EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1418

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1418 tal-4 ta' Awwissu 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

ĠU L 203I, 4.8.2017, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1418/oj

4.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 203/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1418

tal-4 ta' Awwissu 2017

li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK.

(2)

Bħala parti mill-politika tal-Unjoni ta' non-rikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol, il-provvista ta' tagħmir kruċjali għall-ħolqien, l-akkwist jew l-iżvilupp ta' proġetti tal-infrastruttura fil-Krimea u Sevastopol f'setturi importanti, li jinkludu l-enerġija, ġiet ipprojbita mill-Kunsill.

(3)

Ġew fornuti mir-Russja turbini tal-gass, li huma element sostanzjali fl-iżvilupp ta' impjanti ġodda tal-enerġija fil-Krimea, bi ksur tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali għall-bejgħ oriġinali tat-turbini minn kumpannija stabbilita fl-Unjoni lir-Russja.

(4)

L-iskop ta' dawk l-impjanti tal-enerġija huwa li tiġi stabbilita provvista tal-elettriku indipendenti għall-Krimea u Sevastopol, biex b'hekk tkun appoġġata s-separazzjoni tagħhom mill-Ukrajna u jiġu pperikolati l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Barra minn hekk, din l-azzjoni ddgħajjef il-politika tal-Unjoni ta' non-rikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol

(5)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, jenħtieġ li persuni, entitajiet u korpi addizzjonali jiżdiedu mal-lista ta' persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi kif tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK.

(6)

Jenħtieġ li l-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-persuni u l-entitajiet elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandhom jiżdiedu mal-lista li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.


ANNESS

Lista ta' persuni u entitajiet msemmijin fl-Artikolu 1

I.   Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-raġunijiet

Data tal-Elenkar

158.

Andrey Vladimirovich CHEREZOV (TSCHERESOW)

Черезов, Андрей Владимирович

Viċi Ministru għall-Enerġija tal-Federazzjoni Russa.

Data tat-twelid: 12.10.1967

Post tat-twelid: Salair, Oblast ta' Kemerovskaya

Iġorr parti mir-responsabbiltà għad-deċiżjoni li jiġu ttrasferiti turbini tal-gass li ġew ikkonsenjati minn Siemens Gas Turbine Technologies OOO lil OAO VO Technopromexport, għall-installazzjoni fil-Krimea. Din id-deċiżjoni tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' provvista tal-enerġija indipendenti għall-Krimea u Sevastopol bħala mezz ta' appoġġ għas-separazzjoni tagħhom mill-Ukrajna, u tipperikola l-integrità, is-sovranità u l-indipendenza territorjali tal-Ukrajna.

4.8.2017

159.

Evgeniy Petrovich GRABCHAK

Грабчак, Евгений Петрович

Kap tad-Dipartiment fil-Ministeru għall-Enerġija tal-Federazzjoni Russa.

Data tat-twelid: 18.7.1981

Post tat-twelid: Ust-Labinsk, Reġjun ta' Krasnodar

Responsabbli fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija tal-Federazzjoni Russa għall-iżvilupp ta' proġetti elettro-enerġetiċi fil-Krimea. Dawn il-proġetti jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta' provvista tal-enerġija indipendenti għall-Krimea u Sevastopol bħala mezz ta' appoġġ għas-separazzjoni tagħhom mill-Ukrajna, u tipperikola l-integrità, is-sovranità u l-indipendenza territorjali tal-Ukrajna.

4.8.2017

160.

Sergey Anatolevich TOPOR-GILKA

Топор-Гилка, Сергей Анатольевич

Direttur Ġenerali ta' OAO “VO TPE” sal-insolvenza tagħha, Direttur Ġenerali ta' OOO “VO TPE”.

Data tat-twelid: 17.2.1970

Fil-kapaċità tiegħu bħala Direttur Ġenerali ta' OOO “VO TPE”, huwa mexxa n-negozjati ma' Siemens Gas Turbine Technologies OOO dwar ix-xiri u l-konsenja tat-turbini tal-gass għal impjant tal-elettriku f'Taman, ir-reġjun ta' Krasnodar, Federazzjoni Russa. Kien responsabbli għat-trasferiment tat-turbini tal-gass lill-Krimea. Dan jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' provvista tal-enerġija indipendenti għall-Krimea u Sevastopol bħala mezz ta' appoġġ għas-separazzjoni tagħhom mill-Ukrajna, u jipperikola l-integrità, is-sovranità u l-indipendenza territorjali tal-Ukrajna.

4.8.2017

II.   Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-raġunijiet

Data tal-Elenkar

38.

OAO “VO Technopromexport” (OAO “VO TPE”)

Magħrufa wkoll bħala: Open Joint Stock Company “Foreign Economic Association”“Technopromexport”

Открытое акционерное общество Внешнеэкономическое объединение Технопромэкспорт

Indirizz: 119019, Moscow, Novyi Arbat str., 15, building 2

Data ta' reġistrazzjoni: 27.07.1992

Numru ta' Reġistrazzjoni Statali: 1067746244026

Numru ta' Reġistrazzjoni tat-Taxxa: 7705713236

Parti kontraenti ma' Siemens Gas Turbine Technologies OOO, OAO “VO TPE”, xtrat turbini tal-gass iddikjarati bħala maħsuba għal impjant tal-elettriku f'Taman, reġjun ta' Krasnodar, Federazzjoni Russa, u bħala l-kuntrattur kienet responsabbli għat-trasferiment tat-turbini tal-gass lill-OOO “VO TPE” li min-naħa tagħha ttrasferixxiethom biex jiġu installati fil-Krimea. Dan jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' provvista tal-enerġija indipendenti għall-Krimea u Sevastopol bħala mezz ta' appoġġ għas-separazzjoni tagħhom mill-Ukrajna, u jipperikola l-integrità, is-sovranità u l-indipendenza territorjali tal-Ukrajna.

4.8.2017

39.

OOO “VO Technopromexport” (OOO “VO TPE”)

Magħrufa wkoll bħala: Limited Liability Company “Foreign Economic Association”“Technopromexport”

Общество с ограниченной ответственностью “Внешнеэкономическое объединение Технопромэкспорт”

Indirizz: 119019, Moscow, Novyi Arbat str., 15, building 2

Data ta' reġistrazzjoni: 08.05.2014

Numru ta' Reġistrazzjoni Statali: 1147746527279

Numru ta' Reġistrazzjoni tat-Taxxa: 7704863782e

Sid attwali tat-turbini tal-gass li oriġinarjament ġew fornuti minn Siemens Gas Turbine Technologies OOO lil OAO “VO TPE”. OOO “VO TPE” trasferixxiet it-turbini tal-gass biex jiġu installati fil-Krimea. Dan jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' provvista tal-enerġija indipendenti għall-Krimea u Sevastopol bħala mezz ta' appoġġ għas-separazzjoni tagħhom mill-Ukrajna, u jipperikola l-integrità, is-sovranità u l-indipendenza territorjali tal-Ukrajna.

4.8.2017

40.

ZAO Interavtomatika (IA)

Magħrufa wkoll bħala: ЗАО “Интеравтоматика”, CJSC “Interavtomatika”

Indirizz: 115280, Moscow, Avtozavodskaya st., 14,

Data ta' Reġistrazzjoni: 31.01.1994

Numru ta' Reġistrazzjoni Statali: 1037739044111

Numru ta' Reġistrazzjoni tat-Taxxa: 7725056162

Kumpannija speċjalizzata fis-sistemi ta' kontroll u komunikazzjoni għall-impjanti tal-elettriku, li daħlet f'kuntratti għal proġetti marbuta mal-bini ta' impjanti tal-elettriku u l-installazzjoni ta' turbini tal-gass f'Sevastopol u f'Simferopol. Dan jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' provvista tal-enerġija indipendenti għall-Krimea u Sevastopol bħala mezz ta' appoġġ għas-separazzjoni tagħhom mill-Ukrajna, u jipperikola l-integrità, is-sovranità u l-indipendenza territorjali tal-Ukrajna.

4.8.2017


Top