EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0772

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/772 tat-3 ta' Mejju 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' miżuri li għalihom għandha tiġi ppubblikata ċerta informazzjoni dwar il-benefiċjarji

C/2017/2809

ĠU L 115, 4.5.2017, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022; Impliċitament imħassar minn 32022R0128

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/772/oj

4.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/43


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/772

tat-3 ta' Mejju 2017

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' miżuri li għalihom għandha tiġi ppubblikata ċerta informazzjoni dwar il-benefiċjarji

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 111(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Istati Membri jridu jippubblikaw informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, inkluż, fost affarijiet oħra, l-ammont tal-ħlas riċevut għal kull miżura ffinanzjata minn dawn il-Fondi u n-natura u d-deskrizzjoni ta' kull miżura.

(2)

L-Artikolu 57 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (2) jistipula aktar dettalji li jridu jiġu ppubblikati fir-rigward ta' dawk il-miżuri u jirreferi għall-Anness XIII ta' dak ir-Regolament, li fih lista tal-miżuri kkonċernati.

(3)

Bħala riżultat tal-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-Unjoni u tar-rata baxxa ta' tkabbir fid-domanda globali għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, b'mod partikolari b'riżultat tat-tnaqqis fl-esportazzjoni lejn iċ-Ċina, il-Kummissjoni adottat il-miżuri neċessarji sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 219(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) fis-setturi tal-bhejjem. Dawk il-miżuri huma stabbiliti fir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2015/1853 (4), (UE) 2016/1612 (5) u (UE) 2016/1613 (6). Dawk il-miżuri ngħataw bħala miżuri ta' appoġġ tas-swieq agrikoli skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u japplikaw għas-sena finanzjarja 2016 jew 2017, iżda mhumiex koperti mil-lista fl-Anness XIII tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġu inklużi f'dik il-lista.

(4)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness XIII tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, jiżdied il-punt 10 li ġej:

“10.

Il-miżuri mogħtija fis-setturi tal-bhejjem skont l-Artikolu 219(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 bħala miżuri ta' appoġġ għas-swieq agrikoli skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(4)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1853 tal-15 ta' Ottubru 2015 li jipprevedi għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-bdiewa fis-setturi tal-bhejjem (ĠU L 271, 16.10.2015, p. 25).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1612 tat-8 ta' Settembru 2016 biex tiġi pprovduta għajnuna għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-ħalib (ĠU L 242, 9.9.2016, p. 4).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1613 tat-8 ta' Settembru 2016 li jipprovdi għal għajnuna ta' aġġustament eċċezzjonali lill-produtturi tal-ħalib u lill-bdiewa f'setturi tal-bhejjem oħrajn (ĠU L 242, 9.9.2016, p. 10).


Top