat strateġiji ambizzjużi biex tlesti s-suq intern u biex tistimula tkabbir u impjiegi sostenibbli u inklużivi. Tali strateġiji jinkludu "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv" tat-3 ta' Marzu 2010, "Pjan ta' Azzjoni għall-Bini ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali" tat-30 ta' Settembru 2015, "L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta' azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari" tat-2 ta' Diċembru 2015, "Strateġija Ewropea għal Mobilità b'Emissjonijiet Baxxi" tal-20 ta' Lulju 2016, “Strateġija Spazjali għall-Ewropa” tas-26 ta’ Ottubru 2016, "Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha" tat-30 ta' Novembru 2016, "Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża" tat-30 ta' Novembru 2016, "Tnedija tal-Fond Ewropew għad-Difiża" tas-7 ta' Ġunju 2017, il-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tat-13 ta' Diċembru 2017, "Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura" tat-22 ta' Mejju 2018, il-Patt Ekoloġiku Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2019, il-"Pjan ta' Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew" tal-14 ta' Jannar 2020, l-"Ewropa Soċjali b'Saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti" tal-14 ta' Jannar 2020, l-istrateġija -"Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa", "Strateġija Ewropea għad-Data" u l-"White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali – Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja" tad-19 ta' Frar 2020, "Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa" tal-10 ta' Marzu 2020 u "Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali" tal-10 ta' Marzu 2020. Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jisfrutta u jsaħħaħ is-sinerġiji bejn dawn l-istrateġiji li jsaħħu lil xulxin billi jagħti appoġġ għall-investiment u l-aċċess għall-finanzjament. Barra minn hekk, l-Unjoni adottat ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(4)

Fil-livell tal-Unjoni, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika huwa l-qafas sabiex jidentifika l-prijoritajiet ta' riformi nazzjonali u sabiex jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom. L-Istati Membri, jekk xieraq u f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, jiżviluppaw l-istrateġiji ta' investiment pluriennali nazzjonali tagħhom stess b'appoġġ għal dawk il-prijoritajiet ta' riforma. Dawk l-istrateġiji jenħtieġ li jiġu ppreżentati flimkien mal-programmi nazzjonali ta' riforma annwali bħala mod kif jiġu deskritti u kkoordinati proġetti ta' investiment ta' prijorità li għandhom jiġu appoġġati minn finanzjament nazzjonali, finanzjament mill-Unjoni, jew it-tnejn li huma. Dawn l-istrateġiji jenħtieġ li jużaw ukoll il-finanzjament tal-Unjoni b'mod koerenti u jimmassimizzaw il-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jiġi riċevut, b'mod partikolari mill-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej, mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita permezz tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u mill-Programm InvestEU.

(5)

Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi biex tittejjeb il-kompetittività u l-konverġenza soċjoekonomika u l-koeżjoni tal-Unjoni, inkluż fl-oqsma tal-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, l-użu effiċjenti tar-riżorsi fil-kuntest ta' ekonomija ċirkolari, is-sostenibbiltà u l-inklużività tat-tkabbir ekonomiku tal-Unjoni u r-reżiljenza soċjali u l-integrazzjoni ta’ swieq kapitali tal-Unjoni, inkluż permezz ta' soluzzjonijiet li jindirizzaw il-frammentazzjoni tas-swieq kapitali tal-Unjoni u d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' finanzjament għall-intrapriżi tal-Unjoni. Għal dan il-għan, il-Fond InvestEU jenħtieġ li jappoġġa proġetti teknikament u ekonomikament vijabbli billi jipprovdi qafas għall-użu ta' strumenti ta' dejn, ta' kondiviżjoni tar-riskju u ta' ekwità u ta' kważi-ekwità appoġġati minn garanzija mill-baġit tal-Unjoni u minn kontribuzzjonijiet finanzjarji minn sħab inkarigati mill-implimentazzjoni skont kif rilevanti. Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jkun immexxi mid-domanda, filwaqt li fl-istess ħin jiffoka fuq il-forniment ta' benefiċċji strateġiċi fit-tul fir-rigward ta' oqsma ewlenin tal-politika tal-Unjoni li altrimenti ma jiġux iffinanzjati jew ma jkunux iffinanzjati biżżejjed, u b'hekk jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni. L-appoġġ mill-Fond InvestEU jenħtieġ li jkopri firxa wiesgħa ta' setturi u reġjuni, iżda jenħtieġ li jevita konċentrazzjoni settorjali jew ġeografika eċċessiva u jenħtieġ li jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament ta' proġetti magħmula minn entitajiet sħab f'diversi reġjuni madwar l-Unjoni, inklużi proġetti li jrawmu l-iżvilupp ta' networks, raggruppamenti u ċentri ta' innovazzjoni diġitali.

(6)

Is-setturi kulturali u kreattivi huma setturi fundamentali kif ukoll li qed jikbru malajr fl-Unjoni, li jista' jkollhom rwol importanti fl-iżgurar ta' rkupru sostenibbli u jiġġeneraw valur ekonomiku u kulturali mill-proprjetà intellettwali u mill-kreattività individwali. Madankollu, ir-restrizzjonijiet fuq il-kuntatti soċjali stabbiliti matul il-kriżi tal-COVID-19 kellhom impatt ekonomiku negattiv sinifikanti fuq dawk is-setturi. Barra minn hekk, in-natura intanġibbli ta’ assi f'dawk is-setturi tillimita l-aċċess tal-SMEs u l-organizzazzjonijiet minn dawk is-setturi għal finanzjament privat li huwa essenzjali biex wieħed ikun jista' jinvesti, jespandi u jikkompeti f'livell internazzjonali. Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jkompli jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs u l-organizzazzjonijiet minn dawk is-setturi. Is-setturi kulturali u kreattivi, awdjoviżivi u tal-midja huma essenzjali għal-libertà tal-kelma u għad-diversità kulturali u għall-bini ta' soċjetajiet demokratiċi u koeżivi fl-era diġitali, u huma parti intrinsika tas-sovranità u l-awtonomija tagħna. L-investiment f’dawk is-setturi jiddetermina l-kompetittività tagħhom u l-kapaċità fit-tul tagħhom li jipproduċu u jqassmu kontenut ta' kwalità għolja lil udjenzi kbar bejn il-fruntieri nazzjonali, fir-rispett għall-pluraliżmu u l-libertà tal-kelma.

(7)

Bil-ħsieb li jitrawmu t-tkabbir, l-investiment u l-impjiegi li jkunu sostenibbli u inklużivi, u b'hekk jingħata kontribut għal titjib fil-benesseri, għal distribuzzjoni aktar ġusta tad-dħul u għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali akbar fl-Unjoni, il-Fond InvestEU jenħtieġ li jappoġġa investimenti f'assi tanġibbli u intanġibbli, inkluż fil-wirt kulturali. Il-proġetti ffinanzjati mill-Fond InvestEU jenħtieġ li jissodisfaw l-istandards ambjentali u soċjali tal-Unjoni, inklużi l-istandards dwar id-drittijiet tax-xogħol. L-interventi permezz tal-Fond InvestEU jenħtieġ li jikkumplimentaw l-appoġġ tal-Unjoni li jitwassal permezz ta' għotjiet.

(8)

L-Unjoni approvat l-għanijiet stabbiliti fl-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli (l-"Aġenda 2030"), l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tagħha (SDGs) u l-Ftehim ta' Pariġi adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (5) (il-Ftehim ta' Pariġi) kif ukoll il-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030. Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, kif ukoll l-objettivi stabbiliti fil-politiki ambjentali tal-Unjoni, l-azzjoni favur l-iżvilupp sostenibbli jenħtieġ li tiżdied b'mod sinifikanti. Għalhekk, il-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli jenħtieġ li jkollhom rwol prominenti fit-tfassil tal-Fond InvestEU.

(9)

Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-bini ta' sistema ta' finanzjament sostenibbli fl-Unjoni li tappoġġa l-orjentazzjoni mill-ġdid ta' kapital privat lejn investimenti sostenibbli f'konformità mal-objettivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2018 intitolata "Pjan ta' Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli" u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Jannar 2020 dwar il-Pjan ta' Investiment Ewropew għal Patt Ekoloġiku.

(10)

Filwaqt li jirriflettu l-importanza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima f'konformità mal-impenji tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi, u l-impenn lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050 u l-miri klimatiċi l-ġodda tal-Unjoni għall-2030, azzjonijiet skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-kisba ta' mira ta’ 30 % tan-nefqa kollha tal-QFP li tintefaq fuq l-integrazzjoni tal-objettivi klimatiċi u l-ambizzjoni li 7,5 % tal-baġit jirrifletti n-nefqiet tal-bijodiversità fl-2024 u 10 % fl-2026 u fl-2027, filwaqt li jitqiesu s-sovrapożizzjonijiet eżistenti bejn il-miri klimatiċi u tal-bijodiversità. Azzjonijiet fil-qafas tal-Programm InvestEU huma mistennija jikkontribwixxu mill-inqas 30 % tal-pakkett finanzjarju ġenerali tal-Programm InvestEU għall-objettivi dwar il-klima.

(11)

Il-kontribut tal-Fond InvestEU għall-kisba tal-mira tal-klima se jiġi traċċat permezz ta' sistema tal-Unjoni tal-intraċċar tal-klima żviluppata mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mas-sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni, u bl-użu xieraq tal-kriterji stabbiliti bir-Regolament (UE) 2020/852 biex jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika tkunx ambjentalment sostenibbli. Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni ta' dimensjonijiet oħra tal-SDGs.

(12)

Skont ir-Rapport dwar ir-Riskji Globali tal-2018 maħruġ mill-Forum Ekonomiku Dinji, ħamsa mill-aktar għaxar riskji kritiċi li jheddu l-ekonomija dinjija huma relatati mal-ambjent. Dawn ir-riskji jinkludu t-tniġġis tal-arja, tal-ħamrija, tal-ilmijiet interni u tal-oċeani, l-avvenimenti klimatiċi estremi, it-telf tal-bijodiversità u l-fallimenti fil-mitigazzjoni u fl-adattament għat-tibdil fil-klima. Il-prinċipji ambjentali huma integrati bis-sħiħ fit-Trattati u f'ħafna mill-politiki tal-Unjoni. Għalhekk, l-integrazzjoni tal-objettivi ambjentali jenħtieġ li tiġi promossa f'operazzjonijiet relatati mal-Fond InvestEU. Il-protezzjoni ambjentali u l-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' riskji relatati jenħtieġ li jiġu integrati fil-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-investimenti. L-Unjoni jenħtieġ ukoll li tintraċċa n-nefqiet tagħha relatati mal-bijodiversità u t-tniġġis tal-arja sabiex tissodisfa l-obbligi tar-rappurtar skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (6) u skont id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Investiment allokat għal għanijiet tas-sostenibbiltà ambjentali jenħtieġ għalhekk li jiġi segwit permezz ta' metodoloġiji komuni li jkunu konsistenti ma' dik żviluppata fil-qafas ta' programmi oħra tal-Unjoni applikabbli għall-klima, il-bijodiversità u t-tniġġis tal-arja sabiex tkun tista' ssir valutazzjoni tal-impatt individwali u kkombinat tal-investimenti fuq il-komponenti ewlenin tal-kapital naturali, jiġifieri l-arja, l-ilma, l-art u l-bijodiversità.

(13)

Il-proġetti ta' investiment li jirċievu appoġġ sostanzjali mill-Unjoni, b'mod partikolari fil-qasam tal-infrastruttura, jenħtieġ li jiġu skrinjati mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk dawn għandhomx impatt ambjentali, klimatiku jew soċjali. Jenħtieġ li l-proġetti ta' investiment li jkollhom tali impatt ikunu soġġetti għall-verifika tas-sostenibbiltà f'konformità mal-gwida li jenħtieġ li tiġi żviluppata mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni fil-qafas tal-Programm InvestEU. Din il-gwida jenħtieġ li tuża b'mod xieraq il-kriterji stabbiliti mir-Regolament (UE) 2020/852 biex jiġi determinat jekk attività ekonomika tkunx ambjentalment sostenibbli, inkluż li tirrispetta l-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti", u tkunx konsistenti mal-gwida żviluppata għal programmi oħrajn tal-Unjoni. B'konsistenza mal-prinċipju ta' proporzjonalità, tali gwida jenħtieġ li tinkludi dispożizzjonijiet adegwati biex jiġu evitati piżijiet amministrattivi mhux dovuti, u proġetti taħt ċertu daqs li għandhom jiġu definiti fil-gwida jenħtieġ li jiġu esklużi mill-verifika tas-sostenibbiltà. Jekk sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jikkonkludi li ma għandha titwettaq l-ebda verifika tas-sostenibbiltà, jenħtieġ li jipprovdi ġustifikazzjoni lill-kumitat tal-investiment stabbilit għall-Fond InvestEU (il-“Kumitat tal-Investiment”). Operazzjonijiet li ma jkunux konsistenti mal-kisba tal-għanijiet klimatiċi jenħtieġ li ma jkunux eliġibbli għall-appoġġ skont dan ir-Regolament.

(14)

Ir-rati baxxi ta' investiment fl-infrastruttura fl-Unjoni matul il-kriżi finanzjarja u għal darba oħra matul il-kriżi tal-COVID-19 dgħajfu l-kapaċità tal-Unjoni li tagħti spinta lit-tkabbir sostenibbli, lill-isforzi tagħha lejn in-newtralità klimatika, lill-kompetittività u lill-konverġenza tagħha u lill-ħolqien tal-impjiegi. Dan joħloq ukoll ir-riskju li l-iżbilanċi u d-diverġenzi u l-inugwaljanzi fl-Istati Membri u bejniethom jiġu kkonsolidati, li jħalli impatt fuq l-iżvilupp fit-tul fuq livell tal-Unjoni, nazzjonali jew reġjonali. L-investimenti kbar fl-infrastruttura tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-interkonnessjoni u l-effiċjenza enerġetika u l-ħolqien ta' Żona Unika Ewropea tat-Trasport, huma essenzjali biex jintlaħqu l-miri tas-sostenibbiltà tal-Unjoni, inklużi l-impenji tal-Unjoni lejn l-SDGs, u l-miri għall-enerġija u għall-klima tal-2030. Għaldaqstant, l-appoġġ mill-Fond InvestEU jenħtieġ li jkollu fil-mira tiegħu investimenti fit-trasport, fl-enerġija, inkluż fl-effiċjenza enerġetika u fis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u f'sorsi tal-enerġija oħra sikuri u sostenibbli b'emissjonijiet baxxi, fl-infrastruttura ambjentali, fl-infrastruttura marbuta mal-azzjoni klimatika, fl-infrastruttura marittima u fl-infrastruttura diġitali, inkluża l-konnettività tal-broadband veloċi u ultra veloċi fl-Unjoni kollha, biex tiġi aċċelerata t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Programm InvestEU jagħti prijorità lil oqsma li ma jsirx biżżejjed investiment fihom, u li fihom jenħtieġ li jsir investiment addizzjonali. Biex jiġi mmassimizzat l-impatt u l-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni, huwa xieraq li jiġi promoss proċess tal-investiment razzjonalizzat li jippermetti l-viżibbiltà tar-riżerva tal-proġetti u jimmassimizza s-sinerġiji bejn il-programmi rilevanti tal-Unjoni bħal fit-trasport, l-enerġija u d-diġitalizzazzjoni.

B'kont meħud tat-theddid għas-sikurezza u s-sigurtà, proġetti ta' investiment li jirċievu l-appoġġ tal-Unjoni jenħtieġ li jinkludu miżuri għar-reżiljenza tal-infrastruttura, inklużi l-manutenzjoni u s-sikurezza tal-infrastruttura, u jenħtieġ li jqisu l-prinċipji għall-ħarsien taċ-ċittadini fi spazji pubbliċi. Dan jenħtieġ li jkun komplementari għall-isforzi magħmula minn fondi oħra tal-Unjoni li jipprovdu appoġġ għal komponenti ta' sigurtà ta' investimenti fl-ispazji pubbliċi, it-trasport, l-enerġija u infrastruttura kritika oħra, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

(15)

Fejn xieraq, jenħtieġ li l-Programm InvestEU jikkontribwixxi għall-objettivi tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u r-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), kif ukoll jippromwovi l-effiċjenza enerġetika f'deċiżjonijiet ta' investiment.

(16)

Il-multimodalità ġenwina hija opportunità biex jinħoloq netwerk tat-trasport effiċjenti u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, li juża l-potenzjal massimu tal-mezzi kollha tat-trasport u li jiġġenera sinerġija bejniethom. Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jappoġġa investimenti f'ċentri tat-trasport multimodali, li – minkejja l-argumenti favur il-vijabbiltà u l-potenzjal ekonomiku sinifikanti tagħhom – iġorru riskju sinifikanti għall-investituri privati. Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp u l-użu tas-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (ITS). Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jgħin biex tingħata spinta lill-isforzi favur it-tfassil u l-applikazzjoni ta' teknoloġiji li jgħinu biex titjieb is-sikurezza tal-vetturi u tal-infrastruttura tat-toroq.

(17)

Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-politiki tal-Unjoni dwar l-ibħra u l-oċeani, permezz tal-iżvilupp ta' proġetti u intrapriżi fil-qasam tal-ekonomija blu, u l-Prinċipji ta' Finanzi tal-Ekonomija Blu Sostenibbli. Dan jista' jinkludi interventi fil-qasam tal-intraprenditorija u l-industrija marittima, industrija marittima innovattiva u kompetittiva, kif ukoll enerġija marittima rinnovabbli u ekonomija ċirkolari.

(18)

Għalkemm il-livell ta' investiment globali fl-Unjoni kien qed jiżdied qabel il-kriżi tal-COVID-19, l-investiment f'attivitajiet ta' riskju ogħla bħar-riċerka u l-innovazzjoni kien għadu inadegwat u issa huwa mistenni li se jkun sofra b'mod sinifikanti minħabba l-kriżi. Ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom rwol kruċjali x’jaqdu biex tingħeleb il-kriżi, tiġi kkonsolidata r-reżiljenza tal-Unjoni biex tindirizza sfidi futuri u biex jinħolqu t-teknoloġiji meħtieġa sabiex jitwettqu l-politiki u l-għanijiet tal-Unjoni. Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira kumplessiva ta' investiment ta' mill-inqas 3 % tal-PDG tal-Unjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-kisba ta' dik il-mira tirrikjedi li l-Istati Membri u s-settur privat ikomplu bl-azzjonijiet ta' investiment imsaħħa tagħhom stess fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, biex jevitaw li jkun hemm nuqqas ta' investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni, li huwa ta' ħsara għall-kompetittività industrijali u ekonomika tal-Unjoni u għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħha. Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jipprovdi l-prodotti finanzjarji xierqa biex ikopru l-istadji differenti fiċ-ċiklu tal-innovazzjoni u l-firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, b'mod partikolari biex jippermetti t-tkabbir u l-użu ta' soluzzjonijiet fuq skala kummerċjali fl-Unjoni sabiex dawn is-soluzzjonijiet ikunu kompetittivi fis-swieq dinjija u jippromwovi l-eċċellenza tal-Unjoni fit-teknoloġiji sostenibbli fil-livell globali, f'sinerġija ma' Orizzont Ewropa li għandu jiġi stabbilit permezz ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ir-“Regolament Orizzont Ewropa”), inkluż il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni. F'dan ir-rigward, l-esperjenza li nkisbet mill-istrumenti finanzjarji bħalma huma InnovFin – Finanzi tal-UE għall-Innovaturi, imniedi taħt Orizzont 2020 sabiex jiġi ffaċilitat u jitħaffef l-aċċess għal finanzjament għal negozji innovattivi, jenħtieġ li sservi bħala bażi b'saħħitha biex jingħata dan l-appoġġ immirat.

(19)

It-turiżmu, inkluża l-industrija tal-ospitalità, huwa qasam ta' importanza kbira għall-ekonomija tal-Unjoni u bħalissa qed ikollu kontrazzjoni partikolarment severa b'riżultat tal-pandemija tal-COVID-19. Dik il-kontrazzjoni hija partikolarment ta' ħsara għall-SMEs u għan-negozji tal-familja u kkawżat qgħad fuq skala kbira. Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi biex isaħħaħ l-irkupru, il-kompetittività fit-tul u s-sostenibbiltà tas-settur, u l-ktajjen tal-valur tiegħu, billi jappoġġa operazzjonijiet li jippromwovu turiżmu sostenibbli, innovattiv u diġitali, inklużi miżuri innovattivi biex titnaqqas l-impronta tas-settur fuq il-klima u l-ambjent.

(20)

Jenħtieġ sforz sinifikanti biex isir investiment fit-trasformazzjoni diġitali u tissaħħaħ, u biex il-benefiċċji tagħha jitqassmu liċ-ċittadini u n-negozji kollha tal-Unjoni. Il-qafas b'saħħtu ta' politika tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali llum jenħtieġ li jkun ibbilanċjat b'investiment ta' ambizzjoni komparabbli, inkluż fl-intelliġenza artifiċjali f'konformità mal-Programm Ewropa Diġitali li għandu jiġi stabbiliti permezz ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240.

(21)

L-SMEs jirrappreżentaw aktar minn 99 % tan-negozji fl-Unjoni u l-valur ekonomiku tagħhom huwa sinifikanti u kruċjali. Madankollu, huma jiffaċċjaw diffikultajiet biex ikollhom aċċess għall-finanzi minħabba r-riskju għoli pperċepit tagħhom u minħabba li ma jkollhomx biżżejjed kapital ta' garanzija. Sfidi addizzjonali jirriżultaw mill-ħtieġa li l-SMEs u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jibqgħu kompetittivi billi jinvolvu ruħhom f'diġitalizzazzjoni, internazzjonalizzazzjoni, u trasformazzjoni f'loġika tal-ekonomija ċirkolari u f'attivitajiet ta' innovazzjoni u billi jtejbu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħhom. L-SMEs intlaqtu partikolarment ħażin mill-kriżi tal-COVID-19. Barra minn hekk, l-SMEs u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom aċċess għal sett aktar limitat ta' sorsi ta' finanzjament minn intrapriżi akbar, minħabba li tipikament ma joħorġux bonds, u għandhom biss aċċess limitat għall-boroż tat-titoli u għall-investituri istituzzjonali kbar. Soluzzjonijiet innovattivi bħall-akkwist ta' negozju jew sehem ta' sjieda f'negozju mill-impjegati huma wkoll dejjem aktar komuni għall-SMEs u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali. Id-diffikulta għall-aċċess għall-finanzjament hija saħansitra akbar għal dawk l-SMEs li l-attivitajiet tagħhom jiffokaw fuq assi intanġibbli. L-SMEs fl-Unjoni jiddependu ħafna mill-banek u mill-finanzjament b'dejn fil-forma ta' self kurrenti (overdrafts) bankarji, self bankarju jew leasing. Jeħtieġ li l-SMEs li jiffaċċjaw l-isfidi msemmija hawn fuq jiġu appoġġati billi jsir aktar faċli għalihom li jaċċessaw il-finanzjament u billi jiġu pprovduti sorsi ta' finanzjament aktar diversifikati, biex tiżdied il-kapaċità tal-SMEs biex jiffinanzjaw il-ħolqien, it-tkabbir, l-innovazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tagħhom, tiġi żgurata l-kompetittività tagħhom u biex ikunu jifilħu għal xokkijiet ekonomiċi, biex l-ekonomija u s-sistema finanzjarja jsiru aktar reżiljenti matul perjodi ta' tnaqqis fir-ritmu tal-ekonomija u tinżamm il-kapaċità tal-SMEs li joħolqu l-impjiegi u l-benesseri soċjali. Dan ir-Regolament hu komplementari wkoll għall-inizjattivi li diġà ttieħdu fil-kuntest tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

Il-Fond InvestEU għalhekk jenħtieġ li jibni fuq dawk il-programmi ta' suċċess tal-Unjoni bħall-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME); jipprovdi l-appoġġ lin-negozji ġodda diġitali u lill-SMEs innovattivi biex ikunu jistgħu jikkompetu aħjar u jespandu; jipprovdi l-kapital operatorju u l-investiment tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' kumpanija; jipprovdi l-finanzjament għal tranżazzjonijiet ta' leasing; u jipprovdi opportunità biex tinxteħet attenzjoni fuq prodotti finanzjarji speċifiċi u aktar immirati. Jenħtieġ ukoll li jimmassimizza s-setgħa ta' vetturi pubbliċi/privati, bħall-Fond IPO (Initial Public Offering) SME, li jfittex li jappoġġa lill-SMEs billi jidderieġi aktar ekwità privata u pubblika.

(22)

Kif stabbilit fid-dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa tas-26 ta' April 2017 u l-Komunikazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-qafas tal-Unjoni għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u l-Komunikazzjoni "Ewropa soċjali b'saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti" tal-14 ta' Jannar 2020, il-bini ta' Unjoni aktar inklużiva u aktar ġusta huwa prijorità ewlenija għall-Unjoni biex tindirizza l-inugwaljanza u trawwem politiki ta' inklużjoni soċjali fl-Ewropa. L-inugwaljanza tal-opportunitajiet taffettwa b'mod partikolari l-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kultura, l-impjiegi, is-saħħa u s-servizzi soċjali. L-investiment fl-ekonomija soċjali, tal-ħiliet u tal-kapital uman relatat kif ukoll fl-integrazzjoni ta' popolazzjonijiet vulnerabbli fis-soċjetà jista' jtejjeb l-opportunitajiet ekonomiċi, speċjalment jekk ikun ikkoordinat fil-livell tal-Unjoni. Il-kriżi tal-COVID-19 kixfet li-ħtieġa sinifikanti ta' investiment fl-infrastruttura soċjali. Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jintuża biex jappoġġa l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, fost l-oħrajn fir-reġjuni li jiddependu fuq ekonomija b'użu intensiv tal-karbonju u li huma affettwati mit-tranżizzjoni strutturali għal ekonomija b'livell baxx ta' karbonju. Jenħtieġ li jintuża biex jappoġġa proġetti li jiġġeneraw impatt pożittiv soċjali u jtejbu l-inklużjoni soċjali billi jgħinu biex jżidiedu l-impjiegi fir-reġjuni kollha, b'mod partikolari fost dawk bla sengħa u dawk bla xogħol fit-tul, u biex titjieb is-sitwazzjoni fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-opportunitajiet indaqs, in-nondiskriminazzjoni, l-aċċessibbilta', is-solidarjetà interġenerazzjonali, is-settur tas-saħħa u s-servizzi soċjali, l-akkomodazzjoni soċjali, in-nies mingħajr dar, l-inklużività diġitali, l-iżvilupp tal-komunitajiet, ir-rwol u l-post taż-żgħażagħ fis-soċjetà kif ukoll dak ta' persuni vulnerabbli, inklużi ċittadini ta' pajjiżi terzi. Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jappoġġa wkoll il-kultura u l-kreattività Ewropea li għandha għan soċjali.

(23)

Il-kriżi tal-COVID-19 kellha impatt partikolarment serju fuq in-nisa, kemm minn perspettiva soċjali kif ukoll minn waħda ekonomika. B'kont meħud ta' dan, il-Programm InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-kisba tal-politiki tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, fost l-oħrajn, billi jindirizza d-distakk diġitali bejniethom u billi jgħin jinkoraġġixxi l-kreattività u l-potenzjal intraprenditorjali tan-nisa.

(24)

Biex jiġu kkumpensati l-effetti negattivi tat-trasformazzjonijiet profondi tas-soċjetajiet fl-Unjoni u s-suq tax-xogħol matul id-deċennju li ġej, jeħtieġ li jsir investiment fil-kapital uman, fl-infrastruttura soċjali, fil-mikrofinanzi, il-finanzjament tal-intrapriżi etiċi u soċjali u mudelli tan-negozju ġodda tal-ekonomija soċjali, inkluż l-investiment tal-impatt soċjali u l-ikkuntrattar b'eżiti soċjali. Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jsaħħaħ l-ekosistema naxxenti tas-suq soċjali, biex iżid il-provvista tal-finanzi u l-aċċess għall-finanzi għal mikrointrapriżi u intrapriżi soċjali u għal istituzzjonijiet ta' solidarjetà soċjali, sabiex tiġi ssodisfata d-domanda ta' dawk li l-aktar għandhom bżonnha. Ir-rapport tal-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar l-Investiment fl-Infrastruttura Soċjali fl-Ewropa ta' Jannar 2018 bit-titlu "It-Titjib tal-Investiment fl-Infrastruttura Soċjali fl-Ewropa" identifika diskrepanza totali fl-investiment ta' mill-inqas EUR 1,5 triljun għall-perjodu bejn l-2018 u l-2030 fl-infrastruttura soċjali u fis-servizzi, inkluż f'dawk relatati mal-edukazzjoni, mat-taħriġ, mas-saħħa u mal-akkomodazzjoni. Dan jitlob li jingħata appoġġ, inkluż fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi sfruttat il-poter kollettiv tal-kapital pubbliku, kummerċjali u filantropiku, kif ukoll l-appoġġ minn fondazzjonijiet u minn tipi alternattivi ta' fornituri ta' finanzjament bħal atturi etiċi, soċjali u sostenibbli, biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-katina tal-valur tas-suq soċjali u Unjoni aktar reżiljenti.

(25)

Fil-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, l-allokazzjoni tar-riżorsi skont is-suq mhijiex kompletament effiċjenti u r-riskju perċepit ifixkel il-fluss tal-investiment privat b'mod sinifikanti. F'ċirkostanzi bħal dawn, il-karatteristika ewlenija tal-Fond InvestEU ta' tneħħija tar-riskji minn proġetti ekonomikament vijabbli biex jiġi attirat il-finanzjament privat hija partikolarment ta' valur, fost l-oħrajn sabiex jiġi miġġieled ir-riskju ta' rkupru asimmetriku. Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jkun jista' jipprovdi appoġġ kruċjali lill-kumpaniji fil-fażi ta' rkupru, inkluż appoġġ kapitali lill-SMEs li kienu milquta ħażin mill-kriżi tal-COVID-19 u li ma kinux diġà f'diffikultà f'termini tal-għajnuna mill-Istat fl-aħħar tal-2019, u fl-istess ħin jiżgura fokus qawwi tal-investituri fuq il-prijoritajiet ta' politika fuq terminu medju u twil tal-Unjoni bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa Sostenibbli, l-Istrateġija dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa, l-Istrateġija Industrijali ġdida għall-Ewropa, u l-Ewropa Soċjali b'Saħħitha għal Tranżizzjoni Ġusta, b'kont meħud tal-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti". Jenħtieġ li l-Programm iżid b'mod sinifikanti l-kapaċità ta' teħid ta' riskju tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u tal-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni b'appoġġ għall-irkupru ekonomiku.

(26)

Il-kontrazzjoni profonda fil-PDG tal-Unjoni li tirriżulta mill-kriżi tal-COVID-19 tagħmel l-effetti soċjali negattivi inevitabbli. Il-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa li jiġu indirizzati b'mod urġenti u effiċjenti l-vulnerabbiltajiet strateġiċi sabiex jitjieb ir-rispons ta' emerġenza tal-Unjoni kif ukoll ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tal-ekonomiji kollha. Ekonomija tal-Unjoni reżiljenti, sostenibbli, inklużiva u integrata biss tista' tippreserva l-integrità tas-suq intern u l-kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni għall-benefiċċju wkoll tal-Istati Membri u r-reġjuni l-aktar milquta.

(27)

Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jopera permezz ta' erba' twieqi ta' politika, li jirriflettu l-prijoritajiet ewlenin tal-politika tal-Unjoni, jiġifieri, l-infrastruttura sostenibbli; ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni; l-SMEs; u l-investiment soċjali u l-ħiliet.

(28)

Filwaqt li t-tieqa tal-politika tal-SME jenħtieġ li tiffoka primarjament fuq il-benefiċċju tal-SMEs, il-kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja jenħtieġ li jkunu eliġibbli wkoll taħtha. Il-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja jenħtieġ li jkunu eliġibbli għall-appoġġ taħt it-tliet twieqi l-oħra ta' politika.

(29)

Kif stipulat fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fil-Pjan ta' Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, għandu jiġi stabbilit Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta sabiex jindirizza l-konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-ilħuq tal-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 u l-mira tagħha li tikseb in-newtralità klimatika sal-2050. Dak il-mekkaniżmu ser ikun magħmul minn tliet pilastri, jiġifieri Fond għal Tranżizzjoni Ġusta li għandu jiġi stabbiliti minn Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ir-‘Regolament dwar il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta’) (pilastru 1), skema ta' tranżizzjoni ġusta ddedikata fl-ambitu tal-Programm InvestEU (pilastru 2) u faċilità ta' self għas-settur pubbliku li għandha tiġi stabbilita minn Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-faċilità ta' self għas-settur pubbliku taħt il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta (ir-‘Regolament dwar il-Faċilità ta' Self għas-Settur Pubbliku għall-2021-2027’) (pilastru 3). Dak il-mekkaniżmu jenħtieġ li jiffoka fuq ir-reġjuni li huma l-aktar milquta mit-tranżizzjoni minħabba d-dipendenza tagħhom fuq il-fjuwils fossili, inklużi l-faħam, il-pit u x-shale bituminuż jew il-proċessi industrijali b'emissjonijiet għoljin ta' gassijiet serra u li għandhom inqas kapaċità li jiffinanzjaw l-investimenti meħtieġa. L-iskema ta' tranżizzjoni ġusta jenħtieġ li tipprovdi wkoll appoġġ għall-finanzjament biex jiġi ġġenerat investiment għall-benefiċċju ta' territorji ta' tranżizzjoni ġusta. Iċ-Ċentru ta’ Konsulenza tal-InvestEU jenħtieġ li jipprevedi l-possibbiltà li t-territorji rispettivi jibbenefikaw minn assistenza teknika.

(30)

Biex jiġi implimentat il-pilastru 2 taħt il-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta, jenħtieġ li tiġi stabbilita, b'mod orizzontali fit-twieqi ta' politika kollha, skema ta' tranżizzjoni ġusta ddedikata fil-qafas tal-Programm InvestEU li tappoġġa investiment addizzjonali għall-benefiċċju tat-territorji identifikati fil-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta, stabbiliti f'konformità mar-Regolament dwar il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. Dik l-iskema jenħtieġ li tippermetti li jsiru investimenti f'firxa wiesgħa ta' proġetti, f'konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà tal-Programm InvestEU. Il-proġetti fit-territorji identifikati fil-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta, jew il-proġetti li huma ta' benefiċċju għat-tranżizzjoni ta' dawk ir-reġjuni, anki jekk ma jkunux jinsabu fit-territorji nfushom, jistgħu jibbenefikaw mill-Iskema, iżda biss meta l-finanzjament barra t-territorji ta' tranżizzjoni ġusta jkun essenzjali għat-tranżizzjoni f'dawk it-territorji.

(31)

Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu appoġġati investimenti strateġiċi, inklużi proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni, taħt kwalunkwe tieqa ta’ politika, b’mod partikolari fid-dawl tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u l-ħtieġa li jissaħħu l-kompetittività u r-reżiljenza, jiġu promossi l-intraprenditorija u l-ħolqien tal-impjiegi u jissaħħu l-ktajjen tal-valur strateġiċi..

(32)

Kull tieqa ta' politika jenħtieġ li tkun magħmula minn żewġ kompartimenti, jiġifieri kompartiment tal-UE u kompartiment tal-Istat Membru. Il-kompartiment tal-UE jenħtieġ li jindirizza l-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali madwar l-Unjoni kollha jew speċifiċi għall-Istat Membru b'mod proporzjonat. L-operazzjonijiet appoġġati jenħtieġ li jkollhom valur miżjud Ewropew ċar. Il-kompartiment tal-Istat Membru jenħtieġ li jagħti lill-Istati Membri kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali permezz tal-Istat Membru tagħhom il-possibbiltà li jikkontribwixxu sehem mir-riżorsi tagħhom mill-fondi b'ġestjoni kondiviża għall-proviżjonament tal-garanzija tal-UE u li jużaw il-garanzija tal-UE għal finanzjamenti jew għal operazzjonijiet ta' investiment sabiex jindirizzaw fallimenti speċifiċi tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali fit-territorji tagħhom stess, inkluż f'żoni vulnerabbli u remoti bħall-aktar reġjuni mbiegħda tal-Unjoni, kif stabbilit fil-ftehim ta' kontribuzzjoni, sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-fondi b'ġestjoni kondiviża. Il-kompartiment tal-Istat Membru jenħtieġ li jagħti wkoll lill-Istati Membri l-possibbiltà li jikkontribwixxu ammonti addizzjonali oħra, inklużi dawk li jsiru disponibbli skont ir-Regolament (UE) 2021/241, għall-proviżjonament tal-garanzija tal-UE u li jużaw il-garanzija tal-UE għal operazzjonijiet ta' finanzjament jew ta' investiment għall-finijiet stabbiliti fil-ftehim ta' kontribuzzjoni, li għandu jinkludu, fejn rilevanti, il-finijiet tal-miżuri taħt pjan ta' rkupru u reżiljenza. Dan jista', fost affarijiet oħra, jippermetti appoġġ kapitali għall-SMEs li kienu affettwati b'mod negattiv mill-kriżi tal-COVID-19 u li ma kinux diġà f'diffikultà f'termini tal-għajnuna mill-Istat fi tmiem l-2019. Operazzjonijiet appoġġati mill-Fond InvestEU permezz tal-kompartiment tal-UE jew dak tal-Istat Membru jenħtieġ li ma jiddupplikawx u ma jeskludux il-finanzjament privat u ma jfixklux il-kompetizzjoni fis-suq intern.

(33)

Il-kompartiment tal-Istat Membru jenħtieġ li jkun imfassal speċifikament sabiex jippermetti l-użu ta' fondi b'ġestjoni kondiviża jew kontribuzzjonijiet addizzjonali oħra kkontribwiti mill-Istati Membri, inklużi dawk li jsiru disponibbli skont ir-Regolament (UE) 2021/241 għall-proviżjonament ta' garanzija maħruġa mill-Unjoni. Din il-possibbiltà tkun iżżid il-valur miżjud tal-garanzija tal-UE billi tipprovdi l-appoġġ taħtha għal firxa usa' ta' riċevituri finali u proġetti u tiddiversifika l-mezzi biex jintlaħqu l-objettivi tal-fondi b'ġestjoni kondiviża jew ta' pjanijiet ta' rkupru u reżiljenza, filwaqt li tiżgura ġestjoni konsistenti tar-riskju tar-responsabbiltajiet kontinġenti billi timplimenta l-garanzija tal-UE mogħtija b'ġestjoni indiretta. Jenħtieġ li l-Unjoni tiggarantixxi l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment previsti fil-ftehimiet ta' garanzija konklużi bejn il-Kummissjoni u s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni taħt il-kompartiment tal-Istat Membru. Il-fondi b'ġestjoni kondiviża jew kontribuzzjonijiet addizzjonali oħra kkontribwiti mill-Istati Membri, inklużi dawk li jsiru disponibbli skont ir-Regolament (UE) 2021/241, jenħtieġ li jipprovdu l-proviżjonament għall-garanzija, skont rata ta' proviżjonament determinata mill-Kummissjoni u stabbilita fil-ftehim ta' kontribuzzjoni konkluż mal-Istat Membru, fuq il-bażi tan-natura tal-operazzjonijiet u tat-telf mistenni li jirriżulta. L-Istat Membru jassumi telf ogħla mit-telf mistenni billi joħroġ garanzija back-to-back favur l-Unjoni li jenħtieġ li tibqa' fis-seħħ sakemm kwalunkwe operazzjoni ta' finanzjament u investiment taħt il-kompartiment ta' dak l-Istat Membru tkun pendenti. Dawn l-arranġamenti jenħtieġ li jiġu konklużi fi ftehim ta' kontribuzzjoni waħdieni ma' kull Stat Membru li jagħżel din l-għażla b'mod volontarju.

Il-ftehim ta' kontribuzzjoni jenħtieġ li jinkludi wieħed jew aktar ftehimiet ta' garanzija speċifiċi li għandhom jiġu implimentati fl-Istat Membru kkonċernat fuq il-bażi tar-regoli tal-Fond InvestEU, u kwalunkwe delimitazzjoni reġjonali. L-iffissar tar-rata ta' proviżjonament fuq bażi ta' każ b'każ jirrikjedi deroga mill-Artikolu 211(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) (ir-‘Regolament Finanzjarju’). Dan il-mod jipprovdi wkoll sett uniku ta' regoli għal garanziji baġitarji appoġġati minn fondi ġestiti b'mod ċentrali jew minn fondi b'ġestjoni kondiviża, u dan għandu jiffaċilita l-kombinazzjoni tagħhom. Il-proviżjonament għal garanzija tal-UE relatata ma' kompartiment ta' Stat Membru sostnut minn ammonti addizzjonali oħra kkontribwiti mill-Istati Membri, inklużi dawk li jsiru disponibbli skont ir-Regolament (UE) 2021/241, jenħtieġ li jikkostitwixxi dħul assenjat estern.

(34)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI, li tibbaża fuq il-punti b'saħħithom relattivi ta' kull sieħeb sabiex jiġu żgurati l-impatt massimu fuq il-politika, l-effiċjenza fl-użu u s-sorveljanza baġitarja u tal-ġestjoni tar-riskju xierqa, li jenħtieġ li tappoġġa aċċess dirett effettiv u inklużiv għall-garanzija tal-UE.

(35)

L-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, jenħtieġ li tkun f'pożizzjoni li tipparteċipa f'żieda fil-kapital tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) sabiex il-FEI ikun jista' jkompli jappoġġa l-ekonomija Ewropea u l-irkupru tagħha. L-għan ewlieni taż-żieda jkun li l-FEI ikun jista' jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Programm InvestEU. L-Unjoni jenħtieġ li tkun kapaċi żżomm is-sehem globali tagħha fil-kapital tal-FEI. Jenħtieġ li jiġi previst pakkett finanzjarju suffiċjenti għal dan il-għan fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027. Fit-3 ta' Diċembru 2020, il-Bord tad-Diretturi tal-FEI ddeċieda li jipproponi lill-azzjonisti żieda fil-kapital awtorizzat tal-FEI li tirriżulta f'injezzjoni ta' EUR 1 250 000 000 fi flus. Il-prezz tal-ishma l-ġodda huwa bbażat fuq il-formula tal-valur nett tal-assi miftiehma fost l-azzjonisti tal-FEI u jikkonsisti fil-parti mħallsa u l-primjum tal-ishma. Skont l-Artikolu 7 tal-Istatuti tal-FEI, għal kull sehem sottoskritt, irid jitħallas 20 % tal-valur nominali.

(36)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tfittex il-fehmiet ta' sħab potenzjali oħra inkarigati mill-implimentazzjoni flimkien mal-Grupp tal-BEI dwar linji gwida għall-investiment, is-sistema tal-monitoraġġ tal-klima u dokumenti ta' gwida dwar is-sostenibbiltà u metodoloġiji komuni, kif xieraq, bl-għan li tiżgura l-inklużività u l-operattività, sa ma jiġu stabbiliti l-korpi ta' governanza, fejn imbagħad l-involviment tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jenħtieġ li jsir fil-qafas tal-Bord Konsultattiv u tal-Bord ta' Tmexxija tal-Programm InvestUE.

(37)

Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jkun miftuħ għal kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi li huma membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, pajjiżi fil-proċess ta' adeżjoni mal-Unjoni, kandidati u kandidati potenzjali, pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u pajjiżi oħra, skont il-kundizzjonijiet mifthiema bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi, partikolarment meta jitqies l-impatt pożittiv ta' tali ftuħ fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri. Dan mistenni li jippermetti li titkompla l-kooperazzjoni mal-pajjiżi rilevanti, jekk ikun xieraq, b'mod partikolari fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll l-SMEs.

(38)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-miżuri tal-Programm InvestUE li mhumiex għall-proviżjonament tal-garanzija tal-UE, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza primarju, fis-sens tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (11), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(39)

Jenħtieġ li EUR 2 672 292 573 fi prezzijiet attwali tal-garanzija tal-UE jiġu proviżjonati minn riżorsi mill-allokazzjoni addizzjonali pprovduta skont l-Artikolu 5 u l-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (12) korrispondenti għal ammont ta' EUR 1 000 000 000 fi prezzijiet tal-2018. Ammont ta' EUR 63 800 000 fi prezzijiet attwali mill-allokazzjoni totali għaċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU ta' EUR 430 000 000 fi prezz attwali jenħtieġ li jiġi pprovdut minn dak l-ammont.

(40)

Il-garanzija tal-UE ta' EUR 26 152 310 073 fi prezzijiet attwali għall-kompartiment tal-UE hija mistennija li timmobilizza aktar minn EUR 372 000 000 000 f'investiment addizzjonali madwar l-Unjoni u jenħtieġ li tiġi indikattivament allokata bejn it-twieqi ta' politika.

(41)

Fit-18 ta' April 2019, il-Kummissjoni ddikjarat li "mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Kunsill fl-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST), il-kontribuzzjonijiet ta' darba mill-Istati Membri, kemm jekk minn Stat Membru kif ukoll jekk minn banek promozzjonali nazzjonali klassifikati fis-settur pubbliku ġenerali jew li jaġixxu f'isem Stat Membru, fi pjattaformi ta' investiment, tematiċi jew multinazzjonali jenħtieġ li jikkwalifikaw bħala miżuri ta' darba, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (13) u tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (14). Barra minn hekk, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Kunsill fl-implimentazzjoni tal-PST, il-Kummissjoni se tikkunsidra sa liema punt l-istess trattament bħall-FEIS, fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-flessibbiltà, jista' jiġi applikat għall-Programm InvestEU bħala l-istrument suċċessur għall-FEIS fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ta' darba mill-Istati Membri fi flus biex jiġi ffinanzjat ammont addizzjonali tal-garanzija tal-UE għall-finijiet tal-kompartiment tal-Istat Membru.".

(42)

Il-garanzija tal-UE li ssejjes il-Fond InvestEU jenħtieġ li tiġi implimentata indirettament mill-Kummissjoni fejn din tistrieħ fuq is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li jkollhom aċċess għall-intermedjarji finanzjarji, fejn applikabbli, u għar-riċevituri finali. L-għażla tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jenħtieġ li tkun trasparenti u ħielsa minn kwalunkwe kunflitt ta' interess. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonkludi ftehim ta' garanzija li jalloka kapaċità ta' garanzija mill-Fond InvestEU ma' kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni li jappoġġa l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tiegħu li jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà tal-Fond InvestEU u jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu. Il-ġestjoni tar-riskju relatat mal-garanzija tal-UE jenħtieġ li ma tfixkilx l-aċċess dirett għall-garanzija tal-UE mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. Ladarba tingħata l-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-UE lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, dawn jenħtieġ li jkunu kompletament responsabbli għall-proċess ta' investiment kollu u għad-diliġenza dovuta relatata mal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta’ investiment. Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jappoġġa proġetti li tipikament ikollhom profil ta' riskju ogħla mill-proġetti appoġġati minn operazzjonijiet normali tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u li ma setgħux jitwettqu matul il-perjodu li fih tista' tintuża l-garanzija tal-UE, jew li ma setgħux jitwettqu fl-istess livell, minn sorsi pubbliċi jew privati oħra mingħajr l-appoġġ tal-Fond InvestEU.

(43)

Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jingħata struttura ta' governanza li l-funzjoni tagħha jenħtieġ li tkun konformi mal-iskop uniku tagħha li tiżgura l-użu xieraq tal-garanzija tal-UE, filwaqt li tiġi żgurata l-indipendenza politika tad-deċiżjonijiet ta' investiment. Din l-istruttura ta' governanza jenħtieġ li tkun magħmula minn Bord Konsultattiv, minn Bord ta' Tmexxija u minn Kumitat tal-Investiment kompletament indipendenti. Il-kompożizzjoni ġenerali tal-istruttura ta' governanza jenħtieġ li tistinka biex tikseb bilanċ bejn il-ġeneri. L-istruttura ta' governanza jenħtieġ li ma taffettwax jew ma tinterferixxix fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Grupp tal-BEI jew ta' sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni, u jenħtieġ li ma tkunx sostitut għall-korpi governattivi rispettivi tagħhom.

(44)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit Bord Konsultattiv li jikkonsisti f'rappreżentanti tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, rappreżentanti tal-Istati Membri, espert wieħed maħtur mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u espert maħtur mill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex jiskambja informazzjoni u opinjonijiet dwar l-adozzjoni tal-prodotti finanzjarji użati taħt il-Fond InvestEU u biex jiddiskuti dwar il-ħtiġijiet li qed jevolvu u prodotti ġodda, inklużi lakuni fis-suq speċifiċi territorjali.

(45)

Sabiex tkun tista' tikkostitwixxi l-Bord Konsultattiv mill-bidu, il-Kummissjoni jenħtieġ li taħtar ir-rappreżentanti tas-sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni għal perjodu temporanju ta' sena. Minn hemm 'il quddiem, is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li jkunu ffirmaw ftehimiet ta' garanzija jieħdu f'idejhom dik ir-responsabbiltà.

(46)

Jenħtieġ li Bord ta' Tmexxija magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, rappreżentanti minn sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u minn espert wieħed li ma jivvutax, u li jkun maħtur mill-Parlament Ewropew, jiddetermina l-gwida strateġika u operattiva għall-Fond InvestEU.

(47)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-kompatibbiltà tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment proposti mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni mal-liġi u mal-politiki kollha tal-Unjoni. Id-deċiżjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment jenħtieġ li fl-aħħar mill-aħħar jittieħdu minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni.

(48)

Il-Kumitat tal-Investiment magħmul minn esperti indipendenti jenħtieġ li jilħaq konklużjoni dwar l-għoti ta’ appoġġ mill-garanzija tal-UE għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment li jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà tal-Fond InvestEU, u b'hekk jipprovdi għarfien espert estern f'valutazzjonijiet ta' investiment konnessi ma' proġetti. Il-Kumitat tal-Investiment jenħtieġ li jkollu konfigurazzjonijiet differenti biex ikopri bl-aħjar mod oqsma u setturi ta' politika differenti.

(49)

Segretarjat indipendenti ospitat mill-Kummissjoni u li jagħti rendikont lill-President tal-Kumitat tal-Investiment jenħtieġ li jassisti lill-Kumitat tal-Investiment.

(50)

Fl-għażla tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għat-twettiq tal-Fond InvestEU, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis l-abilità tagħhom li jissodisfaw l-objettivi tal-Fond InvestEU u li jikkontribwixxu r-riżorsi tagħhom stess, sabiex jiġu żgurati kopertura u diversifikazzjoni ġeografika adegwati, jiġu involuti investituri privati u jiġu pprovduti diversifikazzjoni suffiċjenti tar-riskji u soluzzjonijiet biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq u s-sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali. Minħabba r-rwol tiegħu skont it-Trattati, il-kapaċità tiegħu li jopera fl-Istati Membri kollha u l-esperjenza eżistenti taħt l-istrumenti finanzjarji attwali u l-FEIS, il-Grupp tal-BEI jenħtieġ li jibqa' sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni privileġġjat taħt il-kompartiment tal-UE tal-Fond InvestEU. Minbarra l-Grupp tal-BEI, il-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jenħtieġ li jkunu jistgħu joffru firxa ta' prodotti finanzjarji kumplimentari, billi l-esperjenza u l-kapaċitajiet tagħhom fil-livell nazzjonali u reġjonali jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-massimizzazzjoni tal-impatt tal-fondi pubbliċi fit-territorju kollu tal-Unjoni, u biex ikun żgurat bilanċ ġeografiku ġust tal-proġetti. Il-programm InvestEU jenħtieġ li jiġi implimentat b'tali mod li jippromwovi kundizzjonijiet ekwi għal banek u istituzzjonijiet promozzjonali iżgħar fid-daqs u fiż-żmien. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra jsiru sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, b'mod partikolari meta jippreżentaw vantaġġ komparattiv f'termini ta' kompetenza u ta' esperjenza speċifika f'ċerti Stati Membri u meta jippreżentaw maġġoranza azzjonarja tal-Unjoni. Jenħtieġ li jkun ukoll possibbli għal entitajiet oħra li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju sabiex isiru sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.

(51)

Bil-ħsieb li tiġi promossa diversifikazzjoni ġeografika mtejba, jistgħu jiġu stabbiliti pjattaformi ta' investiment biex jgħaqqdu l-isforzi u l-għarfien espert tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni ma' banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali oħra li għandhom esperjenza limitata fl-użu ta' strumenti finanzjarji. Tali strutturi jenħtieġ li jiġu mħeġġa, anki bl-appoġġ disponibbli miċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU. Huwa xieraq li l-koinvestituri, l-awtoritajiet pubbliċi, l-esperti, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-istituzzjonijiet tar-riċerka, is-sħab soċjali relevanti u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u atturi relevanti oħra fil-livell tal-Unjoni, jingħaqdu fil-livell nazzjonali u f'dak reġjonali biex jippromwovu l-użu ta' pjattaforma ta' investiment f'setturi rilevanti.

(52)

Il-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru jenħtieġ li tiġi allokata lil kwalunkwe sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni eliġibbli f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju, inklużi banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jew reġjonali, il-BEI, il-FEI u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn. Meta tagħżel sħab inkarigati mill-implimentazzjoni taħt il-kompartiment tal-Istat Membru, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis il-proposti magħmula minn kull Stat Membru, kif rifless fil-ftehim ta' kontribuzzjoni. F'konformità mal-Artikolu 154 tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tar-regoli u l-proċeduri tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni sabiex tiżgura li dan ikun qed jipprovdi livell ta' protezzjoni għall-interess finanzjarju tal-Unjoni li jkun ekwivalenti għal dak provdut mill-Kummissjoni.

(53)

L-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment fl-aħħar mill-aħħar jenħtieġ li jiġu deċiżi mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni f'ismu stess, jiġu implimentati skont ir-regoli, il-politiki u l-proċeduri interni tiegħu u kontabilizzati fir-rapporti finanzjarji tiegħu stess jew, fejn xieraq, żvelati fin-noti tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji. Għalhekk il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkontribwixxi esklużivament għal kwalunkwe obbligazzjoni finanzjarja li tirriżulta mill-garanzija tal-UE u jenħtieġ li tiżvela l-ammont massimu ta' garanzija, inkluża l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-garanzija provduta.

(54)

Fejn xieraq, il-Fond InvestEU jenħtieġ li jippermetti taħlita bla xkiel, uniformi u effiċjenti ta' għotjiet u/jew strumenti finanzjarji, iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni jew minn fondi oħra, bħall-Fond ta' Innovazzjoni tas-Sistema tan-Negozjar tal-Emissjonijiet (ETS, Emissions Trading System) tal-UE bil-garanzija tal-UE f'sitwazzjonijiet fejn dan ikun neċessarju biex jiġu sostnuti l-aħjar l-investimenti li jistgħu jindirizzaw fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali.

(55)

Il-proġetti ppreżentati minn sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għal appoġġ fil-qafas tal-Programm InvestEU li jinkludu appoġġ għat-taħlit mill-Fond InvestEU b'appoġġ minn programmi oħra tal-Unjoni, jenħtieġ li b'mod ġenerali jkunu konsistenti mal-objettivi u l-kriterji ta' eliġibbiltà tal-programmi l-oħra rilevanti tal-Unjoni. L-użu tal-garanzija tal-UE jenħtieġ li jkun deċiż skont il-Programm InvestEU.

(56)

Iċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU jenħtieġ li jappoġġa l-iżvilupp ta' sensiela robusta ta' proġetti ta' investiment f'kull tieqa ta' politika permezz ta' inizjattivi konsultattivi li jiġu implimentati mill-Grupp tal-BEI jew minn sħab konsultattivi oħra, jew li jiġu implimentati direttament mill-Kummissjoni. Iċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU jenħtieġ li jippromwovi diversifikazzjoni ġeografika bil-għan li jikkontribwixxi għall-objettivi ekonomiċi, soċjali, u ta' koeżjoni territorjali u għat-tnaqqis tad-differenzi reġjonali tal-Unjoni. Iċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU jenħtieġ li jagħti attenzjoni partikolari għall-aggregazzjoni tal-proġetti żgħar f'portafolli akbar. Il-Kummissjoni, il-Grupp tal-BEI u is-sħab konsultattivi l-oħra jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib bil-għan li jiżguraw l-effiċjenza, is-sinerġiji u l-appoġġ tal-kopertura ġeografika effettiva madwar l-Unjoni, waqt li jikkunsidraw il-kompetenza u l-kapaċità lokali tas-sħab lokali inkarigati mill-implimentazzjoni, kif ukoll iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti stabbilit taħt ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). Jenħtieġ li l-konklużjonijiet tar-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 12/2020 "Iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti: Tnieda biex jagħti spinta lill-investiment fl-UE, iżda l-impatt tiegħu għadu limitat" (16) jitqiesu bir-reqqa sabiex jiġu mmassimizzati l-effettività u l-impatt taċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU. Iċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU jenħtieġ li jipprovdi punt tad-dħul ċentrali għall-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti mogħtija taħt iċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU lill-awtoritajiet pubbliċi u l-promoturi tal-proġetti.

(57)

Jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU jiġi stabbilit mill-Kummissjoni mal-Grupp tal-BEI bħala s-sieħeb ewlieni, fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba permezz taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun responsabbli għat-tmexxija politika taċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU u għall-ġestjoni tal-punt tad-dħul ċentrali. Il-Grupp tal-BEI jenħtieġ li jimplimenta inizjattivi konsultattivi skont it-twieqi ta' politika. Barra minn hekk, il-Grupp tal-BEI jenħtieġ li jipprovdi servizzi operazzjonali lill-Kummissjoni, anki billi jipprovdi kontribut għal-linji gwida strateġiċi u ta' politika dwar inizjattivi ta' konsulenza, l-immappjar ta' inizjattivi konsultattivi eżistenti u emerġenti, il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta' konsulenza u l-għoti ta' pariri lill-Kummissjoni dwar modi ottimali biex jiġu indirizzati dawn il-ħtiġijiet permezz ta' inizjattivi konsultattivi eżistenti jew ġodda.

(58)

Sabiex tiġi żgurata firxa ġeografika wiesgħa tas-servizzi ta' konsulenza madwar l-Unjoni u biex jiġi sfruttat b'suċċess l-għarfien lokali dwar il-Fond InvestEU, jenħtieġ li tiġi żgurata preżenza lokali tal-Konsulenza tal-InvestEU, fejn tkun meħtieġa, filwaqt li jitqiesu l-iskemi ta' appoġġ eżistenti u l-preżenza tas-sħab lokali, bl-għan li tiġi pprovduta assistenza tanġibbli, proattiva u mfassla apposta fil-post. Sabiex jiġi ffaċilitat l-għoti ta' appoġġ konsultattiv fil-livell lokali u biex jiġu żgurati l-effiċjenza, is-sinerġiji u l-kopertura ġeografika effettiva tal-appoġġ madwar l-Unjoni, iċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU jenħtieġ li jikkoopera ma' banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, u jenħtieġ li jibbenefika u jagħmel użu mill-għarfien espert tagħhom.

(59)

Iċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU jenħtieġ li jipprovdi appoġġ konsultattiv għal proġetti żgħar u proġetti għal negozji ġodda, speċjalment meta n-negozji l-ġodda jfittxu li jipproteġu r-riċerka u l-investimenti ta' innovazzjoni tagħhom billi jiksbu titoli ta' proprjetà intellettwali, bħal privattivi, filwaqt li titqies l-eżistenza ta' servizzi oħra li jistgħu jkopru tali azzjonijiet u li jfittxu sinerġiji ma' dawn is-servizzi.

(60)

Fil-kuntest tal-Fond InvestEU, hemm il-ħtieġa li jinbena appoġġ għall-iżvilupp tal-proġetti u bini tal-kapaċità sabiex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet organizzazzjonali u l-attivitajiet ta' żvilupp tas-suq meħtieġa biex jiġu oriġinati proġetti ta' kwalità. Tali appoġġ jenħtieġ li jkun immirat ukoll lejn l-intermedjarji finanzjarji li huma essenzjali biex jgħinu lill-SMEs jaċċessaw finanzjament u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Minbarra dan, l-għan tal-appoġġ konsultattiv huwa li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-espansjoni tal-għadd potenzjali ta' riċevituri eliġibbli f'segmenti kummerċjali emerġenti, b'mod partikolari meta d-daqs żgħir ta' proġetti individwali jgħolli b'mod konsiderevoli l-kost tat-tranżazzjoni fil-livell tal-proġett, bħall-każ tal-ekosistema tal-finanzi soċjali, inklużi l-organizzazzjonijiet filantropiċi, jew tas-setturi kulturali jew kreattivi. L-appoġġ għall-bini tal-kapaċità jenħtieġ li jkun kumplimentari għall-azzjonijiet imwettqa skont programmi oħra tal-Unjoni li jkopru qasam ta' politika speċifiku, u addizzjonali magħhom. Jenħtieġ li jsir sforz ukoll biex ikun appoġġat l-bini tal-kapaċità ta' promoturi ta' proġetti potenzjali, b'mod partikolari organizzazzjonijiet u awtoritajiet lokali.

(61)

Il-Portal InvestEU jenħtieġ li jkun stabbilit sabiex jipprovdi għal bażi ta' data tal-proġetti aċċessibbli faċilment u faċli għall-utent biex jippromwovi l-viżibbiltà ta' proġetti ta' investiment li jkunu qed ifittxu finanzjament b'enfasi akbar fuq il-forniment ta' riżerva possibbli ta' proġetti ta' investiment, kompatibbli mal-liġi u l-politiki tal-Unjoni, lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.

(62)

F'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (17) u fil-limiti tar-riżorsi allokati fih, jenħtieġ li jitwettqu miżuri ta' rkupru u reżiljenza taħt il-Programm InvestEU sabiex jiġi indirizzat l-impatt mingħajr preċedent tal-kriżi tal-COVID-19. Tali riżorsi addizzjonali jenħtieġ li jintużaw b'tali mod li tkun żgurata l-konformità mal-limiti ta' żmien stipulati fir-Regolament (UE) 2020/2094.

(63)

Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (18), jenħtieġ li l-Programm InvestEU jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura f'konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi ta' monitoraġġ, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv, b'mod partikolari fuq l-Istati Membri, kif ukoll ir-regolamentazzjoni żedja. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu, bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Programm InvestEU fil-prattika.

(64)

Jenħtieġ li jiġi implimentat qafas sod ta' monitoraġġ li jkun ibbażat fuq il-produzzjoni, l-eżiti u l-indikaturi tal-impatt biex jissorvelja l-progress lejn l-għanijiet tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u il-Kunsill dwar il-progress, l-impatt u l-operazzjonijiet tal-Programm InvestEU.

(65)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stipulati fir-Regolament Finanzjarju u jiddeterminaw b'mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz tal-għotjiet, l-akkwist, il-premju, l-implimentazzjoni indiretta, u jipprovdu għal verifiki dwar ir-responsabilità tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jinkludu ukoll reġim ġenerali ta' kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(66)

Ir-Regolament Finanzjarju japplika għall-Programm InvestEU. Dan jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, fosthom ir-regoli dwar il-garanziji baġitarji.

(67)

B'konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (20), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (21) u (UE) 2017/1939 (22), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati, inklużi miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod mhux korrett, u fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta' penali amministrattivi. B'mod partikolari, f'konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23).

F'konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lil OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f'kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(68)

Pajjiżi terzi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jistgħu jieħdu sehem fil-programmi tal-Unjoni fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilit skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (24), li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-programmi abbażi ta' deċiżjoni adottata skont dak il-Ftehim. Pajjiżi terzi jistgħu wkoll jieħdu sehem abbażi ta' strumenti ġuridiċi oħrajn. F'dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi introdotta dispożizzjoni speċifika li tirrikjedi li pajjiżi terzi jagħtu d-drittijiet neċessarji kif ukoll l-aċċess meħtieġ, lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, lil-OLAF u lill-Qorti tal-Awdituri biex jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b'mod komprensiv.

(69)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (25), individwi u entitajiet stabbiliti f’pajjiżi jew f’territorji extra-Ewropej huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u l-objettivi tal-Programm InvestEU u arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li miegħu l-pajjiż jew territorju extra-Ewropew rilevanti jkun marbut.

(70)

Sabiex l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament jiġu ssupplimentati b'linji gwida dwar l-investiment u tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi, sabiex jiġi ffaċilitat l-adattament fil-pront u flessibbli tal-indikaturi tal-prestazzjoni u sabiex tiġi aġġustata r-rata ta' proviżjonament, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tat-tfassil tal-linji gwida dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment taħt twieqi ta' politika differenti, tat-tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi, tal-emenda tal-Anness III ta' dan ir-Regolament biex jiġu rieżaminati jew ikkomplementati l-indikaturi u tal-aġġustament tar-rata ta' proviżjonament. F'konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tali linji gwida dwar l-investiment jenħtieġ li jinkludu dispożizzjonijiet xierqa sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(71)

L-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment iffirmati jew konklużi minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2021 sal-iffirmar tal-ftehimiet ta' garanzija rispettivi tagħhom jenħtieġ li jkunu eliġibbli għall-garanzija tal-UE dment li tali operazzjonijiet ikunu indikati fil-ftehim ta' garanzija, jgħaddu mill-kontroll tal-politika jew jirċievu opinjoni favorevoli fil-qafas tal-proċedura prevista fl-Artikolu 19 tal-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE (l-Istatut tal-BEI), u jkunu fiż-żewġ każijiet approvati mill-Kumitat tal-Investiment.

(72)

Sabiex jiġi ottimizzat l-użu tar-riżorsi baġitarji, jenħtieġ li tkun possibbli kombinazzjoni ta' portafolli rilevanti ta' strumenti finanzjarji stabbiliti fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 u l-garanzija tal-UE taħt ir-Regolament (UE) 2015/1017 mal-garanzija tal-UE taħt dan ir-Regolament. Iż-żieda fil-kapaċità tal-ġarr tar-riskji stabbilita minn kombinazzjoni bħal din għandha ttejjeb l-effiċjenza tal-garanzija tal-UE taħt dan ir-Regolament u tippermetti aktar appoġġ lir-riċevituri finali. Il-modalitajiet tal-kombinazzjoni jenħtieġ li jiġu definiti fil-ftehim ta' garanzija bejn il-Kummissjoni u l-BEI jew il-FEI. Il-kundizzjonijiet tal-kombinazzjoni jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (26).

(73)

Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jindirizza fallimenti tas-suq u sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali madwar l-Unjoni u dawk speċifiċi għall-Istati Membri u jipprevedi ttestjar tas-suq madwar l-Unjoni ta' prodotti finanzjarji innovattivi mfassla biex jindirizzaw fallimenti tas-suq ġodda jew kumplessi jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali u ta’ sistemi għat-tixrid ta’ tali prodotti, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal- prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(74)

Sabiex tkun żgurata l-kontinwità fl-għoti ta' appoġġ fil-qasam rilevanti ta' politika u sabiex l-implimentazzjoni tkun tista' tibda mill-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021 - 2027, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li japplika, b’effett retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond InvestEU, li għandu jipprovdi garanzija tal-UE biex tappoġġa operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment imwettqa mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-politiki interni tal-Unjoni.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll mekkaniżmu ta' appoġġ konsultattiv biex jingħata appoġġ għall-iżvilupp ta' proġetti investibbli u aċċess għall-finanzjament u biex tingħata assistenza għall-bini ta' kapaċità relatata ("iċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU"). Jistabbilixxi wkoll bażi ta' data li tagħti viżibbiltà lill-proġetti li l-promoturi tal-proġetti jkunu qed ifittxu finanzjament għalihom u li tipprovdi lill-investituri informazzjoni dwar opportunitajiet ta' investiment (il-"Portal InvestEU").

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-objettivi tal-Programm InvestEU, il-baġit tiegħu u l-ammont ta' garanziji tal-UE għall-perjodu mill-2021 sal-2027, il-forom ta' finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta' tali finanzjament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

"il-Programm InvestEU" tfisser il-Fond InvestEU, iċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU, il-"Portal InvestEU u l-operazzjonijiet ta' taħlit, b'mod kollettiv;

(2)

"garanzija tal-UE" tfisser garanzija baġitarja ġenerali irrevokabbli, inkondizzjonata u fuq talba, ipprovduta mill-baġit tal-Unjoni li taħtu l-garanziji baġitarji skont l-Artikolu 219(1) tar-Regolament Finanzjarju jsiru effettivi permezz tad-dħul fis-seħħ ta' ftehimiet individwali ta' garanzija ma' sħab inkarigati mill-implimentazzjoni;

(3)

"tieqa ta' politika" tfisser qasam immirat għal appoġġ mill-garanzija tal-UE kif stabbilit fl-Artikolu 8(1);

(4)

"kompartiment" tfisser parti mill-garanzija tal-UE definita f'termini tal-oriġini tar-riżorsi li jappoġġawha;

(5)

"operazzjoni ta' taħlit" tfisser operazzjoni appoġġata mill-baġit tal-Unjoni li tikkombina forom ta' appoġġ li mhumiex ripagabbli, forom ta' appoġġ ripagabbli, jew it-tnejn li huma, mill-baġit tal-Unjoni ma' forom ta' appoġġ ripagabbli minn istituzzjonijiet tal-iżvilupp jew istituzzjonijiet ta' finanzjament pubbliċi oħra, jew minn istituzzjonijiet ta' finanzjament kummerċjali u investituri; għall-finijiet ta' din id-definizzjoni, programmi tal-Unjoni ffinanzjati minn sorsi oħra minbarra l-baġit tal-Unjoni, bħal pereżempju l-Fond ta' Innovazzjoni tal-UE ETS, jista' jiġi assimilat ma' programmi tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni;

(6)

"Grupp tal-BEI" tfisser il-BEI, is-sussidjarji tiegħu u entitajiet oħra stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 28(1) tal-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment anness mat-TUE u mat-TFUE (l-Istatut tal-BEI);

(7)

"kontribuzzjoni finanzjarja" tfisser kontribuzzjoni minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni fil-forma ta' kapaċità ta' teħid tar-riskju proprju li tingħata pari passu mal-garanzija tal-UE jew f'forma oħra li tippermetti implimentazzjoni effiċjenti tal-Programm InvestEU filwaqt li jiġi żgurat allinjament xieraq tal-imgħax;

(8)

"ftehim ta' kontribuzzjoni" tfisser strument legali li bih il-Kummissjoni u Stat Membru wieħed jew aktar jispeċifikaw il-kundizzjonijiet tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru, kif stabbilit fl-Artikolu 10;

(9)

"prodott finanzjarju" tfisser mekkaniżmu jew arranġament finanzjarju li skont it-termini tiegħu s-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jipprovdi finanzjament dirett jew intermedjat lil riċevituri finali bl-użu ta' kwalunkwe tip ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 16;

(10)

"operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment" jew "operazzjonijiet ta' finanzjament jew ta’ investiment" tfisser operazzjonijiet li jipprovdu finanzi b'mod dirett jew indirett lil riċevituri finali permezz ta' prodotti finanzjarji, imwettqa minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni f'ismu stess, ipprovdut mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni skont ir-regoli interni, il-politiki u l-proċeduri tiegħu u li jiġu kontabilizzati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jew, fejn applikabbli, żvelati fin-noti għal dawk id-dikjarazzjonijiet finanzjarji;

(11)

"fondi b'ġestjoni kondiviża" tfisser il-fondi li jipprevedu l-possibbiltà li porzjon minnhom jiġi allokat għall-provvediment ta' garanzija baġitarja fil-kompartiment tal-Istat Membru tal-Fond InvestEU, jiġifieri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni li għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni għas-snin 2021-2027, il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE +) li għandu jiġi stabbilit permezz ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE +) (ir-“Regolament FSE + għall-2021-2027”), il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) li għandu jiġi stabbilit permezz ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) li għandu jiġi stabbilit permezz ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-“Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK”);

(12)

"ftehim ta' garanzija" tfisser strument legali li permezz tiegħu l-Kummissjoni u sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jispeċifikaw il-kundizzjonijiet biex jipproponu operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment sabiex jingħataw il-benefiċċju tal-garanzija tal-UE, biex jipprovdu l-garanzija tal-UE għal dawn l-operazzjonijiet u biex jimplimentawhom skont dan ir-Regolament;

(13)

"sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni" tfisser kontroparti eliġibbli bħal istituzzjoni finanzjarja jew intermedjarju finanzjarju ieħor li magħha l-Kummissjoni tkun ikkonkludiet ftehim ta' garanzija;

(14)

"proġett importanti ta' interess Ewropew komuni" tfisser proġett li jissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex jippromwovi l-eżekuzzjoni ta' proġetti importanti ta' interess Ewropew komuni jew kwalunkwe reviżjoni sussegwenti ta’ dik il-Komunikazzjoni;

(15)

"ftehim konsultattiv" tfisser strument legali li bih il-Kummissjoni u s-sieħeb konsultattiv jispeċifikaw il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni taċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU;

(16)

"inizjattiva konsultattiva" tfisser servizzi ta' assistenza teknika u ta' konsulenza li jappoġġaw l-investiment, inklużi attivitajiet ta' bini ta' kapaċità, ipprovduti minn sħab konsultattivi, minn fornituri tas-servizzi esterni kkuntrattati mill-Kummissjoni, jew minn aġenziji eżekuttivi;

(17)

"sieħeb konsultattiv" tfisser kontroparti eliġibbli bħal istituzzjoni finanzjarja jew entità oħra li magħha l-Kummissjoni tkun ikkonkludiet ftehim konsultattiv bil-għan li timplimenta inizjattiva konsultattiva waħda jew aktar, minbarra l-inizjattivi konsultattivi implimentati permezz ta' fornituri tas-servizzi esterni kkuntrattati mill-Kummissjoni jew permezz ta’ aġenziji eżekuttivi;

(18)

"pjattaforma ta' investiment" tfisser veikolu bi skop speċjali, kont ġestit, arranġament ta' kofinanzjament jew ta' kondiviżjoni tar-riskji bbażat fuq kuntratt jew arranġament stabbilit bi kwalunkwe mezz ieħor li permezz tiegħu entitajiet jibagħtu kontribuzzjoni finanzjarja biex jiffinanzjaw għadd ta' proġetti ta' investiment, u li jistgħu jinkludu:

(a)

pjattaforma nazzjonali jew subnazzjonali li tiġbor flimkien diversi proġetti ta' investiment fit-territorju ta' Stat Membru partikolari;

(b)

pjattaforma transfruntiera, multinazzjonali, reġjonali jew makroreġjonali li tiġbor flimkien sħab minn diversi Stati Membri, reġjuni jew pajjiżi terzi interessati fi proġetti f'żona ġeografika partikolari;

(c)

pjattaforma tematika li tiġbor flimkien proġetti ta' investiment f'settur partikolari;

(19)

"mikrofinanzjament" tfisser il-mikrofinanzjament kif definit fid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament FSE+ għall-2021-2027”;

(20)

"bank jew istituzzjoni promozzjonali nazzjonali" tfisser l-entità legali li twettaq attivitajiet finanzjarji fuq bażi professjonali, li ngħatat mandat minn Stat Membru, jew entità ta' Stat Membru f'livell ċentrali, reġjonali jew lokali biex twettaq attivitajiet ta' żvilupp jew ta' promozzjoni;

(21)

"intrapriża żgħira u ta' daqs medju" jew "SME" tfisser intrapriża mikro, żgħira u ta' daqs medju skont it-tifsira tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (27);

(22)

"kumpanija żgħira b'kapitalizzazzjoni medja" tfisser entità li mhijiex SME u li timpjega sa 499 impjegat;

(23)

"intrapriża soċjali" tfisser intrapriża soċjali kif definita fid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament FSE+ għall-2021-2027;

Artikolu 3

Għanijiet tal-Programm InvestEU

1.   L-objettiv ġenerali tal-Programm InvestEU huwa li jappoġġa l-objettivi ta' politika tal-Unjoni permezz ta' operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment li jikkontribwixxu:

(a)

għall-kompetittività tal-Unjoni, inklużi r-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni;

(b)

għat-tkabbir u l-impjiegi fl-ekonomija tal-Unjoni, is-sostenibbiltà tal-ekonomija tal-Unjoni u d-dimensjoni ambjentali u klimatika tagħha li jikkontribwixxu għall-kisba tal-SDGs u tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja;

(c)

għar-reżiljenza soċjali, l-inklużività u l-innovazzjoni soċjali tal-Unjoni;

(d)

għall-promozzjoni ta' avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi, tal-kultura, tal-edukazzjoni u tat-taħriġ;

(e)

għall-integrazzjoni tas-swieq kapitali tal-Unjoni u għat-tisħiħ tas-suq intern, inklużi soluzzjonijiet li jindirizzaw il-frammentazzjoni tas-swieq kapitali tal-Unjoni, jiddiversifikaw is-sorsi ta' finanzjament għal intrapriżi tal-Unjoni u jippromwovu finanzjament sostenibbli;

(f)

għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jew

(g)

għall-irkupru sostenibbli u inklużiv tal-ekonomija tal-Unjoni wara l-kriżi tal-COVID-19, inkluż bl-għoti ta' appoġġ kapitali lill-SMEs li ntlaqtu ħażin mill-kriżi tal-COVID-19 u ma kinux diġà f'diffikultà f'termini ta' għajnuna mill-Istat fi tmiem l-2019, iż-żamma u t-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur strateġiċi eżistenti ta' assi tanġibbli jew intanġibbli, l-iżvilupp ta' oħrajn ġodda, u ż-żamma u t-tisħiħ tal-attivitajiet ta' importanza strateġika għall-Unjoni, inklużi proġetti importanti ta' interess Ewropew komuni, fir-rigward ta' infrastruttura kritika, kemm jekk fiżika jew virtwali, teknoloġiji trasformattivi, innovazzjonijiet u inputs li jbiddlu l-qagħda attwali għan-negozji u għall-konsumaturi u appoġġ għal tranżizzjoni sostenibbli.

2.   Il-Programm InvestEU għandu l-għanijiet speċifiċi li ġejjin:

(a)

jappoġġa operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment relatati mal-infrastruttura sostenibbli fl-oqsma msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 8(1);

(b)

jappoġġa operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment relatati mar-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, inkluż appoġġ għaż-żieda ta' kumpaniji innovattivi u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji għas-suq, fl-oqsma msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 8(1);

(c)

iżid l-aċċess u d-disponibbiltà tal-finanzjament għall-SMEs u għal kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja u jsaħħaħ il-kompetittività globali ta' dawn l-SMEs;

(d)

iżid l-aċċess u d-disponibbiltà tal-mikrofinanzjament u tal-finanzjament għal intrapriżi soċjali,, jappoġġa operazzjonijiet ta' finanzjamenti u ta' investiment relatati mal-investimenti soċjali, mal-kompetenzi u mal-ħiliet u jiżviluppa u jikkonsolida swieq ta' investiment soċjali, fl-oqsma msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 8(1).

Artikolu 4

Il-baġit u l-ammont tal-garanzija tal-UE

1.   Il-garanzija tal-UE għall-finijiet tal-kompartiment tal-UE msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) għandha tkun ta' EUR 26 152 310 073 fi prezzijiet kurrenti. Din għandha tkun provduta bir-rata ta' 40 %. L-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(3) għandu jitqies ukoll għall-kontribut għall-proviżjonament li jirriżulta minn dik ir-rata ta' proviżjonament.

Ammont addizzjonali tal-garanzija tal-UE jista' jiġi pprovdut għall-finijiet tal-kompartiment tal-Istat Membru msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament, suġġett għall-allokazzjoni mill-Istati Membri, skont id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-FEŻR, il-FSE+, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FEMSA implimentati permezz tal-Programm InvestEU stabbiliti f’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntieri u tal-viża (ir-"Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027”) u d-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-FAEŻR implimentat permezz tal-Programm InvestEU stabbiliti fir-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, tal-ammonti korrispondenti.

Ammont addizzjonali tal-garanzija tal-UE jista' jingħata wkoll fl-għamla ta' flus kontanti jew garanzija mill-Istati Membri għall-finijiet tal-kompartiment tal-Istat Membru. L-ammont mogħti fi flus kontanti għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern b'konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

Il-kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament għandhom iżidu wkoll il-garanzija tal-UE msemmija fl-ewwel subparagrafu, billi jipprovdu proviżjonament fi flus kontanti b'mod sħiħ skont l-Artikolu 218(2) tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Ammont ta' EUR 14 825 000 000 fi prezzijiet kurrenti tal-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi allokat għall-operazzjonijiet ta' miżuri ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2020/2094 għall-objettivi msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament.

Ammont ta' EUR 11 327 310 073 fi prezzijiet kurrenti tal-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi allokat għall-objettivi msemmija fl-Artikolu 3(2).

L-ammonti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom ikunu disponibbli biss mid-data msemmija fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2020/2094.

Id-distribuzzjoni indikattiva tal-garanzija tal-UE għall-finijiet tal-kompartiment tal-UE hija stabbilita fl-Anness I ta' dan ir-Regolament. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista' tiddevja mill-ammonti msemmija fl-Anness I b'sa 15 % għal kull objettiv imsemmi fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 3(2). Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'tali devjazzjoni.

3.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fil-Kapitoli VI u VII għandu jkun ta' EUR 430 000 000 fi prezzijiet kurrenti.

4.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 3 jista' jintuża wkoll għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Programm InvestEU, bħal attivitajiet preparatorji, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' awditu u ta' evalwazzjoni, anki għal sistemi korporattivi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni.

Artikolu 5

Pajjiżi terzi assoċjati mal-Fond InvestEU

Il-kompartiment tal-UE tal-Fond InvestEU msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament u kull waħda mit-twieqi politiċi msemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-Regolament jistgħu jirċievu kontribuzzjonijiet mill-pajjiżi terzi li ġejjin għal finijiet ta' parteċipazzjoni f'ċerti prodotti finanzjarji skont l-Artikolu 218(2) tar-Regolament Finanzjarju:

(a)

membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma membri taż-ŻEE, b'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

(b)

pajjiżi fil-proċess ta' adeżjoni mal-Unjoni, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, b'konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jew f’arranġamenti simili u b'konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(c)

pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, f'konformità mal-prinċipji ġenerali u mat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni rispettivi jew fi ftehimiet simili u f'konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(d)

pajjiżi terzi oħra, skont il-kundizzjonijiet stipulati fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni ta' pajjiż terz għal kull programm tal-Unjoni, dment li l-ftehim:

(i)

jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji tal-pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;

(ii)

jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi, fosthom il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali, u l-ispejjeż amministrattivi tagħhom;

(iii)

ma jagħti lill-pajjiż terz ebda setgħa deċiżjonali fir-rigward tal-programm;

(iv)

jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni biex tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha.

Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt (d)(ii) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat b'konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 6

Implimentazzjoni u forom ta' finanzjament mill-Unjoni

1.   Il-garanzija tal-UE għandha tiġi implimentata b'ġestjoni indiretta bil-korpi msemmija fil-punti (c)(ii), (c)(iii), (c)(v) u (c)(vi) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju. Forom oħra ta' finanzjament tal-Unjoni f'dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati b'ġestjoni diretta jew indiretta skont ir-Regolament Finanzjarju, inklużi l-għotjiet implimentati skont it-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju u l-operazzjonijiet ta' taħlit implimentati f'konformità ma' dan l-Artikolu kemm jista' jkun mingħajr xkiel, b'mod li jiżgura appoġġ effiċjenti u koerenti għall-politiki tal-Unjoni.

2.   L-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti mill-garanzija tal-UE li jiffurmaw parti mill-operazzjoni ta' taħlit li jikkombinaw appoġġ skont dan ir-Regolament ma' appoġġ ipprovdut skont xi programm jew programmi oħra tal-Unjoni jew kopert mill-Fond ta' Innovazzjoni tal-EU ETS għandhom:

(a)

ikunu konsistenti mal-objettivi tal-politika u jikkonformaw mal-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fir-regoli tal-programm tal-Unjoni skont liema l-appoġġ ikun ġie deċiż;

(b)

jikkonformaw ma' dan ir-Regolament.

3.   Operazzjonijiet ta' taħlit li jinkludu strument finanzjarju ffinanzjat kompletament minn programmi oħrajn tal-Unjoni jew mill-Fond ta' Innovazzjoni tal-EU ETS mingħajr l-użu tal-garanzija tal-UE skont dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi ta' politika u konformi mal-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fir-regoli tal-programm tal-Unjoni skont liema tingħata l-għajnuna.

4.   Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, forom mhux ripagabbli ta' appoġġ u strumenti finanzjarji mill-baġit tal-Unjoni li jifformaw parti mill-operazzjoni ta' taħlit imsemmijin fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu deċiżi skont ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni u għandhom jiġu implimentati f'operazzjoni ta' taħlit skont dan ir-Regolament u skont it-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju.

Ir-rappurtar relatat ma' tali operazzjonijiet ta' taħlit għandu jkopri wkoll il-konsistenza tagħhom mal-għanijiet ta' politika u l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fir-regoli tal-programm tal-Unjoni li bihom l-appoġġ jiġi deċiż kif ukoll il-konformità tagħhom ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Kombinazzjoni ta' portafolli

1.   L-appoġġ mill-garanzija tal-UE skont dan ir-Regolament, l-appoġġ tal-Unjoni pprovdut permezz tal-istrumenti finanzjarji stabbiliti mill-programmi fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 u l-appoġġ tal-Unjoni mill-garanzija tal-UE stabbilita mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1017 jistgħu jiġu kkombinati fi prodotti finanzjarji implimentati mill-BEI jew mill-FEI skont dan ir-Regolament.

2.   B'deroga mill-Artikolu 19(2) u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1), il-garanzija tal-UE fl-ambitu ta' dan ir-Regolament tista' wkoll tkopri t-telf imsemmi fl-Artikolu 19(2) fir-rigward tal-portafoll intier tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment appoġġati mill-prodotti finanzjarji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Minkejja l-objettivi tal-istrumenti finanzjarji msemmija fil-paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet magħmula biex ikopru l-obbligazzjonijiet finanzjarji li jirriżultaw mill-istrumenti finanzjarji msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jintużaw biex ikopru t-telf fir-rigward tal-portafoll kollu tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment appoġġati mill-prodotti finanzjarji msemmija fil-paragrafu 1.

3.   It-telf, dħul u ħlasijiet lura mill-prodotti finanzjarji kif imsemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll irkupri potenzjali, għandhom jiġu attribwiti pro rata bejn l-istrumenti finanzjarji u l-garanziji tal-UE, imsemmija f'dak il-paragrafu, li jipprovdu l-appoġġ ikkombinat tal-Unjoni għal dak il-prodott finanzjarju.

4.   It-termini u l-kundizzjonijiet tal-prodotti finanzjarji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inklużi l-ishma pro rata rispettivi tat-telf, id-dħul, il-ħlasijiet lura u l-irkupri, għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehim ta' garanzija msemmi fl-Artikolu 17.

KAPITOLU II

Il-Fond InvestEU

Artikolu 8

Twieqi ta' politika

1.   Il-Fond InvestEU għandu jopera permezz tal-erba' twieqi ta' politika li ġejjin li għandhom jindirizzaw il-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali fil-kamp ta' applikazzjoni speċifiku tagħhom:

(a)

tieqa ta' politika ta' infrastruttura sostenibbli li tinkludi investiment fl-oqsma tat-trasport, inklużi t-trasport multimodali, is-sikurezza fit-toroq, inkluż skont l-għan tal-Unjoni li telimina l-inċidenti tat-traffiku fatali u l-korrimenti serji sal-2050, it-tiġdid u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-ferroviji u tat-toroq, tal-enerġija, b'mod partikolari l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika skont il-qafas ta' politika għall-enerġija għall-2030, il-proġetti ta' rinnovazzjoni tal-bini ffokati fuq l-iffrankar tal-enerġija u l-integrazzjoni tal-bini f'sistemi konnessi diġitali u ta' enerġija, ħżin, trasport, filwaqt li jittejbu l-livelli ta' interkonnessjoni, tal-konnettività diġitali, u l-aċċess, inkluż fiż-żoni rurali, tal-provvista u tal-ipproċessar tal-materja prima, tal-ispazju, tal-oċeani, tal-ilma, inklużi l-passaġġi fuq l-ilma intern, tal-ġestjoni tal-iskart skont il-ġerarkija tal-iskart u l-ekonomija ċirkolari, tan-natura u ta' infrastruttura ambjentali oħra, tal-wirt kulturali, tat-turiżmu, tat-tagħmir, tal-assi mobbli u tal-użu ta' teknoloġiji innovattivi li jikkontribwixxu għall-għanijiet tas-sostenibbiltà soċjali jew tar-reżiljenza tal-klima jew ambjentali tal-Unjoni u li jissodisfaw l-istandards ta' sostenibbiltà ambjentali jew soċjali tal-Unjoni;

(b)

tieqa ta' politika ta' riċerka, innovazzjoni u diġitalizzazzjoni li tinkludi attivitajiet ta' riċerka, żvilupp ta' prodott u innovazzjoni, it-trasferiment tat-teknoloġiji u tar-riżultati tar-riċerka għas-suq biex tappoġġa l-faċilitaturi tas-suq u l-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi, id-dimostrazzjoni u l-użu ta' soluzzjonijiet innovattivi u l-appoġġ għat-tkabbir ta' kumpaniji innovattivi kif ukoll id-diġitalizzazzjoni tal-industrija tal-Unjoni;

(c)

tieqa ta' politika għall-SMEs li tinkludi l-aċċess għal u d-disponibbiltà tal-finanzi primarjament għall-SMEs, inklużi għal SMEs innovattivi u SMEs li joperaw fis-setturi kulturali u kreattivi, kif ukoll kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja;

(d)

tieqa ta' politika għall-investiment soċjali u l-ħiliet, li tinkludi l-mikrofinanzjament, il-finanzi għall-intrapriżi soċjali, l-ekonomija soċjali u l-miżuri biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-ħiliet, l-edukazzjoni, it-taħriġ u servizzi relatati, l-infrastruttura soċjali, inkluża l-infrastruttura tas-saħħa u edukattiva u tal-akkomodazzjoni soċjali u għall-istudenti, l-innovazzjoni soċjali, il-kura tas-saħħa u fit-tul, l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà, l-attivitajiet kulturali u kreattivi b'għan soċjali, u l-integrazzjoni tan-nies vulnerabbli, inklużi ċittadini ta' pajjiżi terzi.

2.   Skema ta' tranżizzjoni ġusta għandha tiġi stabbilita orizzontalment fit-twieqi ta' politiki kollha. Dik l-iskema għandha tinkludi investimenti li jindirizzaw l-isfidi soċjali, ekonomiċi u ambjentali li jirriżultaw mill-proċess ta' tranżizzjoni lejn l-ilħuq tal-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 u l-mira ta' newtralità klimatika sal-2050, kif ukoll tkun ta' benefiċċju għar-reġjuni identifikati fi pjan ta' tranżizzjoni ġusta mħejji minn Stat Membru skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.

3.   Kull tieqa ta' politika tista' tinkludi investimenti strateġiċi, inklużi proġett importanti ta' interess Ewropew komuni, biex jiġu appoġġati r-riċevituri finali li l-attivitajiet tagħhom huma ta' importanza strateġika għall-Unjoni, b'mod partikolari fid-dawl tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tar-reżiljenza msaħħa u tat-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur strateġiċi.

Fil-każ ta' investimenti strateġiċi fis-setturi tad-difiża u tal-ispazju u fiċ-ċibersigurtà, kif ukoll f'tipi speċifiċi ta' proġetti b'implikazzjonijiet ta' sigurtà reali u diretta f'setturi kritiċi, il-linji gwida dwar l-investiment adottati skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu (l-“linji gwida dwar l-investiment”) għandhom jistabbilixxu limitazzjonijiet fir-rigward tar-riċevituri finali kkontrollati minn pajjiż terz jew entitajiet ta' pajjiż terz u r-riċevituri finali li jkollhom il-ġestjoni eżekuttiva tagħhom barra l-Unjoni bil-ħsieb li jipproteġu s-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Dawk il-limitazzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti f'konformità mal-prinċipji li jirrigwardaw l-entitajiet eliġibbli stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 u fid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE.

Il-linji gwida dwar l-investiment għandhom jistabbilixxu kwalunkwe rekwiżit meħtieġ relatat mal-kontroll u l-ġestjoni eżekuttiva ta' riċevituri finali għal oqsma oħra, u għall-kontroll ta' intermedjarji, fid-dawl ta' kwalunkwe ordni pubbliku applikabbli jew kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà. Waqt li jieħu kont ta' dawk ir-rekwiżiti, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jistabbilixxi kwalunkwe rekwiżit addizzjonali li jkun meħtieġ.

4.   Fejn operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment proposta lill-Kumitat ta' Investiment taqa' taħt aktar minn tieqa ta' politika waħda, din għandha tiġi attribwita lit-tieqa ta' politika li taħtha jaqa' l-għan prinċipali jew l-għan prinċipali tal-biċċa l-kbira tas-sottoproġetti tagħha, sakemm il-linji gwida dwar l-investiment ma jipprevedux mod ieħor.

5.   L-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment għandhom jiġu skrinjati biex jiġi ddeterminat jekk għandhomx impatt ambjentali, klimatiku jew soċjali. Jekk dawk l-operazzjonijiet ikollhom impatt bħal dan, dawn għandhom ikunu soġġetti għall-ittestjar tas-sostenibbiltà klimatika, ambjentali u soċjali bil-għan li jiġu minimizzati l-impatti negattivi u jiġu massimizzati l-benefiċċji għall-klima, l-ambjent u d-dimensjonijiet soċjali. Għal dan il-għan, il-promoturi ta' proġett li jitolbu finanzjament għandhom jipprovdu informazzjoni adegwata fuq il-bażi tal-gwida msemmija fil-paragrafu 6. Proġetti taħt ċertu daqs speċifikat fil-linji gwida ta' prova għandhom jiġu esklużi. Proġetti li ma jkunux konsistenti mal-għanijiet klimatiċi ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-appoġġ skont dan ir-Regolament. Fil-każ li s-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jikkonkludi li ma għandha titwettaq l-ebda prova tas-sostenibbiltà, huwa għandu jipprovdi ġustifikazzjoni lill-Kumitat tal-Investiment.

6.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa gwida dwar is-sostenibbiltà li, f'konformità mal-għanijiet u l-istandards ambjentali u soċjali tal-Unjoni u b'kunsiderazzjoni xierqa tal-prinċipju ‘la tagħmilx ħsara sinifikanti’, tippermetti li:

(a)

rigward l-adattament, tiġi żgurata r-reżiljenza għall-impatti negattivi potenzjali tat-tibdil fil-klima permezz ta' valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u r-riskju tal-klima, inkluż permezz ta' miżuri ta' adattament rilevanti u, fir-rigward tal-mitigazzjoni, jiġu integrati l-ispejjeż tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra u l-effetti pożittivi ta' miżuri għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji;

(b)

jittieħed kont tal-impatt ikkonsolidat tal-proġetti f'termini tal-komponenti ewlenin tal-kapital naturali, jiġifieri l-arja, l-ilma, l-art u l-bijodiversità;

(c)

jiġi stmat l-impatt soċjali tal-proġetti, inkluż fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, fuq l-inklużjoni soċjali ta' ċerti żoni jew popolazzjonijiet u fuq l-iżvilupp ekonomiku ta' żoni u setturi affettwati mill-isfidi strutturali bħalma hija l-ħtieġa tad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija;

(d)

jiġu identifikati proġetti li ma jkunux konsistenti mal-kisba tal-għanijiet klimatiċi;

(e)

jiġu pprovduti s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni bi gwida għall-fini tal-eżami previst fil-paragrafu 5.

7.   Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex jippermettu t-traċċar ta' investiment li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni dwar il-klima u l-ambjent, fuq il-bażi ta' gwida li għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni.

8.   Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom japplikaw mira ta' mill-inqas 60 % tal-investiment taħt it-tieqa ta' politika għall-infrastruttura sostenibbli biex jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni dwar il-klima u l-ambjent.

Il-Kummissjoni, flimkien mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, għandhom jirsistu li jiżguraw li l-parti tal-garanzija tal-UE użata għat-tieqa ta' politika għall-infrastruttura sostenibbli tiġi distribwita bl-għan li jintlaħaq bilanċ bejn l-oqsma differenti msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1.

9.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 34 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tiddefinixxi l-linji gwida dwar l-investiment għal kull tieqa ta' politika. Il-linji gwida dwar l-investiment għandhom jistabbilixxu wkoll l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-iskema ta' tranżizzjoni ġusta, kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-linji gwida dwar l-investiment għandhom jitħejjew fi djalogu mill-qrib mal-Grupp tal-BEI u sħab potenzjali oħra inkarigati mill-implimentazzjoni.

10.   Għall-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment strateġiċi fis-setturi tad-difiża u tal-ispazju u fiċ-ċibersigurtà, il-linji gwida dwar l-investiment jistgħu jistabbilixxu limitazzjonijiet fir-rigward tat-trasferiment u l-liċenzjar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għal teknoloġiji kritiċi u teknoloġiji li huma strumentali biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha filwaqt li tiġi rispettata l-kompetenza tal-Istat Membru fil-kontroll tal-esportazzjoni.

11.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, tal-Kumitat tal-Investiment u tas-sħab konsultattivi l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-linji gwida dwar l-investiment.

Artikolu 9

Kompartimenti

1.   It-twieqi ta' politika msemmija fl-Artikolu 8(1) għandhom jikkonsistu f'kompartiment tal-UE u kompartiment tal-Istati Membri. Dawn il-kompartimenti għandhom jindirizzaw il-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali kif ġej:

(a)

il-kompartiment tal-UE għandu jindirizza kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(i)

fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali relatati mal-prijoritajiet tal-politika tal-Unjoni;

(ii)

fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet subottimali ta' investiment mal-Unjoni kollha jew speċifiċi għall-Istati Membri; jew

(iii)

fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali, li jirrikjedu l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet finanzjarji u strutturi tas-suq innovattivi, b'mod partikolari fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali ġodda jew kumplessi;

(b)

il-kompartiment tal-Istat Membru għandu jindirizza fallimenti tas-suq speċifiċi jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali f'reġjun jew fi Stat Membru wieħed jew aktar sabiex iwettaq l-għanijiet tal-politika tal-fondi kontribwenti b'ġestjoni kondiviża jew tal-ammont addizzjonali pprovdut minn Stat Membru skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1), speċjalment biex isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni billi jindirizza l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni tagħha.

2.   Fejn xieraq, il-kompartimenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintużaw b'mod komplementari biex isostnu operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment partikolari, inkluż billi jgħaqqdu l-appoġġ miż-żewġ kompartimenti.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-kompartiment tal-Istat Membru

1.   Għandhom jintużaw ammonti allokati minn Stat Membru fuq bażi volontarja skont id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-FEŻR, il-FSE+, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FEMSA implimentati permezz tal-Programm InvestEU stabbiliti fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027 jew skont id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-FAEŻR implimentat permezz tal-Programm InvestEU stabbiliti fir-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jew ammonti pprovduti fi flus kontanti skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament għall-proviżjonament għall-parti tal-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-Istat Membru li jkopri operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment fl-Istat Membru kkonċernat jew għall-kontribuzzjoni possibbli għaċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU. Dawk l-ammonti għandhom jintużaw biex jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi ta' politika speċifikati fil-Ftehim ta' Sħubija msemmi fid-dispożizzjonijiet dwar il-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija stabbiliti fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027, fil-programmi jew fil-Pjan Strateġiku tal-PAK li jikkontribwixxu għall-Programm InvestEU, biex jiġu implimentati l-miżuri rilevanti stabbiliti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2021/241 jew, f'każijiet oħra, għall-finijiet stabbiliti fil-ftehim ta' kontribuzzjoni, skont l-oriġini tal-ammont kontribwit.

2.   L-istabbiliment tal-parti tal-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-Istat Membru għandu jkun soġġett għall-konklużjoni ta' ftehim ta' kontribuzzjoni bejn Stat Membru u l-Kummissjoni.

Ir-raba' subparagrafu ta' dan il-paragrafu u l-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-ammont addizzjonali pprovdut minn Stat Membru skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1).

Id-dispożizzjonijiet f'dan l-Artikolu relatati mal-ammonti allokati skont id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-FEŻR, il-FSE+, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FEMSA implimentati permezz tal-Programm InvestEU stabbiliti fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027 jew skont id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-FAEŻR implimentat permezz tal-Programm InvestEU stabbiliti fir-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK mhumiex applikabbli għal ftehim ta' kontribuzzjoni dwar ammont addizzjonali minn Stat Membru, imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament.

L-Istat Membru u l-Kummissjoni għandhom jikkonkludu ftehim ta' kontribuzzjoni jew emenda għalih fi żmien erba' xhur wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-Ftehim ta' Sħubija skont id-dispożizzjonijiet dwar l-approvazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija stabbiliti fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027 jew skont il-Pjan Strateġiku tal-PAK taħt ir-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jew simultanjament skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li temenda programm skont id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-FEŻR, il-FSE+, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FEMSA implimentati permezz tal-Programm InvestEU stabbiliti fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027 jew Pjan Strateġiku tal-PAK skont id-dispożizzjonijiet dwar l-emendament tal-Pjan Strateġiku tal-Pak stabbiliti fir-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK.

Żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jikkonkludu ftehim ta' kontribuzzjoni konġunta mal-Kummissjoni.

B'deroga mill-Artikolu 211(1) tar-Regolament Finanzjarju, ir-rata ta' proviżjonament tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru għandha tiġi ffissata għal 40 % u tista' tiġi aġġustata 'l isfel jew 'l fuq f'kull ftehim ta' kontribuzzjoni sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji marbuta mal-prodotti finanzjarji maħsuba biex jintużaw.

3.   Il-ftehim ta' kontribuzzjoni għandu tal-anqas jinkludi dawn l-elementi li ġejjin:

(a)

l-ammont totali tal-parti tal-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-Istat Membru li jappartjeni lill-Istat Membru kkonċernat, ir-rata ta' proviżjonament tiegħu, l-ammont tal-kontribuzzjoni minn fondi b'ġestjoni kondiviża jew provduta skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1), il-fażi ta' kostituzzjoni tal-proviżjonament u l-ammont tal-obbligazzjoni kontinġenti riżultanti li għandu jkun kopert minn garanzija back-to-back provduta mill-Istat Membru kkonċernat;

(b)

l-istrateġija tal-Istat Membru, li tikkonsisti fil-prodotti finanzjarji u fil-leverage minimu tagħhom, il-kopertura ġeografika, li tinkludi l-kopertura reġjonali jekk meħtieġa, it-tipi ta' proġetti, il-perjodu ta' investiment u, jekk applikabbli, il-kategoriji tar-riċevituri finali u tal-intermedjarji eliġibbli;

(c)

is-sieħeb jew is-sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni proposti skont ir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 15(1), u l-obbligu għall-Kummissjoni li tinforma lill-Istat Membru kkonċernat dwar is-sieħeb jew is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni magħżula;

(d)

kwalunkwe kontribuzzjoni mill-fondi b'ġestjoni kondiviża jew minn ammonti pprovduti skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1) għaċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU;

(e)

l-obbligi li jiġi pprovdut rappurtar annwali lill-Istat Membru, inkluż ir-rappurtar dwar l-indikaturi rilevanti relatati mal-għanijiet ta' politika koperti fil-Ftehim ta' Sħubija, fil-programm, fil-Pjan Strateġiku tal-PAK jew fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u msemmija fil-ftehim ta' kontribuzzjoni;

(f)

dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni għall-parti tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru;

(g)

kwalunkwe kombinazzjoni ma' riżorsi taħt il-kompartiment tal-UE f'konformità mal-Artikolu 9(2), inkluż fi struttura b'saffi li tikseb kopertura tar-riskju aħjar.

4.   Il-ftehimiet ta' kontribuzzjoni għandhom jiġu implimentati mill-Kummissjoni permezz ta' ftehimiet ta' garanzija konklużi ma' sħab inkarigati mill-implimentazzjoni f'konformità mal-Artikolu 17 u ftehimiet konsultattivi konklużi ma' sħab konsultattivi f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1).

Jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ta' garanzija fi żmien disa' xhur mill-konklużjoni tal-ftehim ta' kontribuzzjoni, il-ftehim ta' kontribuzzjoni għandu jintemm jew jiġi mtawwal bi ftehim reċiproku. Jekk l-ammont ta' ftehim ta' kontribuzzjoni ma jkunx ġie impenjat kompletament taħt ftehim ta' garanzija wieħed jew aktar fi żmien disa' xhur mill-konklużjoni tal-ftehim ta' kontribuzzjoni, dan l-ammont għandu jiġi emendat kif meħtieġ. L-ammont mhux użat ta' proviżjonament attribwibbli lill-ammonti allokati mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-FEŻR, il-FSE+, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FEMSA implimentati permezz tal-Programm InvestEU stabbiliti fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027 jew skont id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-FAEŻR implimentat permezz tal-Programm InvestEU stabbiliti fir-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għandu jerġa' jintuża f'konformità ma' dawk ir-Regolamenti. L-ammont mhux użat tal-proviżjonament attribwibbli lill-ammonti allokati minn Stat Membru skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament għandu jitħallas lura lill-Istat Membru.

Fejn ftehim ta' garanzija ma jkunx ġie implimentat kif xieraq fil-perjodu speċifikat fid-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-FEŻR, il-FSE+, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FEMSA implimentati permezz tal-Programm InvestEU stabbiliti fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027 jew fid-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-FAEŻR implimentat permezz tal-Programm InvestEU stabbiliti fir-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, jew, f'każ ta' ftehim ta' garanzija relatat mal-ammonti pprovduti skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament, fil-ftehim ta' kontribuzzjoni rilevanti, il-ftehim ta' kontribuzzjoni għandu jiġi emendat. L-ammont mhux użat ta' proviżjonament attribwibbli lill-ammonti allokati mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-FEŻR, il-FSE+, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FEMSA implimentati permezz tal-Programm InvestEU stabbiliti fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027 jew skont id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-FAEŻR implimentat permezz tal-Programm InvestEU stabbiliti fir-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għandu jerġa' jintuża f'konformità ma' dawk ir-Regolamenti. L-ammont mhux użat ta’ proviżjonament attribwibbli lill-ammonti allokati minn Stat Membru skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament għandu jitħallas lura lill-Istat Membru.

5.   Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-proviżjonament għall-parti tal-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-Istat Membru stabbilit bi ftehim ta' kontribuzzjoni:

(a)

wara l-fażi ta' kostituzzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, kwalunkwe bilanċ annwali ta' dispożizzjonijiet, ikkalkulat billi jitqabbel l-ammont ta' dispożizzjonijiet meħtieġa mir-rata ta' proviżjonament stabbilita fil-ftehim ta' kontribuzzjoni u l-ammont reali ta' dispożizzjonijiet, għandu jerġa' jintuża skont id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-FEŻR, il-FSE+, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FEMSA implimentati permezz tal-Programm InvestEU stabbiliti fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027 u skont id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-FAEŻR implimentat permezz tal-Programm InvestEU stabbiliti fir-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK;

(b)

b'deroga mill-Artikolu 213(4) tar-Regolament Finanzjarju, wara l-fażi tal-kostituzzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-proviżjonament ma għandux joħloq rifornimenti annwali matul id-disponibbiltà ta' din il-parti tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru;

(c)

il-Kummissjoni għandha tinforma immedjatament lill-Istat Membru jekk il-livell ta' provvedimenti għal dik il-parti tal-garanzija tal-UE jaqa' taħt l-20 % tal-proviżjonament inizjali bħala riżultat ta' sejħiet għal dik il-parti tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru;

(d)

jekk il-livell tal-proviżjonamenti għal dik il-parti tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru jilħaq l-10 % tal-proviżjonament inizjali, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi sa 5 % tal-proviżjonament inizjali lill-fond komuni għall-proviżjonament imsemmi fl-Artikolu 212 tar-Regolament Finanzjarju b'talba għal dan mill-Kummissjoni.

6.   Fir-rigward tal-ammonti msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1), il-ġestjoni tal-bilanċi u r-rifornimenti annwali wara l-fażi ta' kostituzzjoni għandha tiġi definita fil-ftehim ta' kontribuzzjoni.

KAPITOLU III

Sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI

Artikolu 11

Ambitu tas-sħubija

1.   Il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI għandhom jiffurmaw sħubija skont dan ir-Regolament bil-għan li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Programm InvestEU u jrawmu l-konsistenza, l-inklużività, l-addizzjonalità, u l-bidu effiċjenti tal-użu tiegħu. F'konformità ma' dan ir-Regolament u kif speċifikat aktar fil-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 3, il-Grupp tal-BEI:

(a)

għandu jimplimenta l-porzjon tal-garanzija tal-UE speċifikat fl-Artikolu 13(4);

(b)

għandu jappoġġa l-implimentazzjoni tal-kompartiment tal-UE tal-Fond InvestEU, u, fejn applikabbli, il-kompartiment tal-Istat Membru, b'mod partikolari billi:

(i)

flimkien mas-sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni jikkontribwixxi għal-linji gwida dwar l-investiment skont l-Artikolu 8(9), jikkontribwixxi għat-tfassil tat-Tabella ta' Valutazzjoni skont l-Artikolu 22 u jikkontribwixxi għal dokumenti oħra li jistabbilixxu l-gwida operattiva tal-Fond InvestEU;

(ii)

flimkien mal-Kummissjoni u s-sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni, jiddefinixxi l-metodoloġija tar-riskju u s-sistema ta' mmappjar tar-riskju relatati mal-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni sabiex dawn l-operazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu vvalutati fuq skala komuni ta' klassifikazzjoni;

(iii)

fuq talba mill-Kummissjoni u bi qbil mas-sieħeb potenzjali kkonċernat inkarigat mill-implimentazzjoni, iwettaq valutazzjoni tas-sistemi ta' dan is-sieħeb potenzjali inkarigat mill-implimentazzjoni u jipprovdi pariri tekniċi mmirati dwar dawk is-sistemi, jekk u sal-punt meħtieġ mill-konklużjonijiet tal-awditjar tal-valutazzjoni tal-pilastru fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-prodotti finanzjarji previsti minn dan is-sieħeb potenzjali inkarigat mill-implimentazzjoni;

(iv)

jipprovdi opinjoni mhux vinkolanti dwar l-aspetti relatati mas-settur bankarju, b'mod partikolari dwar ir-riskju finanzjarju u t-termini finanzjarji relatati mal-porzjon tal-garanzija tal-UE li għandu jiġi allokat lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni, minbarra l-Grupp BEI, kif definit fil-ftehim ta' garanzija li għandu jiġi konkluż ma' dan is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni;

(v)

iwettaq simulazzjonijiet u projezzjonijiet tar-riskju finanzjarju u r-remunerazzjoni tal-portafoll aggregat fuq il-bażi ta' suppożizzjonijiet miftiehma mal-Kummissjoni;

(vi)

ikejjel ir-riskju finanzjarju tal-portafoll aggregat u jipprovdi rapporti finanzjarji dwar il-portafoll aggregat; kif ukoll

(vii)

jipprovdi servizzi ta' ristrutturar u rkupru stabbiliti fil-ftehim imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu lill-Kummissjoni b'talba tal-Kummissjoni u bi qbil mas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni, skont il-punt (g) tal-Artikolu 17(2) meta dak is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni ma jkunx għadu responsabbli għat-twettiq ta' attivitajiet ta' ristrutturar u rkupru skont il-ftehim ta' garanzija rilevanti;

(c)

jista' jipprovdi l-bini tal-kapaċità kif imsemmi fil-punt (h) tal-Artikolu 25(2) lil bank jew istituzzjoni promozzjonali nazzjonali u servizzi oħra, fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' prodotti finanzjarji sostnuti mill-garanzija tal-UE jekk mitluba minn dan il-bank jew istituzzjoni promozzjonali nazzjonali;

(d)

għandu, fir-rigward taċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU:

(i)

jiġi allokat lilu ammont massimu ta' EUR 300 000 000 għall-inizjattivi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 25 u l-kompiti operazzjonali msemmija fil-punt (ii) ta' dan il-punt mill-pakkett finanzjarju msemmi fl-Artikolu 4(3);

(ii)

jagħti pariri lill-Kummissjoni u jwettaq kompiti operattivi stabbiliti fil-ftehim imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 3, billi:

jipprovdi appoġġ lill-Kummissjoni fit-tfassil, fl-istabbiliment u fl-operazzjoni taċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU;

jipprovdi valutazzjoni tat-talbiet għal appoġġ konsultattiv li l-Kummissjoni ma tqisx li jaqgħu taħt inizjattivi konsultattivi eżistenti, bil-ħsieb li jappoġġa d-deċiżjoni ta' allokazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta' talbiet ta' konsulenza rċevuti taħt il-punt ċentrali ta' dħul definit fil-punt (a) tal-Artikolu 25(2);

jipprovdi appoġġ lil banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali billi jipprovdi bini ta' kapaċità kif imsemmi fil-punt (h) tal-Artikolu 25(2) fir-rigward tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' konsulenza tagħhom biex ikunu jistgħu jipparteċipaw f'inizjattivi ta' konsulenza, b'talba ta' tali banek jew istituzzjonijiet;

fuq talba tal-Kummissjoni u ta' sieħeb konsultattiv potenzjali u soġġett għall-qbil tal-Grupp tal-BEI, jikkonkludi f'isem il-Kummissjoni ftehim mas-sieħeb konsultattiv għat-twassil ta' inizjattivi konsultattivi.

Il-Grupp tal-BEI għandu jiżgura li l-kompiti tiegħu kif imsemmija fil-punt (d)(ii) tal-ewwel subparagrafu jitwettqu b'mod kompletament indipendenti mir-rwol tiegħu bħala sieħeb konsultattiv.

Kif ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tinvolvi ruħha mas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-opinjoni tal-Grupp tal-BEI msemmi fil-punt (b)(iv) tal-ewwel subparagrafu. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Grupp tal-BEI dwar l-eżitu tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha.

2.   L-informazzjoni relatata mal-banek trażmessa lill-Grupp tal-BEI mill-Kummissjoni skont il-punti b(ii), b(iv), b(v) u b(vi) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandha tkun limitata għal informazzjoni strettament meħtieġa għall-Grupp tal-BEI biex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont dawn il-punti. Il-Kummissjoni, fi djalogu mill-qrib mal-Grupp tal-BEI u ma' sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni, għandha tiddefinixxi n-natura u l-kamp ta' applikazzjoni ta' dik l-informazzjoni relatata mal-banek, filwaqt li tqis ir-rekwiżiti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-garanzija tal-UE, l-interessi leġittimi tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni fir-rigward tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva u l-ħtiġijiet tal-Grupp tal-BEI fl-issodisfar tal-obbligi tiegħu skont dawk il-punti.

3.   It-termini tas-sħubija għandhom jiġu stabbiliti fi ftehimiet, inkluż:

(a)

dwar l-għoti u l-implimentazzjoni tal-porzjon tal-garanzija tal-UE speċifikat fl-Artikolu 13(4):

(i)

ftehim ta' garanzija bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI; jew

(ii)

ftehimiet ta' garanzija separati bejn il-Kummissjoni u l-BEI u s-sussidjarji tiegħu jew entitajiet oħra stabbiliti skont l-Artikolu 28(1) tal-Istatut tal-BEI, kif applikabbli;

(b)

ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI fir-rigward tal-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1;

(c)

ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI fir-rigward taċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU;

(d)

ftehimiet ta' servizz bejn il-Grupp tal-BEI u l-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali li jikkonċernaw il-bini tal-kapaċità u servizzi oħra previsti taħt il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 18(3) u 25(4) ta' dan ir-Regolament, l-ispejjeż imġarrba mill-Grupp tal-BEI fit-twettiq tal-kompiti msemmija fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu konformi mat-termini tal-ftehim imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u jistgħu jiġu koperti mill-ħlasijiet lura jew mid-dħul attribwibbli għall-garanzija tal-UE, jew mill-proviżjonament, f'konformità mal-Artikolu 211(4) u (5) tar-Regolament Finanzjarju, jew jistgħu jiġu imposti lill-pakkett finanzjarju msemmi fl-Artikolu 4(3) ta' dan ir-Regolament, fuq ġustifikazzjoni ta' dawk l-ispejjeż mill-Grupp tal-BEI u soġġett għal limitu massimu ġenerali ta' EUR 7 000 000.

5.   L-ispejjeż imġarrba mill-Grupp tal-BEI għat-twettiq tal-kompiti operattivi msemmija fil-punt (d)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom ikunu koperti kompletament u mħallsa mill-ammont imsemmi fil-punt (d)(i) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, fuq ġustifikazzjoni ta' dawk l-ispejjeż mill-Grupp tal-BEI u soġġett għal limitu ġenerali ta' EUR 10 000 000.

Artikolu 12

Kunflitti ta' interess

1.   Fil-qafas tas-sħubija kif imsemmi fl-Artikolu 11, il-Grupp tal-BEI għandu jieħu l-miżuri u l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jevita l-kunflitti ta' interess ma' sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni, inkluż billi jistabbilixxi tim iddedikat u indipendenti għall-kompiti msemmija fil-punti (b) minn (iii) sa (vi) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1). Dan it-tim għandu jkun soġġett għal regoli stretti ta' kunfidenzjalità, li għandhom ikomplu japplikaw għall-membri tat-tim wara li jkunu telqu mit-tim.

2.   Il-Grupp tal-BEI u s-sħab l-oħra inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe sitwazzjoni li tikkostitwixxi kunflitt ta' interess jew li x'aktarx li twassal għal kunflitt ta' interess. Fil-każ ta' dubju, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk jeżistix kunflitt ta' interess u għandha tinforma lill-Grupp tal-BEI bil-konklużjoni tagħha. F'każ ta' kunflitt ta' interess, il-Grupp tal-BEI għandu jieħu l-miżuri xierqa. Il-Grupp tal-BEI għandu jinforma lill-Bord ta' Tmexxija b'dawk il-miżuri u bir-riżultati tagħhom.

3.   Il-Grupp tal-BEI għandu jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji biex jevita sitwazzjonijiet fejn jista' jkun hemm kunflitt ta' interess fl-implimentazzjoni taċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU, b'mod partikolari fir-rigward tal-kompiti operattivi tiegħu fir-rwol tiegħu ta' appoġġ lill-Kummissjoni kif imsemmi fil-punt (d)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1). F'każ ta' kunflitt ta' interess, il-Grupp tal-BEI għandu jieħu l-miżuri xierqa.

KAPITOLU IV

Il-garanzija tal-UE

Artikolu 13

Il-garanzija tal-UE

1.   Il-garanzija tal-UE għandha tingħata bħala garanzija irrevokabbli, mingħajr kundizzjonijiet u b'talba lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni skont l-Artikolu 219(1) tar-Regolament Finanzjarju u tiġi implimentata fil-ġestjoni indiretta skont it-Titolu X ta' dak ir-Regolament.

2.   Ir-remunerazzjoni għall-garanzija tal-UE għandha tkun marbuta mal-karatteristiċi u l-profil tar-riskju tal-prodotti finanzjarji, filwaqt li tqis in-natura tal-operazzjonijiet sottostanti ta' finanzjament u investiment u t-twettiq tal-għanijiet ta' politika fil-mira tal-prodotti finanzjarji.

Fejn ikun debitament ġustifikat min-natura tal-għanijiet tal-politika fil-mira tal-prodott finanzjarju u l-ħtieġa li l-prodotti finanzjarji jkollhom prezz raġonevoli għar-riċevituri finali fil-mira, il-kost tal-finanzjament ipprovdut lir-riċevitur finali jista' jitnaqqas jew it-termini ta' dak il-finanzjament jistgħu jittejbu, billi titnaqqas ir-remunerazzjoni għall-garanzija tal-UE, jew, jekk meħtieġ, billi jiġu koperti l-kostijiet amministrattivi pendenti mġarrba mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni permezz tal-baġit tal-Unjoni, b'mod partikolari:

(a)

fejn il-kundizzjonijiet tas-suq finanzjarju enfasizzati jkunu jimpedixxu t-twettiq ta' operazzjoni finanzjarja jew ta' investiment skont prezzijiet ibbażati fuq is-suq; jew

(b)

fejn ikun meħtieġ sabiex jiġu katalizzati l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment f'setturi jew oqsma li qed jesperjenzaw falliment sinifikanti tas-suq jew sitwazzjoni ta' investiment subottimali jew biex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta' pjattaformi ta' investiment.

It-tnaqqis tar-remunerazzjoni għall-garanzija tal-UE jew il-kopertura tal-kostijiet amministrattivi pendenti mġarrba mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni, imsemmija fit-tieni subparagrafu, jistgħu biss isiru safejn ma jkollhomx impatt sinifikanti fuq il-proviżjonament għall-garanzija InvestEU.

It-tnaqqis tar-remunerazzjoni għall-garanzija tal-UE għandu jkun totalment għall-benefiċċju tar-riċevituri finali.

3.   Il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 219(4) tar-Regolament Finanzjarju għandha tapplika għal kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni fuq bażi ta' portafoll.

4.   75 % tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-UE kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1), li tammonta għal EUR 19 614 232 554, għandha tingħata lill-Grupp tal-BEI. Il-Grupp tal-BEI għandu jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja aggregata li tammonta għal EUR 4 903 558 139. Dik il-kontribuzzjoni għandha tingħata b'mod u għamla li tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Fond InvestEU u l-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(2).

5.   Il-25 % li jifdal tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-UE għandu jingħata lil sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni, li għandhom jipprovdu wkoll kontribuzzjoni finanzjarja li għandha tiġi determinata fil-ftehimiet ta' garanzija.

6.   Għandhom isiru l-aqwa sforzi biex jiġi żgurat li fi tmiem il-perjodu ta' investiment tkun koperta firxa wiesgħa ta' setturi u reġjuni, u tiġi evitata konċentrazzjoni settorjali jew ġeografika eċċessiva. Dawk l-isforzi għandhom jinkludu inċentivi għal banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali iżgħar jew inqas sofistikati li jkollhom vantaġġ komparattiv minħabba l-kompetenzi lokali tagħhom ta' preżenza, għarfien u investiment. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa approċċ koerenti biex tappoġġa dawk l-isforzi.

7.   Appoġġ taħt il-garanzija tal-UE msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament għandu jingħata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament (UE) 2020/2094. F'każijiet oħra, l-appoġġ taħt il-garanzija tal-UE jista' jingħata għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament għal perjodu ta' investiment li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2027.

Il-kuntratti bejn is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni u r-riċevitur finali jew l-intermedjarju finanzjarju jew entità oħra msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 16(1) skont il-garanzija tal-UE msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) għandhom jiġu ffirmati mhux aktar tard minn sena wara l-approvazzjoni tal-operazzjoni rilevanti ta' finanzjament jew ta' investiment mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni. F'każijiet oħra, kuntratti bejn is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni u r-riċevitur finali jew l-intermedjarju finanzjarju jew entità oħra msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 16(1) għandhom jiġu ffirmati sal-31 ta' Diċembru 2028.

Artikolu 14

Operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment eliġibbli

1.   Il-Fond InvestEU għandu jappoġġa biss operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment li:

(a)

jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti minn (a) sa (e) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju, b'mod partikolari rigward il-fallimenti tas-suq, is-sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali u l-addizzjonalità kif stabbilit fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju u fl-Anness V ta' dan ir-Regolament u, jekk xieraq, jimmassimizzaw l-investiment privat f'konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju;

(b)

jikkontribwixxu għall-għanijiet ta' politika tal-Unjoni u jinsabu fil-kamp ta' applikazzjoni taż-żoni eliġibbli għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment taħt it-tieqa ta' politika xierqa skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament;

(c)

ma jipprovdux appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet esklużi stabbiliti fit-Taqsima B tal-Anness V ta' dan ir-Regolament; kif ukoll

(d)

ikunu konsistenti mal-linji gwida dwar l-investiment.

2.   Minbarra proġetti li jinsabu fl-Unjoni, jew f'pajjiż jew territorju extra-Ewropew marbuta ma' Stat Membru kif stabbilit fl-Anness II tat-TFUE, il-Fond InvestEU jista' jappoġġa l-proġetti u l-operazzjonijiet li ġejjin permezz ta' operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment:

(a)

proġetti li jinvolvu entitajiet ibbażati jew stabbiliti fi Stat Membru wieħed jew aktar li jestendu għal pajjiż terz wieħed jew aktar, fosthom pajjiżi fil-proċess ta' adeżjoni mal-Unjoni, pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, pajjiżi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, taż-ŻEE jew tal-EFTA, għal pajjiż jew territorju extra-Ewropew kif stabbilit fl-Anness II tat-TFUE, jew għal pajjiż terz assoċjat, irrispettivament minn jekk ikunx hemm sieħeb f'dawk il-pajjiżi jew territorji extra-Ewropej;

(b)

operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment f'pajjiżi terzi kif imsemmija fl-Artikolu 5 li jkunu kkontribwew għal prodott finanzjarju speċifiku.

3.   Il-Fond InvestEU jista' jappoġġa l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment li jipprovdu finanzi lil riċevituri finali li huma entitajiet ġuridiċi stabbiliti f'xi wieħed mill-pajjiżi u territorji li ġejjin:

(a)

Stat Membru jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew marbut ma' Stat Membru kif stabbilit fl-Anness II tat-TFUE;

(b)

pajjiż terz assoċjat mal-Programm InvestEU skont l-Artikolu 5;

(c)

pajjiż terz imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 2, jekk applikabbli;

(d)

pajjiżi terzi oħra, jekk meħtieġ għall-finanzjament ta' proġett f'pajjiż jew territorju msemmi fil-punti (a), (b) jew (c).

Artikolu 15

L-għażla tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni minbarra l-Grupp tal-BEI

1.   Il-Kummissjoni għandha tagħżel sħab ta' implimentazzjoni li mhumiex il-Grupp tal-BEI skont l-Artikolu 154 tar-Regolament Finanzjarju.

Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jistgħu jiffurmaw grupp. Sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jista' jkun membru ta' grupp wieħed jew aktar.

Għall-kompartiment tal-UE, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom ikunu esprimew l-interess tagħhom fir-rigward tal-porzjon tal-garanzija tal-UE msemmi fl-Artikolu 13(5).

Għall-kompartiment tal-Istat Membru, l-Istat Membru kkonċernat jista' jipproponi kontroparti waħda jew aktar bħala sħab inkarigati mill-implimentazzjoni minn fost dawk il-kontropartijiet li jkunu wrew l-interess tagħhom. L-Istat Membru kkonċernat jista' jipproponi wkoll lill-Grupp tal-BEI bħala sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni u, bi spejjeż tiegħu, jista' jikkuntratta lill-Grupp tal-BEI biex jipprovdi s-servizzi elenkati fl-Artikolu 11.

Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jipproponix sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tipproċedi skont it-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu u għandha tagħżel bħala sħab inkarigati mill-implimentazzjoni kontropartijiet eliġibbli li jkunu kapaċi jkopru operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment fiż-żoni ġeografiċi kkonċernati.

2.   Meta tagħżel is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-portafoll ta' prodotti finanzjarji permezz tal-Fond InvestEU jissodisfa l-għanijiet li ġejjin:

(a)

jimmassimizza l-kopertura tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3;

(b)

jimmassimizza l-impatt tal-garanzija tal-UE permezz tar-riżorsi proprji impenjati mis-sieħeb ta' implimentazzjoni;

(c)

jimmassimizza, jekk xieraq, l-investiment privat;

(d)

jippromwovi soluzzjonijiet finanzjarji u tar-riskji innovattivi biex jindirizza fallimenti tas-suq u sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali;

(e)

jikseb diversifikazzjoni ġeografika permezz ta' allokazzjoni gradwali tal-garanzija tal-UE, u li jippermetti finanzjament ta' proġetti iżgħar;

(f)

jipprovdi biżżejjed diversifikazzjoni tar-riskju.

3.   Meta tkun qed tagħżel is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll:

(a)

l-ispiża u r-remunerazzjoni possibbli għall-baġit tal-Unjoni;

(b)

il-kapaċità tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni li jimplimenta bir-reqqa r-rekwiżiti tal-Artikolu 155(2) u (3) tar-Regolament Finanzjarju relatati mal-evitar tat-taxxa, mal-frodi tat-taxxa, mal-evażjoni tat-taxxa, mal-ħasil tal-flus, mal-finanzjament tat-terroriżmu u mal-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx.

4.   Il-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jistgħu jintgħażlu bħala sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, dment li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu.

Artikolu 16

Tipi eliġibbli ta' finanzjament

1.   Il-garanzija tal-UE tista' tintuża għall-kopertura tar-riskji għat-tipi ta' finanzjament li ġejjin ipprovduti mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni:

(a)

self, garanziji, kontrogaranziji, strumenti tas-suq tal-kapital, kwalunkwe forma oħra ta' finanzjament jew tisħiħ fil-kreditu, inkluż dejn subordinat, jew investimenti f'ekwità jew kważi ekwità, provduti direttament jew indirettament permezz ta' intermedjarji finanzjarji, fondi, pjattaformi tal-investiment jew mezzi oħra li jkunu se jiġu mgħoddija lir-riċevituri finali;

(b)

finanzjament jew garanziji minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni lil istituzzjoni finanzjarja oħra li tippermetti lil dan tal-aħħar iwettaq il-finanzjament imsemmi fil-punt (a).

Sabiex jiġi kopert mill-garanzija tal-UE, il-finanzjament imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu jingħata, jinkiseb jew jinħareġ għall-benefiċċju tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment imsemmijin fl-Artikolu 14(1), jekk il-finanzjament mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jkun ingħata f'konformità ma' ftehim jew tranżazzjoni ta' finanzjament iffirmati jew sottoskritti mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni wara li jkun ġie ffirmat il-ftehim ta' garanzija u li ma jkunx skada jew ġie kkanċellat.

2.   L-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment permezz ta' fondi jew strutturi intermedjarji simili oħra għandhom ikunu koperti mill-garanzija tal-UE skont id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fil-linji gwida tal-investiment, anki jekk tali struttura tinvesti minoranza tal-ammonti investiti tagħha barra l-Unjoni u fil-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 14(2) jew f'assi għajr dawk eliġibbli skont dan ir-Regolament.

Artikolu 17

Ftehimiet ta' garanzija

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta' garanzija ma' kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni dwar l-għoti tal-garanzija tal-UE, f'konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament sa ammont li jiġi ddeterminat mill-Kummissjoni.

F'każ li s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jiffurmaw grupp, għandu jiġi konkluż ftehim ta' garanzija uniku bejn il-Kummissjoni u kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni fil-grupp jew ma' sieħeb wieħed inkarigat mill-implimentazzjoni f'isem il-grupp.

2.   Il-ftehim ta' garanzija għandu jinkludi:

(a)

l-ammont u t-termini tal-kontribuzzjoni finanzjarja li għandu jipprovdi s-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni;

(b)

it-termini tal-finanzjament jew tal-garanziji li għandu jipprovdi s-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni lil entità legali oħra li tipparteċipa fl-implimentazzjoni, kull meta dan ikun il-każ;

(c)

regoli dettaljati dwar l-għoti ta' garanzija tal-UE f'konformità mal-Artikolu 19, inkluż dwar il-kopertura ta' portafolli ta' tipi speċifiċi ta' strumenti u l-każi rispettivi li jattivaw is-sejħiet possibbli fuq il-garanzija tal-UE;

(d)

ir-remunerazzjoni għat-teħid tar-riskji li għandha tiġi allokata fi proporzjon mas-sehem rispettiv fit-teħid tar-riskji tal-Unjoni u tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jew kif imnaqqsa f'każijiet debitament ġustifikati skont l-Artikolu 13(2);

(e)

il-kundizzjonijiet tal-pagament;

(f)

l-impenn tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni li jaċċetta d-deċiżjonijiet mill-Kummissjoni u mill-Kumitat tal-Investiment fir-rigward tal-użu tal-garanzija tal-UE għall-benefiċċju ta' operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment li tiġi proposta, mingħajr preġudizzju għat-teħid tad-deċiżjonijiet tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni fir-rigward tal-operazzjoni proposta ta' finanzjament jew ta' investiment mingħajr il-garanzija tal-UE;

(g)

id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri relatati mal-irkupru ta' pretensjonijiet li għandu jiġi fdat lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni;

(h)

ir-rapportar finanzjarju u operattiv u l-monitoraġġ tal-operazzjonijiet skont il-garanzija tal-UE;

(i)

l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-garanzija tal-UE, it-twettiq tal-għanijiet u l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 3, 8 u 14 kif ukoll il-mobilizzazzjoni tal-kapital privat;

(j)

jekk applikabbli, id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri relatati ma' operazzjonijiet ta' taħlit;

(k)

dispożizzjonijiet rilevanti oħra f'konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 155(2) u tat-Titlu X tar-Regolament Finanzjarju;

(l)

l-eżistenza ta' mekkaniżmi adegwati biex jiġi indirizzat it-tħassib potenzjali tal-investituri privati.

3.   Ftehim ta' garanzija għandu wkoll jipprovdi li r-remunerazzjoni attribwibbli lill-Unjoni minn operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta wara li jitnaqqsu l-pagamenti dovuti fir-rigward ta' sejħiet fuq il-garanzija tal-UE.

4.   Barra minn hekk, ftehim ta' garanzija għandu jipprevedi li kwalunkwe ammont dovut lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni relatat mal-garanzija tal-UE għandu jitnaqqas mill-ammont globali tar-remunerazzjoni, tad-dħul u tal-ħlasijiet lura dovuti mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni lill-Unjoni minn operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan Regolament. Meta dan l-ammont ma jkunx suffiċjenti biex ikopri l-ammont dovut lil sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni skont l-Artikolu 18(3), l-ammont pendenti għandu jittieħed mill-proviżjonament tal-garanzija tal-UE.

5.   Fejn il-ftehim ta' garanzija jiġi konkluż taħt il-kompartiment tal-Istat Membru, huwa jista' jipprevedi l-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti mill-Istat Membru jew mir-reġjuni kkonċernati fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehim ta' garanzija.

Artikolu 18

Rekwiżiti għall-użu tal-garanzija tal-UE

1.   L-għoti tal-garanzija tal-UE għandu jkun soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' garanzija mas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni rilevanti.

2.   L-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment għandhom ikunu koperti mill-garanzija tal-UE biss jekk jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f'dan ir-Regolament u fil-linji gwida tal-investiment rilevanti u jekk il-Kumitat tal-Investiment ikun ikkonkluda li tali operazzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti biex jibbenefikaw mill-appoġġ tal-garanzija tal-UE. Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jibqgħu responsabbli li jiżguraw il-konformità tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment ma' dan ir-Regolament u mal-linji gwida ta' investiment rilevanti.

3.   Ebda nefqa jew tariffa amministrattiva relatata mal-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment taħt il-garanzija tal-UE ma għandha tkun dovuta mill-Kummissjoni lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni, sakemm in-natura tal-objettivi ta' politika mmirati mill-prodott finanzjarju li jkun se jiġi implimentat u l-affordabbiltà tar-riċevituri finali mmirati jew it-tip ta' finanzjament ipprovdut ikunu jippermettu lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni debitament jagħti ġustifikazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li ssir eċċezzjoni. Il-kopertura ta' tali spejjeż mill-baġit tal-Unjoni għandha tkun limitata għall-ammont strettament meħtieġ biex jiġu implimentati l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment rilevanti, u għandha tiġi pprovduta biss sal-punt li l-ispejjeż ma jkunux koperti mid-dħul li jirċievu s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni mill-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment ikkonċernati. L-arranġamenti dwar it-tariffi għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehim ta' garanzija u għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 17(4) ta’ dan ir-Regolament u mal-punt (g) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju.

4.   Barra minn hekk, is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jista' juża l-garanzija tal-UE biex jissodisfa s-sehem rilevanti ta' kwalunkwe spiża ta' rkupru skont l-Artikolu 17(4), sakemm dawn l-ispejjeż ma jkunux tnaqqsu mir-rikavati tal-irkupru.

Artikolu 19

Il-kopertura u t-termini tal-garanzija tal-UE

1.   Ir-remunerazzjoni għat-teħid tar-riskji għandha tiġi allokata bejn l-Unjoni u sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni fi proporzjon mas-sehem rispettiv tagħhom fit-teħid tar-riskji ta' portafoll ta' operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment jew, fejn ikun rilevanti, fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment individwali. Ir-remunerazzjoni għall-garanzija tal-UE tista' titnaqqas f'każijiet debitament ġustifikati msemmija fl-Artikolu 13(2).

Is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni għandu jkollu skopertura xierqa għar-riskji tiegħu stess għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment appoġġati mill-garanzija tal-UE, sakemm eċċezzjonalment l-objettivi tal-politika mmirati mill-prodott finanzjarju li jkun se jiġi implimentat ikunu ta' tali natura li s-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni ma jkunx jista' jikkontribwixxi b'mod raġonevoli l-kapaċità ta' rfigħ tar-riskji għalih.

2.   Il-garanzija tal-UE għandha tkopri:

(a)

għall-prodotti ta' dejn imsemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 16(1):

(i)

il-kapital u l-imgħax kollu u l-ammonti dovuti lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni iżda mhux li jkun irċieva f'konformità mat-termini tal-operazzjonijiet ta' finanzjament qabel il-każ ta' inadempjenza;

(ii)

it-telf fuq ir-ristrutturar;

(iii)

it-telf li jirriżulta minn fluttwazzjonijiet ta' muniti li mhumiex l-euro fi swieq jekk il-possibilitajiet għall-hedging fit-tul ikunu limitati;

(b)

għal investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità msemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 16(1): l-ammonti investiti kif ukoll l-ispejjeż ta' finanzjament assoċjati u t-telf li jirriżultaw minn fluttwazzjonijiet ta' muniti li mhumiex l-euro;

(c)

għal finanzjament jew għall-garanziji minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni lil istituzzjoni finanzjarja oħra skont il-punt (b) tal-Artikolu 16(1): l-ammonti użati u l-ispejjeż ta' finanzjament assoċjati magħhom.

Għall-finijiet tal-punt (a)(i) tal-ewwel subparagrafu, għal dejn subordinat, differiment, tnaqqis jew ħruġ meħtieġ għandhom jitqiesu bħala każ ta' inadempjenza.

3.   Fejn l-Unjoni tagħmel pagament lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni b'riżultat ta' attivazzjoni tal-garanzija tal-UE, l-Unjoni għandha tkun surrogata fid-drittijiet rilevanti tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni relatat ma' kwalunkwe operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment tiegħu li tkun koperta mill-garanzija tal-UE, sal-punt li dawk id-drittijiet jibqgħu jeżistu.

Is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni għandu jsegwi l-irkupru tal-pretensjonijiet għall-ammonti surrogati f'isem l-Unjoni u għandu jirrimborża lill-Unjoni mill-ammonti rkuprati.

KAPITOLU V

Governanza

Artikolu 20

Il-Bord Konsultattiv

1.   Il-Kummissjoni u l-Bord ta' Tmexxija stabbiliti skont l-Artikolu 21 għandhom jirċievu pariri minn bord konsultattiv (il-‘Bord Konsultattiv’).

2.   Il-Bord Konsultattiv għandu jagħmel ħiltu biex jiżgura l-bilanċ bejn il-ġeneri u għandu jkun jinkludi:

(a)

rappreżentant wieħed ta' kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni;

(b)

rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru;

(c)

espert wieħed maħtur mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

(d)

espert wieħed maħtur mill-Kumitat tar-Reġjuni.

3.   Il-Bord Konsultattiv għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Ir-rappreżentant tal-Grupp tal-BEI għandu jkun il-Viċi President.

Il-Bord Konsultattiv għandu jiltaqa' regolarment u mill-inqas darbtejn fis-sena b'talba tal-President.

4.   Il-Bord Konsultattiv għandu:

(a)

jipprovdi pariri lill-Kummissjoni u lill-Bord ta' Tmexxija dwar it-tfassil ta' prodotti finanzjarji li għandhom jintużaw skont dan ir-Regolament;

(b)

jipprovdi pariri lill-Kummissjoni u lill-Bord ta' Tmexxija dwar l-iżviluppi fis-suq, il-kundizzjonijiet tas-suq, il-fallimenti tas-suq u s-sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali;

(c)

jiskambja opinjonijiet dwar l-iżviluppi tas-suq u jaqsam l-aħjar prattiki.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinnomina l-ewwel membri tal-Bord Konsultattiv li jirrappreżentaw lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li mhumiex il-Grupp tal-BEI wara konsultazzjoni ma' sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni. It-terminu tagħhom huwa limitat għal sena.

6.   Il-laqgħat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri f'format separat għandhom ukoll jiġu organizzati mill-inqas darbtejn fis-sena u jkunu ppreseduti mill-Kummissjoni.

7.   Il-Bord Konsultattiv u l-laqgħat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri msemmijin fil-paragrafu 6 jistgħu joħorġu rakkomandazzjonijiet lill-Bord ta' Tmexxija għall-kunsiderazzjoni tiegħu rigward l-implimentazzjoni u l-operazzjoni tal-Programm InvestEU.

8.   Minuti dettaljati tal-laqgħat tal-Bord Konsultattiv għandhom isiru pubbliċi kemm jista' jkun malajr wara li jkunu ġew approvati mill-Bord Konsultattiv.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri operattivi u tamministra s-segretarjat tal-Bord Konsultattiv. Id-dokumentazzjoni u l-informazzjoni kollha rilevanti għandhom isiru disponibbli għall-Bord Konsultattiv sabiex ikun jista' jwettaq il-kompiti tiegħu.

9.   Il-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali rappreżentati fil-Bord Konsultattiv għandhom jagħżlu minn fosthom ir-rappreżentanti tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li mhumiex il-Grupp tal-BEI fil-Bord ta' Tmexxija stabbilt skont l-Artikolu 21. Il-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali għandhom jimmiraw li tinkiseb rappreżentanza bbilanċjata fil-Bord ta' Tmexxija f'termini tad-daqs u tal-pożizzjoni ġeografika tagħhom. Ir-rappreżentanti magħżula għandhom jirrappreżentaw il-pożizzjoni komuni maqbula mis-sħab kollha inkarigati mill-implimentazzjoni li mhumiex il-Grupp tal-BEI.

Artikolu 21

Il-Bord ta' Tmexxija

1.   Għandu jiġi stabbilit bord ta' tmexxija għall-Programm InvestEU (il-‘Bord ta’ Tmexxija’). Dan għandu jkun magħmul minn erba' rappreżentanti tal-Kummissjoni, tliet rappreżentanti tal-Grupp tal-BEI u żewġ rappreżentanti tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li mhumiex il-Grupp tal-BEI u espert maħtur bħala membru mingħajr id-dritt tal-vot mill-Parlament Ewropew. L-espert maħtur bħala membru mingħajr id-dritt tal-vot mill-Parlament Ewropew ma għandux ifittex jew jieħu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, minn xi gvern ta' Stat Membru jew minn xi entità pubblika jew privata oħra u għandu jaġixxi b'indipendenza sħiħa. L-espert għandu jaqdi dmirijietu b'mod imparzjali u fl-interess tal-Programm InvestEU.

Il-membri tal-Bord ta' Tmexxija għandhom jinħatru għal terminu ta' erba' snin, li jiġġedded darba, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentanti tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li mhumiex il-Grupp tal-BEI, li għandhom jinħatru għal terminu ta' sentejn.

2.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jeleġġi President minn fost il-membri tiegħu għal terminu ta' erba' snin li jiġġedded darba. Darbtejn f'sena, il-President għandu jirrapporta lir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Bord Konsultattiv dwar l-implimentazzjoni u l-operazzjoni tal-Programm InvestEU.

Il-minuti dettaljati tal-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija għandhom jiġu ppubblikati malli jiġu approvati mill-Bord ta' Tmexxija.

3.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu:

(a)

jipprovdi gwida strateġika u operazzjonali lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, inkluża gwida dwar id-disinn ta' prodotti finanzjarji u dwar politiki u proċeduri operattivi oħra meħtieġa għall-operat tal-Fond InvestEU;

(b)

jadotta l-qafas metodoloġiku tar-riskju żviluppat mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mal-Grupp tal-BEI u mas-sħab l-oħra inkarigati mill-implimentazzjoni;

(c)

jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Programm InvestEU;

(d)

jiġi kkonsultat, billi jippreżenta l-fehmiet tal-membri kollha tiegħu, dwar il-lista finali tal-kandidati għall-Kumitat tal-Investiment qabel l-għażla f'konformità mal-Artikolu 24(2);

(e)

jadotta r-regoli ta' proċedura tas-segretarjat għall-Kumitat tal-Investiment imsemmi fl-Artikolu 24(4);

(f)

jadotta r-regoli applikabbli għall-operazzjonijiet bi pjattaformi ta' investiment.

4.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu juża approċċ kunsenswali fid-diskussjonijiet tiegħu, jiġifieri jqis kemm jista' jkun possibbli l-pożizzjoni tal-membri kollha. Jekk il-membri ma jkunux jistgħu jikkonverġu fil-pożizzjonijiet tagħhom, id-deċiżjonijiet tal-Bord ta' Tmexxija jittieħdu b'maġġoranza kwalifikata tal-membri bi dritt ta' vot, li tikkonsisti mill-inqas f'seba' voti.

Artikolu 22

Tabella ta' valutazzjoni

1.   Għandha tiġi stabbilita tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi (it-"Tabella ta' Valutazzjoni") biex jiġi żgurat li l-Kumitat tal-Investiment ikun jista' jwettaq valutazzjoni indipendenti, trasparenti u armonizzata tat-talbiet għall-użu tal-garanzija tal-UE għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment proposti mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.

2.   Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jimlew it-Tabella ta' Valutazzjoni għall-proposti tagħhom għall-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment.

3.   It-Tabella ta' Valutazzjoni għandha tkopri l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tal-operazzjoni proposta ta' finanzjament jew ta' investiment;

(b)

kif l-operazzjoni proposta ta' finanzjament jew ta' investiment tikkontribwixxi għall-objettivi ta' politika tal-UE;

(c)

deskrizzjoni tal-addizzjonalità;

(d)

deskrizzjoni tal-fallimenti tas-suq jew tas-sitwazzjoni subottimali ta' investiment;

(e)

il-kontribuzzjoni finanzjarja u teknika mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni;

(f)

l-impatt tal-investiment;

(g)

il-profil finanzjarju tal-operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment;

(h)

l-indikaturi komplementari.

4.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 34 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi elementi addizzjonali tat-Tabella ta' Valutazzjoni, inklużi regoli dettaljati għat-Tabella ta' Valutazzjoni li għandhom jintużaw mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.

Artikolu 23

Verifika tal-politiki

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq verifika biex tikkonferma li l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment proposti mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li mhumiex il-BEI jikkonformaw mal-liġi u mal-politiki tal-Unjoni.

2.   L-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament ma għandhomx ikunu koperti mill-garanzija tal-UE fejn il-Kummissjoni tagħti opinjoni sfavorevoli fil-qafas tal-proċedura prevista fl-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI.

Artikolu 24

Il-Kumitat tal-Investiment

1.   Għandu jiġi stabbilit kumitat tal-investiment indipendenti għalkollox għall-Fond InvestEU (il-"Kumitat tal-Investiment"). Il-Kumitat tal-Investiment għandu:

(a)

jeżamina l-proposti għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment ippreżentati mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għal kopertura skont il-garanzija tal-UE li jkunu għaddew mill-kontroll tal-politika msemmi fl-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-Regolament jew li jkunu rċevew opinjoni favorevoli fil-qafas tal-proċedura prevista fl-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI;

(b)

jivverifika l-konformità tal-proposti msemmija fil-punt (a) ma' dan ir-Regolament u l-linji gwida ta' investiment rilevanti; u

(c)

jivverifika jekk l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment li jibbenefikaw mill-appoġġ taħt il-garanzija tal-UE jikkonformawx mar-rekwiżiti rilevanti kollha.

Meta jwettaq il-kompiti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Kumitat tal-Investiment għandu jagħti attenzjoni partikolari lir-rekwiżiti ta' addizzjonalità stipulati fil-punt (b) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju u fl-Anness V ta' dan ir-Regolament u lir-rekwiżit li jiġi inkluż investiment privat stipulat fil-punt (d) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-Kumitat tal-Investiment għandu jiltaqa' f'erba' konfigurazzjonijiet differenti, li jikkorrispondu għall-erba' twieqi ta' politika msemmijin fl-Artikolu 8(1).

Kull konfigurazzjoni tal-Kumitat tal-Investiment għandha tkun magħmula minn sitt esperti esterni remunerati. L-esperti għandhom jintgħażlu u għandhom jinħatru mill-Kummissjoni, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Bord ta' Tmexxija. Il-membri għandhom jinħatru għal perjodu ta' mhux aktar minn erba' snin, li jiġġedded darba. Huma għandhom ikunu remunerati mill-Unjoni. Il-Kummissjoni, bir-rakkomandazzjoni tal-Bord ta' Tmexxija, tista' tiddeċiedi li ġġedded il-mandat ta' membru stabbilit tal-Kumitat tal-Investiment mingħajr ma tuża l-proċedura stabbilita f'dan il-paragrafu.

L-esperti għandu jkollhom livell għoli ta' esperjenza rilevanti fis-suq fl-istrutturar u fil-finanzjament tal-proġetti jew fil-finanzjament ta' SMEs jew ta' korporazzjonijiet.

Il-kompożizzjoni tal-Kumitat tal-Investiment għandha tiżgura li jkollu għarfien wiesa' tas-setturi koperti mit-twieqi ta' politika msemmijin fl-Artikolu 8(1) u tas-swieq ġeografiċi fl-Unjoni, u għandu jiżgura li l-Kumitat tal-Investiment kumplessivament ikollu bilanċ bejn il-ġeneri.

Erba' membri tal-Kumitat tal-Investiment għandhom ikunu membri permanenti ta' kull waħda mill-erba' konfigurazzjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment. Mill-inqas wieħed mill-membri permanenti għandu jkollu għarfien espert fl-investiment sostenibbli. Barra minn hekk, kull waħda mill-erba' konfigurazzjonijiet għandu jkollha żewġ esperti b'esperjenza fl-investiment f'setturi koperti mit-tieqa ta' politika korrispondenti. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jassenja l-membri tal-Kumitat tal-Investiment għall-konfigurazzjoni jew konfigurazzjonijiet xierqa tiegħu. Il-Kumitat tal-Investiment għandu jaħtar president minn fost il-membri permanenti tiegħu.

3.   Meta jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Kumitat tal-Investiment, il-membri tiegħu għandhom iwettqu d-doveri tagħhom imparzjalment u fl-interess uniku tal-Fond InvestEU. Huma ma għandhomx ifittxu jew jieħdu struzzjonijiet mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mill-Istati Membri, jew minn xi korp pubbliku jew privat ieħor.

Il-curricula vitae u d-dikjarazzjonijiet ta' interess ta' kull membru tal-Kumitat tal-Investiment għandhom ikunu ppubblikati u jinżammu aġġornati. Kull membru tal-Kumitat tal-Investiment għandu, mingħajr dewmien, jikkomunika lill-Kummissjoni u lill-Bord ta' Tmexxija fuq bażi kontinwa l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jikkonferma n-nuqqas ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess.

Il-Bord ta' Tmexxija jista' jirrakkomanda lill-Kummissjoni li din tneħħi membru mill-funzjonijiet tiegħu jew tagħha jekk dan il-membru ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan il-paragrafu jew għal raġunijiet oħra debitament ġustifikati.

4.   Meta jaġixxi skont dan l-Artikolu, il-Kumitat tal-Investiment għandu jkun assistit minn segretarjat. Is-segretarjat għandu jkun indipendenti u jagħti kont lill-President tal-Kumitat tal-Investiment. Is-segretarjat, amministrattivament, għandu jkun ibbażat fil-Kummissjoni. Ir-regoli ta' proċedura tas-segretarjat għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-iskambji ta' informazzjoni u dokumenti bejn is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u l-korpi ta' tmexxija rispettivi. Il-Grupp tal-BEI jista' jippreżenta l-proposti tiegħu għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment direttament lill-Kumitat tal-Investiment u għandu jinnotifikahom lis-segretarjat.

Id-dokumentazzjoni li trid tiġi pprovduta mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandha tinkludi formola ta' talba standardizzata, it-Tabella ta' Valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 22 u kwalunkwe dokument ieħor li l-Kumitat tal-Investiment iqis rilevanti, b'mod partikolari deskrizzjoni tal-karattru tal-falliment tas-suq jew tas-sitwazzjoni ta' investiment subottimali u kif dan se jittaffa mill-operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment, kif ukoll valutazzjoni affidabbli tal-operazzjoni li turi l-addizzjonalità tal-operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment. Is-segretarjat għandu jivverifika l-kompletezza tad-dokumentazzjoni li jipprovdu s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li mhumiex il-Grupp tal-BEI. Il-Kumitat tal-Investiment jista' jfittex kjarifiki mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni kkonċernat fir-rigward ta' proposta għal operazzjoni ta' investiment jew ta' finanzjament, inkluż billi jitlob il-preżenza diretta ta' rappreżentant tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni matul id-diskussjoni tal-operazzjoni msemmija hawn fuq. Kwalunkwe valutazzjoni tal-proġett imwettqa minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-Kumitat tal-Investiment għall-finijiet li tingħata kopertura lil operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment mill-garanzija tal-UE.

Il-Kumitat tal-Investiment għandu juża t-Tabella ta' Valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 22 fil-valutazzjoni u l-verifika tiegħu tal-operazzjonijiet finanzjarji u ta' investiment proposti.

5.   Il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment għandhom jiġu adottati b'maġġoranza sempliċi tal-membri kollha, dment li din il-maġġoranza sempliċi tkun tinkludi mill-inqas wieħed mill-membri mhux permanenti tal-konfigurazzjoni relatata mat-tieqa ta' politika li taħtha ssir il-proposta. Fil-każ ta' parità, il-President tal-Kumitat tal-Investiment ikollu l-vot deċiżiv.

Il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment li japprovaw il-kopertura tal-garanzija tal-UE għal operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku u għandhom jinkludu r-raġuni għall-approvazzjoni u l-informazzjoni dwar l-operazzjoni, b'mod partikolari d-deskrizzjoni tagħha, l-identità tal-promoturi jew l-intermedjarji finanzjarji, u l-objettivi tal-operazzjoni. Il-konklużjonijiet għandhom jirreferu wkoll għall-valutazzjoni globali li tirriżulta mit-Tabella ta' Valutazzjoni.

It-Tabella ta' Valutazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku wara l-iffirmar ta' operazzjoni jew sottoproġett ta' finanzjament jew ta' investiment, jekk applikabbli.

L-informazzjoni li għandha ssir aċċessibbli għall-pubbliku skont it-tieni u t-tielet subparagrafi ma għandhiex tinkludi informazzjoni kummerċjalment sensittiva jew data personali li ma tistax tiġi divulgata skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Il-partijiet kummerċjalment sensittivi tal-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment għandhom jintbagħtu mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill wara talba għal dan, soġġetti għal rekwiżiti stretti ta' kunfidenzjalità.

Darbtejn fis-sena, il-Kumitat tal-Investiment għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill lista tal-konklużjonijiet kollha tal-Kumitat tal-Investiment fis-sitt xhur preċedenti, kif ukoll it-Tabelli ta' Valutazzjoni ppubblikati relatati magħhom. Din il-preżentazzjoni għandha tinkludi kull deċiżjoni li tirrifjuta l-użu tal-garanzija tal-UE. Dawk id-deċiżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti stretti ta' kunfidenzjalità.

Il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment għandhom isiru disponibbli fil-ħin lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni kkonċernat mis-segretarjat tal-Kumitat tal-Investiment.

Is-segretarjat tal-Kumitat tal-Investiment għandu jirreġistra l-informazzjoni kollha relatata mal-proposti għall-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment ipprovduti lill-Kumitat tal-Investiment u l-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment dwar dawk il-proposti f'repożitorju ċentrali.

6.   Fejn il-Kumitat tal-Investiment jintalab japprova l-użu tal-garanzija tal-UE għal operazzjoni ta' finanzjament jew investiment li tkun faċilità, programm jew struttura b'sottoproġetti sottostanti, dik l-approvazzjoni għandha tinkludi s-sottoproġetti sottostanti, sakemm il-Kumitat tal-Investiment ma jiddeċidix li jżomm id-dritt li japprovahom separatament. Il-Kumitat tal-Investiment ma għandux ikollu d-dritt japprova separatament sottoproġetti ta' daqs inqas minn EUR 3 000 000.

7.   Fejn jidhirlu neċessarju, il-Kumitat ta' Investiment jista' jippreżenta lill-Kummissjoni kwalunkwe kwistjoni operattiva relatata mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tal-linji gwida dwar l-investiment.

KAPITOLU VI

Iċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU

Artikolu 25

Iċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi ċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU. Iċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU għandu jipprovdi appoġġ konsultattiv għall-identifikazzjoni, it-tħejjija, l-iżvilupp, l-istrutturar, l-akkwist u l-implimentazzjoni ta' proġetti ta' investiment, u għat-titjib tal-kapaċità tal-promoturi tal-proġetti u l-intermedjarji finanzjarji biex jimplimentaw operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment. L-appoġġ tiegħu jista' jkopri kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tal-ħajja ta' proġett jew ta' finanzjament ta' entità appoġġata, kif xieraq.

Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehimiet ta' konsulenza mal-Grupp tal-BEI u ma' sħab konsultattivi potenzjali oħra u tagħtihom il-kompitu li jfornu appoġġ konsultattiv kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, kif ukoll is-servizzi msemmijin fil-paragrafu 2. Il-Kummissjoni tista' wkoll timplimenta inizjattivi ta' konsulenza, inkluż permezz ta' fornituri esterni tas-servizzi. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi punt ta' dħul ċentrali għaċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU u għandha talloka talbiet għal appoġġ konsultattiv biex jiġu ttrattati skont l-inizjattiva adatta ta' konsulenza. Il-Kummissjoni, il-Grupp tal-BEI u s-sħab konsultattivi l-oħra għandhom jikkooperaw mill-qrib bil-għan li jiżguraw l-effiċjenza, is-sinerġiji u l-kopertura ġeografika effettiva tal-appoġġ fl-Unjoni kollha, filwaqt li jqisu l-istrutturi u x-xogħol eżistenti.

L-inizjattivi konsultattivi għandhom ikunu disponibbli bħala komponent taħt kull tieqa ta' politika msemmija fl-Artikolu 8(1) u jkopru s-setturi kollha ta' dik it-tieqa. Barra minn hekk, l-inizjattivi konsultattivi għandhom ikunu disponibbli f'komponent transsettorjali.

2.   Iċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU għandu, b'mod partikolari:

(a)

jipprovdi punt ta' dħul ċentrali, ġestit u ospitat mill-Kummissjoni, għall-assistenza rigward l-iżvilupp tal-proġetti fil-qafas taċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-promoturi tal-proġetti;

(b)

ixerred mal-awtoritajiet pubbliċi u mal-promoturi tal-proġetti l-informazzjoni addizzjonali kollha disponibbli rigward il-linji gwida ta' investiment, inkluża informazzjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom jew dwar l-interpretazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni;

(c)

fejn xieraq, jassisti lill-promoturi tal-proġetti fl-iżvilupp tal-proġetti tagħhom sabiex jissodisfaw l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 3 u 8 u l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 14, u jiffaċilita l-iżvilupp ta' proġetti importanti ta' interess Ewropew komuni u ta' aggregaturi għal proġetti ta' daqs żgħir fost oħrajn, inkluż permezz ta' pjattaformi ta' investiment kif imsemmi fil-punt (f) ta' dan il-paragrafu, dment li tali assistenza ma tippreġudikax il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment fir-rigward tal-kopertura tal-garanzija tal-UE fir-rigward ta' tali proġetti;

(d)

jappoġġa l-azzjonijiet u jisfrutta l-għarfien lokali biex jiffaċilita l-użu tal-appoġġ tal-Fond InvestEU fl-Unjoni u jikkontribwixxi b'mod attiv jekk possibbli għall-objettiv tad-diversifikazzjoni settorjali u ġeografika tal-Fond InvestEU billi jappoġġa s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni biex joriġinaw u jiżviluppaw operazzjonijiet potenzjali ta' finanzjament u ta' investiment;

(e)

jiffaċilita l-istabbiliment ta' pjattaformi kollaborattivi għal skambju bejn il-pari u għal skambju ta' data, ta' kompetenzi u tal-aħjar prattiki biex jappoġġa r-riżerva tal-proġetti u l-iżvilupp tas-settur;

(f)

jipprovdi appoġġ konsultattiv proattiv fir-rigward tal-istabbiliment ta' pjattaformi ta' investiment, inklużi pjattaformi ta' investiment transfruntiera u makroreġjonali kif ukoll pjattaformi ta' investiment li jaggruppaw proġetti żgħar u ta' daqs medju fi Stat Membru wieħed jew aktar skont it-tema jew ir-reġjun;

(g)

jappoġġa l-użu tat-taħlit ma' sovvenzjonijiet jew strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni jew minn sorsi oħra sabiex jissaħħu s-sinerġiji u l-komplementarjetajiet bejn l-istrumenti tal-Unjoni u biex jiġu massimizzati l-leverage u l-impatt tal-Programm InvestEU;

(h)

jappoġġa azzjonijiet għall-bini tal-kapaċità sabiex jiġu żviluppati kapaċitajiet, kompetenzi u proċessi organizzattivi u biex jitħaffef il-pass li bih l-organizzazzjonijiet ikunu mħejjija għall-investiment sabiex il-promoturi u l-awtoritajiet jibnu riżervi ta' proġetti ta' investiment u jimmaniġġjaw proġetti u sabiex l-intermedjarji finanzjarji jimplimentaw operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment għall-benefiċċju ta' entitajiet li jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu aċċess għall-finanzi, inkluż permezz ta' appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċità ta' valutazzjoni tar-riskji jew ta' għarfien speċifiku għas-settur;

(i)

jipprovdi appoġġ ta' konsulenza għal impriżi ġodda, speċjalment meta jfittxu li jipproteġu r-riċerka u l-investimenti ta' innovazzjoni tagħhom billi jiksbu titli ta' proprjetà intellettwali, bħal privattivi.

3.   Iċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU għandu jkun disponibbli għall-promoturi ta' proġetti pubbliċi u privati, fosthom l-SMEs u n-negozji ġodda, għall-awtoritajiet pubbliċi, għall-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, u għall-intermedjarji finanzjarji u mhux finanzjarji.

4.   Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta' konsulenza ma' kull sieħeb konsultattiv inkarigat mill-implimentazzjoni ta' inizjattiva konsultattiva waħda jew aktar. Iċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU jista' jeżiġi tariffi għas-servizzi msemmija fil-paragrafu 2 biex ikopru parti mill-ispejjeż biex jiġu pprovduti dawk is-servizzi, ħlief għal servizzi pprovduti lil promoturi ta' proġetti pubbliċi jew istituzzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li, fejn ġustifikat, għandhom ikunu mingħajr ħlas. It-tariffi imposti fuq l-SMEs għas-servizzi msemmijin fil-paragrafu 2 għandhom ikunu limitati għal terz tal-ispiża tal-forniment ta' dawk is-servizzi.

5.   Sabiex jitwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u biex jiġi ffaċilitat il-forniment ta' appoġġ konsultattiv, iċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU għandu jibni fuq l-għarfien espert tal-Kummissjoni, tal-Grupp tal-BEI u tas-sħab konsultattivi l-oħrajn.

6.   Kull inizjattiva konsultattiva għandha tinkorpora mekkaniżmu ta' kondiviżjoni tal-ispejjeż bejn il-Kummissjoni u s-sieħeb konsultattiv, ħlief fejn il-Kummissjoni taqbel li tkopri l-ispejjeż kollha tal-inizjattiva ta' konsulenza f'każ debitament ġustifikat jekk l-ispeċifiċitajiet tal-inizjattiva ta' konsulenza jirrikjedu dan u t-trattament koerenti u ekwu tas-sħab konsultattivi kkonċernati jkun iggarantit.

7.   Jekk meħtieġ, iċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU għandu jkollu preżenza lokali. Din għandha tiġi stabbilita b'mod partikolari fl-Istati Membri jew fir-reġjuni li jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet fl-iżvilupp ta' proġetti fil-qafas tal-Fond InvestEU. Iċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU għandu jgħin fit-trasferiment tal-għarfien fil-livell reġjonali u lokali bil-għan li jinbnew il-kapaċità u l-għarfien espert reġjonali u lokali sabiex ikun jista' jipprovdi l-appoġġ konsultattiv imsemmi fil-paragrafu 1, inkluż appoġġ biex jiġu implimentati u akkomodati proġetti żgħar.

8.   Sabiex jingħata l-appoġġ konsultattiv imsemmi fil-paragrafu 1 u biex jiġi ffaċilitat il-forniment ta' dak l-appoġġ konsultattiv fil-livell lokali, iċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU għandu jikkoopera, meta possibbli, mal-għarfien espert ta' banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u jieħu vantaġġ minnu. Fejn xieraq, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali għandhom jiġu konklużi fil-kuntest taċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU, b'mill-inqas bank wieħed jew istituzzjoni promozzjonali nazzjonali waħda għal kull Stat Membru.

9.   Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom, kif xieraq, jipproponu lill-promoturi tal-proġetti li japplikaw għall-finanzjament, fosthom, b'mod partikolari, il-proġetti żgħar, biex jitolbu l-appoġġ miċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU għall-proġetti tagħhom, fejn xieraq, sabiex iħejju l-proġetti tagħhom aħjar u biex tkun tista' ssir valutazzjoni tal-possibbiltà li l-proġetti jiġu raggruppati.

Fejn rilevanti, is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u s-sħab konsultattivi għandhom ukoll jinfurmaw lill-promoturi tal-proġetti dwar il-possibbiltà li jelenkaw il-proġetti tagħhom fuq il-Portal InvestEU msemmi fl-Artikolu 26.

KAPITOLU VII

Il-Portal InvestEU

Artikolu 26

Il-Portal InvestEU

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-Portal InvestEU. Il-Portal InvestEU għandu jkun bażi tad-data aċċessibbli faċilment u faċli biex tintuża, li tipprovdi informazzjoni rilevanti dwar kull proġett.

2.   Il-Portal InvestEU għandu jipprovdi mezz biex il-promoturi ta' proġetti jagħmlu l-proġetti li għalihom qed ifittxu finanzjament viżibbli għall-investituri. L-inklużjoni ta' proġetti fil-Portal InvestEU għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet dwar il-proġetti finali li jintgħażlu għas-sostenn skont dan ir-Regolament jew skont kwalunkwe strument ieħor tal-Unjoni, jew għad-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament pubbliku. Huma biss il-proġetti li jkunu kompatibbli mal-liġi u mal-politiki tal-Unjoni li għandhom jiġu elenkati fil-Portal InvestEU.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat proġetti li jkunu kompatibbli mal-liġi u mal-politiki tal-Unjoni lis-sħab rilevanti inkarigati mill-implimentazzjoni. Jekk xieraq u jekk teżisti inizjattiva konsultattiva, il-Kummissjoni għandha tibgħat ukoll tali proġetti liċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU.

4.   Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jeżaminaw il-proġetti li jaqgħu fl-ambitu ġeografiku u ta' attività tagħhom.

KAPITOLU VIII

L-obbligu ta' rendikont, il-monitoraġġ u r-rapportar, l-evalwazzjoni u l-kontroll

Artikolu 27

Obbligu ta' rendikont

1.   Fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, il-President tal-Bord ta' Tmexxija għandu jirrapporta dwar il-prestazzjoni tal-Fond InvestEU lill-istituzzjoni li tagħmel it-talba, inkluż billi jipparteċipa f'seduta ta' smigħ quddiem il-Parlament Ewropew.

2.   Il-President tal-Bord ta' Tmexxija għandu jwieġeb bil-fomm jew bil-miktub għall-mistoqsijiet indirizzati lill-Fond InvestEU mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien ħames ġimgħat minn meta jirċevihom.

Artikolu 28

Monitoraġġ u rapportar

1.   L-indikaturi għar-rapportar dwar il-progress tal-Programm InvestEU biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali u speċifiċi stipulati fl-Artikolu 3 huma stabbiliti fl-Anness III.

2.   Is-sistema ta' rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-Programm InvestEU jinġabru b'mod effiċjenti, effikaċi u fil-ħin, u li din id-data tkun tippermetti li jsir monitoraġġ adegwat tal-portafoll tar-riskju u tal-garanzija. Għal dak il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta' rapportar proporzjonati fuq is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, fuq is-sħab konsultattivi u fuq riċevituri oħra tal-fondi tal-Unjoni, kif ikun xieraq.

3.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Programm InvestEU f'konformità mal-Artikoli 241 u 250 tar-Regolament Finanzjarju. F'konformità mal-Artikolu 41(5) tar-Regolament Finanzjarju, ir-rapport annwali għandu jagħti informazzjoni dwar il-livell ta' implimentazzjoni tal-Programm fir-rigward tal-objettivi u tal-indikaturi tal-prestazzjoni tiegħu. Għal dan il-għan, kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni għandu jipprovdi, fuq bażi annwali, l-informazzjoni meħtieġa biex jippermetti li l-Kummissjoni tikkonforma mal-obbligi ta' rappurtar tagħha, inkluż informazzjoni dwar l-operazzjoni tal-garanzija tal-UE.

4.   Kull sitt xhur, kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni għandu jippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament, imqassam skont il-kompartiment tal-UE u l-kompartiment tal-Istati Membri, kif xieraq. Kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni għandu jippreżenta wkoll l-informazzjoni dwar il-kompartiment tal-Istati Membri lill-Istat Membru li jkun qiegħed jimplimenta l-kompartiment tiegħu. Ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti dwar l-użu tal-garanzija tal-UE u mal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni stabbiliti fl-Anness III għal dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll data operazzjonali, statistika, finanzjarja u ta' kontabilità dwar kull operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment u stima tal-flussi ta' flus mistennija, fil-livell tal-kompartiment, tat-tieqa ta' politika u tal-Fond InvestEU. Darba fis-sena, ir-rapport mill-Grupp tal-BEI u, jekk ikun xieraq, mis-sħab l-oħra inkarigati mill-implimentazzjoni, għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni dwar l-ostakli għall-investiment li rriżultaw fit-twettiq tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament. Ir-rapporti għandu jkun fihom l-informazzjoni li s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jipprovdu skont il-punt (a) tal-Artikolu 155(1) tar-Regolament Finanzjarju.

5.   Biex tiżgura l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm InvestEU biex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 34, biex temenda l-Anness III fir-rigward tal-indikaturi meta dan ikun meqjus meħtieġ kif ukoll biex tissupplimenta dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta' qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni.

Artikolu 29

Evalwazzjoni

1.   L-evalwazzjonijiet tal-Programm InvestEU għandhom jitwettqu sabiex jikkontribwixxu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet b'mod f'waqtu.

2.   Sat-30 ta' Settembru 2024, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport interim indipendenti dwar il-Programm InvestEU, b'mod partikolari dwar l-użu tal-garanzija tal-UE, dwar l-issodisfar tal-obbligi tal-Grupp tal-BEI skont il-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1), dwar l-allokazzjoni tal-garanzija tal-UE prevista fl-Artikolu 13(4) u (5) dwar l-implimentazzjoni taċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU, dwar l-allokazzjoni baġitarja prevista fil-punt (d)(i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) u dwar l-Artikolu 8(8). L-evalwazzjoni għandha b'mod partikolari turi l-mod kif l-inklużjoni tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u s-sħab konsultattivi fl-implimentazzjoni tal-Programm InvestEU kkontribwiet għall-ksib tal-miri tal-Programm InvestEU kif ukoll għall-għanijiet ta' politika tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-valur miżjud u tal-bilanċ ġeografiku u settorjali tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment appoġġati. L-evalwazzjoni għandha tivvaluta wkoll l-applikazzjoni tal-ittestjar tas-sostenibbiltà skont l-Artikolu 8(5) u l-enfasi fuq l-SMEs milħuqin taħt it-tieqa ta' politika tal-SMEs imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 8(1).

3.   Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Programm InvestEU, iżda mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2031, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport finali indipendenti tal-Programm InvestEU, b'mod partikolari dwar l-użu tal-garanzija tal-UE.

4.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, akkumpanjati bil-kummenti tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

5.   Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni u jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa biex twettaq l-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

6.   F'konformità mal-Artikolu 211(1) tar-Regolament Finanzjarju, kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tinkludi fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 250 tar-Regolament Finanzjarju rieżami tal-adegwatezza tar-rata ta' proviżjonament stabbilita fl-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament apparagun mal-profil tar-riskju attwali tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti mill-garanzija tal-UE. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 34 ta' dan ir-Regolament sabiex temenda dan ir-Regolament billi taġġusta, fuq il-bażi ta' dak ir-rieżami, ir-rata ta' proviżjonament stabbilita fl-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament b'mhux aktar minn 15 %.

Artikolu 30

Awditi

L-awditi dwar l-użu tal-finanzjament tal-Unjoni mwettqa minn persuni jew minn entitajiet, inklużi persuni jew entitajiet minbarra dawk imqabbda mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-garanzija kumplessiva skont l-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 31

Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Fejn pajjiż terz jieħu sehem fil-Programm InvestEU permezz ta’ deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta' kwalunkwe strument ġuridiku ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa mill-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni responsabbli, l-OLAF u mill-Qorti tal-Awdituri biex jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

KAPITOLU IX

Trasparenza u viżibbiltà

Artikolu 32

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.   Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u s-sħab konsultattivi għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b'mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata, koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż lill-media u lill-pubbliku.

L-applikazzjoni tar-rekwiżiti skont l-ewwel subpragrafu għall-proġetti tas-setturi taċ-ċibersigurtà, tad-difiża u l-ispazju għandha tkun soġġetta għar-rispett ta' kwalunkwe obbligu ta' kunfidenzjalità jew segretezza.

2.   Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u s-sħab konsultattivi għandhom jinfurmaw lir-riċevituri finali, inklużi l-SMEs, bl-eżistenza tal-appoġġ taħt il-Programm InvestEU, jew jobbligaw intermedjarji finanzjarji oħra biex jinfurmaw lil tali riċevituri finali dwar dak l-appoġġ, billi jagħmlu din l-informazzjoni viżibbli b'mod ċar fil-ftehim rilevanti li jipprovdi l-appoġġ taħt il-Programm InvestEU, b'mod partikolari fil-każ tal-SMEs, sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u titjieb il-viżibbiltà.

3.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni relatati mal-Programm InvestEU, mal-azzjonijiet meħuda skont il-Programm InvestEU u mar-riżultati miksuba. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm InvestEU għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3.

KAPITOLU X

Parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fiż-żieda fil-kapital tal-fond Ewropew tal-Investiment

Artikolu 33

Parteċipazzjoni f'żieda fil-kapital tal-FEI

Minbarra l-parteċipazzjoni azzjonarja fil-FEI fit-3 ta' Diċembru 2020, l-Unjoni għandha tissottoskrivi sa massimu ta' 853 sehem fil-FEI, kull wieħed b'valur nominali ta' EUR 1 000 000, sabiex is-sehem relattiv tagħha fil-kapital jibqa' f'livell ekwivalenti għal dak tat-3 ta' Diċembru 2020. Is-sottoskrizzjoni tal-ishma u l-ħlas ta' mhux iżjed minn EUR 375 000 000 tal-parti mħallsa tal-ishma u tal-primjum azzjonarju għandhom jitwettqu skont termini u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu approvati mil-Laqgħa Ġenerali tal-FEI, u qabel il-31 ta' Diċembru 2021. Dak li jirriżulta sottoskritt iżda mhux imħallas f'parti mill-ishma akkwistati taħt dan l-Artikolu ma għandux jaqbeż is-EUR 682 400 000.

KAPITOLU XI

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali u finali

Artikolu 34

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu. Jekk l-atti delegati jikkonċernaw l-attivitajiet li għandhom jitwettqu mill-Grupp tal-BEI u mis-sħab l-oħrajn inkarigati mill-implimentazzjoni, jew li jinvolvuhom, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Grupp tal-BEI u mas-sħab potenzjali oħrajn inkarigati mill-implimentazzjoni qabel ma tipprepara dawk l-atti delegati.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 8(9), 22(4), 28(5) u 29(6) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2028. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel dik id-data. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikoli 8(9), 22(4), 28(5) u 29(6) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data iktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 8(9), 22(4), 28(5) u 29(6) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 35

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   B'deroga mill-ewwel u r-raba' subparagrafi tal-Artikolu 209(3) tar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe dħul, ripagamenti u rkupri minn strumenti finanzjarji stabbiliti permezz tal-programmi msemmija fl-Anness IV ta' dan ir-Regolament jistgħu jintużaw għall-proviżjonament tal-garanzija tal-UE skont dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet rilevanti li jikkonċernaw lill-baġit stabbiliti fir-Regolament dwar il-Faċilità ta' Self għas-Settur Pubbliku għall-2021-2027.

2.   B'deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 213(4) tar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe surplus ta' provvedimenti għall-garanzija tal-UE stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2015/1017 jista' jintuża għall-proviżjonament tal-garanzija tal-UE skont dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet rilevanti li jikkonċernaw lill-baġit stabbiliti fir-Regolament dwar il-Faċilità ta' Self għas-Settur Pubbliku għall-2021-2027.

3.   L-ammont ta' EUR 6 074 000 000 fi prezzijiet attwali msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2020/2094 għandu jintuża:

(a)

għall-proviżjonament tal-garanzija tal-UE taħt dan ir-Regolament b'ammont ta' EUR 5 930 000 000 fi prezzijiet attwali, flimkien mar-riżorsi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 211(4) tar-Regolament Finanzjarju;

(b)

għall-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fil-Kapitoli VI u VII ta’ dan ir-Regolament u l-miżuri msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament (UE) 2020/2094, bla preġudizzju għall-Artikolu 3(4) u (8) ta' dak ir-Regolament, b'ammont ta' EUR 142 500 000 fi prezzijiet attwali.

Dak l-ammont għandu jikkostitwixxi dħul estern assenjat skont l-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

4.   B'deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-Regolament, l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment iffirmati jew konklużi minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2021 sal-iffirmar tal-ftehimiet ta' garanzija rispettivi tagħhom, jistgħu jkunu koperti mill-garanzija tal-UE sakemm dawk l-operazzjonijiet ikunu indikati fil-ftehim ta' garanzija, jgħaddu mill-kontroll tal-politika msemmi fl-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-Regolament jew jirċievu opinjoni favorevoli fil-qafas tal-proċedura prevista fl-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI u jkunu fiż-żewġ każijiet approvati mill-Kumitat tal-Investiment f'konformità mal-Artikolu 24 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 36

Emenda għar-Regolament (UE) 2015/1017

Fir-Regolament (UE) 2015/1017, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 11a

Kombinament ta' portafoll tal-FEIS ma' portafolli oħrajn

B'deroga mill-Artikolu 11(6) ta’ dan ir-Regolament u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-Regolament, il-garanzija tal-UE tista' tkopri t-telf imsemmi fl-Artikolu 11(6) ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-portafoll intier tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment appoġġati mill-prodotti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

Artikolu 37

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)   ĠU C 364, 28.10.2020, p. 139.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Marzu 2021.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(5)   ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(6)   ĠU L 309, 13.12.1993, p. 3.

(7)  Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1).

(8)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(11)   ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1).

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).

(16)   ĠU C 170, 18.5.2020, p. 22.

(17)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 23).

(18)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(19)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(20)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(21)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(22)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE") (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(23)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(24)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(25)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta’ Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Unjoni Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija”) (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).

(26)   ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(27)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji (traduzzjoni mhux uffiċjali) (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).


ANNESS I

AMMONTI TAL-GARANZIJA TAL-UE SKONT L-OBJETTIV SPEĊIFIKU

Id-distribuzzjoni indikattiva msemmija fir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 4(2) għall-operazzjonijiet finanzjarji u tal-investiment għandha tkun kif ġej:

(a)

sa EUR 9 887 682 891 għall-objettivi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2);

(b)

sa EUR 6 575 653 460 għall-għanijiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2);

(c)

sa EUR 6 906 732 440 għall-għanijiet imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2);

(d)

sa EUR 2 782 241 282 għall-objettivi msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 3(2).


ANNESS II

OQSMA ELIĠIBBLI GĦAL OPERAZZJONIJIET TA' FINANZJAMENT U TA' INVESTIMENT

L-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment jistgħu jinkludu investiment strateġiku li jappoġġa l-benefiċjarji aħħarija li l-attivitajiet tagħhom huma ta' importanza strateġika għall-Unjoni, b'mod partikolari fid-dawl tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tar-reżiljenza msaħħa u tat-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur strateġiċi. Dawn jistgħu jinkludu proġetti importanti ta' interess Ewropew komuni. L-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment jistgħu jaqgħu taħt qasam wieħed jew iktar minn dawn li ġejjin:

(1)

l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija f'konformità mal-prijoritajiet tal-Unjoni tal-Enerġija, inkluż is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, it-tranżizzjoni enerġetika nadifa u l-impenji li saru taħt l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta' Pariġi, b'mod partikolari permezz ta':

(a)

l-espansjoni tal-ġenerazzjoni, tal-provvista jew tal-użu tal-enerġija rinnovabbli nadifa u sostenibbli, u ta' sorsi u soluzzjonijiet oħra ta' enerġija sikuri u sostenibbli b'emissjonijiet baxxi u emissjonijiet żero;

(b)

l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija (b'enfasi fuq it-tnaqqis tad-domanda permezz ta' ġestjoni tad-domanda u r-rinnovazzjoni tal-bini);

(c)

l-iżvilupp, l-installazzjoni ta' sistemi intelliġenti u l-modernizzazzjoni fir-rigward tal-infrastruttura tal-enerġija sostenibbli, b'mod partikolari t-teknoloġiji tal-ħżin, l-interkonnessjonijiet tal-elettriku bejn l-Istati Membri u l-grilji intelliġenti, kemm fil-livell tat-trażmissjoni kif ukoll fil-livell tad-distribuzzjoni;

(d)

l-iżvilupp ta' sistemi innovattivi ta' provvista ta' sħana b'emissjonijiet żero u baxxi u l-produzzjoni kkombinata ta' enerġija elettrika u sħana;

(e)

il-produzzjoni u l-provvista ta' fjuwils sintentiċi sostenibbli minn sorsi rinnovabbli/newtrali f'termini ta' karbonju u sorsi sikuri u sostenibbli oħra b'emissjonijiet żero u baxxi, ta' bijofjuwils, ta' bijomassa u ta' fjuwils alternattivi, inklużi ta' fjuwils għall-modi kollha tat-trasport, skont l-objettivi tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(f)

infrastruttura għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju fil-proċessi industrijali, fl-impjanti tal-bijoenerġija u fil-faċilitajiet tal-manifattura lejn it-tranżizzjoni enerġetika; kif ukoll

(g)

infrastruttura kritika, kemm fiżika kif ukoll virtwali, inklużi elementi ta' infrastruttura identifikati bħala kritiċi kif ukoll art u proprjetà immobbli kruċjali għall-użu ta' tali infrastruttura kritika u l-forniment ta' oġġetti u servizzi strumentali għat-tħaddim u l-manutenzjoni tal-infrastruttura kritika.

(2)

l-iżvilupp ta' infrastrutturi tat-trasport u ta' soluzzjonijiet ta' mobbiltà sostenibbli u sikuri, ta' tagħmir u teknoloġiji innovattivi f'konformità mal-prijoritajiet tat-trasport tal-Unjoni u l-impenji li saru taħt il-Ftehim ta' Pariġi, b'mod partikolari permezz ta':

(a)

proġetti li jappoġġaw l-iżvilupp tal-infrastruttura tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), fosthom il-manutenzjoni u s-sikurezza tal-infrastruttura, in-nodi urbani ta' TEN-T, il-portijiet marittimi u interni, l-ajruporti, it-terminals multimodali u l-konnessjoni ta' tali terminals multimodali man-networks TEN-T, u l-applikazzjonijiet telematiċi msemmija fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

(b)

proġetti infrastrutturali tat-TEN-T li jipprevedu l-użu ta' mill-inqas żewġ modi tat-trasport differenti, b'mod partikolari terminals tat-trasport tal-merkanzija multimodali u n-nodi tat-trasport tal-passiġġieri;

(c)

proġetti ta' mobbiltà urbana intelliġenti u sostenibbli ffokati fuq modi ta' trasport urban b'emissjonijiet baxxi, inkluż trasport f'passaġġi fuq l-ilma interni u soluzzjonijiet ta' mobbiltà innovattivi, aċċessibbiltà mhux diskriminatorja, tnaqqis fit-tniġġis tal-arja u l-istorbju, konsum tal-enerġija, networks ta' bliet intelliġenti, manutenzjoni, żieda fil-livelli ta' sikurezza u tnaqqis tal-inċidenti, anki għaċ-ċiklisti u l-persuni miexja);

(d)

l-appoġġ għat-tiġdid u l-modernizzazzjoni a posteriori ta' mezzi mobbli tat-trasport bil-għan li jiġu adottati soluzzjonijiet ta' mobbiltà b'emissjonijiet baxxi u b'żero emissjonijiet, inkluż permezz tal-użu ta' fjuwils alternattivi fil-vetturi tal-mezzi kollha tat-trasport;

(e)

infrastruttura ferrovjarja, proġetti ferrovjarji oħra, infrastrutturi għall-passaġġi fuq l-ilma interni, proġetti ta' tranżitu b'kapaċità għolja u portijiet marittimi u awtostradi tal-baħar;

(f)

infrastruttura ta' fjuwil alternattiv għall-modi kollha tat-trasport, inkluża l-infrastruttura tal-iċċarġjar elettriku;

(g)

proġetti ta' mobbiltà intelliġenti u sostenibbli oħrajn li jiffokaw fuq:

(i)

is-sikurezza fit-toroq;

(ii)

l-aċċessibbiltà;

(iii)

it-tnaqqis tal-emissjonijiet; jew

(iv)

l-iżvilupp u l-installazzjoni ta' teknoloġiji u servizzi ġodda tat-trasport, bħal servizzi fir-rigward ta' modi ta' trasport konnessi u awtonomi jew sistemi ta' bejgħ ta' biljetti integrati;

(h)

proġetti għaż-żamma jew it-titjib tal-infrastruttura tat-trasport eżistenti, inklużi l-awtostradi fuq it-TEN-T fejn neċessarju għall-ammeljorament, iż-żamma jew it-titjib tas-sikurezza stradali, għall-iżvilupp ta' servizzi tal-ITS jew għall-iżgurar tal-integrità u l-istandards tal-infrastrutturi, biex jiġu żviluppati żoni u faċilitajiet ta' parkeġġ sikuri, punti ta' riforniment ta' ċarġ u ta' fjuwil għall-fjuwils alternattivi; kif ukoll

(i)

infrastruttura kritika inklużi elementi ta' infrastruttura identifikati bħala kritiċi kif ukoll art u proprjetà immobbli kruċjali għall-użu ta' tali infrastruttura kritika u l-forniment ta' oġġetti u servizzi strumentali għat-tħaddim u l-manutenzjoni tal-infrastruttura kritika.

(3)

l-ambjent u r-riżorsi, b'mod partikolari fir-rigward ta':

(a)

l-ilma, inkluża l-provvista tal-ilma tajjeb għax-xorb u s-servizzi tas-sanità, u l-effiċjenza tan-networks, it-tnaqqis tal-ħruġ aċċidentali, l-infrastruttura għall-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi, l-infrastruttura tal-kosta u infrastruttura ekoloġika oħra relatata mal-ilma;

(b)

l-infrastruttura għall-immaniġġar tal-iskart;

(c)

proġetti u intrapriżi fl-oqsma tal-ġestjoni tar-riżorsi ambjentali u t-teknoloġija sostenibbli;

(d)

it-titjib u r-restawr tal-ekosistemi u s-servizzi tagħhom inkluż permezz tat-tisħiħ tan-natura u tal-bijodiversità permezz tal-proġetti infrastrutturali "ħodor" u "blu";

(e)

l-iżvilupp urban, rurali u kostali sostenibbli;

(f)

azzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima, l-adattament għall-klima u l-mitigazzjoni tal-klima, inkluż it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri naturali;

(g)

proġetti u intrapriżi li jimplimentaw l-ekonomija ċirkolari billi jintegraw aspetti tal-effiċjenza fir-riżorsi fil-produzzjoni u fil-ħajja tal-prodott, inkluża l-provvista sostenibbli ta' materja prima u materja prima sekondarja;

(h)

id-dekarbonizzazzjoni ta' industriji li jużaw ħafna enerġija u t-tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet f'tali industriji, inklużi d-dimostrazzjoni u l-installazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi b'emissjonijiet baxxi.

(i)

id-dekarbonizzazzjoni tal-produzzjoni enerġetika u l-katina ta' distribuzzjoni billi jiġi gradwalment eliminat l-użu tal-faħam u taż-żejt; kif ukoll

(j)

proġetti li jippromwovu wirt kulturali sostenibbli.

(4)

l-iżvilupp ta' infrastruttura ta' konnettività diġitali, sew fiżika u sew virtwali, b'mod partikolari permezz ta' proġetti li jappoġġaw l-installazzjoni ta' networks diġitali b'kapaċità għolja ħafna jew konnettività 5G jew li jtejbu l-konnettività u l-aċċess diġitali, b'mod partikolari għaż-żoni rurali u r-reġjuni periferiċi.

(5)

ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, partikolarment permezz ta':

(a)

proġetti ta' riċerka u innovazzjoni li jikkontribwixu għall-objettivi ta' Orizzont Ewropa, inkluża l-infrastruttura ta' riċerka u l-appoġġ għad-dinja akkademika;

(b)

proġetti korporattivi, inkluż taħriġ u promozzjoni tal-ħolqien ta' raggruppamenti u networks tan-negozju;

(c)

proġetti u programmi ta' dimostrazzjoni kif ukoll l-installazzjoni ta' infrastrutturi, teknoloġiji u proċessi relatati;

(d)

proġetti ta' riċerka u innovazzjoni kollaborattivi li jinvolvu lill-akkademiċi, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-industrija; sħubijiet pubbliċi-privati u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

(e)

trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija;

(f)

riċerka fil-qasam ta' teknoloġiji abilitanti essenzjali (KETs) u l-applikazzjonijiet industrijali tagħhom, inklużi materjali ġodda u avvanzati; kif ukoll

(g)

prodotti tas-saħħa effettivi u aċċessibbli ġodda, inklużi r-riċerka, l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-manifattura ta' prodotti farmaċewtiċi, l-apparat mediku, id-dijanjostika u l-prodotti mediċinali terapewtiċi avvanzati u aġenti antimikrobiċi ġodda, kif ukoll il-proċessi innovattiv ta' żvilupp li jevitaw l-użu ta' testijiet fuq l-annimali.

(6)

l-iżvilupp, l-installazzjoni u t-tkabbir ta' teknoloġiji u servizzi diġtali, speċjalment teknoloġiji u servizzi diġitali, inklużi l-midja, il-pjattaformi ta' servizzi online u l-komunikazzjoni diġitali sikura, li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Programm Ewropa Diġitali, b'mod partikolari permezz ta':

(a)

l-intelliġenza artifiċjali;

(b)

it-teknoloġija tal-kwantum;

(c)

iċ-ċibersigurtà u l-infrastrutturi tal-protezzjoni tan-networks;

(d)

l-internet tal-oġġetti;

(e)

il-blockchain u t-teknoloġiji tar-reġistru distribwit l-oħrajn;

(f)

il-ħiliet diġitali avvanzati;

(g)

ir-robotika u l-awtomatizzazzjoni;

(h)

il-fotonika;

(i)

teknoloġiji u servizzi diġitali avvanzati oħrajn li jikkontribwixxu għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u għall-integrazzjoni tat-teknoloġiji, tas-servizzi u tal-ħiliet diġitali fis-settur tat-trasport tal-Unjoni; kif ukoll

(j)

il-faċilitajiet ta' riċiklaġġ u ta' manifattura għall-produzzjoni ta' komponenti u tagħmir tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fl-Unjoni.

(7)

l-appoġġ finanzjarju lil entitajiet li ma jimpjegawx iktar minn 499 impjegat, b'enfasi partikolari fuq l-SMEs, u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja żgħar, partikolarment permezz ta':

(a)

l-għoti ta' kapital u investiment operatorji;

(b)

l-għoti ta' finanzjament ta' riskju mill-istadju inizjali sal-espansjoni biex tiġi żgurata l-pożizzjoni ta' tmexxija tagħhom fis-setturi innovattivi u sostenibbli, inkluż permezz tat-tisħiħ tad-diġitalizzazzjoni u tal-kapaċità ta' innovazzjoni tagħhom, u tal-kompetittività globali tagħhom.

(c)

l-għoti ta' finanzjament għall-akkwiżizzjoni ta' negozju jew parteċipazzjoni fi sjieda ta' negozju min-naħa tal-impjegati.

(8)

is-setturi kulturali u kreattivi, il-patrimonju kulturali, il-midja, is-settur awdjoviżiv, il-ġurnaliżmu u l-istampa, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, l-użu tat-teknoloġiji diġitali u l-ġestjoni teknoloġika tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

(9)

it-turiżmu.

(10)

ir-riabilitazzjoni ta' siti industrijali (fosthom siti kontaminati) u r-restawr ta' siti bħal dawn għall-użu sostenibbli.

(11)

l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-akkwakultura sostenibbli u elementi oħra tal-bijoekonomija sostenibbli inġenerali.

(12)

l-investimenti soċjali, fosthom dawk li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari permezz ta':

(a)

il-mikrofinanzjament, il-finanzjament tal-intrapriżi etiċi u soċjali u l-ekonomija soċjali;

(b)

id-domanda u l-provvista tal-ħiliet;

(c)

l-edukazzjoni, it-taħriġ u s-servizzi relatati, inkluż għall-adulti;

(d)

l-infrastruttura soċjali, b'mod partikolari:

(i)

l-edukazzjoni u t-taħriġ inklużivi, inkluża l-edukazzjoni u l-indukrar tat-tfal f'età bikrija, u l-infrastrutturi u l-faċilitajiet edukattivi relatati tagħhom, l-indukrar alternattiv tat-tfal, l-alloġġi għall-istudenti u t-tagħmir diġitali, li jkunu aċċessibbli għal kulħadd;

(ii)

l-akkommodazzjoni soċjali affordabbli (2);

(iii)

is-saħħa u l-kura fit-tul, inklużi l-kliniki, l-isptarijiet, il-kura tas-saħħa primarja, is-servizzi fid-djar u l-kura bbażata fil-komunità;

(e)

l-innovazzjoni soċjali, inklużi soluzzjonijiet u skemi soċjali innovattivi bil-mira li jippromwovu impatti u riżultati soċjali fl-oqsma msemmija fil-punti (a) sa (d) u (f) sa (j);

(f)

l-attivitajiet kulturali b'objettiv soċjali;

(g)

il-miżuri biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

(h)

l-integrazzjoni tal-persuni vulnerabbli, inklużi ċittadini ta' pajjiżi terzi;

(i)

is-soluzzjonijiet tas-saħħa innovattivi, fosthom is-saħħa elettronika, is-servizzi tas-saħħa u mudelli ġodda tal-kura;

(j)

l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà għal nies b'diżabbiltà.

(13)

l-iżvilupp tal-industrija tad-difiża biex jingħata kontribut lill-awtonomija strateġika tal-Unjoni, b'mod partikolari permezz ta' appoġġ għal:

(a)

il-katina ta' provvista tad-difiża tal-Unjoni, b'mod partikolari permezz tal-appoġġ finanzjarju għall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja;

(b)

il-kumpaniji li jieħdu sehem fi proġetti ta' innovazzjoni rivoluzzjonarji fis-settur tad-difiżi u teknoloġiji b'użu doppju relatati mill-qrib;

(c)

il-katina tal-provvista tas-settur tad-difiża waqt il-parteċipazzjoni fi proġetti ta' riċerka u żvilupp kollaborattivi, inklużi dawk appoġġati mill-Fond Ewropew għad-Difiża;

(d)

l-infrastruttura għar-riċerka u taħriġ għad-difiża.

(14)

l-ispazju, partikolarment fir-rigward tal-iżvilupp tas-settur spazjali f'konformità mal-objettivi tal-Istrateġija Spazjali għall-Ewropa:

(a)

biex jiġu massimizzati l-benefiċċji għas-soċjetà u l-ekonomija tal-Unjoni;

(b)

biex titrawwem il-kompetittività tas-sistemi u t-teknoloġiji spazjali, billi tiġi indirizzata b'mod partikolari l-vulnerabbiltà tal-ktajjen ta' provvista;

(c)

għall-irfid tal-intraprenditorija spazjali, inkluż l-iżvilupp downstream;

(d)

biex titrawwem l-awtonomija tal-Unjoni għall-aċċess sigur għall-ispazju, inklużi aspetti ta' użu doppju.

(15)

ibħra u oċeani, permezz tal-iżvilupp ta' proġetti u intrapriżi fil-qasam tal-Ekonomija Blu, u l-Prinċipji tal-Finanzi tal-Ekonomija Blu Sostenibbli, b'mod partikolari permezz tal-intraprenditorija u l-industrija marittima, l-enerġija rinnovabbli tal-baħar u soluzzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari.


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

(2)  Akkomodazzjoni soċjali affordabbli għandha tinftiehem li hi mmirata għal persuni żvantaġġati jew gruppi soċjalment inqas vantaġġati, li minħabba restrizzjonijiet ta' solvenza jgħixu fi privazzjoni ta' abitazzjoni severa jew ma jkunux jistgħu jiksbu akkomodazzjoni bil-kundizzjonijiet tas-suq.


ANNESS III

INDIKATURI EWLENIN TAL-PRESTAZZJONI U TA' MONITORAĠĠ

1.   

Volum ta' finanzjament li jirċievi appoġġ minn InvestEU (imqassam skont it-tieqa ta' politika)

1.1

Volum ta' operazzjonijiet iffirmati

1.2

Investiment mobilizzat

1.3

Ammont ta' finanzjament privat mobilizzat

1.4

Leverage u l-effett multiplikatur miksuba

2.   

Kopertura ġeografika ta' finanzjament li jirċievi appoġġ mill-Fond InvestEU (imqassam skont it-tieqa ta' politika, il-pajjiż u r-reġjun fil-klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) livell 2)

2.1

Għadd ta' pajjiżi (Stati Membri u pajjiżi terzi) koperti mill-operazzjonijiet

2.2

Għadd ta' reġjuni koperti mill-operazzjonijiet

2.3

Volum tal-operazzjonijiet għal kull pajjiż (Stat Membru u pajjiż terz) u għal kull reġjun

3.   

Impatt tal-finanzjament appoġġat mill-Fond InvestEU

3.1

Għadd ta' impjiegi maħluqa jew appoġġati

3.2

Investiment li jappoġġa l-objettivi klimatiċi u, meta fejn ikun applikabbli, imqassam fid-dettall skont it-tieqa ta' politika

3.3

Investiment li jappoġġa d-diġitalizzazzjoni

3.4

Investiment li jappoġġa t-tranżizzjoni industrijali

3.5

Investiment li jappoġġa tranżizzjoni ġusta

3.6

Investiment strateġiku

Għadd u volum ta' operazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-forniment ta' infrastruttura kritika

Għadd u volum ta' operazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-investiment fiċ-ċibersigurtà, l-ispazju u d-difiża

4.   

Infrastruttura sostenibbli

4.1

Enerġija: Kapaċità addizzjonali ta' ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli installata u li tkun ġejja minn sorsi oħra ta' enerġija sikura, sostenibbli u b'emissjonijiet żero jew baxxi oħra (f'megawatts (MW))

4.2

Enerġija: Għadd ta' unitajiet domestiċi, għadd ta' stabbilimenti pubbliċi u kummerċjali bi klassifikazzjoni mtejba tal-konsum tal-enerġija

4.3

Enerġija: Iffrankar tal-enerġija, stmat, iġġenerat mill-proġetti (f'kilowatt-sigħat (kWh))

4.4

Enerġija: Emissjonijiet annwali ta' gassijiet b'effett ta' serra mnaqqsa/evitati f'tunnellati ta' ekwivalenti ta' CO2

4.5

Enerġija: Volum ta' investiment fl-iżvilupp, l-installazzjoni ta' sistemi intelliġenti u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija sostenibbli

4.6

Diġitali: Unitajiet domestiċi addizzjonali, intrapriżi jew bini pubbliku b'aċċess għall-broadband ta' mill-inqas 100 Mbps, li jista' jiġi ammeljorat għal veloċità ta' gigabits, jew b'għadd ta' hotspots tal-WiFi maħluqa

4.7

Trasport: Investiment mobilizzat, b'mod partikolari fit-TEN-T

Għadd ta' proġetti ta' kollegamenti transfruntiera u neqsin (inklużi proġetti relatati ma' nodi urbani, konnessjonijiet ferrovjarji reġjonali transfruntiera, pjattaformi multimodali, portijiet marittimi, portijiet għan-navigazzjoni interna, konnessjonijiet għall-ajruporti u terminals stradali-ferrovjarji tan-network ewlieni u komprensiv TEN-T)

Għadd ta' proġetti li jikkontribwixxu għad-diġitalizzazzjoni tat-trasport, b'mod partikolari permezz tal-Installazzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS, European Rail Traffic Management System), is-Sistema tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS, River Information System), is-Sistema ta' Trasport Intelliġenti (ITS, Intelligent Transportation System), is-sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-trafiku tal-bastimenti (VTMIS, vessel traffic monitoring and information system) / servizzi marittimi elettroniċi u r-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR, Single European Sky ATM Research)

Għadd ta' punti ta' riforniment ta' fjuwil alternattiv mibnija jew imtejba

Għadd ta' proġetti li jikkontribwixxu għas-sikurezza tat-trasport

4.8

Ambjent: Investiment li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet u l-programmi meħtieġa mill-acquis tal-Unjoni relatati mal-kwalità tal-arja, l-ilma, l-iskart, u n-natura.

5.   

Ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni

5.1

Kontribuzzjoni għall-objettiv ta' 3 % tal-prodott domestiku gross (PDG) tal-Unjoni investit fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni

5.2

Għadd ta' intrapriżi li jirċievu appoġġ skont id-daqs li jagħmlu proġetti ta' riċerka u innovazzjoni

6.   

SMEs

6.1

Għadd ta' intrapriżi li jirċievu appoġġ, skont id-daqs (mikro, żgħar, ta' daqs medju, u kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja)

6.2

Għadd ta' intrapriżi li jirċievu appoġġ, skont l-istadju li qegħdin fih (bikri, tkabbir/espansjoni)

6.3

Għadd ta' intrapriżi li jirċievu appoġġ skont l-Istat Membru jew ir-reġjun fil-livell ta' NUTS 2

6.4

Għadd ta' intrapriżi appoġġati, skont is-setturi, permezz ta' klassifikazzjoni statistika ta' attivitajiet ekonomiċi fil-kodiċi tal-Unjoni Ewropea (NACE)

6.5

Perċentwal ta' volum ta' investiment fl-ambitu tat-tieqa ta' politika għall-SMEs diretta lejn l-SMEs

7.   

Investiment soċjali u ħiliet.

7.1

Infrastruttura soċjali: kapaċità tal-infrastruttura soċjali, u l-aċċess għaliha, appoġġata skont is-settur: abitazzjoni, edukazzjoni, saħħa, oħrajn

7.2

Mikrofinanzjament u finanzjament tal-intrapriżi soċjali: għadd ta' riċevituri tal-mikrofinanzjamenti u ta' intrapriżi tal-ekonomija soċjali appoġġati

7.3

Ħiliet: Għadd ta' individwi li qed jiksbu ħiliet ġodda jew li ħiliethom qed jiġu validati u ċertifikati: kwalifika tal-edukazzjoni formali u tat-taħriġ

8.   

Ċentru ta' Konsulenza InvestEU

8.1

Għadd ta' impenji taċ-Ċentru ta' Konsulenza InvestEU li jipprovdi appoġġ ta' konsulenza, skont is-settur u l-Istat Membru


ANNESS IV

IL-PROGRAMM INVESTEU – STRUMENTI PREDEĊESSURI

A.   

Strumenti ta' ekwità:

Il-Faċilità Teknoloġika Ewropea (ETF98): id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/347/KE tad-19 ta' Mejju 1998 dwar miżuri ta' assistenza finanzjarja għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) innovattivi u li joħolqu l-impjiegi - l-inizjattiva tkabbir u impjiegi (ĠU L 155, 29.5.1998, p. 43).

Il-Proġett Pilota għat-Trasferiment tat-Teknoloġija (TTP): id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni ta' finanzjament komplementari dwar il-finanzjament ta' azzjonijiet tal-attività "Suq intern tal-merkanzija u politiki settorjali" tad-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriżi u l-Industrija għall-2007 u li tadotta d-deċiżjoni qafas dwar il-finanzjament tal-azzjoni preparatorja "L-UE tassumi r-rwol tagħha f'dinja globalizzata" u ta' erba' proġetti pilota "Erasmus imprendituri żgħażagħ", "Miżuri għall-promozzjoni ta' kooperazzjoni u sħubijiet bejn mikro u SMEs", "Trasferiment Teknoloġiku" u "Destinazzjonijiet Ewropej ta' eċċellenza" tad-Direttorat Ġenerali tal-Intrapriża u l-Industrija għall-2007

Il-Faċilità Teknoloġika Ewropea (ETF01): id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/819/EC tal-20 ta' Diċembru 2000 dwar programm pluriennali għall-impriża u l-intraprenditorija, u partikolarment għal impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) (2001-2005) (ĠU L 333, 29.12.2000, p. 84).

Il-Faċilità għall-SMEs Innovattivi u b'Rata Għolja ta' Tkabbir tal-Programm Kompetittività u Innovazzjoni (CIP GIF): id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15).

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE): ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129) kif emendat mir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).

Il-Faċilità ta' Ekwità għat-Tkabbir tal-Programm COSME (COSME EFG): ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi żgħar u medji (COSME), (2014 - 2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 33)

InnovFin Ekwità:

ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104);

ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'"Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)" u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965)

It-Tieqa tal-EaSI għall-Investmenti ta' Bini ta' Kapaċità: ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238)

B.   

Strumenti ta' garanzija:

Il-Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs '98 (SMEG98): id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/347/KE tad-19 ta' Mejju 1998 dwar miżuri ta' assistenza finanzjarja għal impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) innovattivi u li joħolqu l-impjiegi - l-inizjattiva tkabbir u impjiegi (ĠU L 155, 29.5.1998, p. 43).

Il-Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs '01 (SMEG01): id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/819/EC tal-20 ta' Diċembru 2000 dwar programm pluriennali għall-impriża u l-intraprenditorija, u partikolarment għal impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) (2001-2005) (ĠU L 333, 29.12.2000, p. 84).

Il-Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs tal-Programm Kompetittività u Innovazzjoni '07): id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15).

Il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress – Garanzija (EPMF-G): id-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2010 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 87, 7.4.2010, p. 1).

Strument għall-Kondiviżjoni tar-Riskji tal-Faċilità Finanzjarja (RSI):

id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) Dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1);

id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/971/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku Kooperazzjoni li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea dwar ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 86)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/974/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku: Kapaċitajiet li jimplimentaw s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 299).

Strument ta' Garanzija tal-EaSI: ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238).

Il-Faċilità ta' Garanzija ta' Self tal-Programm COSME (COSME LGF): Ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi żgħar u medji (COSME), (2014 - 2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 33).

InnovFin Dejn:

ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'"Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)" u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81)

ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965)

Il-Faċilità ta' Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi (CCS GF): ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE and Nru 1041/2009/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221).

Il-Faċilità ta' Garanzija ta' Self lill-Istudenti (SLGF): ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi 'Erasmus+': il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika (PF4EE): ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-istabbiliment ta' Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 185).

C.   

Strumenti tal-kondiviżjoni tar-riskju:

Il-Faċilità Finanzjarja bil-Qsim tar-Riskju (FFQR): id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) Dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1);

InnovFin:

ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104)

ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'"Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)" u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81)

Strument ta' Dejn tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF DI): ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129)

Il-Faċilità ta' Finanzjament tal-Kapital Naturali (NCFF): Ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-istabbiliment ta' Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 185).

D.   

Strumenti ta' investiment iddedikati:

Il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress – Fonds commun de placements – fonds d'investissements spécialisés (EPMF FCP-FIS): id-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2010 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 87, 7.4.2010, p. 1).

Marguerite:

ir-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-networks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija (ĠU L 162, 22.6.2007, p. 1).

id-Deċiżjoni tal-Kunsill C(2010)0941 tal-25 ta' Frar 2010 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Fond Ewropew tal-2020 għall-Enerġija, it-Tibdil fil-Klima u l-Infrastruttura (il-Fond Marguerite)

Il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEEF): ir-Regolament (UE) Nru 1233/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 663/2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija (ĠU L 346, 30.12.2010, p. 5).


ANNESS V

FALLIMENTI TAS-SUQ, SITWAZZJONIJIET TA' INVESTIMENT SUBOTTIMALI, ADDIZZJONALITÀ U ATTIVITAJIET ESKLUŻI

A.   

Fallimenti tas-suq, sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali u addizzjonalità

B'konformità mal-Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju, il-garanzija tal-UE għandha tindirizza l-fallimenti tas-suq jew is-sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali (punt (a) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju) u tikseb addizzjonalità billi tipprevjeni s-sostituzzjoni tal-appoġġ u tal-investiment potenzjali minn sorsi pubbliċi jew privati oħra (punt (b) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju).

Bil-għan li jkun hemm konformità mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju, l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment li jibbenefikaw mill-garanzija tal-UE għandhom jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti li ġejjin li huma stabbiliti fil-punti 1 u 2:

1.

Fallimenti tas-suq u sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali

Bil-għan li jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq jew is-sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali kif imsemmi fl-Artikolu 209(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju, l-investimenti fil-mira tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment għandhom jinkludu waħda minn dawn il-karatteristiċi:

(a)

Ikollhom in-natura ta' ben pubbliku li għalih l-operatur jew il-kumpanija ma jistgħux jiksbu biżżejjed vantaġġi finanzjarji (bħall-edukazzjoni u l-ħiliet, il-kura tas-saħħa u l-aċċessibbiltà, is-sigurtà u d-difiża, u l-infrastrutturi disponibbli bl-ebda kost jew b'kost negliġibbli).

(b)

Esternalitajiet li l-operatur jew il-kumpanija ġeneralment jonqsu milli jinternalizzaw bħall-investiment fir-R&Ż, l-effiċjenza enerġetika, il-protezzjoni klimatika jew il-ħarsien tal-ambjent;

(c)

Asimmetriji fl-informazzjoni, b'mod partikolari fil-każ tal-SMEs u tal-kumpaniji ż-żgħar b'kapitalizzazzjoni medja, inklużi livelli tar-riskju ogħla relatati ma' ditti fi stadju bikri, ditti prinċipalment b'assi intanġibbli jew b'kollateral insuffiċjenti, jew ditti li jikkonċentraw fuq attivitajiet b'riskju ogħla;

(d)

Proġetti infrastrutturali transfruntiera u s-servizzi relatati jew fondi li jinvestu fuq bażi transfruntiera ħalli jindirizzaw il-frammentazzjoni u jżidu l-koordinament fi ħdan is-suq intern tal-UE;

(e)

Esponiment għal livelli ogħla ta' riskji f'ċerti setturi, pajjiżi jew reġjuni lil hinn mil-livelli li l-atturi finanzjarji privati huma kapaċi jew lesti li jaċċettaw, inkluż fejn l-investiment ma kienx isir jew ma kienx isir bl-istess mod minħabba n-novità tiegħu jew minħabba riskji assoċjati mal-innovazzjoni jew teknoloġija mhux ippruvata.

(f)

Fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali ġodda jew kumplessi skont il-punt (a)(iii) tal-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament.

2.

Addizzjonalità

L-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment għandhom jissodisfaw iż-żewġ aspetti tal-addizzjonalità kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju. Dak ifisser li l-operazzjonijiet ma kinux isiru jew ma kinux isiru fl-istess kobor min-naħa tas-sorsi pubbliċi jew privati mingħajr appoġġ mill-Fond InvestEU. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, dawk l-operazzjonijiet għandhom jinftiehmu bħala operazzjonijiet ta' finanzjament jew ta' investiment li jkollhom jissodisfaw dawn iż-żewġ kriterji li ġejjin:

(1)

biex jitqies addizzjonali għas-sorsi privati msemmija fl-Artikolu 209(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju, il-Fond InvestEU għandu jappoġġa l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni billi jimmira għall-investimenti li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom (konsiderazzjonijiet ta' natura ta' beni pubbliku, esternalitajiet, asimmetriji fl-informazzjoni, koeżjoni soċjoekonomika jew ta' tip ieħor), ma jistgħux jiġġeneraw biżżejjed redditu finanzjarju fil-livell tas-suq jew jinħassu riskjużi wisq (meta mqabbla mal-livelli ta' riskju li l-entitajiet privati rilevanti jkunu lesti li jaċċettaw). Minħabba dawn il-karatteristiċi, tali operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment ma jistgħux jaċċedu għall-finanzjament mis-suq f'kundizzjonijiet raġonevoli f'termini ta' prezzijiet, rekwiżiti ta' kollateral, it-tip ta' finanzjament, il-maturità tal-finanzjament mogħti jew kundizzjonijiet oħra, u ma kinux isiru fl-Unjoni jew ma kinux isiru fl-istess kobor mingħajr l-appoġġ pubbliku;

(2)

biex jitqies addizzjonali għall-appoġġ eżistenti min-naħa ta' sorsi pubbliċi oħrajn imsemmija fl-Artikolu 209(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju, il-Fond InvestEU għandu jappoġġa biss l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment li għalihom japplikaw dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment kieku ma kinux isiru jew ma kinux isiru fl-istess kobor min-naħa tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni mingħajr l-appoġġ tal-Fond InvestEU; kif ukoll

(b)

l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment ma kinux isiru jew ma kinux isiru fl-istess kobor fl-Unjoni bi strumenti pubbliċi oħra eżisteni, bħall-istrumenti finanzjarji ta' ġestjoni kondiviża li joperaw fil-livell reġjonali jew nazzjonali, għalkemm l-użu komplementari tal-Fond InvestEU u ta' sorsi pubbliċi oħra jrid ikun possibbli, b'mod partikolari fejn jista' jinkiseb valur miżjud tal-Unjoni u fejn jista' jiġi ottimizzat l-użu ta' sorsi pubbliċi biex jintlaħqu l-objettivi ta' politiki b'mod effiċjenti.

Bil-għan li jintwera li l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment li jibbenefikaw mill-garanzija tal-UE huma addizzjonali għall-appoġġ mis-suq eżistenti u għall-appoġġ pubbliku ieħor eżistenti, is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom ifornu informazzjoni li turi l-preżenza ta’ mill-inqas waħda mill-karatteristiċi li ġejjin:

(a)

appoġġ li jingħata permezz ta' pożizzjonijiet subordinati fir-rigward ta' selliefa pubbliċi jew privati oħrajn jew fi ħdan l-istruttura ta' finanzjament;

(b)

appoġġ li jingħata permezz ta' ekwità jew kważi ekwità jew permezz ta' dejn b'rekwiżiti ta' perjodi ta' maturità twal, prezzijiet, kollateral jew kundizzjonijiet oħra li mhumiex disponibbli biżżejjed fis-suq jew minn sorsi pubbliċi oħra;

(c)

appoġġ li jingħata għall-operazzjonijiet li jippreżentaw profil ta' riskju ogħla meta mqabbla mar-riskju ġeneralment aċċettat mill-attivitajiet standard tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jew l-appoġġ li jingħata lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni biex jeċċedu l-kapaċità tagħhom stess biex jappoġġaw tali operazzjonijiet;

(d)

parteċipazzjoni f'mekkaniżmi ta' kondiviżjoni tar-riskju li jimmiraw oqsma ta' politika li jesponu lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni għal livelli ta' riskju ogħla meta mqabbla mal-livelli ġeneralment aċċettati mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jew li l-atturi finanzjarji privati jistgħu jew huma lesti li jaċċettaw;

(e)

appoġġ li jikkatalizza jew jattira finanzjamenti privati jew pubbliċi addizzjonali u li huwa komplementari ma' sorsi privati u kummerċjali oħrajn, partikolarment minn klassijiet ta' investituri jew investituri istituzzjonali tradizzjonalment avversi għar-riskju, bħala r-riżultati tal-effett ta' senjalizzazzjoni tal-appoġġ mill-Fond InvestEU;

(f)

appoġġ li jingħata permezz ta' prodotti finanzjarji mhux disponibbli jew mhux offruti f'livell suffiċjenti fil-pajjiżi jew fir-reġjuni fil-mira minħabba swieq neqsin, sottożviluppati jew inkompluti.

Fil-każ ta' operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment b'intermedjazzjoni, b’mod partikolari għall-appoġġ tal-SMEs, l-addizzjonalità għandha tkun ivverifikata fil-livell tal-intermedjarju, pjuttost milli fil-livell tad-destinatarju finali. L-addizzjonalità għandha titqies li teżisti meta l-Fond InvestEU jappoġġa lill-intermedjarju finanzjarju biex joħloq portafoll ġdid b'livell ta' riskju ogħla jew iżid il-volum ta' attivitajiet li diġà jippreżentaw riskju għoli, meta mqabbla mal-livelli ta' riskju li l-atturi finanzjarji privati u pubbliċi attwalment jistgħu jew huma lesti li jaċċettaw fil-pajjiżi jew fir-reġjuni fil-mira.

Il-garanzija tal-UE ma għandhiex tingħata għall-appoġġ ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament (pereżempju sostituzzjoni ta' ftehimiet ta' self eżistenti jew forom oħra ta' appoġġ finanzjarju għal proġetti li diġà ġew parzjalment jew totalment materjalizzati), għajr f'ċirkostanzi eċċezzjonali speċifiċi u ġustifikati b'mod adegwat li fihom jintwera li l-operazzjoni fl-ambitu tal-garanzija tal-UE se tippermetti li jsir investiment ġdid f'qasam eliġibbli għall-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment fl-ambitu tal-Anness II ta' ammont, addizzjonali għall-volum abitwali ta' attività min-naħa tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jew mill-intermedjarju finanzjarju, tal-inqas ekwivalenti għall-ammont tal-operazzjoni li jissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti f'dan ir-Regolament. Dawn l-operazzjonijiet għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima A ta' dan l-Anness rigward il-falliment tas-suq, is-sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali u l-addizzjonalità.

B.   

Attivitajiet esklużi

Il-Fond InvestEU ma għandux jappoġġa:

(1)

attivitajiet li jillimitaw id-drittijiet u l-libertà individwali tal-persuni jew jiksru d-drittijiet tal-bniedem;

(2)

fil-qasam tal-attivitajiet tad-difiża, l-użu, l-iżvilupp jew il-produzzjoni ta' prodotti u teknoloġiji li huma pprojbiti mid-dritt internazzjonali applikabbli

(3)

prodotti u attivitajiet relatati mat-tabakk (produzzjoni, distribuzzjoni, ipproċessar u kummerċ);

(4)

attivitajiet esklużi mill-finanzjament skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Orizzont Ewropa: riċerka dwar il-klonazzjoni tal-bnedmin għal skopijiet riproduttivi; attivitajiet maħsuba biex jimmodifikaw il-wirt ġenetiku tal-bnedmin, li jistgħu jwasslu biex tibdiliet bħal dawn isiru ereditarji; u attivitajiet intenzjonati li joħolqu embrijuni umani għall-iskop ta' riċerka jew għall-iskop ta' akkwist taċ-ċelloli staminali biss, inkluż b'mezzi ta' trasferiment tan-nuklei taċ-ċelloli somatiċi.

(5)

logħob tal-azzard (attivitajiet relatati ma’ produzzjoni, kostruzzjoni, distribuzzjoni, ipproċessar, kummerċ jew software);

(6)

kummerċ tas-sess u infrastrutturi, servizzi u midja relatati.

(7)

attivitajiet li jinvolvu annimali ħajjin għal sperimentazzjoni u għal skopijiet xjentifiċi dment li ma tkunx tista' tiġi garantita l-konformità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tal-Annimali Vertebrati Użati għal Sperimentazzjoni u għal Skopijiet Xjentifiċi Oħra (1)

(8)

attività ta' żvilupp ta' proprjetajiet immobbli, bħal attività bl-iskop waħdieni li tirrinnova u tikri mill-ġdid jew terġa' tbiegħ binjiet eżistenti kif ukoll proġetti immobiljari ġodda; madankollu, attivitajiet fis-settur immobiljari li huma relatati mal-objettivi speċifiċi tal-Programm InvestEU kif speċifikati fl-Artikolu 3(2) u mal-oqsma eliġibbli għall-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment fl-ambitu tal-Anness II, bħall-investimenti fil-proġetti ta' effiċjenza enerġetika jew fl-akkomodazzjoni soċjali, għandhom ikunu eliġibbli

(9)

attivitajiet finanzjarji bħax-xiri jew il-kummerċ fl-istrumenti finanzjarji. B'mod partikolari, għandhom ikunu esklużi l-interventi li jimmiraw lejn l-akkwiżizzjoni (buy-out) maħsuba għal "asset stripping" jew lejn kapital ta' sostituzzjoni maħsub għal "asset stripping";

(10)

attivitajiet ipprojbiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli

(11)

id-dekummissjonar, it-tħaddim, l-adattament jew il-kostruzzjoni ta' impjanti tal-enerġija nukleari

(12)

investimenti relatati mal-attivitajiet tal-minjieri jew tal-estrazzjoni, proċessar, distribuzzjoni, ħżin jew kombustjoni ta' fjuwils fossili solidi u żejt, kif ukoll investimenti relatati mal-estrazzjoni tal-gass. Din l-esklużjoni ma tapplikax għal:

(a)

proġetti li fir-rigward tagħhom ma jkunx hemm teknoloġija alternattiva vijabbli;

(b)

proġetti relatati mal-prevenzjoni u mal-kontroll tat-tniġġis;

(c)

proġetti mgħammra b'installazzjonijiet għall-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju jew għall-qbid u l-użu tad-diossidu tal-karbonju; proġetti industrijali jew ta' riċerka li jwasslu għal tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra meta mqabbla mal-parametri referenzjarji tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet

(13)

investimenti fil-faċilitajiet għar-rimi tal-iskart f'landfill. Din l-esklużjoni ma tapplikax għall-investimenti fis-segwenti:

(a)

faċilitajiet ta' landfill li jkunu fis-sit, u jkunu element anċillari, ta' proġett ta' investiment industrijali jew tal-minjieri u fil-każ li ntwera li l-użu ta' landfill huwa l-unika għażla fattibbli għat-trattament tal-iskart industrijali jew tal-minjieri prodott mill-attività kkonċernata stess;

(b)

faċilitajiet ta' landfill eżistenti biex ikun żgurat l-użu ta' gass tal-landfill u jkun promoss l-irkupru mil-landfills (landfill mining) u l-ipproċessar mill-ġdid tal-iskart;

(14)

investimenti fl-impjanti ta' trattament mekkaniku u bijoloġiku (TMB). Din l-esklużjoni ma tapplikax għall-investimenti maħsuba biex fl-impjanti TMB jiġu installati a posteriori sistemi għal skopijiet ta' rkupru enerġetiku jew għal operazzjonijiet ta' riċiklaġġ ta' skart isseparat bħal kompostjar u diġestjoni anaerobika

(15)

investimenti f'inċineraturi għat-trattament tal-iskart. Din l-esklużjoni ma tapplikax għall-investimenti fis-segwenti:

(a)

impjanti ddedikati esklużivament għat-trattament ta' skart perikoluż mhux riċiklabbli;

(b)

impjanti eżistenti, fejn l-investiment ikun għal skop ta' żieda fl-effiċjenza enerġetika, ġbir tal-gassijiet tal-egżost għall-ħżin jew użu jew irkupru ta' materjali mill-irmied tal-inċinerazzjoni dment li tali investimenti ma jirriżultawx f'żieda tal-kapaċità ta' pproċessar ta' skart tal-impjant.

Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jibqgħu responsabbli biex jiżguraw il-konformità tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment mal-kriterji ta' esklużjoni stabbiliti f'dan l-Anness fil-mument tal-iffirmar tal-ftehim rilevanti, biex jissorveljaw tali konformità matul l-implimentazzjoni tal-proġett u biex jieħdu azzjonijiet korrettivi xierqa jekk ikun il-każ.


(1)   ĠU L 222, 24.8.1999, p. 31.


Top