EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1049

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1049/2014 tat- 30 ta' Lulju 2014 dwar karatteristiċi tekniċi ta' miżuri ta' informazzjoni u pubbliċità skont ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet

ĠU L 291, 7.10.2014, p. 9–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/1049/oj

7.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 291/9


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1049/2014

tat-30 ta' Lulju 2014

dwar karatteristiċi tekniċi ta' miżuri ta' informazzjoni u pubbliċità skont ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (1), b'mod partikolari l-Artikolu 53(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u tal-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet.

(2)

Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni jiġi rikonoxxut b'mod viżibbli biex ir-rwol li għandha l-Unjoni fi programmi ta' finanzjament jista' jsir magħruf ħafna aktar. Miżuri ta' informazzjoni u pubbliċità għalhekk għandu jkun fihom informazzjoni speċifika li tindika l-involviment tal-Unjoni, inkluża l-emblema tal-Unjoni. Għal finijiet ta' koerenza, l-emblema tal-Unjoni għandha tidher f'format standard.

(3)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bir-Regolament (UE) Nru 514/2014 u konsegwentement huma marbuta b'dan ir-Regolament.

(4)

Id-Danimarka la hija marbuta bir-Regolament (UE) Nru 514/2014 u lanqas b'dan ir-Regolament.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament u ma jkunx hemm dewmien għall-approvazzjoni tal-programmi nazzjonali, ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fondi għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u s-Sigurtà Interna,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-karatteristiċi tekniċi tal-informazzjoni u pubbliċità għall-proġett

Il-miżuri kollha ta' informazzjoni u pubbliċità mmirati lejn benefiċjarji, benefiċjarji potenzjali u l-pubbliku ġenerali jinkludu:

(a)

l-emblema tal-Unjoni Ewropea, skont l-istandards grafiċi stabbiliti fl-Anness, u referenza għall-Unjoni Ewropea;

(b)

referenza għall-Fond li jsostni l-proġett kif indikat fl-Anness;

(c)

dikjarazzjoni magħżula mill-Awtorità Responsabbli, li tagħmel enfasi fuq il-valur miżjud tal-kontribuzzjoni mill-Unjoni Ewropea.

Għal oġġetti promozzjonali żgħar, il-punti (a) u (c) ma japplikawx.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112.


ANNESS

STRUZZJONIJIET DWAR L-EMBLEMA U DEFINIZZJONI TAL-KULURI STANDARD DESKRIZZJONI SIMBOLIKA

Fuq sfond ta' sema ikħal, tnax-il stilla tad-deheb jiffurmaw ċirku li jirrappreżenta l-unjoni tal-popli tal-Ewropa. In-numru ta' stilel huwa fiss, u tnax huwa s-simbolu tal-perfezzjoni u l-unità.

Għad-dettalji sħaħ u gwida, ara http://ec.europa.eu/dgs/communication/services/visual_identity/pdf/use-emblem_mt.pdf

1.   DESKRIZZJONI ERALDIKA

Fuq sfond ta' ikħal ċar, ċirku ta' tnax-il ħuta tas-sura tal-buras, tad-deheb, u l-ponot tagħhom ma jmissux.

2.   DESKRIZZJONI ĠEOMETRIKA

Image

L-emblema għandha forma ta' bandiera blu rettangolari li minnha t-tperpira (il-wisa') hija darba u nofs it-tul tal-ħabel (l-għoli). Tnax-il stilla tad-deheb li jinsabu f'intervalli ndaqs jiffurmaw ċirku inviżibbli li ċ-ċentru tiegħu huwa l-punt fejn jaqsmu d-djagonali tar-rettangolu. Ir-raġġ taċ-ċirku hu daqs terz tat-tul tal-eqreb parti tal-bandiera lejn l-arblu. Kull waħda mill-istilel għandha ħames ponot li jinsabu fiċ-ċirkumferenza ta' ċirku inviżibbli b' raġġ daqs wieħed minn tmintax tat-tul tal-eqreb parti tal-bandiera lejn l-arblu. L-istilel kollha huma rashom 'il fuq, jiġifieri b'ponta vertikali u żewġ ponot f'linja dritta f'angoli retti mal-arblu. Iċ-ċirku hu rranġat biex l-istilel jidhru fil-pożizzjoni tas-sigħat fuq il-wiċċ ta' arloġġ. L-għadd tagħhom ma jinbidilx.

3.   IL-KULURI REGOLAMENTARI

L-emblema għandha dawn il-kuluri:

 

Il-BLU REFLEX PANTONE għall-wiċċ tar-rettangolu;

 

L-ISFAR PANTONE għall-istilel.

Il-proċess ta' erba' kuluri

Jekk jintuża l-proċess ta' erba' kuluri, erġa' oħloq iż-żewġ kuluri standard billi tuża l-erba' kuluri tal-proċess ta' erba' kuluri.

L-ISFAR PANTONE jinkiseb bl-użu ta' 100 % “Process Yellow”.

IL-BLU REFLEX PANTONE jinkiseb bit-taħlita ta' 100 % “Process Cyan” u 80 % “Process Magenta”.

4.   INTERNET

IL-BLU REFLEX PANTONE jikkorrispondi fil-kulur tal-paletta tal-web RGB:0/0/153 (eżadeċimali: 003399) u l-ISFAR PANTONE għall-kulur RGB:255/204/0 (eżadeċimali: FFCC00).

5.   IL-PROĊESS TAR-RIPRODUZZJONI MONOKROMJU

Bl-użu tal-iswed, pinġi r-rettangolu bl-iswed u stampa l-istilel bl-iswed fuq l-abjad.

Image

Meta tuża l-blu (Blu Reflex), uża 100 % bl-istilel riprodotti f'abjad negattiv.

Image

6.   RIPRODUZZJONI FUQ SFOND KULURIT

Jekk ma hemmx alternattiva għal sfond ikkulurit, poġġi bordura bajda mar-rettangolu, b'wisa' li hi daqs 1/25 tal-għoli tar-rettangolu.

Image

7.   L-APPLIKAZZJONI TA' TEST GĦAR-RIKONOXXIMENT TA' FINANZJAMENT MILL-UE

Regoli bażiċi

L-għoli minimu tal-emblema tal-UE għandu jkun ta' 1 cm.

L-isem tal-Unjoni Ewropea dejjem jiġi miktub b'mod sħiħ.

It-tipa użata flimkien mal-emblema tal-UE tista' tkun kwalunkwe minn fost dawn li ġejjin: Arial, Calibri, Garamond, Trebuchet, Tahoma, Verdana.

Varjazzjonijiet bil-korsiv u sottolineati u l-użu ta' tipa bl-effetti mhumiex permessi.

Il-pożizzjoni tat-test f'relazzjoni mal-emblema tal-UE mhix preskritta f'xi mod partikolari iżda t-test ma għandux jinterferixxi mal-emblema b'xi mod,

Id-daqs tat-tipa użata għandu jkunu proporzjonat mad-daqs tal-emblema,

Il-kulur tat-tipa għandu jkun blu reflex (l-istess kulur kaħlani bħal tal-bandiera tal-UE), iswed jew abjad skont l-isfond.


Top