EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1156

Regolament (UE) 2019/1156 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera tal-impriżi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) Nru 1286/2014 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

PE/54/2019/REV/1

ĠU L 188, 12.7.2019, p. 55–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1156/oj

12.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/55


REGOLAMENT (UE) 2019/1156 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ġunju 2019

dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera tal-impriżi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) Nru 1286/2014

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Approċċi regolatorji u superviżorji li jirrigwardaw id-distribuzzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment alternattivi (“AIFs”), kif definit fid-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), inklużi l-fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju (EuVECA), kif definit fir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej (EuSEF), kif definit fir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u l-Fondi Ewropej tal-Investiment fuq Terminu Twil (ELTIF), kif definit fir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) kif ukoll l-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (“UCITS”), fis-sens tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), jirriżultaw fi frammentazzjoni u ostakli għall-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera u għall-aċċess tal-AIFs u l-UCITS, li min-naħa tagħhom jistgħu jwaqqfuhom milli jkunu kkummerċjalizzati fi Stati Membri oħrajn. UCITS tista' tiġi ġestita esternament jew internament, skont il-forma ġuridika tagħha. Kwalunkwe dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament relatata ma' kumpaniji maniġerjali tal-UCITS jenħtieġ li tapplikakemm għal kumpanija, li n-negozju regolari tagħha huwa l-ġestjoni tal-UCITS u għal kwalunkwe UCITS li ma jkunx ħatar kumpanija maniġerjali tal-UCITS.

(2)

Sabiex jissaħħaħ il-qafas regolatorju applikabbli għall-impriżi ta' investiment kollettiv u biex jitħarsu aħjar l-investituri, il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni indirizzati lill-investituri f'AIFs u f'UCITS jenħtieġ li jkunu identifikabbli bħala tali, u jenħtieġ li jiddeskrivu r-riskji u l-benefiċċji tax-xiri ta' unitajiet jew ishma ta' AIF jew UCITS bl-istess mod prominenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-informazzjoni kollha inkluża fil-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni indirizzati lill-investituri tkun ippreżentata b'mod ġust, ċar u mhux qarrieqi. Sabiex tiġi salvagwardjata l-protezzjoni tal-investitur u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-AIFs u l-UCITS, jenħtieġ li l-istandards għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni japplikaw għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni għall-AIFS u għall-UCITS.

(3)

Il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni indirizzati lill-investituri f'AIFs u UCITS jenħtieġ li jispeċifikaw fejn, kif u f'liema lingwa l-investituri jistgħu jiksbu informazzjoni fil-qosor dwar id-drittijiet tal-investitur u jenħtieġ li jiddikjaraw b'mod ċar li l-AIFM, il-maniġer tal-EuVECA, il-maniġer tal-EuSEF jew il-kumpanija maniġerjali tal-UCITS (flimkien, “maniġers tal-impriżi ta' investiment kollettiv”), għandhom id-dritt li jtemmu l-arranġamenti magħmula għall-kummerċjalizzazzjoni.

(4)

Sabiex jiżdiedu t-trasparenza u l-protezzjoni tal-investitur u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali u d-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jippubblikaw dawn it-testi fuq is-siti web tagħhom fi, bħala minimu, lingwa abitwali waħda fl-isfera tal-finanzi internazzjonali, inklużi s-sommarji mhux uffiċjali tagħhom li jippermettu lill-maniġers tal-impriżi ta' investiment kollettiv jiksbu ħarsa ġenerali wiesgħa ta' dawk il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi. Il-pubblikazzjoni jenħtieġ li tkun għal finijiet ta' informazzjoni biss u jenħtieġ li ma toħloqx obbligi legali. Għall-istess raġunijiet, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (ESMA) jenħtieġ li toħloq bażi tad-data ċentrali li jkun fiha sommarji tar-rekwiżiti nazzjonali għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u hyperlinks għall-informazzjoni ppubblikata fis-siti web tal-awtoritajiet kompetenti.

(5)

Sabiex jiġu promossi prattiki tajba ta' protezzjoni tal-investitur li jkunu minquxa fir-rekwiżiti nazzjonali għal komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ġusti u ċari, inklużi l-aspetti online ta' tali komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni, l-ESMA jenħtieġ li toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni.

(6)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jesiġu notifika minn qabel ta' komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni għall-iskop ta' verifika ex ante tal-konformità ta' dawk il-komunikazzjonijiet ma' dan ir-Regolament u rekwiżiti applikabbli oħra, bħal pereżempju jekk il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni humiex identifikabbli bħala tali, jekk jiddeskrivux ir-riskji u l-benefiċċji tax-xiri ta' unitajiet ta' UCITS, u fil-każijiet li fihom Stat Membru jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni tal-AIFs lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, ir-riskji u l-benefiċċji tax-xiri ta' unitajiet jew ishma ta' AIF b'mod ugwalment prominenti u jekk l-informazzjoni kollha fil-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni hijiex ippreżentata b'mod li jkun ġust, ċar u mhux qarrieqi. Dik il-verifika jenħtieġ li titwettaq f'perjodu ta' żmien limitat. Meta l-awtoritajiet kompetenti jesiġu notifika minn qabel, dan jenħtieġ li ma jwaqqafhomx milli jivverifikaw il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ex post.

(7)

L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jirrapportaw lill-ESMA r-riżultati ta' dawk il-verifiki, it-talbiet għal emendi u kwalunkwe sanzjoni imposta fuq il-maniġers tal-impriżi ta' investiment kollettiv. Bil-għan li jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u t-trasparenza fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni, minn naħa waħda, u tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investitur, min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-ESMA, kull tieni sena, tipprepara u tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar dawk ir-regoli u l-applikazzjoni prattika tagħhom abbażi ta' verifiki ex ante u ex post ta' komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti.

(8)

Sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-maniġers tal-impriża ta' investiment kollettiv u jiġi ffaċilitat it-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom rigward jekk għandhomx jinvolvu ruħhom fid-distribuzzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment, huwa importanti li t-tariffi u l-ħlasijiet imposti mill-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni ta' attivitajiet transfruntiera jkunu proporzjonati għall-kompiti ta' superviżjoni mwettqa u żvelati pubblikament, u li, sabiex tissaħħaħ it-trasparenza, dawk it-tariffi u l-ħlasijiet ikunu ppubblikati fis-siti web tal-awtoritajiet kmopetanti. Għall-istess raġuni, il-hyperlinks għall-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit web tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tat-tariffi u l-ħlasijiet jenħtieġ li jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-ESMA sabiex ikun hemm punt ċentrali għall-informazzjoni. Jenħtieġ li s-sit web tal-ESMA jinkludi wkoll għodda interattiva li tippermetti l-kalkoli indikattivi ta' dawk it-tariffi u l-ħlasijiet imposti mill-awtoritajiet kompetenti.

(9)

Biex jiġi żgurat l-irkupru aħjar tat-tariffi jew tal-ħlasijiet u biex jiżdiedu t-trasparenza u ċ-ċarezza tal-istruttura tat-tariffi u tal-ħlasijiet, meta tali tariffi jew ħlasijiet jiġu imposti mill-awtoritajiet kompetenti, il-maniġers tal-impriżi ta' investiment kollettiv jenħtieġ li jirċievu fattura, dikjarazzjoni ta' pagament individwali jew struzzjoni ta' pagament li tistabbilixxi b'mod ċar l-ammont ta' tariffi jew ħlasijiet dovuti u l-metodu ta' pagament.

(10)

Peress li, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-ESMA jenħtieġ li timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi tas-suq fil-qasam tal-kompetenza tagħha, huwa xieraq u meħtieġ li jissaħħaħ l-għarfien tal-ESMA billi jitwessgħu l-bażijiet tad-data attwalment eżistenti tal-ESMA biex jinkludu bażi tad-data ċentrali li telenka l-AIFs u l-UCITS kollha li huma kkummerċjalizzati b'mod transfruntier, il-maniġers ta' dawk l-impriżi ta' investiment kollettiv u l-Istati Membri li fihom issir il-kummerċjalizzazzjoni. Għal dan il-għan, u sabiex l-ESMA tkun tista' żżomm il-bażi tad-data ċentrali aġġornata, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jibagħtu lill-ESMA informazzjoni dwar in-notifiki, l-ittri ta' notifika u l-informazzjoni li jkunu rċevew skont id-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE fir-rigward ta' attività ta' kummerċjalizzazzjoni transfruntiera kif ukoll informazzjoni dwar kwalunkwe bidla li jenħtieġ li tiġi riflessa f'dik il-bażi tad-data. F'dak ir-rigward, l-ESMA jenħtieġ li tistabbilixxi portal ta' notifika li fih l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jtellgħu d-dokumenti kollha rigward id-distribuzzjoni transfruntiera tal-UCITS u l-AIFs.

(11)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti kif definit fir-Regolament (UE) Nru 345/2013, jew fondi ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti kif definit fir-Regolament (UE) Nru 346/2013, minn naħa, u AIFs oħrajn, min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li f'dawk ir-Regolamenti jiġu inklużi regoli dwar il-prekummerċjalizzazzjoni li jkunu identiċi għar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2011/61/UE dwar il-prekummerċjalizzazzjoni. Tali regoli jenħtieġ li jippermettu lill-maniġers irreġistrati skont dawk ir-Regolamenti sabiex jiffukaw fuq l-investituri billi jittestjaw il-ħajra tagħhom għal opportunitajiet jew strateġiji ta' investiment futuri permezz ta' fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti u fondi ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti.

(12)

B'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), ċerti kumpaniji u persuni msemmija fl-Artikolu 32 ta' dak ir-Regolament huma eżentati mill-obbligi skont dak ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2019. Dak ir-Regolament jipprevedi wkoll li l-Kummissjoni għandha tirrevedih sal-31 ta' Diċembru 2018, sabiex tivvaluta, inter alia, jekk jenħtieġ li dik l-eżenzjoni tranżizzjonali tiġi estiża, jew jekk, wara l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe aġġustament neċessarju, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar it-tagħrif ewlieni għall-investitur fid-Direttiva 2009/65/KE jiġu sostitwiti minn dokument bl-informazzjoni ewlenija jew jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għalih kif stabbilit f'dak ir-Regolament.

(13)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq ir-rieżami skont ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 kif previst oriġinarjament, l-iskadenza għal dak ir-rieżami jenħtieġ li tiġi estiża bi 12-il xahar. Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jenħtieġ li jappoġġja l-proċess ta' rieżami tal-Kummissjoni billi jorganizza seduta ta' smigħ dwar is-suġġett mal-partijiet interessati rilevanti li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumatur u l-industrija.

(14)

Sabiex jiġi evitat li l-investituri jirċievu żewġ dokumenti differenti ta' żvelar minn qabel, jiġifieri dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur (KIID) kif meħtieġ mid-Direttiva 2009/65/KE u dokument bl-informazzjoni ewlenija (KID) kif meħtieġ mir-Regolament (UE) Nru 1286/2014, għall-istess impriża ta' investiment kollettiv filwaqt li jkunu qed jiġu adottati u implimentati l-atti leġiżlattivi li jirriżultaw mir-rieżami tal-Kummissjoni skont dak ir-Regolament, l-eżenzjoni tranżizzjonali mill-obbligi skont dak ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi estiża b'24 xahar. Mingħajr preġudizzju għal dik l-estensjoni, l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet superviżorji kollha involuti jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex jaġixxu malajr kemm jista' jkun biex jiffaċilitaw it-terminazzjoni ta' dik l-eżenzjoni tranżizzjonali.

(15)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa tadotta abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji, żviluppati mill-ESMA, fir-rigward tal-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-pubblikazzjoni u n-notifika mill-awtoritajiet kompetenti tal-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali u s-sommarji tagħhom dwar ir-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni applikabbli fit-territorji tagħhom, il-livelli ta' tariffi jew ħlasijiet imposti minnhom għal attivitajiet transfruntiera, u fejn applikabbli, il-metodoloġiji ta' kalkolu rilevanti. Barra minn hekk, biex titjieb it-trażmissjoni lill-ESMA, jenħtieġ li l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni jiġu adottati wkoll fir-rigward tan-notifiki, l-ittri ta' notifika u l-informazzjoni dwar l-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni transfruntiera li huma meħtieġa mid-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/EU u l-arranġamenti tekniċi neċessarji għall-funzjonament tal-portal tan-notifika li se jiġi stabbilit mill-ESMA. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta dawk l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjnament tal-Unjoni Ewropea u f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(16)

Jeħtieġ li tiġi speċifikata l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata kull tliet xhur lill-ESMA, sabiex il-bażijiet tad-data tal-impriżi ta' investiment kollettiv kollha u l-maniġers tagħhom jinżammu aġġornati.

(17)

Kwalunkwe pproċessar ta' data personali mwettaq fil-qafas ta' dan ir-Regolament, bħall-iskambju jew it-trażmissjoni ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li jsir b'mod konformi mar-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), u kwalunkwe skambju jew trażmissjoni ta' informazzjoni mill-ESMA jenħtieġ li jsiru skont ir-Regolament (KE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(18)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet attribwiti lilhom f'dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li dawk l-awtoritajiet ikollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha neċessarji.

(19)

Sat-2 ta' Awwissu 2024, il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħmel evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dik l-evalwazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi tas-suq u tivvaluta jekk il-miżuri introdotti tejbux id-distribuzzjoni transfruntiera tal-impriżi ta' investiment kollettiv.

(20)

Sat-2 ta' Awwissu 2021 il-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika rapport dwar solleċitazzjoni u domanda bil-kontra fuq l-inizjattiva proprja ta' investitur, filwaqt li tispeċifika l-firxa ta' dik il-forma ta' sottoskrizzjoni f'fondi, id-distribuzzjoni ġeografika tagħha inkluż f'pajjiżi terzi, u l-impatt tagħha fuq ir-reġim ta' passaportar.

(21)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, jeħtieġ li jiġu sinkronizzati d-dati tal-applikazzjoni tal-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva (UE) 2019/1160 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u ta' dan ir-Regolament fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u l-prekummerċjalizzazzjoni.

(22)

Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri t-tisħiħ tal-effiċjenza tas-suq filwaqt li tiġi stabbilita l-unjoni tas-swieq kapitali, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista', minħabba l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi dwar il-pubblikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni għall-impriżi ta' investiment kollettiv u dwar il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni indirizzati lill-investituri, kif ukoll il-prinċipji komuni rigward tariffi u ħlasijiet imposti fuq il-maniġers ta' investiment kollettiv fir-rigward tal-attivitajiet transfruntiera tagħhom, l-istabbiliment ta' bażi ta' data ċentrali dwar il-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera tal-impriżi ta' investiment kollettiv.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

(a)

maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi;

(b)

kumpaniji maniġerjali tal-UCITS, inkluż kwalunkwe UCITS li ma tkunx ħatret kumpanija maniġerjali tal-UCITS;

(c)

maniġers ta' EuVECA; u

(d)

maniġers ta' EuSEF.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“fondi ta' investiment alternattivi” jew “AIFs” tfisser AIFs kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE, u tinkludi EuVECA, EuSEF u ELTIF;

(b)

“maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi” jew “AIFMs” tfisser AIFMs kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE u awtorizzati f'konformità mal-Artikolu 6 ta' dik id-Direttiva;

(c)

“maniġer ta' EuSEF” tfisser maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti kif definit fil-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 345/2013, irreġistrat skont l-Artikolu 14 ta' dak ir-Regolament;

(d)

“maniġer ta' EuSEF” tfisser maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti kif definit fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 346/2013 u rreġistrat skont l-Artikolu 15 ta' dak ir-Regolament;

(e)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser awtoritajiet kompetenti kif definit fil-punt (h) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE jew fil-punt (f) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE jew awtoritajiet kompetenti tal-EU AIF kif definit fil-punt (h) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(f)

“Stat Membru ta' domiċilju” tfisser l-Istat Membru li fih l-AIFM, il-maniġer ta' EuVECA, il-maniġer ta' EuSEF jew il-kumpanija maniġerjali tal-UCITS għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom;

(g)

“UCITS” tfisser UCITS awtorizzata skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(h)

“kumpanija maniġerjali tal-UCITS” tfisser kumpanija maniġerjali kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE;

Artikolu 4

Rekwiżiti għal komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni

1.   L-AIFMs, il-maniġers ta' EuVECA, il-maniġers ta' EuSEFs u l-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni kollha indirizzati lill-investituri jkunu identifikabbli bħala tali u jiddeskrivu r-riskji u l-benefiċċji tax-xiri ta' unitajiet jew ishma ta' AIF jew unitajiet ta' UCITS b'mod ugwalment prominenti, u li l-informazzjoni kollha inkluża fil-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tkun ġusta, ċara u mhux qarrieqa.

2.   Il-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni li jkun fihom informazzjoni speċifika dwar xi UCITS ma jikkontradixxux jew inaqqsu s-sinifikat tal-informazzjoni li tkun fil-prospett imsemmi fl-Artikolu 68 tad-Direttiva 2009/65/KE jew it-tagħrif ewlieni għall-investituri msemmi fl-Artikolu 78 ta' dik id-Direttiva. Il-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni kollha jindikaw li jeżisti prospett u li t-tagħrif ewlieni għall-investituri jkun disponibbli. Tali komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni għandhom jispeċifikaw fejn, kif u b'liema lingwa l-investituri jew l-investituri potenzjali jistgħu jiksbu l-prospett u t-tagħrif ewlieni għall-investituri u għandhom jipprovdu hyperlinks jew indirizzi tas-sit web għal dawk id-dokumenti.

3.   Il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jispeċifikaw fejn, kif u b'liema lingwa l-investituri jew l-investituri potenzjali jistgħu jiksbu sommarju tad-drittijiet tal-investitur u għandhom jipprovdu hyperlink għal tali sommarju, li għandu jinkludi, kif xieraq, informazzjoni dwar aċċess għall-mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali f'każ ta' tilwim.

Tali komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni għandu jkun fihom ukoll informazzjoni ċara li l-maniġer jew il-kumpanija maniġerjali msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu jiddeċiedu li jtemmu l-arranġamenti li jkunu saru għall-kummerċjalizzazzjoni tal-impriżi ta' investiment kollettivi tagħhom skont l-Artikolu 93a tad-Direttiva 2009/65/KE u l-Artikolu 32a tad-Direttiva 2011/61/UE.

4.   L-AIFMs, il-maniġers ta' EuVECA, il-maniġers ta' EuSEFs għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni li jkunu jinkludu stedina għal xiri ta' unitajiet jew ishma ta' AIF li jkun fihom informazzjoni speċifika dwar AIF ma jikkontradixxux l-informazzjoni li trid tiġi divulgata lill-investituri f'konformità mal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/61/UE, mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 345/2013 jew mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 346/2013, jew inaqqsu s-sinifikat tagħha.

5.   Il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu japplika mutatis mutandis għall-AIFs li jippubblikaw prospett skont ir-Regolament (UE) Nru 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), jew skont il-liġi nazzjonali, jew japplikaw regoli dwar il-format u l-kontenut tat-tagħrif ewlieni għall-investituri msemmi fl-Artikolu 78 tad-Direttiva 2009/65/KE.

6.   Sat-2 ta' Awwissu 2021, l-ESMA għandha toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u wara dan taġġorna dawk il-linji gwida minn żmien għal żmien, waqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti online ta' tali komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni.

Artikolu 5

Pubblikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw u jżommu fuq is-siti web tagħhom informazzjoni aġġornata u kompleta dwar il-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali kollha applikabbli li jirregolaw ir-regoli tal-kummerċjalizzazzjoni għall-AIFs u l-UCITS, u s-sommarji tagħhom, fi, bħala minimu, lingwa abitwali waħda fl-isfera tal-finanzi internazzjonali.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA il-hyperlinks għas-siti web tal-awtoritajiet kompetenti fejn tkun ippubblikata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu mingħajr dewmien żejjed.

3.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni sabiex jiġu ddeterminati l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-pubblikazzjonijiet u għan-notifiki skont dan l-Artikolu.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-2 ta' Frar 2021.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 6

Bażi tad-data ċentrali tal-ESMA dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward ir-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni

Sat-2 ta' Frar 2022, l-ESMA għandha tippubblika u żżomm fuq is-sit web tagħha bażi ta' data ċentrali li jkun fiha s-sommarji msemmija fl-Artikolu 5(1), u l-hyperlinks għas-siti web tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 5(2).

Artikolu 7

Verifika ex ante tal-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni

1.   Għall-fini uniku ta' verifika tal-konformità ma' dan ir-Regolament u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jesiġu notifika minn qabel tal-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni li l-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS għandhom il-ħsieb li jużaw direttament jew indirettament fit-trattazzjonijiet tagħhom mal-investituri.

Ir-rekwiżit ta' notifika minn qabel imsemmi fl-ewwel subparagrafu ma għandux jikkostitwixxi kundizzjoni minn qabel għall-kummerċjalizzazzjoni ta' unitajiet ta' UCITS u ma għandux ikun parti mill-proċedura ta' notifika msemmija fl-Artikolu 93 tad-Direttiva 2009/65/KE.

Fejn l-awtoritajiet kompetenti jirrikjedu notifika minn qabel kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, dawn għandhom, fi żmien għaxart ijiem ta' xogħol wara li jaslu l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni, jinformaw lill-kumpanija maniġerjali tal-UCITS dwar kwalunkwe talba biex din temenda l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tagħha.

In-notifika minn qabel imsemmija fl-ewwel subparagrafu tista' tkun meħtieġa fuq bażi sistematika jew skont kwalunkwe prattika oħra ta' verifika u għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe setgħa superviżorja ulterjuri rigward il-verifika ex post tal-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni.

2.   L-awtoritajiet kompetenti li jesiġu notifika minn qabel tal-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni għandhom jistabbilixxu, japplikaw, u jippubblikaw fis-siti web tagħhom, il-proċeduri għan-notifika minn qabel. Ir-regoli u l-proċeduri interni għandhom jiżguraw trattament trasparenti u nondiskriminatorju tal-UCITS kollha, irrispettivament mill-Istati Membri li fihom huma awtorizzati l-UCITS.

3.   Fejn l-AIFMs, il-maniġers tal-EuVECA jew il-maniġers tal-EuSEF jikkummerċjalizzaw unitajiet jew ishma tal-AIFs tagħhom lill-investituri individwali, il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dawk l-AIFMs, il-maniġers tal-EuVECA jew il-maniġers tal-EuSEF.

Artikolu 8

Rapport tal-ESMA dwar il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni

1.   Sal-31 ta' Marzu 2021 u kull tieni sena wara dan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrapportaw lill-ESMA l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru ta' talbiet għal emendi fir-rigward tal-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni li saru abbażi ta' verifika ex ante, fejn applikabbli;

(b)

in-numru ta' talbiet għal emendi u deċiżjonijiet meħuda abbażi ta' verifiki ex post, b'distinzjoni ċara tal-aktar ksur frekwenti, inklużi deskrizzjoni u n-natura ta' dak il-ksur;

(c)

deskrizzjoni tal-aktar ksur frekwenti tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 4; u

(d)

eżempju wieħed ta' kull ksur imsemmi fil-punti (b) u (c).

2.   Sat-30 ta' Ġunju 2021 u kull tieni sena wara dan, l-ESMA għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li jippreżenta ħarsa ġenerali tar-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) fl-Istati Membri kollha u li jkun fih analiżi tal-effetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jirregolaw il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni abbażi wkoll tal-informazzjoni riċevuta skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Prinċipji komuni rigward tariffi jew ħlasijiet

1.   Fejn it-tariffi jew il-ħlasijiet jiġu imposti mill-awtoritajiet kompetenti għat-twettiq ta' dmirijiethom fir-rigward tal-attivitajiet transfruntiera ta' AIFMs, maniġers tal-EuVECA, maniġers ta' EuSEFs u kumpaniji maniġerjali tal-UCITS, tali tariffi jew ħlasijiet għandhom ikunu konsistenti mal-ispiża ġenerali relatata mal-prestazzjoni tal-funzjonijiet tal-awtorità kompetenti.

2.   Fir-rigward tat-tariffi jew il-ħlasijiet msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu fattura, dikjarazzjoni ta' pagament individwali jew struzzjoni ta' pagament li jistipulaw b'mod ċar il-metodu ta' pagament u d-data li fiha huwa dovut il-pagament lill-indirizz imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 93(1) tad-Direttiva 2009/65/KE jew il-punt (i) tal-Anness IV tad-Direttiva 2011/61/UE.

Artikolu 10

Pubblikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw tariffi u ħlasijiet

1.   Sat-2 ta' Frar 2020, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw u jżommu informazzjoni aġġornata fis-siti web tagħhom li telenka t-tariffi jew il-ħlasijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1), jew, fejn applikabbli, il-metodoloġiji ta' kalkolu għal dawk it-tariffi jew ħlasjiet, fi, bħala minimu, lingwa abitwali waħda fl-isfera tal-finanzi internazzjonali.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA l-hyperlinks għas-siti web tal-awtoritajiet kompetenti fejn tkun ippubblikata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni biex jiġu ddeterminati l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-pubblikazzjonijiet u għan-notifiki skont dan l-Artikolu.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-2 ta' Frar 2021.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 11

Pubblikazzjoni tal-ESMA dwar it-tariffi u l-ħlasijiet

1.   Sat-2 ta' Frar 2022 l-ESMA għandha tippubblika fis-sit web tagħha hyperlinks għas-siti web tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 10(2). Dawk il-hyperlinks għandhom jinżammu aġġornati.

2.   Sat-2 ta' Frar 2022, l-ESMA għandha tiżviluppa u tagħmel disponibbli fis-sit web tagħha għodda interattiva pubblikament aċċessibbli fi, bħala minimu, lingwa abitwali waħda fl-isfera tal-finanzi internazzjonali li tipprovdi kalkolu indikattiv tat-tariffi jew il-ħlasijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1). Dik l-għodda għandha tinżamm aġġornata.

Artikolu 12

Bażijiet tad-data ċentrali tal-ESMA dwar il-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera tal-AIFs u l-UCITS

1.   Sat-2 ta' Frar 2022, l-ESMA għandha tippubblika fis-sit web tagħha bażi tad-data ċentrali dwar il-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera ta' AIFs u UCITS, aċċessibbli għall-pubbliku b'lingwa abitwali fl-isfera tal-finanzi internazzjonali, li telenka:

(a)

l-AIFs kollha kkummerċjalizzati fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru ta' domiċilju, l-AIFM, il-maniġer tal-EuSEF jew il-maniġer tal-EuVECA tagħhom, u l-Istati Membri li fihom huma kkummerċjalizzati; u

(b)

il-UCITS kollha kkummerċjalizzati fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru ta' domiċilju tal-UCITS kif definit fil-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE, il-kumpanija maniġerjali tal-UCITS tagħhom u l-Istati Membri li fihom huma kkummerċjalizzati.

Dik il-bażi tad-data ċentrali għandha tinżamm aġġornata.

2.   L-obbligi f'dan l-Artikolu u fl-Artikolu 13 relatati mal-bażi tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi relatati mal-lista msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2009/65/KE, mar-reġistru pubbliku ċentrali msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2011/61/UE, mal-bażi ta' data ċentrali msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 345/2013 u mal-bażi tad-data ċentrali msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 346/2013.

Artikolu 13

Standardizzazzjoni tan-notifiki lill-ESMA

1.   Kull tliet xhur, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta' domiċilju għandhom jikkomunikaw lill-ESMA l-informazzjoni li hija neċessarja għall-ħolqien u ż-żamma tal-bażi tad-data ċentrali msemmija fl-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament rigward kwalunkwe notifika, ittra ta' notifika, jew informazzjoni msemmija fl-Artikolu 93(1) u fl-Artikolu 93a(2) tad-Direttiva 2009/65/KE u fl-Artikolu 31(2), fl-Artikolu 32(2) u fl-Artikolu 32a(2) tad-Direttiva 2011/61/UE, u kwalunkwe bidla f'dik l-informazzjoni, jekk tali bidla tkun tirriżulta f'bidla fl-informazzjoni f'dawk il-bażijiet ta' data ċentrali.

2.   L-ESMA għandha tistabbilixxi portal ta' notifika li fih kull awtorità kompetenti għandha ttella' d-dokumenti kollha msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni biex tispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata, kif ukoll il-forom, il-mudelli u l-proċeduri għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-paragrafu 1, u l-arranġamenti tekniċi neċessarji għall-funzjonament tal-portal ta' notifika msemmi fil-paragrafu 2.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-2 ta' Frar 2021.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 14

Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat ta' superviżjoni u ta' investigazzjoni kollha li jkunu neċessarji għall-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament.

2.   Is-setgħat mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE, ir-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) 2015/760, inkluż dawk relatati ma' sanzjonijiet u miżuri oħra, għandhom ikunu eżerċitati fir-rigward tal-maniġers msemmija fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 345/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, jiżdied il-punt li ġej:

“(o)

“prekummerċjalizzazzjoni” tfisser għoti ta' informazzjoni jew komunikazzjoni, b'mod dirett jew indirett, dwar strateġiji ta' investiment jew ideat ta' investiment mill-maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti, jew f'ismu, lill-investituri potenzjali ddomiċiljati jew b'uffiċċju rreġistrat fl-Unjoni sabiex jittestja l-interess tagħhom f'fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti li għadu mhuwiex stabbilit, jew f'fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti li huwa stabbilit, iżda li għadu mhux innotifikat għall-kummerċjalizzazzjoni skont l-Artikolu 15, f'dak l-Istat Membru fejn l-investituri potenzjali huma ddomiċiljati jew għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom, u li fi kwalunkwe każ ma jammontax għal offerta jew pjazzament lill-investitur potenzjali biex jinvesti fl-unitajiet jew l-ishma ta' dak il-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti.”;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 4a

1.   Maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jista' jwettaq prekummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni, ħlief meta l-informazzjoni ppreżentata lill-investituri potenzjali:

(a)

tkun suffiċjenti biex tippermetti lill-investituri jintrabtu li jakkwistaw unitajiet jew ishma ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti partikolari;

(b)

tkun tammonta għal formoli ta' sottoskrizzjoni jew dokumenti simili kemm f'forma ta' abbozz kif ukoll f'forma finali; jew

(c)

tkun tammonta għal dokumenti kostituzzjonali, prospett jew dokumenti ta' offerta ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti li għadu mhux stabbilit f'forma finali.

Meta jiġu pprovduti abbozz ta' prospett jew dokumenti ta' offerta, dawn ma għandux ikun fihom informazzjoni suffiċjenti li tippermetti lill-investituri jieħdu deċiżjoni ta' investiment u għandhom jiddikjaraw b'mod ċar li:

(a)

ma jikkostitwixxux offerta jew stedina għal sottoskrizzjoni f'unitajiet jew ishma ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti; u

(b)

l-informazzjoni ppreżentata fihom ma għandhiex titqies bħala affidabbli peress li mhijiex kompleta u tista' tkun soġġetta għal tibdil.

2.   L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jesiġu li maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bil-kontenut jew bid-destinatarji tal-prekummerċjalizzazzjoni, jew li jissodisfa xi kundizzjonijiet jew rekwiżiti għajr dawk stabbiliti f'dan l-Artikolu, qabel ma jagħmel prekummerċjalizzazzjoni.

3.   Il-maniġers tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandhom jiżguraw li l-investituri ma jakkwistawx unitajiet jew ishma f'fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti permezz ta' prekummerċjalizzazzjoni u li l-investituri kkuntattjati bħala parti mill-prekummerċjalizzazzjoni jistgħu jakkwistaw biss unitajiet jew ishma f'dak il-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti permezz ta' kummerċjalizzazzjoni permessa skont l-Artikolu 15.

Kwalunkwe sottoskrizzjoni minn investituri professjonali, fi żmien 18-il xahar minn meta l-maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti li jkun beda l-prekummerċjalizzazzjoni, f'unitajiet jew ishma ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti msemmi fl-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-prekummerċjalizzazzjoni, jew ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti stabbilit b'riżultat tal-prekummerċjalizzazzjoni, għandha titqies li tkun ir-riżultat ta' kummerċjalizzazzjoni u għandha tkun soġġetta għall-proċeduri ta' notifika applikabbli msemmija fl-Artikolu 15.

4.   Fi żmien ġimagħtejn minn meta jkun beda l-prekummerċjalizzazzjoni, il-maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandu jibagħat ittra informali, f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu. Dik l-ittra għandha tispeċifika l-Istati Membri fejn saret il-prekummerċjalizzazzjoni u l-perjodi li matulhom qed issir jew tkun saret, deskrizzjoni qasira tal-prekummerċjalizzazzjoni inkluża informazzjoni dwar l-istrateġiji ta' investiment ippreżentati u, fejn rilevanti, lista tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti li huma jew li kienu s-suġġett tal-prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom il-maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti huwa jew kien involut f'prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih qed issir jew tkun saret il-prekummerċjalizzazzjoni jistgħu jesiġu li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-maniġer tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jipprovdu informazzjoni ulterjuri dwar il-prekummerċjalizzazzjoni li qed issir jew tkun saret fit-territorju tiegħu.

5.   Parti terza għandha tidħol biss fi prekummerċjalizzazzjoni f'isem maniġer awtorizzat ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti meta din tkun awtorizzata bħala ditta tal-investiment skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), bħala istituzzjoni ta' kreditu skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), bħala kumpanija maniġerjali tal-UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE, bħala maniġer ta' fond ta' investiment alternattiv skont id-Direttiva 2011/61/UE, jew meta taġixxi bħala aġent marbut skont id-Direttiva 2014/65/UE. Tali parti terza għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan l-Artikolu.

6.   Maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandu jiżgura li l-prekummerċjalizzazzjoni tkun dokumentata kif xieraq.

(*1)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349)."

(*2)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).”."

Artikolu 16

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 346/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, jiżdied il-punt li ġej:

“(o)

“prekummerċjalizzazzjoni” tfisser għoti ta' informazzjoni jew komunikazzjoni, b'mod dirett jew indirett, dwar strateġiji ta' investiment jew ideat ta' investiment minn maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti, jew f'ismu, lill-investituri potenzjali ddomiċiljati jew b'uffiċċju rreġistrat fl-Unjoni sabiex jittestja l-interess tagħhom f'fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti li għadu mhux stabbilit, jew f'fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huwa stabbilit, iżda li għadu mhux innotifikat għall-kummerċjalizzazzjoni skont l-Artikolu 16, f'dak l-Istat Membru fejn l-investituri potenzjali huma ddomiċiljati jew għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom, u li fi kwalunkwe każ ma jammontax għal offerta jew pjazzament lill-investitur potenzjali biex jinvesti fl-unitajiet jew l-ishma ta' dak il-fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti.”;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 4a

1.   Maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti jista' jagħmel prekummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni, ħlief meta l-informazzjoni ppreżentata lill-investituri potenzjali:

(a)

tkun suffiċjenti biex tippermetti lill-investituri jintrabtu li jakkwistaw unitajiet jew ishma ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti partikolari;

(b)

tkun tammonta għal formoli ta' sottoskrizzjoni jew dokumenti simili kemm f'forma ta' abbozz kif ukoll f'forma finali; jew

(c)

tkun tammonta għal dokumenti kostituzzjonali, prospett jew dokumenti ta' offerta ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti li għadu mhux stabbilit f'forma finali.

Meta jiġu pprovduti abbozz ta' prospett jew dokumenti ta' offerta, dawn ma għandux ikun fihom informazzjoni suffiċjenti li tippermetti lill-investituri jieħdu deċiżjoni ta' investiment u għandhom jiddikjaraw b'mod ċar li:

(a)

ma jikkostitwixxux offerta jew stedina għal sottoskrizzjoni f'unitajiet jew ishma ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti; u

(b)

l-informazzjoni ppreżentata fihom ma għandhiex titqies bħala affidabbli peress li mhijiex kompleta u tista' tkun soġġetta għal tibdil.

2.   L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jesiġu li maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bil-kontenut jew bid-destinatarji tal-prekummerċjalizzazzjoni, jew li jissodisfa xi kundizzjonijiet jew rekwiżiti għajr dawk stabbiliti f'dan l-Artikolu, qabel ma jagħmel prekummerċjalizzazzjoni.

3.   Il-maniġers ta' fondi ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jiżguraw li l-investituri ma jakkwistawx unitajiet jew ishma f'fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti permezz ta' attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni u li l-investituri kkuntattjati bħala parti mill-prekummerċjalizzazzjoni jistgħu jakkwistaw biss unitajiet jew ishma f'dak il-fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti permezz ta' kummerċjalizzazzjoni permessa skont l-Artikolu 16.

Kwalunkwe sottoskrizzjoni minn investituri professjonali, fi żmien 18-il xahar minn meta l-maniġers ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkunu bdew il-prekummerċjalizzazzjoni, f'unitajiet jew ishma ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti msemmi fl-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-prekummerċjalizzazzjoni, jew ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti stabbilit b'riżultat tal-prekummerċjalizzazzjoni, għandha titqies li tkun ir-riżultat ta' kummerċjalizzazzjoni u għandha tkun soġġetta għall-proċeduri ta' notifika applikabbli msemmija fl-Artikolu 16.

4.   Fi żmien ġimagħtejn minn meta jkun beda l-prekummerċjalizzazzjoni, maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu jibagħat ittra informali, f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu. Dik l-ittra għandha tispeċifika l-Istati Membri fejn saret il-prekummerċjalizzazzjoni u l-perjodi li matulhom qed issir jew tkun saret, deskrizzjoni qasira tal-prekummerċjalizzazzjoni inkluża-informazzjoni dwar l-istrateġiji ta' investiment ippreżentati u, fejn rilevanti, lista tal-fondi ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma jew li kienu s-suġġett tal-prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom il-maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti huwa jew kien involut f'prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih qed issir jew tkun saret il-prekummerċjalizzazzjoni jistgħu jesiġu li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-maniġer tal-fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti jipprovdu informazzjoni ulterjuri dwar il-prekummerċjalizzazzjoni li qed issir jew tkun saret fit-territorju tiegħu.

5.   Parti terza għandha tidħol biss fi prekummerċjalizzazzjoni f'isem maniġer awtorizzat ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti meta din tkun awtorizzata bħala ditta tal-investiment skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), bħala istituzzjoni ta' kreditu skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4), bħala kumpanija maniġerjali tal-UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE, bħala maniġer ta' fond ta' investiment alternattiv skont id-Direttiva 2011/61/UE, jew meta taġixxi bħala aġent marbut skont id-Direttiva 2014/65/UE. Tali parti terza għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan l-Artikolu.

6.   Maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu jiżgura li l-prekummerċjalizzazzjoni tkun dokumentata kif xieraq.”.

(*3)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349)."

(*4)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).”."

Artikolu 17

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1286/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 32(1), “sal-31 ta' Diċembru 2019” hija sostitwita b'“sal-31 ta' Diċembru 2021”;

(2)

l-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, “Sal-31 ta' Diċembru 2018” hija sostitwita b'“Sal-31 ta' Diċembru 2019”;

(b)

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, “sal-31 ta' Diċembru 2018” hija sostitwita b'“sal-31 ta' Diċembru 2019”;

(c)

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4, “Sal-31 ta' Diċembru 2018” hija sostitwita b'“Sal-31 ta' Diċembru 2019”.

Artikolu 18

Evalwazzjoni

Sat-2 ta' Awwissu 2024 il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi ta' konsultazzjoni pubblika u fid-dawl tad-diskussjonijiet mal-ESMA u mal-awtoritajiet kompetenti, tagħmel evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Sat-2 ta' Awwissu 2021 il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, mal-ESMA u ma' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar solleċitazzjoni u domanda bil-kontra fuq l-inizjattiva proprja ta' investitur, filwaqt li tispeċifika l-firxa ta' dik il-forma ta' sottoskrizzjoni f'fondi, id-distribuzzjoni ġeografika tagħha, inkluż f'pajjiżi terzi, u l-impatt tagħha fuq ir-reġim ta' passaportar. Dak ir-rapport għandu jeżamina wkoll jekk il-portal ta' notifika stabbilit skont l-Artikolu 13(2) għandux jiġi żviluppat sabiex it-trasferimenti kollha ta' dokumenti bejn l-awtoritajiet kompetenti jsiru permezz tiegħu.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2019.

Madankollu, l-Artikolu 4(1) sa (5), l-Artikolu 5(1) u (2), l-Artikolu 15 u l-Artikolu 16 għandhom japplikaw mit-2 ta' Awwissu 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 50.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2019.

(3)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar il-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-Fondi ta' Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠUL 123, 19.5.2015, p. 98).

(7)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2019/1160 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li temenda d-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE fir-rigward tad-distribuzzjoni transfruntiera tal-impriżi ta' investiment kollettiv (Ara l-paġna 106 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).


Top