EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0212

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/212 tal- 11 ta' Frar 2015 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema li tirreġistra u taħżen id-dejta dwar kull operazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-verifika, inkluż dejta dwar parteċipanti individwali fl-operazzjonijiet ikkofinanzjati minn PO II

ĠU L 36, 12.2.2015, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/212/oj

12.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 36/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/212

tal-11 ta' Frar 2015

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema li tirreġistra u taħżen id-dejta dwar kull operazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-verifika, inkluż dejta dwar parteċipanti individwali fl-operazzjonijiet ikkofinanzjati minn PO II

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(8) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 463/2014 (2) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għat-tħejjija tal-programmi. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' programmi ffinanzjati mill-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (l-“FEAD”), jeħtieġ li jiġu stabbiliti aktar dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 223/2014.

(2)

Għall-finijiet tal-Artikolu 32(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014, jeħtieġ li jiġu stipulati speċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema sabiex tirreġistra u taħżen f'forma kompjuterizzata dejta dwar kull operazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, l-immaniġġjar finanzjarju, il-verifika u l-awditjar.

(3)

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati tas-sistema li tirreġistra u taħżen id-dejta għandhom ikunu dokumentati biżżejjed sabiex jiżguraw rendikont tal-entrati tal-konformità mar-rekwiżiti ġuridiċi.

(4)

Is-sistema li tirreġistra u taħżen id-dejta għandha tinkludi wkoll għodod ta' tiftix u funzjonijiet ta' rappurtar xierqa sabiex tkun tista' tirkupra u taggrega faċilment informazzjoni maħżuna fiha għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, l-immaniġġjar finanzjarju, il-verifika u għanijiet ta' awditjar.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Is-sistema li tirreġistra u taħżen id-dejta dwar l-operazzjonijiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Artikoli 2 sa 5.

Artikolu 2

Protezzjoni u preżervazzjoni tad-dejta u tad-dokumenti u l-integrità tagħhom

1.   L-aċċess għas-sistema jkun ibbażat fuq id-drittijiet predefiniti għat-tipi differenti ta' utenti u jitrażżan meta ma jkunx għadu meħtieġ.

2.   Is-sistema żżomm rekord ta' kull reġistrazzjoni, modifika u tħassir ta' dokumenti u dejta.

3.   Is-sistema ma tippermettix modifikar tal-kontenut ta' dokumenti li jkollhom firma elettronika. Timbru tal-ħin li jiċċertifika d-depożitu tad-dokument li jkollu firma elettronika jiġi ġġenerat u assoċjat mad-dokument u ma jkunx jista' jinbidel. It-tħassir ta' dawn id-dokumenti jiġi rreġistrat skont il-paragrafu 2.

4.   Id-dejta tkun soġġetta għal backups regolari. Il-backup b'replika tal-kontenut kollu tar-repożitorju tal-fajl elettroniku jkun lest għall-użu f'każ ta' emerġenza.

5.   Il-faċilità ta' ħżin elettroniku tkun protetta kontra kull periklu ta' telf jew modifikazzjoni tal-integrità tagħha. Din il-protezzjoni tinkludi protezzjoni fiżika kontra temperaturi u livelli ta' umdità mhux xierqa, sistemi ta' detezzjoni tan-nar u s-serq, sistemi ta' protezzjoni xierqa kontra attakki tal-vajrusijiet, hackers u kull aċċess ieħor mhux awtorizzat.

6.   Is-sistema tipprovdi għall-migrazzjoni tad-dejta, il-format u l-ambjent tal-kompjuter f'intervalli suffiċjenti sabiex tiġi garantita l-leġibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-dokumenti u d-dejta sa tmiem il-perjodu rilevanti msemmi fl-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014.

Artikolu 3

Funzjonijiet ta' tiftix u rappurtar

Is-sistema tinkludi:

(a)

għodod ta' tiftix xierqa li jippermettu l-irkupru faċli tad-dokumenti, id-dejta u l-metadejta tagħhom;

(b)

funzjoni ta' rappurtar li tippermetti l-ġenerazzjoni ta' rapporti fuq il-bażi ta' kriterji predefiniti, b'mod partikolari għad-dejta stipulata fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 532/2014 (3);

(c)

possibbiltà ta' ssejvjar, esportazzjoni jew stampar tar-rapporti msemmija fil-punt (b), jew link għal applikazzjoni esterna li tipprovdi din il-possibbiltà.

Artikolu 4

Dokumentazzjoni tas-sistema

L-awtorità maniġerjali tipprovdi dokumentazzjoni teknika dettaljata u funzjonali aġġornata dwar l-operazzjoni u l-karatteristiċi tas-sistema, aċċessibbli fuq talba minn entitajiet rilevanti responsabbli għall-immaniġġjar tal-programm, mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Id-dokumentazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tagħti evidenza tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 5

Sigurtà tal-iskambju ta' informazzjoni

Is-sistema użata tkun protetta b'miżuri ta' sigurtà xierqa rigward il-klassifikazzjoni ta' dokumenti, il-protezzjoni tas-sistemi ta' informazzjoni u l-protezzjoni tad-dejta personali. Dawn il-miżuri jkunu konformi mal-istandards internazzjonali u r-rekwiżiti ġuridiċi nazzjonali.

Il-miżuri ta' sigurtà msemmija fl-ewwel paragrafu jipproteġu n-netwerks u l-faċilitajiet ta' trażmissjoni meta s-sistema tinteraġixxi ma' moduli u sistemi oħrajn.

Artikolu 6

Dћul fis-seћћ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 463/2014 tal-5 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi skont ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, it-termini u l-kondizzjonijiet applikabbli għas-sistema ta' skambju elettroniku ta' dejta bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni (ĠU L 134, 7.5.2014, p. 32).

(3)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 532/2014 tat-13 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 148, 20.5.2014, p. 54).


Top