Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1812

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1812 tal-1 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi regoli dwar l-iskambju tad-data online u n-notifika tal-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE skont ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2020/8319

ĠU L 404, 2.12.2020, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1812/oj

2.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 404/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1812

tal-1 ta’ Diċembru 2020

li jistabbilixxi regoli dwar l-iskambju tad-data online u n-notifika tal-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE skont ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(4) u l-Artikolu 27(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) 2018/858 jeżiġi li l-Istati Membri jużaw sistema komuni sigura ta’ skambju elettroniku biex mill-1 ta’ Settembru 2022 jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku lista tal-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE għal vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati li jkunu taw, emendaw, irrifjutaw jew irtiraw, kif ukoll lista tas-servizzi tekniċi li wettqu t-testijiet għall-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE rispettivi.

(2)

L-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2018/858 jeżiġi li l-awtoritajiet tal-approvazzjoni jużaw dik l-istess sistema biex jagħmlu ċerti dokumenti li jappartjenu għall-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE disponibbli għall-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħra, għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u għall-Kummissjoni, u jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bir-rifjut jew l-irtirar ta’ kull approvazzjoni tat-tip tal-UE, inkluż ir-raġunijiet għal dan.

(3)

Is-Sistema Ewropea ta’ Skambju tal-Approvazzjoni tat-Tip (“ETAES”) hi applikazzjoni ta’ software aċċessibbli bl-Internet u żviluppata mill-Istati Membri biex tassisti lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE fl-implimentazzjoni prattika tar-rekwiżiti għall-iskambju ta’ informazzjoni stabbiliti fl-atti tal-Unjoni billi tipprovdi mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni ċentralizzat li jiffaċilita l-iskambju transfruntier ta’ kopja taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE flimkien mal-hemżiet. Taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti ġiet stabbilita sistema simili, is-sistema tal-Bażi tad-Data għall-Iskambju ta’ Dokumentazzjoni u Informazzjoni dwar l-Approvazzjoni tat-Tip. Għalhekk jixraq li l-ETAES tkun deżinjata bħala s-sistema komuni sigura ta’ skambju elettroniku msemmija fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament (UE) 2018/858.

(4)

Biex tiġi ppreservata d-data kunfidenzjali, jenħtieġ jiġu stabbiliti rekwiżiti dwar l-aċċess għall-ETAES u l-użu ta’ protokolli siguri għall-iskambju tad-data.

(5)

Biex l-ETAES issir bażi tad-data online li jista’ jsir tiftix fiha, jenħtieġ jiġu stabbiliti rekwiżiti dwar l-applowdjar tad-dokumenti tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE msemmija fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2018/858.

(6)

Biex jiġu stabbiliti aħjar id-drittijiet differenti tal-aċċess għall-ETAES, l-awtoritajiet tal-approvazzjoni jenħtieġ itellgħu d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2018/858 fl-ETAES b’mod separat abbażi tan-natura tagħhom u, meta rilevanti, tal-istatus tagħhom.

(7)

Meta jitqies li l-ETAES, fil-verżjoni attwali tagħha, hi għodda tal-komunikazzjoni għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri li mhix miftuħa għall-pubbliku, jeħtieġ jiġu armonizzati l-format u l-kontenut tal-listi msemmija fl-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) 2018/858 biex ikun żgurat li l-informazzjoni rilevanti ssir aċċessibbli għall-pubbliku.

(8)

Is-setgħat stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(4) u fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament (UE) 2018/858 jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-użu tas-sistema komuni sigura ta’ skambju elettroniku tal-informazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-UE għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u għal sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawn il-vetturi. Dawk is-setgħat huma marbuta mill-qrib mis-suġġett tagħhom, u għalhekk jenħtieġ jiġu raggruppati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Tekniku – Vetturi bil-Mutur (TCMV),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Sistema komuni sigura ta’ skambju elettroniku

Is-Sistema Ewropea ta’ Skambju tal-Approvazzjoni tat-Tip (“ETAES”) għandha tkun is-sistema komuni sigura ta’ skambju elettroniku msemmija fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament (UE) 2018/858.

Artikolu 2

Miżuri tas-sigurtà

Il-miżuri tas-sigurtà li ġejjin għandhom jiġu osservati fl-ETAES biex ikun evitat aċċess mhux awtorizzat:

(a)

kriptaġġ tal-komunikazzjoni bejn il-klijent tal-ETAES u s-server tal-ETAES, bl-użu ta’ protokoll https b’ċertifikat ta’ Secure Sockets Layer (SSL);

(b)

sigurtà tal-web li tipprevjeni li l-attakkanti jinjettaw scripts tan-naħa tal-klijent fil-paġna/i web u li jużaw saffi multipli biex iqarrqu b’utent u jġagħluh jagħfas buttuna jew link għal paġna web oħra;

(c)

sistema mirquma ta’ kontroll tal-aċċess li tagħmilha possibbli li jingħataw aċċessi b’permessi ta’ qari jew kitba lil partijiet awtorizzati.

Artikolu 3

Proċedura għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip

1.   Meta tinforma lill-awtoritajiet dwar l-għoti tal-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE, dwar emendi, rifjuti u rtirar tagħhom skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2018/858, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha tipprovdi entrata fl-ETAES għal mill-inqas l-attributi li ġejjin:

(a)

in-numru distintiv tal-Istat Membru, skont il-punt 2.1 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/683 (2), li ħareġ iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE;

(b)

in-numru taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE (3);

(c)

id-data tal-approvazzjoni taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE;

(d)

l-isem tas-servizz tekniku responsabbli għat-twettiq tat-testijiet, meta applikabbli (4);

(e)

isem il-manifattur;

(f)

it-tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata kif speċifikat mill-manifattur fiċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE;

(g)

il-kategorija tal-vettura skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/858, meta applikabbli;

(h)

ir-Regolament li japplika għall-vettura sħiħa, għas-sistema, għall-unità teknika separata jew għall-komponent approvat tat-tip tal-UE;

(i)

l-istatus tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE “mogħtija”, “emendata”, “rifjutata” jew “irtirata”;

(j)

ir-referenza tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għal vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha ttella’ wkoll id-dokumenti li ġejjin b’mod separat fl-ETAES, b’format li jippermetti t-tiftix elettroniku:

(a)

kopja taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, bl-indikazzjoni “CERT” segwita bin-numru taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE (5) (6);

(b)

l-elementi tal-informazzjoni li jridu jinhemżu maċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE msemmi fil-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2018/858, bl-indikazzjoni “IF” segwita bin-numru taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE (7);

(c)

ir-rapport tal-ittestjar u/jew il-folja bir-riżultati tal-ittestjar imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2018/858, bl-indikazzjoni “TR” segwita bin-numru taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE (8);

(d)

kwalunkwe dokument għajr dawk imsemmija fil-punti (a), (b) u (c), bl-indikazzjoni “OTHER” segwita bin-numru taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE (9).

3.   Meta jkun meħtieġ li jiġu inklużi diversi dokumenti għall-applowdjar imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, numru sekwenzjali addizzjonali, li jibda mill-1, għandu jsegwi l-indikazzjonijiet stabbiliti fil-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu (10).

4.   Jekk id-dokumenti jiġu emendati b’reviżjoni, kif previst fl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2018/858, l-indikazzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (c) u (d) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu segwiti bl-indikazzjoni Rev. u b’numru sekwenzjali ta’ żewġ ċifri li jibda miż-01 (11).

Artikolu 4

Lista ta’ approvazzjonijiet tat-tip tal-UE

1.   Meta l-Istati Membri jagħmlu l-listi tal-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE u tas-servizzi tekniċi msemmija fl-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) 2018/858 aċċessibbli għall-pubbliku bl-użu tal-ETAES, dawn għandhom jagħmlu dan b’format standardizzat li jippermetti t-tiftix. L-Istati Membri għandhom iżommu dawk il-listi aġġornati.

2.   L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża fil-lista/i msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

in-numru distintiv tal-Istat Membru, skont il-punt 2.1 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/683, li ħareġ iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE;

(b)

in-numru taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE;

(c)

l-istatus tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE “mogħtija”, “emendata”, “rifjutata” jew “irtirata”;

(d)

l-isem tas-servizz tekniku responsabbli għat-twettiq tat-testijiet, meta applikabbli;

(e)

id-data tal-approvazzjoni taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE.

3.   Fuq is-sit web tal-Kummissjoni tista’ tiġi ppubblikata lista ta’ approvazzjonijiet tat-tip tal-UE u servizzi tekniċi msemmija fl-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) 2018/858.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/683 tal-15 ta’ April 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti amministrattivi għall-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi (ĠU L 163, 26.5.2020, p. 1).

(3)  Jekk l-approvazzjoni tat-tip tal-UE tkun ġiet rifjutata u l-awtorità tal-approvazzjoni ma tkunx riżervat numru taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha tuża t-tab “NEWS” fl-ETAES biex tinforma lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħra bir-rifjut tagħha.

(4)  L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tniżżel “mhux applikabbli” fil-każ ta’ approvazzjoni tat-tip gradata, meta l-awtorità tal-approvazzjoni tkun kisbet is-sett sħiħ taċ-ċertifikati tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE jew taċ-ċertifikati tal-approvazzjoni tat-tip tan-NU, u dik l-awtorità teditja ċ-ċertifikat finali tal-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura sħiħa.

(5)  Eżempju: “CERT e1*2018/858*00001*00”.

(6)  Jekk l-approvazzjoni tat-tip tal-UE tkun ġiet rifjutata u l-awtorità tal-approvazzjoni ma tkunx riżervat numru taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha tuża t-tab “NEWS” fl-ETAES biex tinforma lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħra bir-rifjut tagħha.

(7)  Eżempju: “IF e4*2018/858*00004*02”.

(8)  Eżempju: “TR e24*2018/858*00001*00”.

(9)  Eżempju: “OTHER e1*2018/858*00001*00”.

(10)  Eżempju: “IF1 e9*2018/858*00001*00”, “IF2 e9*2018/858*00001*00”, eċċ.

(11)  Eżempju: “CERT e5*2018/858*00001*00 Rev.01”.


Top