Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0164

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/164 tat-2 ta' Frar 2018 li jimplimenta l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2015/735 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel

    ĠU L 31, 3.2.2018, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/164/oj

    3.2.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 31/1


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/164

    tat-2 ta' Frar 2018

    li jimplimenta l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2015/735 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/735 tas-7 ta' Mejju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 748/2014 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-7 ta' Mejju 2015, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2015/735.

    (2)

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni umanitarja u ta' sigurtà dejjem tiħżien fis-Sudan t'Isfel, u b'kont meħud tan-nuqqas ta' impenn għall-proċess ta' paċi minn xi atturi, kif jidher mill-ksur ripetut tal-ftehim ta' Waqfien tal-Ostilitajiet iffirmat fil-21 ta' Diċembru 2017, jenħtieġ li jiżdiedu tliet persuni mal-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi fl-Anness II għar-Regolament (UE) 2015/735.

    (3)

    Jenħtieġ għalhekk li l-Anness II għar-Regolament (UE) 2015/735 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness II għar-Regolament (UE) 2015/735 huwa b'dan emendat kif indikat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Frar 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. ZAHARIEVA


    (1)  ĠU L 117, 8.5.2015, p. 13.


    ANNESS

    Il-persuni li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-lista li tinsab fl-Anness II għar-Regolament (UE) 2015/735:

     

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-inklużjoni fil-lista

    “1.

    Paul Malong

    Data tat-twelid: 2 ta' Jannar 1962; 12 ta' April 1960; 4 ta' Diċembru 1960; 30 ta' Jannar 1960.

    Post tat-twelid: Malualkon, is-Sudan; Malualkon, is-Sudan t'Isfel; Warawar, is-Sudan; Warawar, is-Sudan t'Isfel

    Paul Malong kien il-Kmandant tal-Istat Maġġur tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan (SPLA) sa Mejju 2017. Għalkemm tneħħa mill-pożizzjoni tiegħu, għadu figura influwenti ferm peress li għandu l-kontroll ta' diversi milizzji, għandu persuni leali lejh fi ħdan l-SPLA u għandu netwerk kbir taħt il-patroċinju tiegħu. L-influwenza tiegħu tidher ukoll mill-fatti fejn f'Ottubru 2017 uffiċjali għolja (inkluż il-Logutenent Kurunell Chan Garang) ippruvaw, bl-użu tal-forza, jeħilsu lil Malong mill-arrest domiċiljarju; f'Jannar 2018, il-President Kiir akkuża lil Malong b'mobilizzazzjoni għal gwerra. Malong ikkmanda wkoll truppi li kkommettew ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż attakki u qtil ta' ċivili u d-distruzzjoni estensiva ta' rħula.

    3.2.2018

    2.

    Michael Makuei Leuth

    Data tat-twelid: 1947;

    Post tat-twelid: Bor, is-Sudan t'Isfel; Bor, is-Sudan

    Michael Makuei Leuth ilu fil-pożizzjoni ta' Ministru għall-Informazzjoni u x-Xandir mill-2013, u kien il-kelliem pubbliku tad-delegazzjoni tal-gvern għat-taħditiet ta' paċi tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD). Makuei ostakola l-proċess politiku fis-Sudan t'Isfel, b'mod partikolari billi ostakola l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Konflitt fis-Sudan t'Isfel (ARCSS) ta' Awwissu 2015 permezz ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi infjammatorji u billi ostakola l-ħidma tal-Kumitat ta' Evalwazzjoni Konġunt ta' Monitoraġġ tal-ARCSS u l-istabbiliment tal-Istituzzjonijiet Ġudizzjarji Transitorji tal-ARCSS. Huwa ostakola wkoll l-operazzjonijiet tal-Forza ta' Protezzjoni Reġjonali tan-NU (RPF). Makuei huwa wkoll responsabbli minn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' espressjoni.

    3.2.2018

    3.

    Malek Reuben Riak

    Pożizzjoni: Logutenent Ġeneral

    Data tat-twelid: 1 ta' Jannar 1960;

    Post tat-twelid: Yei, is-Sudan t'Isfel

    Malek Reuben Riak kien Viċi Kmandant tal-Istat Maġġur tad-Difiża u Spettur Ġenerali tal-armata tal-gvern minn Mejju 2017. Qabel dan, kien Viċi Kmandant tal-Istat Maġġur tal-SPLA għat-Taħriġ (Marzu 2016 - Mejju 2017), u Viċi Kmandant tal-SPLA (Jannar 2013 - Marzu 2016). Bħala Viċi Kmandant tal-Istat Maġġur tad-Difiża, kellu rwol fl-akkwist ta' armi għall-armata.

    Malek Reuben Riak ġie identifikat mill-Panel ta' Esperti tan-NU bħala uffiċjal għoli responsabbli mill-ippjanar u s-sorveljanza tal-eżekuzzjoni tal-offensiva tal-gvern fl-Istat ta' Unity f'April 2015. Twettaq ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, li kien jinkludi d-distruzzjoni sistematika ta' rħula u infrastruttura, l-ispostament b'forza tal-popolazzjoni lokali, il-qtil indiskriminat u t-tortura ta' persuni ċivili, l-użu mifrux ta' vjolenza sesswali, inkluż kontra l-anzjani u t-tfal, u l-ħtif u r-reklutaġġ ta' tfal bħala suldati. Din l-offensiva, fil-kuntest tat-taħditiet għall-paċi li għaddejjin bejn il-gvern u l-oppożizzjoni, ostakolat il-proċess politiku minħabba atti ta' vjolenza.

    3.2.2018”


    Top