Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2171

Regolament (UE) 2020/2171 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jemenda l-Anness IIa għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 fir-rigward tal-għoti ta’ Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ ċerti oġġetti b’użu doppju mill-Unjoni lejn ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

ĠU L 432, 21.12.2020, pp. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 08/09/2021; Imħassar b' 32021R0821

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2171/oj

21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 432/4


REGOLAMENT (UE) 2020/2171 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2020

li jemenda l-Anness IIa għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 fir-rigward tal-għoti ta’ Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ ċerti oġġetti b’użu doppju mill-Unjoni lejn ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Marzu 2017 ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità ma’ dak l-Artikolu, il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2) (‘il-Ftehim dwar il-Ħruġ’) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (3).

(2)

Skont it-termini tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ir-Renju Unit ilu mill-31 ta’ Jannar 2020 mhux Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, u l-liġi primarja u sekondarja tal-Unjoni mhux se tibqa’ tapplika għar-Renju Unit u fih, meta l-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fil-Ftehim dwar il-Ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 (4) jistabbilixxi reġim komuni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju sabiex jippromwovi s-sigurtà tal-Unjoni u dik internazzjonali u biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi għall-esportaturi tal-Unjoni.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 428/2009 jipprevedi Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni li jiffaċilitaw il-kontrolli fuq l-esportazzjonijiet b’riskju baxx ta’ oġġetti b’użu doppju lejn ċerti pajjiżi terzi. Bħalissa l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, New Zealand, in-Norveġja, l-Iżvizzera, inkluż il-Liechtenstein, u l-Istati Uniti tal-Amerika huma koperti mill-Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni Nru. EU001.

(5)

Ir-Renju Unit huwa parti fit-trattati internazzjonali rilevanti u membru tar-reġimi internazzjonali dwar in-nonproliferazzjoni, u huwa għalkollox konformi mal-obbligi u l-impenji relatati

(6)

Ir-Renju Unit japplika kontrolli proporzjonali u adegwati li jindirizzaw b’effikaċità l-kunsiderazzjonijiet dwar l-użu finali intenzjonat u r-riskju ta’ devjazzjoni b’mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet u l-objettivi tar-Regolament (KE) Nru 428/2009.

(7)

L-inklużjoni tar-Renju Unit mal-lista ta’ pajjiżi fl-Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni Nru EU001, ma għandhiex ikollha impatt negattiv fuq is-sigurtà tal-Unjoni jew fuq is-sigurtà internazzjonali.

(8)

Meta jitqies li r-Renju Unit huwa destinazzjoni importanti għal oġġetti b’użu doppju prodotti fl-Unjoni, huwa xieraq li r-Renju Unit jiżdied mal-lista ta’ destinazzjonijiet koperti mill-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni Nru EU001 sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi u konsistenti tal-kontrolli madwar l-Unjoni kollha kemm hi, għall-provediment ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-esportaturi tal-Unjoni u biex jiġi evitat piż amministrattiv żejjed, filwaqt li jiġu protetti s-sigurtà tal-Unjoni u dik internazzjonali.

(9)

Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa meħtieġ u xieraq biex jintlaħqu l-għanijiet bażiċi tal-evitar tat-tfixkil tal-kummerċ sproporzjonat u tal-piż amministrattiv eċċessiv għall-esportazzjonijiet tal-Unjoni ta’ oġġetti b’użu doppju lejn ir-Renju Unit, li jiġu stabbiliti regoli dwar l-inklużjoni tar-Renju Unit fl-Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni Nru EU001. Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet maħsuba, skont l-Artikolu 5(4) TUE.

(10)

Minħabba l-urġenza taċ-ċirkustanzi li jirriżultaw mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, jitqies li huwa xieraq li ssir eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

(11)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sabiex jiġi żgurat li r-Renju Unit ikun inkluż fl-Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni Nru EU001 mingħajr dewmien,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IIa għar-Regolament (KE) Nru 428/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-titolu, il-kliem “Esportazzjonijiet lejn l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, New Zealand, in-Norveġja, l-Iżvizzera, inkluż il-Liechtenstein, u l-Istati Uniti tal-Amerika” jinbidel b’dan li ġej:

“Esportazzjonijiet lejn l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, New Zealand, in-Norveġja, l-Iżvizzera, inkluż il-Liechtenstein, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tal-Amerika”;

(2)

fil-Parti 2, l-inċiż li ġej jiddaħħal wara s-sitt inċiż:

“—

Ir-Renju Unit (mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, f’konformità mal-punt 47 tal-Anness 2 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (il-“Protokoll”) anness mal- Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (*1), li jelenka d-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 5(4) tal-Protokoll)

(*1)  Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7).”."

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Novembru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2020.

(2)  Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill- Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).


Top