Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0895

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/895 tat-22 ta' Ġunju 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 340/2008 dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2018/3874

    ĠU L 160, 25.6.2018, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/895/oj

    25.6.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 160/1


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/895

    tat-22 ta' Ġunju 2018

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 340/2008 dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 74(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, l-istruttura u l-ammont tal-ħlasijiet previsti f'dak ir-Regolament għandhom iqisu l-ħidma li hemm bżonn titwettaq mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) u mill-awtoritajiet kompetenti u għandhom jiġu ffissati f'livell li jiżgura li d-dħul idderivat minnhom meta jiġi kkombinat ma' sorsi oħra ta' dħul tal-Aġenzija jkun biżżejjed biex ikopri l-ispiża tas-servizzi mogħtija.

    (2)

    L-esperjenza miksuba mill-Aġenzija u l-Kumitati tagħha għall-Istima tar-Riskji u għall-Analiżi Soċjoekonomika sa issa, fil-valutazzjoni ta' applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni wriet li l-ammont ta' xogħol involut f'tali valutazzjoni huwa xprunat mill-għadd ta' użi li għalihom tkun saret applikazzjoni waħda, iktar milli min-numru ta' applikanti li jkunu ppreżentaw l-applikazzjoni b'mod konġunt. Għaldaqstant, il-ħlas li jrid isir għal applikazzjoni partikolari jenħtieġ li jkun l-istess, irrispettivament mill-għadd ta' applikanti; jenħtieġ li ma jiġi impost ebda ħlas addizzjonali għal kull applikant addizzjonali. L-istess raġunament japplika wkoll għall-ispejjeż marbuta mal-preżentazzjoni ta' xi rapport ta' rieżami. Il-modifiki xierqa fil-ħlasijiet u fl-ispejjeż jistgħu jippermettu li jittaffa l-piż finanzjarju fuq l-operaturi ż-żgħar, bħal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

    (3)

    Meta jiġi ppreżentat rapport ta' rieżami konġunt, il-ħlasijiet u l-ispejjeż jenħtieġ li jinqasmu bejn l-applikanti b'mod ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju, b'mod partikolari fir-rigward ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs). It-tnaqqis tal-SMEs eżistenti għall-ħlasijiet u spejjeż jenħtieġ li jitqiesu meta jiġu biex jinqasmu l-ħlasijiet u l-ispejjeż totali applikabbli.

    (4)

    Fil-każ li l-intrapriżi li jkunu ppreżentaw applikazzjoni konġunta għall-awtorizzazzjoni jkunu f'kategoriji ta' daqs differenti li għalihom ikunu japplikaw ħlasijiet ta' bażi differenti, għandu jiġi impost l-ogħla ħlas.

    (5)

    Barra minn hekk, wara r-rieżami tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008 (2), li saret fl-2015, u fid-dawl tal-esperjenza miksuba fit-trattament ta' applikazzjonijiet ta' awtorizzazzjoni, jixraq li l-ħlasijiet u l-ispejjeż għall-awtorizzazzjoni jiġu aġġustati biex jirriflettu l-piż tax-xogħol tal-Aġenzija. Għal dan il-għan, il-ħlasijiet u l-ispejjeż addizzjonali applikabbli għal kull użu addizzjonali jenħtieġ li jkunu biss kemxejn inqas mill-ħlas jew l-ispiża bażi. Għalhekk, dawk il-ħlasijiet jew l-ispejjeż addizzjonali għal kull użu addizzjonali jenħtieġ li jiżdiedu.

    (6)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 340/2008 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jgħoddx għall-applikazzjonijiet ppreżentati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    (8)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 340/2008 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   L-Aġenzija għandha timponi ħlas bażi għal kull applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' sustanza, kif stipulat fl-Anness VI. Il-ħlas ta' bażi għandu jkopri l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' sustanza waħda u għal użu wieħed.

    L-Aġenzija għandha timponi ħlas addizzjonali, kif stabbilit fl-Anness VI ta' dan ir-Regolament, għal kull użu addizzjonali u għal kull sustanza addizzjonali li tissodisfa d-definizzjoni ta' grupp ta' sustanzi kif iddefinit fil-punt 1.5 tal-Anness XI tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u li tkun koperta bl-applikazzjoni. L-ebda ħlas addizzjonali ma għandu jiġi impost fejn ikun hemm aktar minn applikant wieħed li jagħmel parti mill-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni.

    Fil-każ li l-applikanti li jkunu parti minn applikazzjoni konġunta għall-awtorizzazzjoni jkunu ta' daqsijiet differenti, il-ħlas li għandu jiġi impost huwa dak li jkun japplika għal dak il-wieħed minn fost l-applikanti li jrid iħallas l-iktar għal dik l-applikazzjoni.

    Meta tiġi ppreżentata applikazzjoni konġunta għall-awtorizzazzjoni, l-applikanti għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex il-ħlas jinqasam bejn l-applikanti b'mod ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju, b'mod partikolari fir-rigward ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs).

    L-Aġenzija għandha toħroġ fattura waħda li tkopri l-ħlas ta' bażi u kull ħlasijiet addizzjonali applikabbli.”

    (2)

    Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   L-Aġenzija għandha timponi spiża bażi għall-preżentazzjoni ta' kull rapport ta' rieżami, kif stipulat fl-Anness VII. L-ispiża ta' bażi għandha tkopri l-preżentazzjoni ta' rapport ta' rieżami ta' sustanza waħda u ta' użu wieħed.

    L-Aġenzija għandha timponi spiża addizzjonali, kif stabbilit fl-Anness VII ta' dan ir-Regolament, għal kull użu u għal kull sustanza addizzjonali li tissodisfa d-definizzjoni ta' grupp ta' sustanzi kif iddefinit fil-punt 1.5 tal-Anness XI tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u li tkun koperta mir-rapport ta' rieżami. L-ebda spiża addizzjonali ma għandha tkun imposta jekk ikun hemm iktar minn parti waħda għar-rapport ta' rieżami.

    Fil-każ li l-entitajiet li jkunu parti mill-preżentazzjoni ta' rapport ta' rieżami konġunt ikunu ta' daqsijiet differenti, għal dik l-applikazzjoni għandha tiġi imposta l-ogħla spiża li tapplika għal kwalunkwe wieħed minn dawk l-applikanti

    Meta jiġi ppreżentat rapport ta' rieżami konġunt, id-detenturi tal-applikazzjoni għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex il-ħlas jinqasam bejn l-applikanti b'mod ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju, b'mod partikolari fir-rigward ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs).

    L-Aġenzija għandha toħroġ fattura waħda li tkopri l-ispiża bażi u kull spiża addizzjonali applikabbli oħra.”

    (3)

    L-Annessi VI u VII huma sostitwiti bit-test li jinsab fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Ir-Regolament (KE) Nru 340/2008, kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/864 (3) għandu japplika għall-applikazzjonijiet ippreżentati qabel il-15 ta' Lulju 2018.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ġunju 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008 tas-16 ta' April 2008 dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) (ĠU L 107, 17.4.2008, p. 6), kif emendat l-aħħar mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/864 (ĠU L 139, 5.6.2015, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/864 tal-4 ta' Ġunju 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008 dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) (ĠU L 139, 5.6.2015, p. 1).


    ANNESS

    ANNESS VI

    Ħlasijiet għal applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006

    Tabella 1

    Ħlasijiet standard

    Ħlas bażi

    EUR 54 100

    Ħlas addizzjonali għal kull sustanza

    EUR 10 820

    Ħlas addizzjonali għal kull użu

    EUR 48 690


    Tabella 2

    Ħlasijiet imnaqqsa għall-intrapriżi medji

    Ħlas bażi

    EUR 40 575

    Ħlas addizzjonali għal kull sustanza

    EUR 8 115

    Ħlas addizzjonali għal kull użu

    EUR 36 518


    Tabella 3

    Ħlasijiet imnaqqsa għall-intrapriżi żgħar

    Ħlas bażi

    EUR 24 345

    Ħlas addizzjonali għal kull sustanza

    EUR 4 869

    Ħlas addizzjonali għal kull użu

    EUR 21 911


    Tabella 4

    Ħlasijiet imnaqqsa għall-mikrointrapriżi

    Ħlas bażi

    EUR 5 410

    Ħlas addizzjonali għal kull sustanza

    EUR 1 082

    Ħlas addizzjonali għal kull użu

    EUR 4 869

    ANNESS VII

    Spejjeż għar-rieżami ta' awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006

    Tabella 1

    Spejjeż standard

    Spiża bażi

    EUR 54 100

    Spiża addizzjonali għal kull sustanza

    EUR 10 820

    Spiża addizzjonali għal kull użu

    EUR 48 690


    Tabella 2

    Spejjeż imnaqqsa għall-mikrointrapriżi

    Spiża bażi

    EUR 40 575

    Spiża addizzjonali għal kull sustanza

    EUR 8 115

    Spiża addizzjonali għal kull użu

    EUR 36 518


    Tabella 3

    Spejjeż imnaqqsa għall-mikrointrapriżi

    Spiża bażi

    EUR 24 345

    Spiża addizzjonali għal kull sustanza

    EUR 4 869

    Spiża addizzjonali għal kull użu

    EUR 21 911


    Tabella 4

    Spejjeż imnaqqsa għall-mikrointrapriżi

    Spiża bażi

    EUR 5 410

    Spiża addizzjonali għal kull sustanza

    EUR 1 082

    Spiża addizzjonali għal kull użu

    EUR 4 869


    Top