Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0600

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/600 tat-30 ta’ April 2020 li jidderoga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 fir-rigward ta’ ċerti miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19

C/2020/2881

ĠU L 140, 4.5.2020, p. 40–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 16/10/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/600/oj

4.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/40


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/600

tat-30 ta’ April 2020

li jidderoga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 fir-rigward ta’ ċerti miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25, l-Artikolu 31, l-Artikolu 38, l-Artikolu 54 u l-Artikolu 57 tagħhom,

Billi:

(1)

Minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment li rriżultaw minnha, il-bdiewa, il-produtturi tal-inbid, il-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa u dawk li jrabbu n-naħal fl-Istati Membri kollha ltaqgħu ma’ diffikultajiet eċċezzjonali. Il-problemi loġistiċi u n-nuqqas ta’ ħaddiema għamluhom vulnerabbli għat-tfixkil ekonomiku li kkawżat il-pandemija. B’mod partikolari, qed jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ likwidità. Fid-dawl tan-natura bla preċedent ta’ dawk iċ-ċirkostanzi kkombinati, jeħtieġ li jittaffew dawk id-diffikultajiet billi tingħata deroga minn ċertu dispożizzjonijiet ta’ Regolamenti ta’ Implimentazzjoni differenti applikabbli fil-qasam tal-politika agrikola komuni.

(2)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 (2), l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jridu jressqu applikazzjoni għall-għajnuna, jew għall-bilanċ tagħha, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għal kull programm operattiv li għalih tintalab l-għajnuna sal-15 ta’ Frar tas-sena ta’ wara s-sena li għaliha tintalab l-għajnuna. Skont l-Artikolu 9(3) ta’ dak ir-Regolament, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jkopru n-nefqa pprogrammata iżda mhux imġarrba jekk ikun hemm provi rigward ċertu elementi. Dawk l-elementi jinkludu li l-operazzjonijiet ikkonċernati jaf ma jitwettqux sal-31 ta’ Diċembru tas-sena tal-implimentazzjoni tal-programm operattiv, minħabba raġunijiet li jmorru lil hinn mill-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata, u li dawk l-operazzjonijiet jistgħu jitwettqu sat-30 ta’ April tas-sena ta’ wara dik li għaliha tintalab l-għajnuna. Fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, jeħtieġ li tingħata deroga mill-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 u jiġi previst li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jridu jitressqu sal-15 ta’ Frar 2021 jistgħu jkopru n-nefqa għall-operazzjonijiet ipprogrammati għall-2020 iżda li ma jkunux twettqu sal-31 ta’ Diċembru 2020 jekk dawk l-operazzjonijiet ikunu jistgħu jitwettqu sal-15 ta’ Awwissu 2021. Għall-istess raġuni, jeħtieġ ukoll li tingħata deroga mill-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 u jiġi previst li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jitressqu sal-15 ta’ Frar 2020 jistgħu jkopru n-nefqa għall-operazzjonijiet ipprogrammati għall-2019 iżda li ma jkunux twettqu sal-31 ta’ Diċembru 2019, jekk dawk l-operazzjonijiet ikunu jistgħu jitwettqu sal-15 ta’ Awwissu 2020.

(3)

Il-miżuri meħuda mill-gvernijiet matul l-aħħar xhur biex jindirizzaw il-kriżi minħabba l-pandemija tal-COVID-19, speċjalment l-għeluq tal-lukandi, tal-bars u tar-ristoranti, il-limitazzjoni taċ-ċirkolazzjoni tal-persuni u tal-oġġetti għal dak li huwa essenzjali, u l-għeluq ta’ ċertu fruntieri fl-Unjoni, qed ikollhom impatt negattiv fuq is-settur tal-inbid tal-Unjoni. Huwa stmat li l-għeluq tal-lukandi, tal-bars u tar-ristoranti jaffettwa direttament 30 % tal-volumi tal-inbid ikkunsmat fl-Unjoni, li jikkorrispondi għal 50 % tal-valur tal-inbid ikkunsmat fl-Unjoni. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ ħaddiema u d-diffikultajiet loġistiċi kkawżati mill-pandemija qed jagħmlu pressjoni fuq il-produtturi tal-inbid u s-settur tal-inbid kollu. Il-produtturi tal-inbid qed iħabbtu wiċċhom ma’ żieda ta’ problemi għall-ħsad li jmiss: prezzijiet baxxi, tnaqqis fil-konsum, u diffikultajiet ta’ trasport u ta’ bejgħ.

(4)

Barra minn hekk, is-suq tal-inbid tal-Unjoni diġà kien soġġett għal kundizzjonijiet aggravanti matul l-2019 u l-ħażniet tal-inbid jinsabu fl-ogħla livell tagħhom mill-2009 ’l hawn. Dan l-iżvilupp huwa primarjament dovut għal kombinament ta’ ħsad rekord fl-2018 u tnaqqis ġenerali fil-konsum tal-inbid fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-impożizzjoni mill-Istati Uniti tal-Amerka, is-suq ewlieni tal-esportazzjoni tal-inbid tal-Unjoni, ta’ tariffi addizzjonali fuq l-importazzjoni fuq l-inbejjed tal-Unjoni kellha impatt fuq l-esportazzjonijiet. Il-pandemija tal-COVID-19 tat daqqa ta’ ħarta oħra lil settur fraġli li ma għadux jista’ jikkummerċjalizza jew jiddistribwixxi l-prodotti tiegħu b’mod effettiv, l-iktar minħabba l-għeluq ta’ swieq maġġuri tal-esportazzjoni u l-miżuri meħuda biex jiġu żgurati konfinament u lockdown xierqa, b’mod partikolari l-interruzzjoni tal-attivitajiet kollha ta’ catering u l-impossibbiltà li jiġu fornuti l-klijenti tas-soltu. Dan kollu qed iwassal għal telf ta’ introjtu għall-atturi kollha tas-settur tal-inbid. L-inċertezza rigward kemm se jdumu japplikaw il-miżuri meħuda biex tiġi indirizzata l-pandemija, u l-impatt tagħhom fuq il-prezzijiet, ix-xejriet tal-konsum u l-introjtu, qed ikomplu jgħakksu s-settur tal-inbid tal-Unjoni.

(5)

Għaldaqstant, f’dan l-isfond, jeħtieġ li jittieħdu miżuri urġenti biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni billi tiġi permessa iktar flessibbiltà fl-implimentazzjoni ta’ ċertu miżuri ta’ appoġġ skont l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 billi tingħata deroga minn diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 (3).

(6)

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 jipprevedi li bidliet fir-rigward tal-programmi ta’ appoġġ applikabbli, kif imsemmi fl-Artikolu 41(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ma għandhomx jitressqu iktar minn darbtejn kull sena finanzjarja. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw malajr il-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom għal raġunijiet relatati mal-kriżi minħabba l-pandemija tal-COVID-19, jixraq li jkun permess li tali bidliet ikunu jistgħu jitressqu iktar minn darbtejn kull sena finanzjarja diment li dawk il-bidliet jitressqu qabel il-15 ta’ Ottubru 2020. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu kapaċi jirreaġixxu malajr għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali relatati mal-kriżi minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u jressqu bidliet fil-programm tagħhom miż-żmien qabel u bil-frekwenza li jitqies li jkun hemm bżonn. Tali flessibbiltà tippermetti lill-Istati Membri jottimizzaw il-miżuri li diġà huma fis-seħħ, iżidu l-għadd ta’ interventi u jagħmlu aġġustamenti iktar sikwit filwaqt li jqisu s-sitwazzjoni tas-suq. Barra minn hekk, tippermetti wkoll lill-Istati Membri li jixtiequ jinkludu miżuri ulterjuri fil-programm nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom, jagħmlu dan immedjatament malli jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, minflok ikollhom jistennew l-iskadenza li jmiss għall-emendi. B’din il-flessibbiltà mtejba, l-operaturi, inkluż l-operaturi l-ġodda, ikollhom iktar opportunitajiet biex iressqu applikazzjonijiet għall-appoġġ. B’hekk is-settur tal-inbid jingħata palata u tiġi żgurata l-flessibbiltà meħtieġa fid-dawl tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-kriżi minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

(7)

Għalhekk, jeħtieġ li tingħata deroga temporanja mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150 biex jiġu permessi bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ kull meta jkun meħtieġ anke b’rabta mal-miżuri msemmija fl-Artikolu 45(1)(a) u fl-Artikoli 46 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Fir-rigward tal-miżuri ta’ promozzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament (UE) 1308/2013, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/133 (4) jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom kull meta jkun meħtieġ.

(8)

Fid-dawl tal-kriżi minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u n-nuqqas ta’ riżorsi umani li rriżulta minnha, huwa materjalment impossibbli li l-produtturi jwettqu l-operazzjonijiet ippjanati b’rabta mal-ħsad bikri. Għalhekk jixraq li jiġu posposti għall-2020 l-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ għall-ħsad bikri kif ukoll l-iskadenza għat-twettiq ta’ tali operazzjonijiet kif stabbilit rispettivament fil-punti (b) u (d) tal-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150. Dan għandu jipprovdi żmien addizzjonali għall-produtturi biex jippjanaw u jsibu l-ħaddiema meħtieġa biex iwettqu tali operazzjonijiet.

(9)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kriżi minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u s-surpluses tal-produzzjoni tal-inbid fuq is-suq li rriżultaw minnha, jidher li ma jagħmilx sens iktar li l-Istati Membri jintalbu jipprovdu ġustifikazzjoni speċifika għall-applikazzjoni tal-ħsad bikri. Għalhekk, jixraq li tingħata deroga mill-punt (c) tal-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150 u li jiġi sospiż temporanjament għall-2020 ir-rekwiżit li l-Istati Membri jistabbilixxu sitwazzjoni tas-suq mistennija li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-ħsad bikri għall-irpiljar tal-bilanċ tas-suq u għall-prevenzjoni tal-kriżi.

(10)

L-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi regoli dwar programmi ta’ ħidma ta’ tliet snin imfassla mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi biex jappoġġaw is-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda. Il-kriżi li għaddejja relatata mal-pandemija COVID-19 tirrappreżenta sfida eċċezzjonali u bla preċedent għall-kapaċità tal-benefiċjarji li jwettqu l-attivitajiet ippjanati matul it-tieni u t-tielet sena ta’ implimentazzjoni tal-programmi ta’ tliet snin biex jappoġġaw lis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda. B’konsegwenza ta’ dan, b’mod eċċezzjonali qed tingħata flessibbiltà lill-benefiċjarji, billi b’ċerti kundizzjonijiet, jiġi permess l-emendar ta’ dawn l-attivitajiet. Għalhekk jeħtieġ li tingħata deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 615/2014 (5) biex tiġi permessa din il-flessibbiltà, li madankollu ma għandu jkollha l-ebda impatt fuq l-iskadenza għall-ħlas tal-finanzjament mill-UE.

(11)

Ir-regoli dwar il-programmi tal-apikultura huma stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368 (6) fir-rigward tal-għajnuna fis-settur. Skont l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, is-sena tal-apikultura hija l-perjodu ta’ 12-il xahar konsekuttivi mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju. Għaldaqstant, is-sena tal-apikultura 2020 hija l-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2019 sal-31 ta’ Lulju 2020. F’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament, kull Stat Membru jrid jinnotifika l-proposta tiegħu għal programm tal-apikultura uniku għat-territorju kollu tiegħu. Skont l-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jemendaw il-miżuri fil-programmi tal-apikultura tagħhom matul is-sena tal-apikultura. Madankollu, jenħtieġ li l-limitu massimu totali tan-nefqa annwali ppjanata ma jinqabiżx. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368 jenħtieġ li jiġi emendat biex jippermetti lill-Istati Membri jwettqu miżuri ppjanati għas-sena tal-apikultura 2020, anki wara l-31 ta’ Lulju 2020. Din l-emenda jenħtieġ li ma jkollha l-ebda impatt fuq il-perjodu ta’ ħlas. F’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-programmi tal-apikultura jridu jiġu żviluppati b’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi fil-qasam tal-apikultura. Qabel ma tintalab xi emenda għall-programmi tal-apikultura, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkonsultaw lill-organizzazzjonijiet ikkonċernati.

(12)

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/39 (7) jistabbilixxi d-definizzjoni ta’ “sena skolastika” għall-finijiet tal-iskema ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (“l-iskema tal-iskejjel”). Il-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, li jinkludu l-għeluq temporanju tal-istabbilimenti edukattivi, fixklu l-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel fis-sena skolastika 2019/2020. Dawk il-miżuri pprevjenew b’mod temporanju d-distribuzzjoni tal-frott, tal-ħxejjex u tal-ħalib fl-istabbilimenti edukattivi u t-twettiq ta’ miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament kif ukoll attivitajiet ta’ pubbliċità, monitoraġġ u evalwazzjoni. Għalhekk jixraq li tiġi prevista deroga mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 li testendi d-durata tas-sena skolastika 2019/2020, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jkomplu jwettqu l-attivitajiet previsti għal dik is-sena skolastika sat-30 ta’ Settembru 2020.

(13)

L-Artikolu 4(3), (4) u (5) u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 jistabbilixxu l-perjodu li jistgħu jkopru l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-provvista u għad-distribuzzjoni tal-prodotti u għall-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament, u l-limitu ta’ żmien għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u għall-ħlas tal-għajnuna fi ħdan l-iskema tal-iskejjel. Fid-dawl tal-estensjoni tad-durata tas-sena skolastika 2019/2020, jenħtieġ li tiġi prevista deroga mill-Artikolu 4(3), (4) u (5) u mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-attivitajiet tal-iskema tal-iskejjel li jsiru wara l-31 ta’ Lulju 2020, sabiex dawn ikunu jistgħu jkopru perjodi ta’ inqas minn ġimagħtejn u sabiex jiġu stabbiliti l-limiti ta’ żmien għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u għall-ħlas tal-għajnuna.

(14)

L-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 jistabbilixxi r-regoli għar-riallokazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni mhux mitluba fost l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-iskema tal-iskejjel u li nnotifikaw ir-rieda tagħhom li jużaw iktar mill-allokazzjoni indikattiva tagħhom. L-ammont tal-allokazzjoni indikattiva li jista’ jiġi riallokat lil Stat Membru ieħor irid ikun ibbażat fuq il-livell ta’ użu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna tal-Unjoni fis-sena skolastika preċedenti minn dak l-Istat Membru. Ir-regoli dwar il-konfinament li ddaħħlu fis-seħħ mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, li jinkludu l-għeluq temporanju tal-istabbilimenti edukattivi, jistgħu jwasslu biex l-għajnuna tal-Unjoni tintuża inqas fis-sena skolastika 2019/2020. Għalhekk jixraq li tiġi prevista deroga mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, sabiex ma jiġix ikkunsidrat il-livell ta’ użu tal-għajnuna tal-Unjoni fis-sena skolastika 2019/2020 għar-riallokazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni mhux mitluba fost l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-iskema tal-iskejjel fis-sena skolastika 2021/2022.

(15)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(16)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

IL-FROTT U L-ĦXEJJEX

Artikolu 1

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892

1.   B’deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 9(3), l-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jitressqu sal-15 ta’ Frar 2020 jistgħu jkopru n-nefqa għall-operazzjonijiet ipprogrammati għall-2019 iżda li ma twettqux sal-31 ta’ Diċembru 2019 jekk dawk l-operazzjonijiet ikunu jistgħu jitwettqu sal-15 ta’Awwissu 2020.

2.   B’deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 9(3), l-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jridu jitressqu sal-15 ta’ Frar 2021 jistgħu jkopru n-nefqa għall-operazzjonijiet ipprogrammati għall-2020 iżda li ma jkunux twettqu sal-31 ta’ Diċembru 2020 jekk dawn l-operazzjonijiet ikunu jistgħu jitwettqu sal-15 ta’ Awwissu 2021.

TITOLU II

L-INBID

Artikolu 2

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150

1.   B’deroga mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu, b’rabta mal-miżuri msemmija fl-Artikoli 45(1)(a) u 46 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, kull meta jkun meħtieġ matul is-sena finanzjarja 2020 iżda mhux iktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2020, bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 41(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

2.   B’deroga mill-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, matul is-sena finanzjarja 2020, l-Istati Membri jistgħu:

(a)

jistabbilixxu l-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ għall-ħsad bikri, kif imsemmi fil-punt (b) ta’ dak l-Artikolu, bejn l-15 ta’ April u t-30 ta’ Ġunju;

(b)

jagħżlu li ma jistabbilixxux sitwazzjoni tas-suq mistennija li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-ħsad bikri, kif imsemmi fil-punt (c) ta’ dak l-Artikolu;

(c)

jistabbilixxu, sat-30 ta’ Ġunju, skadenza f’data wara l-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ għall-ħsad bikri kif previst fil-punt (a) ta’ dan l-Artikolu għat-twettiq tal-operazzjonijiet tal-ħsad bikri f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Din l-iskadenza għandha tiġi stabbilita qabel iż-żmien normali tal-ħsad (l-istadju N Baggiolini, l-istadju 89 BBCH) fi kwalunkwe żona partikolari.

TITOLU III

IŻ-ŻEJT TAŻ-ŻEBBUĠA U Ż-ŻEBBUĠ TAL-MEJDA

Artikolu 3

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014

1.   B’deroga mill-paragrafi 2 u 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, l-awtorità kompetenti tista’ taċċetta emendi għal programm ta’ ħidma diment li:

(a)

il-bidliet proposti jkollhom l-għan li jemendaw u li jiskedaw mill-ġdid wara l-31 ta’ Marzu 2020 l-attivitajiet tat-tieni sena ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma ta’ tliet snin li beda fl-1 ta’ April 2018;

(b)

l-attivitajiet ikkonċernati ma sarux fiż-żmien dovut minħabba l-ostakli li rriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19;

(c)

l-organizzazzjoni benefiċjarja tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2020 għall-ħlas parzjali, kif imsemmi fl-Artikolu 5a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, tal-għajnuna li tikkorrispondi għall-attivitajiet tat-tieni sena ta’ implimentazzjoni li saru qabel l-1 ta’ April 2020;

(d)

il-finanzjament mill-Unjoni tal-attivitajiet ikkonċernati jseħħ fil-qafas tat-tieni sena ta’ implimentazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014.

Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014 ma għandux ikun applikabbli għall-programmi ta’ ħidma emendati skont il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu.

2.   B’deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 6 tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, il-limitu ta’ żmien ta’ xahrejn ma għandux ikun applikabbli għan-notifika ta’ emendi għal programm ta’ ħidma diment li:

(a)

il-bidliet proposti jkunu relatati mal-attivitajiet tat-tielet sena ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma ta’ tliet snin li beda fl-1 ta’ April 2018;

(b)

l-attività ppjanata oriġinarjament ma saritx jew ma tistax issir għalkollox jew parzjalment minħabba l-ostakli li rriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19;

(c)

l-attività kif emendata għandha sseħħ wara l-aċċettazzjoni mill-awtorità kompetenti.

TITOLU IV

IL-PROGRAMMI NAZZJONALI TAL-APIKULTURA

Artikolu 4

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368

B’deroga mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368, l-Istati Membri jistgħu jemendaw il-programmi tal-apikultura tagħhom sabiex il-miżuri ppjanati għas-sena tal-apikultura 2020 ikunu jistgħu jitwettqu wara l-31 ta’ Lulju 2020, iżda mhux iktar tard mill-15 ta’ Settembru 2020. Dawk il-miżuri għandhom jitqiesu li twettqu fir-rigward tas-sena tal-apikoltura 2020.

Tali emendi għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni mill-Istat Membru u għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni qabel ma jiġu implimentati. It-talbiet għal tali emendi u l-approvazzjoni tagħhom għandhom isiru f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament.

TITOLU V

L-ISKEMA TAL-ISKEJJEL

Artikolu 5

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39

1.   B’deroga mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, id-durata tas-sena skolastika 2019/2020 hija estiża sat-30 ta’ Settembru 2020.

2.   B’deroga mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-attivitajiet tas-sena skolastika 2019/2020 li jsiru wara l-31 ta’ Lulju 2020 jistgħu jkopru perjodi ta’ inqas minn ġimagħtejn.

3.   B’deroga mill-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-attivitajiet tas-sena skolastika 2019/2020 li jsiru wara l-31 ta’ Lulju 2020 għandhom jitressqu sat-30 ta’ Settembru 2020. Jekk dan il-limitu ta’ żmien jinqabeż, l-għajnuna ma għandhiex titħallas.

4.   B’deroga mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, l-għajnuna għall-attivitajiet tas-sena skolastika 2019/2020 li jsiru wara l-31 ta’ Lulju 2020 għandhom jitħallsu mill-awtoritajiet kompetenti sal-15 ta’ Ottubru 2020.

5.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, il-kalkolu deskritt f’dak is-subparagrafu ma għandux japplika għall-kalkolu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna tal-Unjoni għas-sena skolastika 2021/2022.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 57).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 tal-15 ta’ April 2016 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 23).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/133 tat-30 ta’ Jannar 2020 għal deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU L 27, 31.1.2020, p. 24).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 615/2014 tas-6 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-programmi ta’ ħidma li jappoġġaw lis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 95).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368 tas-6 ta’ Awwissu 2015 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-għajnuna lis-settur tal-apikultura (ĠU L 211, 8.8.2015, p. 9).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi (ĠU L 5, 10.1.2017, p. 1).


Top