EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1463

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1463 tat-28 ta' Settembru 2018 li tissottoponi s-sustanzi psikoattivi l-ġodda N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-il]ċiklopropankarbossammid (ċiklopropilfentanil) u 2-metossi-N-fenil-N-[1-(2- feniletil)piperidin-4-il]aċetammid (metossiaċetilfentanil) għal miżuri ta' kontroll

ST/9420/2018/INIT

ĠU L 245, 1.10.2018, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1463/oj

1.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 245/9


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1463

tat-28 ta' Settembru 2018

li tissottoponi s-sustanzi psikoattivi l-ġodda N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-il]ċiklopropankarbossammid (ċiklopropilfentanil) u 2-metossi-N-fenil-N-[1-(2- feniletil)piperidin-4-il]aċetammid (metossiaċetilfentanil) għal miżuri ta' kontroll

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI tfasslu rapporti dwar il-valutazzjoni tar-riskji dwar is-sustanzi psikoattivi ġodda N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-il]ċiklopropankarbossammid (“ċiklopropilfentanil”) u 2-metossi-N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-il]aċetammid (“metossiaċetilfentanil”) minn sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga fil-21 ta' Marzu 2018, u dawn intbagħtu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fit-23 ta' Marzu 2018.

(2)

Iċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil huma opjojdi sintetiċi u huma strutturalment relatati mal-fentanil, sustanza kkontrollata użata estensivament fil-mediċina bħala adittiv fl-anestesija ġenerali matul il-kirurġija u għall-immaniġġjar tal-uġigħ. Iċ-ċiklopropilfentanil huwa strutturalment relatat ukoll mal-butirfentanil, sustanza oħra kkontrollata fuq livell internazzjonali. Il-metossiaċetilfentanil huwa wkoll strutturalment relatat mal-ocfentanil (3) u l-aċetilfentanil, li t-tnejn huma sustanzi kkontrollati fuq livell internazzjonali.

(3)

Iċ-ċiklopropilfentanil ilu disponibbli fl-Unjoni mill-inqas minn Ġunju 2017. Ġie individwat f'sitt Stati Membri li rraportaw total ta' 140 sekwestru bejn Ġunju 2017 u Jannar 2018. B'mod ġenerali, huwa probabbli li l-każijiet ta' individwazzjoni mhumiex rapportati kollha billi ċ-ċiklopropilfentanil ma jiġix skrinjat b'mod sistematiku. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, iċ-ċiklopropilfentanil ġie sekwestrat f'forma ta' trab, iżda kien ukoll issekwestrat, f'miżura iżgħar, bħala likwidu u bħala pilloli. Il-kwantitajiet individwati huma relattivament żgħar. Madankollu, jenħtieġ li dawn jitqiesu fil-kuntest tal-potenza għolja li hija tipika għall-fentanils.

(4)

Ġew irrapportati 77 każ ta' mewt minn żewġ Stati Membri fejn kien ikkonfermat l-esponiment għaċ-ċiklopropilfentanil. Il-każijiet ta' mewt seħħew fi żmien qasir, jiġifieri bejn Ġunju u Diċembru 2017. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ġew individwati wkoll drogi oħra flimkien maċ-ċiklopropilfentanil. Fil-każ ta' mill-inqas 74 minn dawk il-każijiet ta' mewt, iċ-ċiklopropilfentanil kien il-kawża tal-mewt jew x'aktarx li kkontribwixxa għall-mewt. Ma ġew irrappurtati l-ebda intossikazzjonijiet akuti flimkien ma' esponiment ikkonfermat għaċ-ċiklopropilfentanil. Huwa probabbli li n-nalaxonum iservi bħala antidotu kontra l-ivvelenar ikkawżat miċ-ċiklopropilfentanil. Kemm l-intossikazzjonijiet mhux fatali kif ukoll l-imwiet ikkawżati miċ-ċiklopropilfentanil x'aktarx li ma jiġux individwati kollha u ma jiġux rapportati kollha, peress li ċ-ċiklopropilfentanilma jiġix skrinjat b'mod sistematiku. L-esponiment aċċidentali għaċ-ċiklopropilfentanil jista' joħloq riskju għall-familjari u l-ħbieb tal-utent, għall-infurzar tal-liġi, għall-persunal ta' emerġenza, għall-persunal mediku u dak tal-laboratorji forensiċi, kif ukoll għal dawk li qegħdin f'ambjent ta' kustodja u tas-servizzi postali.

(5)

Ma hemm ebda evidenza diretta li turi l-involviment tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, id-distribuzzjoni, it-traffikar u l-forniment taċ-ċiklopropilfentanil fl-Unjoni. Madankollu, minħabba l-fatt li dan ġie individwat f'kampjun tal-eroina u f'mediċini ffalsifikati, l-involviment ta' kriminalità organizzata ma jistax jiġi eskluż. Id-data disponibbli tissuġġerixxi li ċ-ċiklopropilfentanil huwa prodott minn kumpaniji kimiċi bbażati fiċ-Ċina, imma l-kapaċità għall-manifattura tal-fentanils tista' teżisti wkoll fl-Unjoni.

(6)

Jidher li ċ-ċiklopropilfentanil jinbiegħ onlajn f'ammonti żgħar u permezz ta' bejgħ bl-ingrossa, bil-pretest ta' kimika għar-riċerka jew bħala sostitut legali għal opjojdi illeċiti, prinċipalment bħala trab jew bħala soluzzjoni fi sprejs nasali lesti għall-użu. Barra minn hekk, l-informazzjoni mis-sekwestri turi li ċ-ċiklopropilfentanil ġie użat ukoll fil-manifattura ta' pilloli ta' mediċini analġeżiċi popolari u bil-benżodiażepina ffalsifikati. L-informazzjoni mis-sekwestri tindika li ċ-ċiklopropilfentanil seta' wkoll ġie mibjugħ fuq is-suq illeċitu tal-opjojdi bl-isem ta' metossiaċetilfentanil, bħala eroina u f'taħlitiet ma' opjojdi oħra bħall-eroina. Minħabba dan, l-utenti jistgħu ma jkunux konxji li qegħdin jużaw il-fentanil.

(7)

Il-metossiaċetilfentanil ilu disponibbli fl-Unjoni mill-inqas minn Novembru 2016. Ġie individwat fi 11-il Stat Membru li rraportaw total ta' 44 sekwestru bejn Ġunju 2017 u Diċembru 2017. B'mod ġenerali, huwa probabbli li l-każijiet ta' individwazzjoni mhumiex rapportati kollha billi il-metossiaċetilfentanil ma jiġix skrinjat b'mod sistematiku. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-metossiaċetilfentanil ġie issekwestrat bħala trab jew bħala likwidu, iżda ġie wkoll issekwestrat, f'miżura iżgħar, bħala pilloli. Il-kwantitajiet individwati huma relattivament żgħar. Madankollu, jenħtieġ li dawn jitqiesu fil-kuntest tal-potenza għolja li hija tipika għall-fentanils.

(8)

Ġew irrapportati 13-il każ ta' mewt minn erba' Stati Membri fejn kien ikkonfermat l-esponiment għall-metossiaċetilfentanil. Fil-każijiet kollha, ġew individwati wkoll drogi oħra flimkien mal-metossiaċetilfentanil. Fil-każ ta' mill-inqas seba' minn dawk il-każijiet ta' mew, il-metossiaċetilfentanil kien il-kawża tal-mewt jew x'aktarx li kkontribwixxa għall-mewt. Ġew irrappurtati żewġ każijiet ta' intossikazzjoni akuta flimkien ma' esponiment ikkonfermat mal-metossiaċetilfentanil. Huwa probabbli li n-nalaxonum iservi bħala antidotu kontra l-ivvelenar ikkawżat mill-metossiaċetilfentanil. Kemm l-intossikazzjonijiet mhux fatali kif ukoll l-imwiet ikkawżati mill-metossiaċetilfentanil x'aktarx li ma jiġux individwati kollha u ma jiġux irrappurtati kollha, peress li ma jiġux skrinjati b'mod sistematiku. L-esponiment aċċidentali għall-metossiaċetilfentanil jista' joħloq riskju għall-familjari u l-ħbieb tal-utent, għall-infurzar tal-liġi, għall-persunal ta' emerġenza, għall-persunal mediku u tal-laboratorji forensiċi, kif ukoll għal dawk li qegħdin f'ambjent ta' kustodja u tas-servizzi postali.

(9)

Ma hemm ebda informazzjoni li tissuġġerixxi l-involviment tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, id-distribuzzjoni, it-traffikar u l-forniment tal-metossiaċetilfentanil fl-Unjoni. Id-data disponibbli tissuġġerixxi li l-metossiaċetilfentanil huwa prodott minn kumpaniji kimiċi fiċ-Ċina, imma l-kapaċità għall-manifattura tal-fentanils tista' teżisti wkoll fl-Unjoni.

(10)

Jidher li Il-metossiaċetilfentanil tinbiegħ onlajn f'ammonti żgħar u permezz ta' bejgħ bl-ingrossa, bil-pretest ta' kimika għar-riċerka jew bħala sostitut legali għal opjojdi illeċiti, bħala trab jew bħala soluzzjoni fi sprej nasali lesti għall-użu. L-informazzjoni mis-sekwestri tissuġġerixxi li l-metossiaċetilfentanil seta' wkoll ġie mibjugħ fuq is-suq illeċitu tal-opjojdi, fejn jinbiegħ jew jintuża biex jiġu prodotti analġeżiċi u benżodiażepina ffalsifikati. Minħabba dan, l-utenti jistgħu ma jkunux konxji li qegħdin jużaw il-fentanil.

(11)

Iċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil ma għandhom l-ebda użu mediku għall-bniedem jew l-annimal li huwa rikonoxxut fl-Unjoni u lanqas, mid-dehra, barra l-Unjoni. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li huma jistgħu jintużaw għal xi skop ieħor minbarra standard analitiku ta' referenza u fir-riċerka xjentifika.

(12)

Ir-rapporti ta' valutazzjoni tar-riskju juru li bosta mistoqsijiet relatati maċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil li jirriżultaw minn-nuqqas ta' data dwar ir-riskji għas-saħħa individwali, ir-riskji għas-saħħa pubblika, u r-riskji soċjali, jistgħu isibu risposta permezz ta' iktar riċerka. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji tas-saħħa u dawk soċjali li joħolqu ċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil, anki minħabba s-similaritajiet tagħhom mal-fentanil, jipprovdu raġunijiet suffiċjenti biex iċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil jiġu sottoposti għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

(13)

Iċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil mhumiex elenkati għall-kontroll taħt il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi jew taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. Bħalissa huma mhumiex taħt valutatazzjoni mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

(14)

Billi tmien Stati Membri jikkontrollaw iċ-ċiklopropilfentanil u disa' Stati Membri jikkontrollaw il-metossiaċetilfentanil taħt leġiżlazzjoni nazzjonali għall-kontroll tad-drogi, u billi ħames Stati Membri jikkontrollaw iċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil taħt leġiżlazzjoni oħra, il-fatt li iċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil jkunu sottoposti għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jgħin biex jiġi evitat li jfeġġu ostakli fl-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntieri, u jgħin fil-protezzjoni mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħhom joħolqu.

(15)

Id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI tikkonferixxi s-setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kunsill bil-ħsieb li jkun hemm reazzjoni rapida u bbażata fuq kompetenza esperta fil-livell tal-Unjoni fil-każ li jfeġġu sustanzi psikoattivi ġodda individwati u rrappurtati mill-Istati Membri, billi dawn is-sustanzi jiġu sottposti għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Billi l-kondizzjonijiet u l-proċedura biex jiġi attivat l-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni ġew issodisfati, jenħtieġ li tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni sabiex iċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil jiġu sottoposti għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

(16)

Id-Danimarka hija marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

(17)

L-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

(18)

Ir-Renju Unit mhuwiex marbut bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sustanzi psikoattivi l-ġodda N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-il]ċiklopropankarbossammid (“ċiklopropilfentanil”) u 2-metossi-N-fenil-N-[1-(2- feniletil)piperidin-4-il]aċetammid (“metossiaċetilfentanil”) għandhom jiġu sottoposti għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

Artikolu 2

Sad-29 ta' Settembru 2019, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, biex jissottoponu ċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil għal miżuri ta' kontroll u għal pieni kriminali, kif previst fil-leġiżlazzjoni tagħhom, b'mod konformi mal-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi jew taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika b'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Settembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

M. SCHRAMBÖCK


(1)  ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.

(2)  Opinjoni tal-11 ta' Settembru 2018 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Il-61 sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi f'Marzu 2018 iddeċidiet li tiskeda l-Ocfentanil fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar Drogi Narkotiċi, kif emendata mill-Protokoll tal-1972.


Top