Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2144

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2144 tas-6 ta' Diċembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja

    ĠU L 332, 7.12.2016, p. 22–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/2144/oj

    7.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 332/22


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/2144

    tas-6 ta' Diċembru 2016

    li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta' Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-31 ta' Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK.

    (2)

    Minħabba l-kriżi umanitarja li għaddejja fis-Sirja u r-rwol kritiku tal-atturi tal-Unjoni biex jindirizzaw il-bżonnijiet umanitarji tal-poplu Sirjan, huwa importanti li l-attivitajiet ta' assistenza umanitarja u ċivili jibqgħu għaddejjin fis-Sirja. Ix-xiri tal-karburant huwa ħtieġa operazzjonali għall-għoti ta' sokkors umanitarju jew assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja. L-iżviluppi fis-sitwazzjoni operazzjonali fis-Sirja wrew li s-sistema attwali għal-liċenzjar tax-xiri tal-karburant fis-Sirja mhix prattika biżżejjed.

    (3)

    Għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġu emendati d-derogi dwar l-għajnuna umanitarja u ċivili għar-restrizzjonijiet fuq ix-xiri jew it-trasport tal-prodotti petrolifiċi fis-Sirja sabiex tkun prevista skema ta' awtorizzazzjoni li tirrifletti aħjar il-kondizzjonijiet operazzjonali.

    (4)

    Barra minn hekk, u għall-istess għan, huwa meħtieġ ukoll li tiġi emendata d-deroga umanitarja għar-restrizzjonijiet fuq l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi.

    (5)

    Dawk l-emendi bl-ebda mod ma jippreġudikaw il-konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 (2), mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 (3) u mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1686 (4).

    (6)

    Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

    (7)

    Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/255/PESK tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2013/255/PESK hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 5, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “3.   Il-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għax-xiri jew it-trasport fis-Sirja ta' prodotti petrolifiċi jew għal finanzjament assoċjat jew assistenza finanzjarja minn korpi pubbliċi, jew minn persuni ġuridiċi jew entitajiet li jirċievu finanzjament pubbliku mill-Unjoni jew mill-Istati Membri sabiex jingħata sokkors umanitarju fis-Sirja jew biex tingħata assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, dment li tali prodotti jinxtraw jew jiġu ttrasportati bil-għan waħdieni li jingħata sokkors umanitarju fis-Sirja jew li tingħata assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja.

    4.   Il-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għax-xiri jew it-trasport fis-Sirja ta' prodotti petrolifiċi minn missjonijiet diplomatiċi jew konsulari fejn tali prodotti jinxtraw jew jiġu ttrasportati għal finijiet uffiċjali tal-missjoni.”.

    (2)

    L-Artikolu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 6

    1.   Bil-ħsieb li jgħinu lill-popolazzjoni ċivili tas-Sirja f'każijiet mhux koperti mill-Artikolu 5(3) u b'deroga mill-Artikolu 5(1) u (2), l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu, taħt it-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali u speċifiċi li huma jqisu xierqa, jawtorizzaw ix-xiri u t-trasport fis-Sirja ta' prodotti petrolifiċi u l-għoti ta' finanzjament assoċjat jew assistenza finanzjarja dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-attivitajiet ikkonċernati għandhom l-għan waħdieni li jipprovdu sokkors umanitarju fis-Sirja jew assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja; u

    (b)

    l-attivitajiet ikkonċernati ma jiksru l-ebda projbizzjoni stipulata f'din id-Deċiżjoni.

    2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu fi żmien ġimagħtejn minn meta tingħata kwalunkwe awtorizzazzjoni. Għal awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1, in-notifika għandu jkun fiha dettalji dwar id-dħul awtorizzat u dwar l-attivitajiet umanitarji fis-Sirja.”.

    (3)

    Fl-Artikolu 28(6), il-punt (e) huwa mħassar.

    (4)

    Jiżdied l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 28a

    1.   Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 28(5) ma għandhiex tapplika għal fondi jew riżorsi ekonomiċi li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u l-entitajiet elenkati fl-Annessi I u II minn korpi pubbliċi, jew minn persuni ġuridiċi jew entitajiet li jirċievu finanzjament pubbliku biex jingħata sokkors umanitarju fis-Sirja jew biex tingħata assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, fejn l-għoti ta' tali fondi jew riżorsi ekonomiċi hija f'konformità mal-Artikolu 5(3).

    2.   F'każijiet mhux koperti mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u b'deroga mill-Artikolu 28(5), l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt it-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali u speċifiċi li huma jqisu xierqa, wara li jkunu iddeterminaw li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huwa neċessarju għall-għan waħdieni li jingħata sokkors umanitarju fis-Sirja jew assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja.

    3.   Il-projbizzjoni fl-Artikolu 28(5) ma għandhiex tapplika għal fondi jew riżorsi ekonomiċi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew tal-entitajiet elenkati fl-Annessi I u II minn missjonijiet diplomatiċi jew konsulari fejn l-għoti ta' tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huwa f'konformità mal-Artikolu 5(4).

    4.   B'deroga mill-Artikoli 28(1) u 28(2), l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, taħt it-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali u speċifiċi li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma meħtieġa għall-għan waħdieni li jingħata sokkors umanitarju fis-Sirja jew assistenza lill-popolazzjoni ċivili fis-Sirja. Il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi għandhom jiġu rilaxxati lin-NU bil-għan li jwasslu jew li jiffaċilitaw l-għoti tal-assistenza fis-Sirja skont il-Pjan ta' Risposta Umanitarja fis-Sirja jew kwalunkwe pjan suċċessur ikkoordinat min-NU.

    5.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 2 u 4 fi żmien ġimagħtejn mill-għoti ta' kwalunkwe awtorizzazzjoni.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Diċembru 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. KAŽIMÍR


    (1)  ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta' Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU L 344, 28.12.2001, p. 70).

    (3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida (ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9).

    (4)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1686 tal-20 ta' Settembru 2016 li jimponi miżuri restrittivi addizzjonali kontra ISIL (Da'esh) u Al-Qaida u persuni fiżiċi u ġuridiċi, gruppi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom (ĠU L 255, 21.9.2016, p. 1).


    Top