This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R1000
Commission Regulation (EU) 2017/1000 of 13 June 2017 amending Annex XVII to Regulation (EC) No 1907/2006 of the European Parliament and of the Council concerning the Registration, Evaluation, Authorisation and Restriction of Chemicals (REACH) as regards perfluorooctanoic acid (PFOA), its salts and PFOA-related substances (Text with EEA relevance. )
Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1000 tat-13 ta' Ġunju 2017 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u s-sustanzi relatati mal-PFOA (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1000 tat-13 ta' Ġunju 2017 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u s-sustanzi relatati mal-PFOA (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
C/2017/3907
ĠU L 150, 14.6.2017, p. 14–18
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
14.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 150/14 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1000
tat-13 ta' Ġunju 2017
li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u s-sustanzi relatati mal-PFOA
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummikssjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 68(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u s-sustanzi relatati mal-PFOA (2) għandhom xi karatteristiċi speċifiċi bħal reżistenza ta' frizzjoni għolja, dielettrikalità, reżistenza għas-sħana u għall-aġenti kimiċi, u enerġija tal-wiċċ baxxa. Huma jintużaw f'firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet bħal fil-produzzjoni tal-fluworopolimeri u l-fluworoelastomeri, bħala aġenti tensjoattivi fil-fowms għat-tifi tan-nar, u fil-produzzjoni tat-tessuti u tal-karta biex jipprovdu reeżistenza għall-ilma, il-grassi, iż-żejt u/jew il-ħmieġ. |
(2) |
Fl-14 ta' Ġunju 2013, il-Kumitat tal-Istati Membri, imsemmi fl-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, identifika l-PFOA bħala sustanza persistenti, bijoakkumulattiva u tossika (“PBT”) skont l-Artikolu 57(d) ta' dak ir-Regolament. Fl-20 ta' Ġunju 2013, il-PFOA ġie inkluż fil-Lista tal-Kandidati ta' Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna (“SVHC”) għall-inklużjoni possibbli fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. |
(3) |
Fis-17 ta' Ottubru 2014, il-Ġermanja u n-Norveġja ppreżentaw lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) dossier (3) skont l-Artikolu 69(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (minn hawn' il quddiem “id-dossier tal-Anness XV”), li jipproponi li jittrażżnu l-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-PFOA, l-imlieħ tiegħu u s-sustanzi relatati mal-PFOA, sabiex jiġu indirizzati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Il-Ġermanja u n-Norveġja pproponew limitu ta' konċentrazzjoni ta' 2 ppb għall-preżenza ta' dawn is-sustanzi f'sustanzi oħra, taħlitiet jew oġġetti, u ma pproponewx eżenzjonijiet ħlief għal oġġetti użati li l-użu aħħari tagħhom fl-Unjoni jista' jintwera qabel id-data tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni. |
(4) |
Fit-8 ta' Settembru 2015, il-Kumitat tal-Aġenzija għall-Istima tar-Riskju (“RAC”) adotta l-opinjoni tiegħu, fejn ikkonkluda li suġġetta għall-modifika tal-kamp ta' applizazzjoni u tal-kundizzjonijiet proposti fid-dossier tal-Anness XV, restrizzjoni ġenerali tal-manifattura, l-użu u t-tqegħid fis-suq tal-PFOA, l-imlieħ tiegħu u s-sustanzi relatati mal-PFOA, hija l-aktar miżura xierqa madwar l-Unjoni biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati f'termini tal-effettività fit-tnaqqis ta' dawn ir-riskji. Ir-RAC ippropona żewġ limiti ta' konċentrazzjoni differenti, jiġifieri 25 ppb għall-PFOA u l-imlieħ tiegħu u 1 000 ppb għal sustanza waħda jew kombinazzjoni ta' sustanzi relatati mal-PFOA, f'sustanzi, taħlitiet jew oġġetti oħrajn, b'rifless tal-preżenza possibbli ta' impuritajiet u ta' kontaminanti mhux intenzjonati li ma jistgħux jiġu evitati, u b'qies tal-kapaċitajiet tal-metodi analitiċi. Il-RAC ippropona li jiġu eżentati mir-restrizzjoni kisjiet fotografiċi applikati għal films, karti, jew pjanċi tal-istampar, tagħmir mediku impjantabbli u sustanzi jew taħlitiet użati b'semikondutturi u proċessi fotolitografiċi, b'kunsiderazzjoni għall-impatt ambjentali relattivament baxx u għaż-żmien fit-tul biex dawn jiġu sostitwiti. Il-RAC ippropona li jiġi eżentat ukoll l-użu ta' sustanzi bħala sustanzi intermedji iżolati trasportati bl-għan li jippermettu l-manifattura ta' alternattivi, kif ukoll it-tqegħid fis-suq ta' oġġetti użati. |
(5) |
Fl-4 ta' Diċembru 2015, il-Kumitat tal-Aġenzija għall-Analiżi Soċjoekonomika (“SEAC”) adotta l-opinjoni tiegħu, li tindika li r-restrizzjoni proposta fid-dossier tal-Anness XV, kif immodifikata mill-RAC u l-SEAC, hija l-aktar miżura xierqa fl-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati f'termini ta' benefiċċji u kostijiet soċjoekonomiċi. |
(6) |
Il-SEAC qabel mal-eżenzjonijiet proposti mir-RAC. Barra minn hekk, l-SEAC issuġġerixxa diferiment ta' tliet snin għall-applikazzjoni ta' din ir-restrizzjoni, minflok it-tmintax-il xahar proposti fid-dossier tal-Anness XV, ħalli l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji għall-konformità. Abbażi tal-konsiderazzjonijiet soċjoekonomiċi, bħal spejjeż għoljin, piż ekonomiku sinifikanti, nuqqas ta' alternattivi, emissjonijiet relattivament baxxi fl-ambjent, użi kritiċi b'benefiċċji soċjetali għoljin, l-SEAC issuġġerixxa aktar posponimenti tar-restrizzjoni fil-każ tal-inki tal-istampar tal-lattiċe, it-tessuti għall-protezzjoni tal-ħaddiema, il-membrani maħsuba għal tessuti mediċi, il-filtrazzjoni fit-trattament tal-ilma, il-proċessi ta' produzzjoni, u t-trattament tal-effluwenti, ċerti nanocoatings tal-plażma u tagħmir mediku mhux impjantabbli. |
(7) |
L-RAC u l-SEAC qablu wkoll li jeżentaw mir-restrizzjoni proposta il-fowms tat-tifi tan-nar li kienu diġà tqiegħdu fis-suq qabel id-data tal-applikazzjoni tair-restrizzjoni, u t-tagħmir għall-manifattura tas-semikondutturi. |
(8) |
Il-Forum tal-Aġenzija għall-Iskambju ta' Informazzjoni dwar l-Infurzar, imsemmi fl-Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ġie kkonsultat waqt il-proċess tar-restrizzjoni u l-opinjoni tiegħu ġiet ikkunsidrata. |
(9) |
Fit-12 ta' Jannar 2016, l-Aġenzija ppreżentat l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC (4) lill-Kummissjoni. |
(10) |
Abbażi ta' dawk l-opinjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent li jirriżulta mill-manifattura, mill-użu jew mill-introduzzjoni fis-suq tal-PFOA, l-imlieħ tiegħu u s-sustanzi relatati mal-PFOA weħedhom, bħala kostitwenti ta' sustanzi oħra, jew f'taħlitiet u f'oġġetti. Il-Kummissjoni tqis li dawn ir-riskji għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni. |
(11) |
L-aċidu sulfoniku tal-perfluworoottan (“PFOS”) u d-derivati tiegħu għandhom ikunu eżentati mir-restrizzjoni proposta, billi dawk is-sustanzi diġà huma rregolati bir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Il-produzzjoni inevitabbli tal-PFOA matul il-manifattura ta' fluworokimiċi b'katina tal-karbonju ndaqs jew iqsar minn sitt atomi għandha wkoll tkunu eżentata mir-restrizzjoni proposta. |
(12) |
Skont il-parir mill-SEAC, l-applikazzjoni ta' din ir-restrizzjoni għandha tiġi diferita ġeneralment għal perjodu ta' tliet snin u għal perjodi itwal fir-rigward ta' setturi speċifiċi sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jikkonformaw mar-restrizzjoni proposta. Filwaqt li huwa disponibbli metodu analitiku għad-determinazzjoni tal-PFOS estrattabbli f'oġġetti solidi miksijin jew imxappin, f'likwidi u f'fowms għat-tifi tan-nar (CEN/TS 15968:2010), li aktarx jista' jiġi aġġustat biex jinkludi wkoll il-PFOA u s-sustanzi relatati mal-PFOA bil-limiti tad-detezzjoni relevanti, fil-preżent l-ebda metodu standard ta' dan it-tip mhu disponibbli għall-estrazzjoni u l-analiżi kimika ta' dawk is-sustanzi. Il-perjodu ta' diferriment għar-ristrezzjoni għandu jippermetti l-iżvilupp ulterjuri ta' metodi analitiċi xierqa li jistgħu jiġu applikati għall-matriċi kollha. |
(13) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan. |
(14) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ġunju 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(2) Is-sustanzi relatati mal-PFOA huma sustanzi li, skont l-istruttura molekulari tagħhom, jitqiesu li għandhom il-potenzal li jiddegradaw jew jinbidlu biex isiru PFOA.
(3) http://echa.europa.eu/documents/10162/e9cddee6-3164-473d-b590-8fcf9caa50e7
(4) https://echa.europa.eu/documents/10162/2f0dfce0-3dcf-4398-8d6b-2e59c86446be
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7).
ANNESS
Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, tiżdied l-entrata li ġejja:
|
|