This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R1979
Commission Regulation (EU) 2017/1979 of 31 October 2017 amending Annex II to Regulation (EC) No 854/2004 of the European Parliament and of the Council laying down specific rules for the organisation of officials controls on products of animal origin intended for human consumption as regard echinoderms harvested outside classified production areas (Text with EEA relevance. )
Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1979 tal-31 ta' Ottubru 2017 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman rigward l-ekinodermi miġbura barra miż-żoni tal-produzzjoni kklassifikati (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1979 tal-31 ta' Ottubru 2017 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman rigward l-ekinodermi miġbura barra miż-żoni tal-produzzjoni kklassifikati (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
C/2017/7213
ĠU L 285, 1.11.2017, p. 6–7
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 13/12/2019; Impliċitament imħassar minn 32017R0625
1.11.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 285/6 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1979
tal-31 ta' Ottubru 2017
li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman rigward l-ekinodermi miġbura barra miż-żoni tal-produzzjoni kklassifikati
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman. |
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produzzjoni u l-introduzzjoni fis-suq ta' molluski bivalvi ħajjin, ta' ekinodermi ħajjin, ta' tunikati ħajjin u ta' gastropodi marini ħajjin isirulhom kontrolli uffiċjali kif deskritt fl-Anness II tiegħu. Il-Kapitolu II ta' dak l-Anness jistipula r-regoli li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni taż-żoni ta' produzzjoni u l-monitoraġġ ta' żoni bħal dawn. |
(3) |
Fil-Kapitolu II tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, iż-żoni ta' produzzjoni huma kklassifikati skont il-livell ta' kontaminazzjoni fekali. L-organiżmi filtraturi, bħalma huma l-molluski bivalvi, jistgħu jakkumulaw mikroorganiżmi li jirrappreżentaw riskju għas-saħħa pubblika. Din hija r-raġuni għalfejn il-klassifikazzjoni taż-żoni tal-produzzjoni hija bbażata fuq il-preżenza ta' ċerti mikroorganiżmi relatati mal-kontaminazzjoni fekali. |
(4) |
Ġeneralment l-ekinodermi mhumiex organiżmi filtraturi; għaldaqstant ir-riskju li tali organiżmi jakkumulaw mikroorganiżmi marbuta mal-kontaminazzjoni fekali huwa remot. Barra minn hekk, ma ġiet irrappurtata l-ebda informazzjoni epidemjoloġika li torbot ir-regoli dwar il-klassifikazzjoni taż-żoni tal-produzzjoni, preskritti fil-Kapitolu II tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, mar-riskji għas-saħħa pubblika assoċjati mal-ekinodermi li mhumiex organiżmi filtraturi. |
(5) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-ekinodermi jiġu esklużi mir-regoli dwar il-klassifikazzjoni taż-żoni tal-produzzjoni stipulati fil-Kapitolu II tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004. |
(6) |
Il-Kapitolu III tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 jistabbilixxi l-kontrolli uffiċjali li jikkonċernaw il-pectinidae u l-gastropodi marini ħajjin li mhumiex organiżmi filtraturi miġbura barra miż-żoni tal-produzzjoni kklassifikati; jenħtieġ li l-ekinodermi li mhumiex organiżmi filtraturi jiġu inklużi f'dan il-Kapitolu. |
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Kapitolu III tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 jiġi emendat skont dan. |
(8) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, il-Kapitolu III jiġi sostitwit b'dan li ġej:
“KAPITOLU III: KONTROLLI UFFIĊJALI LI JIKKONĊERNAW IL-PECTINIDAE, IL-GASTROPODI MARINI U L-EKINODERMI LI MHUMIEX FILTRATURI MIĠBURA BARRA Ż-ŻONI TAL-PRODUZZJONI KKLASSIFIKATI
Il-kontrolli uffiċjali fuq il-pectinidae, il-gastropodi marini ħajjin u l-ekinodermi li mhumiex filtraturi, li jinġabru barra ż-żoni tal-produzzjoni kklassifikati għandhom jitwettqu fl-irkantijiet tal-ħut, fiċ-ċentri ta' dispaċċ u fl-istabbilimenti ta' pproċessar.
Kontrolli uffiċjali bħal dawn jeħtieġ li jivverifikaw il-konformità mal-istandards tas-saħħa għall-molluski bivalvi ħajjin stipulati fl-Anness III, it-Taqsima VII, il-Kapitolu V, tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 kif ukoll il-konformità ma' rekwiżiti oħra tal-Anness III, it-Taqsima VII, il-Kapitolu IX ta' dak ir-Regolament.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Ottubru 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.