This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020R0598
Commission Implementing Regulation (EU) 2020/598 of 30 April 2020 granting aid for private storage for skimmed milk powder and fixing the amount of aid in advance
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/598 tat-30 ta’ April 2020 li jagħti għajnuna għall-ħżin privat tat-trab tal-ħalib xkumat u li jiffissa bil-quddiem l-ammont tal-għajnuna
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/598 tat-30 ta’ April 2020 li jagħti għajnuna għall-ħżin privat tat-trab tal-ħalib xkumat u li jiffissa bil-quddiem l-ammont tal-għajnuna
C/2020/2905
ĠU L 140, 4.5.2020, p. 34–36
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
4.5.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 140/34 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/598
tat-30 ta’ April 2020
li jagħti għajnuna għall-ħżin privat tat-trab tal-ħalib xkumat u li jiffissa bil-quddiem l-ammont tal-għajnuna
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta’ Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2)(b) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2)(b) tiegħu,
Billi:
(1) |
Minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment implimentati fl-Istati Membri kien hemm tnaqqis fid-domanda għal ċerti prodotti fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib. It-tixrid tal-marda u l-miżuri fis-seħħ jillimitaw id-disponibbiltà tal-ħaddiema, u b’hekk ixekklu speċifikament l-istadji tal-produzzjoni, tal-ġbir u tal-ipproċessar tal-ħalib. Barra minn hekk, l-għeluq obbligatorju tal-ħwienet, tas-swieq fil-miftuħ, tar-ristoranti u ta’ stabbilimenti oħra tal-ospitalità waqqaf l-operat tal-industrija tal-ospitalità u tal-catering, u ġab miegħu tibdil sinifikanti fix-xejriet tad-domanda għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib. L-industrija tal-ospitalità u tal-catering hija tradizzjonalment responsabbli għall-konsum ta’ bejn wieħed u ieħor 10 % u 20 % tal-produzzjoni tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fl-Unjoni, skont il-prodott. Barra minn hekk, ix-xerrejja fl-Unjoni u fis-suq dinji qegħdin iħassru kuntratti, u qed idewmu l-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda huma u jistennew aktar tnaqqis fil-prezzijiet. |
(2) |
Minħabba f’hekk, l-ipproċessar tal-ħalib mhux ipproċessat qed jinbidel, parzjalment, fi prodotti bl-ingrossa, li jinħażnu faċilment u b’ħajja twila fuq l-ixkaffa, u li jirrikjedu ħidma inqas intensiva, fosthom it-trab tal-ħalib xkumat u l-butir, lil hinn mid-domanda regolari tas-suq. |
(3) |
Sabiex jitnaqqas l-iżbilanċ li jirriżulta bejn id-domanda u l-provvista, huwa xieraq li tingħata għajnuna għall-ħżin privat tat-trab tal-ħalib xkumat. |
(4) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 (4) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 (5) jistabbilixxu r-regoli għall-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-ħżin privat. Minbarra kif previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 għall-għajnuna għall-ħżin privat tat-trab tal-ħalib xkumat. |
(5) |
L-ammont tal-għajnuna jenħtieġ li jiġi ffissat minn qabel sabiex jippermetti sistema operazzjonali rapida u flessibbli. F’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013, l-għajnuna għall-ħżin privat iffissata bil-quddiem jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-ispejjeż tal-ħżin u elementi oħra rilevanti tas-suq. Huwa xieraq li tiġi ffissata għajnuna għall-ispejjeż fissi tal-ħżin għad-dħul u l-ħruġ tal-prodotti inkwistjoni u għajnuna għal kull jum tal-ħżin għall-ispejjeż tal-ħżin u tal-finanzjament. |
(6) |
Għal raġunijiet ta’ effiċjenza amministrattiva u simplifikazzjoni, jenħtieġ li l-applikazzjonijiet jirreferu biss għat-trab tal-ħalib xkumat li diġà jkun maħżun u ma tkunx meħtieġa garanzija. F’dak il-kuntest, ikun xieraq li jiġi ffissat il-perjodu tal-ħżin. |
(7) |
Għal raġunijiet ta’ effiċjenza amministrattiva u simplifikazzjoni, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-kwantità minima ta’ prodotti li jridu jkunu koperti minn kull applikazzjoni. |
(8) |
Il-miżuri implimentati biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jaffettwaw il-konformità mar-rekwiżiti għall-kontrolli fuq il-post fir-rigward tal-għajnuna għall-ħżin privat skont l-Artikolu 60 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240. Huwa xieraq li tingħata flessibbiltà lill-Istati Membri kkonċernati minn dawk il-miżuri, billi jiġi estiż il-perjodu għat-twettiq tal-kontrolli fuq id-dħul fil-post tal-ħżin jew billi dawn jiġu sostitwiti bl-użu ta’ evidenza rilevanti oħra, u billi ma jkunx hemm il-ħtieġa ta’ kontrolli għall-għarrieda. Huwa xieraq għalhekk li ssir deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. |
(9) |
Sabiex ikun hemm impatt immedjat fuq is-suq u biex jingħata kontribut għall-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
(10) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jipprevedi għajnuna għall-ħżin privat tat-trab tal-ħalib xkumat, kif imsemmi fil-punt (g) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, minn hawn ’il quddiem l-“għajnuna”.
2. Għandhom japplikaw ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Prodotti eliġibbli
Sabiex jikkwalifika għall-għajnuna, it-trab tal-ħalib xkumat għandu jkun ta’ kwalità kummerċjabbli tajba u ġusta u għandu joriġina mill-Unjoni. Il-prodott għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima VI tal-Anness VI tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238.
Artikolu 3
Sottomissjoni u ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet
1. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jitressqu mis-7 ta’ Mejju 2020. L-aħħar data għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għandha tkun it-30 ta’ Ġunju 2020.
2. L-applikazzjonijiet għandhom ikunu jirrigwardaw prodotti li jkunu diġà nħażnu.
3. Il-kwantità minima għal kull applikazzjoni hija ta’ 10 tunnellati.
Artikolu 4
Ammont tal-għajnuna u perjodu tal-ħżin
1. L-ammont tal-għajnuna għandu jiġi stabbilit kif ġej:
(a) |
EUR 5,11 għal kull tunnellata ta’ ħżin għall-ispejjeż fissi tal-ħżin; |
(b) |
EUR 0,13 għal kull tunnellata għal kull ġurnata ta’ ħżin kuntrattwali. |
2. Il-ħżin kuntrattwali għandu jispiċċa fil-jum ta’ qabel dak tat-tneħħija mill-ħżin.
3. L-għajnuna tista’ tingħata biss meta l-perjodu kuntrattwali tal-ħżin ikun bejn 90 u 180 jum.
Artikolu 5
Kontrolli
1. B’deroga mill-Artikolu 60(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, fejn minħabba l-miżuri fis-seħħ biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, minn hawn ’il quddiem “il-miżuri”, l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq, fi żmien debitu, il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 60(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat jista’:
(a) |
jestendi l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(1) biex iwettaq dawk il-kontrolli sa 30 jum wara t-tmiem tal-miżuri; jew |
(b) |
jissostitwixxi dawk il-kontrolli matul il-perjodu meta l-miżuri jkunu applikabbli billi juża l-evidenza rilevanti, inkluż ritratti mmarkati bil-post ġeografiku jew evidenza oħra f’format elettroniku. |
2. B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, fejn minħabba l-miżuri, l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq il-kontrolli fuq il-post għall-għarrieda, l-aġenzija tal-pagamenti ma għandhiex tkun meħtieġa twettaq kontrolli għall-għarrieda matul il-perjodu meta jkunu fis-seħħ il-miżuri.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 15).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ intervent pubbliku u ta’ għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 71).