EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0867

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/867 tas-7 ta' Frar 2017 dwar il-klassijiet ta' arranġamenti li għandhom jiġu protetti fi trasferiment parzjali ta' proprjetà skont l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/0597

ĠU L 131, 20.5.2017, p. 15–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/867/oj

20.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 131/15


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/867

tas-7 ta' Frar 2017

dwar il-klassijiet ta' arranġamenti li għandhom jiġu protetti fi trasferiment parzjali ta' proprjetà skont l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 76 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2014/59/UE tirrikjedi lill-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni ta' ċerti klassijiet ta' arranġamenti waqt trasferiment parzjali ta' assi, drittijiet u obbligazzjonijiet ta' istituzzjoni taħt riżoluzzjoni. L-istess protezzjoni hija meħtieġa meta awtorità ta' riżoluzzjoni timmodifika bil-forza t-termini ta' kuntratt li l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni tkun parti fih. Din il-protezzjoni għandha l-għan li tipprevjeni, meta jkun sar trasferiment parzjali jew saret modifika kuntrattwali, il-qsim ta' assi, drittijiet u obbligazzjonijiet li jkunu marbutin ma' xulxin permezz ta' dawn l-arranġamenti.

(2)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta' din il-protezzjoni, huwa meħtieġ li jiġu identifikati b'mod preċiż it-tipi ta' arranġamenti li jaqgħu fl-ambitu ta' kull waħda mill-klassijiet stabbiliti skont id-Direttiva 2014/59/UE. Il-metodu l-aktar xieraq għal din l-identifikazzjoni huwa li jiġu stabbiliti regoli u definizzjonijiet dettaljati, b'żieda ma' dawk stabbiliti skont id-Direttiva 2014/59/UE. Dan huwa preferibbli milli tiġi stabbilita lista ta' arranġamenti speċifiċi li jistgħu jidħlu fis-seħħ taħt il-liġijiet nazzjonali differenti tal-Istati Membri, billi lista bħal din tkun diffiċli biex titlesta u jkun teħtieġ li tiġi aġġornata kontinwament. Dan ir-Regolament bħala tali għandu jikkjarifika u jillimita, fejn meħtieġ, il-kamp ta' applikazzjoni tad-diversi forom ta' protezzjoni previsti mid-Direttiva 2014/59/UE għal kull klassi ta' arranġament.

(3)

Il-klassijiet differenti ta' arranġamenti stabbiliti fl-Artikolu 76(2) tad-Direttiva 2014/59/UE huma ddettaljati f'livelli differenti: xi klassijiet huma speċifikati għal kollox, filwaqt li oħrajn huma determinati f'termini aktar vagi. Barra minn hekk, xi klassijiet jirreferu għal tip wieħed ta' relazzjoni kuntrattwali u obbligazzjoni jew għal sett limitat ta' relazzjonijiet kuntrattwali u obbligazzjonijiet, filwaqt li oħrajn ikopru għadd akbar u firxa miftuħa ta' obbligazzjonijiet kuntrattwali, tranżazzjonijiet u relazzjonijiet. Dawn il-klassijiet tal-aħħar jistgħu potenzjalment jinkludu r-relazzjonijiet kollha legali u kuntrattwali bejn istituzzjoni u waħda jew aktar mill-kontropartijiet tagħha. Jekk dawk il-klassijiet ta' arranġamenti kellhom jiġu mħarsa bis-sħiħ, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jistgħu jsibuha diffiċli biex jagħmlu trasferimenti parzjali, jew saħansitra jkun impossibbli li jagħmlu jekk. Huwa għalhekk xieraq li tiġi evitata protezzjoni eċċessiva li tista' potenzjalment testendi għall-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet kollha bejn istituzzjoni u l-kontropartijiet tagħha.

(4)

Xi klassijiet ta' arranġamenti protetti huma definiti f'termini usa' fid-Direttiva 2014/59/UE. Sabiex tittejjeb iċ-ċertezza f'termini ta' kamp ta' applikazzjoni, jiġifieri f'dak li għandu x'jaqsam ma' arranġamenti ta' garanzija, arranġamenti ta' tpaċija u ta' netting u arranġamenti finanzjarji strutturati, dawn il-klassijiet għandhom jiġu speċifikati aktar. Dan ir-Regolament Delegat ma għandux jimpedixxi lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni milli jispeċifikaw aktar fi trasferimenti parzjali dawk it-tipi ta' arranġamenti ta' tpaċija u ta' netting li jridu jiġu protetti fi trasferimenti parzjali individwali, meta dawn ikunu rikonoxxuti għall-iskopijiet ta' mitigazzjoni tar-riskji skont ir-regoli prudenzjali u l-protezzjoni applikabbli, b'mod partikolari permezz tan-nonseparabbiltà, hija kundizzjoni għal dan ir-rikonoxximent. L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu fuq tali protezzjoni estiża f'każijiet ta' riżoluzzjoni individwali.

(5)

Il-kontropartijiet tal-istituzzjoni jistgħu jaqblu dwar ftehim “ta' tpaċija” hekk imsejjaħ “omnikomprensiv” jew li jikkontempla kumplessivament jew speċifikament, inklużi d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet kollha bejn il-partijiet. B'konsegwenza ta' dan it-tip ta' ftehim kull obbligazzjoni bejn il-partijiet tiġi protetti kontra li tiġi separata minn mal-oħrajn. Din tkun tirrendi inġestibbli t-trasferiment parzjali fir-rigward ta' din il-kontroparti, u b'mod ġenerali tista' tipperikola l-vijabbiltà tal-għodda kompletament, peress li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu ma jkunx kapaċi jagħrfu liema obbligazzjonijiet huma jew mhumiex koperti minn dawn l-arranġamenti. Għalhekk, għandu jkompli jiġi ċċarat li netting u ftehimiet ta' tpaċija “omnikomprensivi” jew “li jikkontemplaw kumplessivament u speċifikament”, inkluż l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet kollha bejn il-partijiet, ma għandhomx jikkwalifikaw bħala arranġamenti protetti.

(6)

L-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/59/UE jimplika li kull tnaqqis fil-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjonijiet ta' arranġamenti protetti skont l-Artikolu 76(2) tad-Direttiva 2014/59/UE ma għandux jaffettwa l-operat ta' sistemi ta' negozjar, tal-ikklerjar u tas-saldu, sakemm dawn is-sistemi jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom għalhekk ikunu obbligati jipproteġu t-tipi ta' arranġamenti kollha msemmija fl-Artikolu 76(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, li huma marbuta ma' attività tal-kontroparti bħala Kontroparti Ċentrali (CCP). Dan jinkludi, iżda m'hemmx għalfejn ikun limitat għal, l-attività koperta minn fond tal-inadempjenza skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(7)

L-istess japplika għal assi, drittijiet u obbligazzjonijiet relatati ma' sistemi ta' pagament jew ta' saldu tat-titoli. Billi l-arranġamenti ta' netting li jaqgħu fl-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 98/26/KE huma protetti f'każ ta' insolvenza, huma għandhom ukoll ikunu protetti, għal raġuni ta' konsistenza, skont l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/59/UE. Madankollu, huwa xieraq li l-kamp ta' applikazzjoni tal-protezzjoni skont l-Artikolu 76(2) ta' dik id-Direttiva jiġi estiż għall-arranġamenti kollha b'sistemi ta' pagament jew ta' saldu tat-titoli u l-attività relatata tagħhom, fejn applikabbli.

(8)

Il-ħtieġa li jiġi speċifikat il-kamp ta' applikazzjoni tal-arranġament li jibbenefika mis-salvagwardji f'ċerti każijiet skont l-Artikolu 76(2) tad-Direttiva 2014/59/UE ma għandhiex, b'mod ġenerali, timpedixxi lill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni milli jipproteġu xi klassijiet ta' arranġamenti li jistgħu jiġu inklużi taħt waħda mill-kategoriji f'dan l-Artikolu, u li huma protetti fi proċedimenti ta' insolvenza kontra s-separazzjoni ta' assi, drittijiet u obbligazzjonijiet li jaqgħu taħt dawn il-ftehimiet skont il-liġi nazzjonali tal-insolvenza tagħhom inkluża t-traspożizzjoni nazzjonali tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Dan huwa l-każ, jekk kreditur xorta jibqa' jibbenefika mid-drittijiet li jirriżultaw mill-arranġament sakemm it-tranżazzjoni kollha ma tkunx ġiet annullata skont il-liġi nazzjonali tal-insolvenza. Dan japplika b'mod partikolari għal arranġamenti ta' garanzija u arranġamenti ta' tpaċija u ta' netting li huma protetti bil-liġi nazzjonali tal-insolvenza,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet fid-Direttiva 2014/59/UE. Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(1)

“Titolizzazzjoni” tfisser titolizzazzjoni kif definita fl-Artikolu 4(1)(61) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(2)

“Ftehimiet kuntrattwali ta' netting” tfisser ftehimiet kuntrattwali ta' netting kif definit fl-Artikolu 295 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 2

Kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-arranġamenti ta' garanzija, inkluż tranżazzjonijiet ta' finanzjament ta' titoli

L-arranġamenti ta' garanzija skont l-Artikolu 76(2)(a) tad-Direttiva 2014/59/UE jinkludu dan li ġej:

(1)

l-arranġamenti li jistipulaw il-garanziji, it-titoli u l-garanziji personali;

(2)

rahan u interessi oħrajn f'garanziji reali;

(3)

arranġamenti ta' għoti ta' self ta' titoli li ma jinvolvux trasferiment ta' sjieda sħiħa tal-kollateral u li jinvolvu parti waħda (mutwanti) li ssellef it-titoli lill-parti l-oħra (mutwatarju) għal tariffa jew pagament tal-imgħax u li fihom il-mutwatarju jipprovdi lill-mutwanti b'kollateral għall-perjodu tas-self.

L-arranġamenti ta' garanzija jikkwalifikaw bħala arranġamenti ta' garanzija skont l-Artikolu 76(2)(a) tad-Direttiva 2014/59/UE biss jekk id-drittijiet jew l-assi li magħhom huwa mehmuż jew jintehmeż l-interess ta' garanzija f'każ ta' event ta' infurzar ikunu suffiċjentement identifikati jew identifikabbli skont it-termini tal-arranġament u l-liġi nazzjonali applikabbli.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet relatati ma' arranġamenti ta' tpaċija

1.   Arranġamenti ta' tpaċija konklużi bejn istituzzjoni u kontroparti partikolari waħda għandhom jikkwalifikaw bħala arranġamenti ta' tpaċija skont l-Artikolu 76(2)(c) tad-Direttiva 2014/59/UE meta jirrelataw ma' drittijiet u obbligazzjonijiet li jinħolqu skont kuntratti finanzjarji jew derivattivi.

2.   Arranġamenti ta' tpaċija konklużi bejn istituzzjoni u kontroparti partikolari waħda jew iktar għandhom jikkwalifikaw bħala arranġamenti ta' tpaċija skont l-Artikolu 76(2)(c) tad-Direttiva 2014/59/UE f'kull waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fejn l-arranġamenti huma marbuta ma' attività tal-kontroparti bħala kontroparti ċentrali, b'mod partikolari għall-attivitajiet koperti minn fond tal-inadempjenza skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(b)

fejn l-arranġamenti huma relatati ma' drittijiet u obbligi lejn sistemi kif definit fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/26/KE jew sistemi oħra ta' pagament jew ta' saldu tat-titoli u huma marbuta mal-attività tagħhom bħala sistemi ta' pagament jew ta' saldu tat-titoli.

3.   L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jistgħu jiddeċiedu, f'każijiet individwali, li arranġamenti ta' tpaċija konklużi bejn istituzzjoni u kontroparti partikolari waħda jew iktar sakemm dawn jikkonċernaw tipi oħra ta' drittijiet u obbligazzjonijiet għajr dawk li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 1 u 2, jistgħu jikkwalifikaw bħala arranġamenti ta' tpaċija skont l-Artikolu 76(2)(c) tad-Direttiva 2014/59/UE fejn l-arranġamenti huma rikonoxxuti għall-iskopijiet tal-mitigazzjoni tar-riskji skont regoli prudenzjali u l-protezzjoni applikabbli, b'mod partikolari permezz tan-nonseparabbiltà, tkun kundizzjoni għal dak ir-rikonoxximent.

Artikolu 4

Kundizzjonijiet relatati ma' arranġamenti ta' netting

1.   Ftehimiet ta' netting kuntrattwali konklużi bejn istituzzjoni u kontroparti partikolari waħda għandhom jikkwalifikaw bħala arranġamenti ta' netting skont l-Artikolu 76(2)(d) tad-Direttiva 2014/59/UE meta jirrelataw ma' drittijiet u obbligazzjonijiet li jinħolqu skont kuntratti finanzjarji jew derivattivi.

2.   Il-ftehimiet kuntrattwali ta' netting bejn l-istituzzjoni u kontroparti partikolari waħda jew iktar għandhom jikkwalifikaw bħala arranġamenti ta' netting skont l-Artikolu 76(2)(d) tad-Direttiva 2014/59/UE f'kull waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fejn l-arranġamenti huma marbuta ma' attività tal-kontroparti bħala kontroparti ċentrali, b'mod partikolari għall-attivitajiet koperti minn fond tal-inadempjenza skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(b)

fejn l-arranġamenti huma relatati ma' drittijiet u obbligi lejn sistemi kif definit fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/26/KE jew sistemi oħra ta' pagament jew ta' saldu tat-titoli u huma marbuta mal-attività tagħhom bħala sistemi ta' pagament jew ta' saldu tat-titoli.

3.   L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jistgħu jiddeċiedu, f'każijiet individwali, li l-arranġamenti ta' netting konklużi bejn istituzzjoni u kontroparti partikolari waħda jew iktar jistgħu jikkwalifikaw, f'każijiet individwali, bħala arranġament ta' netting skont l-Artikolu 76(2)(d) tad-Direttiva 2014/59/UE fejn huma rikonoxxuti għall-iskopijiet ta' mitigazzjoni tar-riskji skont ir-regoli prudenzjali u l-protezzjoni applikabbli, b'mod partikolari permezz tan-nonseparabbiltà, hija kundizzjoni għal dan ir-rikonoxximent.

Artikolu 5

Kundizzjonijiet ġenerali li japplikaw għall-arranġamenti ta' garanzija, arranġamenti ta' tpaċija u ta' netting u arrangamenti finanzjarji strutturati

1.   L-Artikoli 2, 3 u 4 huma bla ħsara għal dawn is-setgħat tal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni:

(a)

biex jipproteġu kull tip ta' arranġamenti li jistgħu jiġu inklużi taħt waħda mill-klassijiet fil-punti (a), (c), (d) u (f) tal-Artikolu 76(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, u li fi proċedimenti normali ta' insolvenza huma protetti kontra separazzjoni, sospensjoni jew kanċellazzjoni temporanja jew indefinita ta' assi, drittijiet u obbligazzjonijiet li jaqgħu taħt dawn l-arranġamenti skont il-liġi nazzjonali tal-insolvenza tagħhom inkluża t-traspożizzjoni nazzjonali tad-Direttiva 2001/24/KE,

(b)

biex jipproteġu kull tip ta' arranġament li ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 76(2) tad-Direttiva 2014/59/UE u li fi proċedimenti normali ta' insolvenza huwa protett kontra separazzjoni, sospensjoni jew kanċellazzjoni temporanja jew indefinita ta' assi, drittijiet u obbligazzjonijiet li jaqgħu taħt dawn l-arranġamenti skont il-liġi nazzjonali tal-insolvenza tagħhom inkluża t-traspożizzjoni nazzjonali tad-Direttiva 2001/24/KE.

2.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu, f'każijiet individwali, jeskludu mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 76(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-arranġamenti ta' garanzija, jew ta' tpaċija u ta' netting li jikkonċernaw kuntratti inkluża kull klawżola li, f'każ ta' inadempjenza ta' kontroparti, tippermetti lil kontroparti mhux inadempjenti tagħmel pagamenti limitati biss, jew l-ebda pagament, lill-propjetà tal-parti inadempjenti, anki jekk il-parti inadempjenti tkun kreditur nett.

Artikolu 6

Kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-arranġamenti finanzjarji strutturati, inklużi t-titolizzazzjonijiet u l-istrumenti użati għall-finijiet ta' hedging

1.   L-arranġamenti finanzjarji strutturati skont l-Artikolu 76(2)(f) tad-Direttiva 2014/59/UE jinkludu dan li ġej:

(a)

titolizzazzjonijiet li fihom l-iskoperturi sottostanti jkunu tqiegħdu f'porzjonijiet u ġew trasferiti permezz ta' trasferiment ta' titolu sħiħ mill-karta tal-bilanċ tal-oriġinatur, lill-istituzzjoni jew entità taħt riżoluzzjoni (titolizzazzjoni ta' bejgħ effettiv);

(b)

titolizzazzjonijiet permezz ta' strumenti kuntrattwali, fejn l-assi sottostanti jibqgħu fuq il-karta tal-bilanċ tal-istituzzjoni jew tal-entità taħt riżoluzzjoni (titolizzazzjoni sintetika).

F'titolizzazzjonijiet ta' bejgħ effettiv, kull rwol tal-oriġinatur fl-istruttura, inklużi s-servizzi tas-self, il-forniment ta' xi forma ta' protezzjoni tar-riskju jew ta' likwidità, għandhom jiġu kkunsidrati bħala obbligazzjoni li tifforma parti minn arranġamenti finanzjarji strutturati.

F'titolizzazzjonijiet sintetiċi, l-interess ta' garanzija għandu jitqies bħala dritt li jifforma parti mill-arranġamenti finanzjarji strutturati biss jekk huwa mehmuż ma' assi speċifiċi u identifikati b'mod suffiċjenti jew identifikabbli skont it-termini tal-arranġament u l-liġi nazzjonali applikabbli.

2.   Ftehimiet li jikkostitwixxu struttura ta' titolizzazzjoni li tkopri r-relazzjonijiet reċiproċi bejn l-oriġinaturi, l-emittenti, il-fiduċjarji, is-servizzjanti, il-maniġers tal-flus u l-kontropartijiet tal-iswaps u l-protezzjoni tal-kreditu, għandhom jitqiesu bħala li jifformaw parti minn arranġamenti finanzjarji strutturati jekk dawn ir-relazzjonijiet reċiproċi huma direttament marbuta mal-assi sottostanti u l-pagamenti li jridu jsiru minn rikavat iġġenerat minn dawn l-assi lid-detenturi tal-istrumenti strutturati. Dawn ir-relazzjonijiet reċiproċi jinkludu l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet relatati mal-assi sottostanti, l-obbligazzjonijiet taħt l-istrumenti maħruġa, u l-arranġamenti ta' garanzija, inklużi t-tranżazzjonijiet derivattivi, li huma meħtieġa biex jinżamm il-fluss ta' pagamenti taħt dawn l-obbligazzjonijiet.

3.   Il-paragrafu 2 għandu jkun mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-awtorità ta' riżoluzzjoni li tiddeċiedi, fuq bażi ta' każ b'każ u wara li tkun ikkunsidrat l-istruttura speċifika tal-arranġament finanzjarju strutturat skont l-Artikolu 76(2)(f) tad-Direttiva 2014/59/UE, li ftehimiet oħra bejn il-partijiet imsemmija fil-paragrafu 2, bħal ftehimiet ta' servizzjar tas-self, li mhumiex direttament marbuta mal-assi sottostanti u l-pagamenti li jridu jsiru, jiffurmaw parti minn arranġament finanzjarju strutturat bħal dan.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.

(2)  Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar finalità ta' settlement fis-sistemi ta' settlement ta' pagamenti u titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ tal-istituzzjonijiet tal-kreditu (ĠU L 125, 5.5.2001, p. 15).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).


Top