Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0599

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/599 tat-30 ta’ April 2020 li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar l-ippjanar tal-produzzjoni fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

C/2020/2887

ĠU L 140, 4.5.2020, p. 37–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/599/oj

4.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/37


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/599

tat-30 ta’ April 2020

li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar l-ippjanar tal-produzzjoni fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 222 tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi tal-moviment tal-persuni implimentati fl-Istati Membri, is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib għaddej minn tfixkil ekonomiku li qed iwassal għal diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ fluss ta’ flus għall-bdiewa.

(2)

It-tixrid tal-marda u l-miżuri fis-seħħ jillimitaw id-disponibbiltà tal-manodopera, u b’hekk ixekklu speċifikament l-istadji tal-produzzjoni, il-ġbir u l-ipproċessar tal-ħalib. Dan iżid mad-diffikultajiet tas-settur, billi l-industrija tal-ipproċessar jeħtieġ isib soluzzjonijiet alternattivi biex jiġbru l-ħalib nej li jkompli għaddej filwaqt li jaffaċċjaw diffikultajiet fil-fabbriki.

(3)

L-għeluq obbligatorju tal-ħwienet, tas-swieq fil-miftuħ, tar-restoranti u ta’ stabbilimenti oħra tal-ospitalità waqqaf l-operat tal-industrija tal-ospitalità u tal-catering, u ġab miegħu tibdil sinifikanti fix-xejriet tad-domanda għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib. Id-domanda tal-konsumaturi tmexxiet lejn oġġetti tal-ikel essenzjali, bi ħsara għall-prodotti tal-ħalib speċjalizzati. L-industrija tal-ospitalità u tal-catering hija tradizzjonalment responsabbli għall-konsum ta’ bejn xi 10 % u 20 % tal-produzzjoni tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fl-Unjoni, skont il-prodott. B’riżultat ta’ dan, kien hemm tnaqqis fid-domanda għal ċerti prodotti fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib mibjugħa fl-industrija tal-ospitalità u tal-catering. Pereżempju, aktar minn nofs il-produzzjoni tal-ġobon mozzarella tal-Unjoni hija ddestinata għall-industrija tas-servizz tal-ikel. Iż-żieda fil-konsum ta’ ċerti prodotti tal-ħalib fis-settur tal-bejgħ bl-imnut ma għamlitx tajjeb għat-tnaqqis fid-domanda fl-industrija tal-ospitalità u tal-catering.

(4)

Barra minn hekk, ix-xerrejja tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fl-Unjoni u fis-suq dinji qegħdin iħassru kuntratti, u qegħdin idewmu l-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda huma u jistennew aktar tnaqqis fil-prezzijiet. L-esportazzjonijiet tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib ukoll huma milqutin minn sfidi ta’ loġistika, billi l-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 fiċ-Ċina wassal għal konġestjoni sinifikanti fil-portijiet, fiċ-Ċina u lil hinn. Il-perjodu ta’ żieda fit-tħassir totali jew parzjali tat-tbaħħir mistenni jissokta tal-inqas sa Ġunju 2020, u dan se jwassal għall-iskarsezza tal-kontejners, għal żieda sinifikanti fit-tariffi, u għall-posponiment tal-konsenji tal-esportaturi. L-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi tirrappreżenta madwar 15 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni, fil-volum, tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib.

(5)

Minħabba f’hekk, l-ipproċessar tal-ħalib nej qiegħed jiġi żvijat, parzjalment, fi prodotti bl-ingrossa, li jinħażnu faċilment u b’ħajja twila fuq l-ixkaffa, u li jirrikjedu manodopera inqas intensiva, fosthom it-trab tal-ħalib xkumat u l-butir, lil hinn mid-domanda regolari tas-suq. Madankollu, bosta siti tal-manifattura fl-Unjoni ma għandhomx il-kapaċità li jipproċessaw il-ħalib fi prodotti differenti, u qed ikollhom ikomplu jipproduċu prodotti tal-ħalib li għalihom kien hemm tnaqqis drastiku fid-domanda.

(6)

Dan l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda qiegħed iqajjem tfixkil ekonomiku għas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib. Minħabba dak l-iżbilanċ, il-prezzijiet bl-ingrossa għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib ġarrbu tniżżil sinifikanti, speċifikament mill-bidu ta’ Marzu 2020 ’l hawn: 19 % għat-trab tal-ħalib xkumat, u 14 % għall-butir. Il-prezzijiet tat-trab tal-ħalib xkumat u tal-butir kienu l-ewwel li ġarrbu tnaqqis sinifikanti, billi huma l-prodotti li fihom jiġi pproċessat is-surplus tal-ħalib nej meta l-fluss tal-ħalib jaqbeż id-domanda. Abbażi tal-prezzijiet tat-trab tal-ħalib xkumat u tal-butir, huwa stmat li l-prezz bl-ingrossa ekwivalenti għall-ħalib nej niżel b’24 % bejn il-bidu ta’ Frar u l-ewwel ġimgħa ta’ April. It-tnaqqis fil-prezzijiet huwa eċċezzjonali din ir-rebbiegħa minħabba l-emerġenza parallela ta’ bidliet fid-domanda marbutin mal-miżuri ta’ restrizzjoni fil-moviment u l-quċċata staġonali fil-produzzjoni tal-ħalib. Il-prezzijiet tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib mistennija jkomplu jinżlu hekk kif il-volum tal-produzzjoni tal-ħalib mistenni jiżdied matul ir-rebbiegħa u s-sajf, li fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib huwa l-istaġun tal-akbar produzzjoni.

(7)

Iċ-ċirkustanzi ta’ hawn fuq iwasslu għall-kwalifika ta’ dawn il-ġrajjiet bħala perjodu ta’ żbilanċ sejru fis-suq.

(8)

Bħala għajnuna biex is-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib isib bilanċ f’dan il-perjodu ta’ żbilanċ serju fis-suq, jixraq li jingħata lok għal ftehimiet volontarji u deċiżjonijiet min-naħa tal-bdiewa, ta’ assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, ta’ assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, ta’ assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti. Tali ftehimiet u deċiżjonijiet volontarji jistgħu jinkludu sforz kollettiv tal-operaturi sabiex jippjanaw il-produzzjoni tal-ħalib nej skont il-bidliet fix-xejriet tad-domanda.

(9)

Kull ftehim volontarju jew deċiżjoni volontarja dwar l-ippjanar tal-produzzjoni jenħtieġ li jkun awtorizzat b’mod temporanju għal perjodu ta’ sitt xhur, fl-istess żmien tar-rebbiegħa u tas-sajf, meta l-istaġun tal-produzzjoni jkun fl-aqwa tiegħu fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, u għalhekk aktarx ikollhom l-akbar impatt.

(10)

Billi t-tfixkil serju fis-suq ilu jiġi osservat mill-bidu ta’ April 2020, il-perjodu ta’ 6 xhur jenħtieġ li jibda mill-1 ta’ April 2020.

(11)

F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 222(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, awtorizzazzjoni għandha tingħata bil-kundizzjoni li din ma tfixkilx il-funzjonament tas-suq intern, u li l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikunu strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur. Dik il-kundizzjoni speċifika teskludi ftehimiet u deċiżjonijiet li b’mod dirett jew indirett iwasslu għal tqassim tas-swieq, għal diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità jew għal iffissar tal-prezzijiet. Jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ma jissodisfawx din il-kundizzjoni, jew ma jibqgħux jissodisfaw din il-kundizzjoni, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat japplika għalihom.

(12)

L-awtorizzazzjoni prevista f’dan ir-Regolament jenħtieġ li tkopri t-territorju tal-Unjoni, peress li l-iżbilanċ serju fis-suq huwa komuni għall-Unjoni kollha.

(13)

Sabiex l-Istati Membri jkunu f’qagħda li jivvalutaw jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ifixklux jew le l-funzjonament tas-suq intern, u jekk humiex strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, jenħtieġ li tingħata informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, inklużi l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ dak l-Istat Membru, li għandu l-ogħla sehem tal-volum stmat tal-produzzjoni tal-ħalib kopert minn dawk il-ftehimiet jew deċiżjonijiet dwar il-ftehimiet konklużi u d-deċiżjonijiet meħudin, u dwar il-volum ta’ produzzjoni u l-perjodu taż-żmien koperti minnhom.

(14)

Fid-dawl tal-iżbilanċ serju fis-suq u bi tħejjija għall-eqqel tal-istaġun, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 152(1a), 209(1) u 210(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, b’dan huma awtorizzati li jikkonkludu ftehimiet u jieħdu deċiżjonijiet komuni dwar l-ippjanar tal-volum ta’ ħalib li jrid jiġi prodott matul perjodu ta’ 6 xhur, li jibda mill-1 ta’ April 2020.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u jkunu strettament immirati lejn l-istabbilizzazzjoni tas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib.

Artikolu 3

Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku ta’ din l-awtorizzazzjoni huwa t-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 4

1.   Malli l-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 jiġu konklużi jew meħuda, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti kkonċernati, għandhom jikkomunikaw dawk il-ftehimiet jew deċiżjonijiet lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li għandu l-ogħla sehem tal-volum stmat tal-produzzjoni tal-ħalib kopert minn dawk il-ftehimiet jew deċiżjonijiet, billi jindikaw dawn li ġejjin:

(a)

il-volum tal-produzzjoni stmat kopert;

(b)

il-perjodu ta’ żmien għall-implimentazzjoni mistenni.

2.   Sa mhux aktar tard minn 25 jum wara tmiem il-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti kkonċernati għandhom jikkomunikaw il-volum tal-produzzjoni tabilħaqq kopert mill-ftehimiet jew mid-deċiżjonijiet lill-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   F’konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1185 (2), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan li ġej:

(a)

sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara tmiem kull xahar, il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikkomunikati lilhom f’konformità mal-paragrafu 1 matul dak il-perjodu;

(b)

sa mhux aktar tard minn 30 jum wara tmiem il-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, ħarsa ġenerali lejn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet implimentati matul dak il-perjodu.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).


Top