This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R0256
Regulation (EU) No 256/2014 of the European Parliament and of the Council of 26 February 2014 concerning the notification to the Commission of investment projects in energy infrastructure within the European Union, replacing Council Regulation (EU, Euratom) No 617/2010 and repealing Council Regulation (EC) No 736/96
Regolament (UE) Nru 256/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Frar 2014 dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea, li jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96
Regolament (UE) Nru 256/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Frar 2014 dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea, li jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96
ĠU L 84, 20.3.2014, p. 61–68
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 03/11/2018; Imħassar b' 32018R1504
20.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 84/61 |
REGOLAMENT (UE) Nru 256/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-26 ta’ Frar 2014
dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea, li jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-ksib ta’ stampa ġenerali tal-iżvilupp tal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni u huwa essenzjali għall-Kummissjoni biex twettaq il-ħidmiet tagħha fil-qasam tal-enerġija. Id-disponibbiltà ta’ dejta u informazzjoni regolari u aġġornati għandha tippermetti lill-Kummissjoni biex tagħmel il-paraguni u l-evalwazzjonijiet meħtieġa u li tipproponi l-miżuri rilevanti abbażi ta’ ċifri u analiżi xierqa, b’mod partikolari rigward il-bilanċ futur bejn il-provvista u d-domanda tal-enerġija. |
(2) |
Ix-xenarju tal-enerġija fl-Unjoni u lil hinn minnha nbidel b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin u b’hekk l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija huwa kwistjoni kruċjali biex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, għall-funzjonament tas-suq intern u għat-tranżizzjoni lejn sistema ta’ emissjonijiet baxxi tal-karbonju li bdiet tagħmel l-Unjoni. |
(3) |
Il-kuntest il-ġdid tal-enerġija jeħtieġ investiment sinifikanti fit-tipi kollha ta’ infrastrutturi fis-setturi kollha tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta’ tipi ġodda ta’ infrastruttura u teknoloġiji ġodda li għandhom jiġu adottati mis-suq. Il-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u aktar integrazzjoni tas-suq intern jagħtu rwol aktar prominenti lill-operaturi ekonomiċi għall-investiment. Fl-istess waqt, rekwiżiti politiċi ġodda bħal pereżempju miri li jaffettwaw it-taħlita tal-fjuwil, se jbiddlu l-politiki tal-Istati Membri favur infrastruttura tal-enerġija ġdida u/jew modernizzata. |
(4) |
F’dan il-kuntest, l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni għandu jingħata aktar attenzjoni, b’mod partikolari bil-għan li jiġu antiċipati l-problemi, jiġu promossi l-aħjar prattiki u tiġi stabbilita aktar trasparenza fl-iżvilupp futur tas-sistema tal-enerġija fl-Unjoni. |
(5) |
Il-Kummissjoni u b’mod partikolari l-Osservatorju tagħha tas-Suq għall-Enerġija għandhom għalhekk ikollhom għad-dispożizzjoniet tagħhom dejta u informazzjoni preċiżi dwar il-proġetti ta’ investiment, inkluż id-dekummissjonar, fil-komponenti l-aktar sinifikanti tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni. |
(6) |
Id-dejta u l-informazzjoni dwar l-iżviluppi prevedibbli fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni, it-trażmissjoni u l-ħżin fid-diversi setturi tal-enerġija huma ta’ interess għall-Unjoni u huma importanti għall-investiment futur. Għalhekk jeħtieġ li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata dwar il-proġetti ta’ investiment fejn diġà nbdiet ħidma ta’ kostruzzjoni jew ta’ dekummissjonar jew fejn ittieħdet deċiżjoni finali dwar l-investiment. |
(7) |
Taħt l-Artikoli 41 u 42 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Trattat Euratom), l-impriżi huma obbligati jinnotifikaw il-proġetti ta’ investiment tagħhom. Jeħtieġ li tali informazzjoni tkun issupplimentata, b’mod partikolari, b’rappurtar regolari dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ investiment. Tali rappurtar ulterjuri huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 41 sa 44 tat-Trattat Euratom. Madanakollu l-impożizzjoni ta’ piż doppju fuq l-impriżi għandu jiġi evitat kull fejn ikun possibbli. |
(8) |
Sabiex il-Kummissjoni jkollha opinjoni konsistenti dwar l-iżviluppi futuri tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni b’mod kumplessiv, huwa meħtieġ qafas armonizzat ta’ rappurtar għall-proġetti ta’ investiment ibbażat fuq kategoriji aġġornati ta’ dejta u informazzjoni uffiċjali li għandhom jiġu trażmessi mill-Istati Membri. |
(9) |
L-Istati Membri għandhom, għal dan l-għan, jinnotifikaw lill-Kummissjoni d-dejta u l-informazzjoni dwar il-proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija li jkunu ppjanati jew qed jinbnew fit-territroju tagħhom rigward il-produzzjoni, il-ħżin u t-trasport taż-żejt, il-gass naturali, l-elettriku, inkluż l-elettriku minn sorsi rinovabbli, l-elettriku mill-faħam u mil-linjite, u l-koġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana utli; il-produzzjoni tal-bijofjuwils; u l-qbid, it-trasport u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju. L-Istati Membri għandhom ukoll jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-dejta u l-informazzjoni dwar proġetti ta’ investiment f’interkonnessjonijiet tal-elettriku u tal-gass ma’ pajjiżi terzi. L-impriżi kkonċernati għandhom ikunu obbligati jinnotifikaw tali dejta u nformazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat. |
(10) |
Meta jitqies iż-żmien li jkun previst għall-proġetti ta’ investiment fis-settur tal-enerġija, għandu jkun suffiċjenti rappurtar kull sentejn. |
(11) |
Bil-ħsieb li jiġi evitat piż amministrattiv sproporzjonat u jitnaqqsu l-ispejjeż għall-Istati Membri u l-impriżi, b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, dan ir-Regolament għandu jippermetti lill-Istati Membri u l-impriżi li jiġu eżentati mill-obbligi tar-rappurtar sakemm informazzjoni ekwivalenti tkun diġà ngħatat lill-Kummissjoni skont atti legali speċifiċi tal-Unjoni għas-settur tal-enerġija, bil-għan li jintlaħqu l-objettivi ta’ swieq tal-enerġija fl-Unjoni li jkunu kompetittivi, ta’ sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni u ta’ sigurtà tal-provvista tal-enerġija għall-Unjoni. Għalhekk, kwalunkwe duplikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar li huma speċifikati fit-tielet pakkett tas-suq intern dwar l-elettriku u l-gass naturali għandha tiġi evitata. Biex tħaffef il-piż tar-rappurtar, il-Kummissjoni għandha tagħti sostenn lill-Istati Membri bil-għan li tikkjarifika l-każijiet li fihom hija tqis li dik id-dejta jew informazzjoni diġà notifikati lilha taħt atti legali oħra jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. |
(12) |
Il-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-Osservatorju tagħha tas-Suq għall-Enerġija għandhom ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-ipproċessar tad-dejta kif ukoll għas-simplifikazzjoni u sigurta’ tan-notifika tad-dejta, u b’mod partikolari għat-tħaddim ta’ għodod tal-IT u l-proċeduri integrati, li għandhom jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tad-dejta jew tal-informazzjoni notifikati lill-Kummissjoni. |
(13) |
Il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-Istati Membri hija regolata mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), filwaqt li l-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-Kummissjoni hija rregolata permezz tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Dan ir-Regolament ma jinċidi bl-ebda mod fuq dawk id-dispożizzjonijiet. |
(14) |
L-Istati Membri, jew l-entitajiet delegati tagħhom, u l-Kummissjoni għandhom jippreżervaw il-kunfidenzjalità ta’ dejta u informazzjoni kummerċjalment sensittivi. Għalhekk, l-Istati Membri jew l-entitajiet delegati tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ dejta u informazzjoni relatati ma’ proġetti ta’ trażmissjoni transkonfinali, għandhom jiġbru tali dejta u informazzjoni fil-livell nazzjonali qabel ma jippreżentawhom lill-Kummissjoni. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tkompli tgħaqqad dik id-dejta b’tali mod li tipprevjeni kwalunkwe żvelar jew deduzzjoni ta’ kull dettall dwar impriżi jew installazzjonijiet individwali. |
(15) |
Il-Kummissjoni u b’mod partikolari l-Osservatorju tagħha tas-Suq għall-Enerġija għandhom jipprovdu analiżi regolari u transettorjali tal-evoluzzjoni strutturali u l-perspettivi tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni u, fejn xieraq, analiżi aktar iffokata dwar ċerti aspetti ta’ dik is-sistema tal-enerġija. Dik l-analiżi għandha b’mod partikolari tikkontribwixxi sabiex ittejjeb is-sigurtà enerġetika billi tidentifika n-nuqqasijiet li jista’ jkun hemm fl-infrastruttura u l-investiment bil-għan li jintlaħaq bilanċ bejn il-provvista u d-domanda tal-enerġija. L-analiżi għandha wkoll tifforma kontribut għal diskussjoni fil-livell tal-Unjoni dwar l-infrastrutturi tal-enerġija u għandha għalhekk tiġi mgħoddija lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tkun disponibbli għall-partijiet interessati. |
(16) |
Impriżi żgħar u ta’ daqs medju jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll, fil-kuntest tal-pjanifikazzjoni tal-investimenti tagħhom, mill-analiżi transettorjali tal-Kummissjoni u mid-dejta u l-informazzjoni li l-Kummissjoni tippubblika taħt dan ir-Regolament. |
(17) |
Il-Kummissjoni tista’ tiġi megħjuna minn esperti mill-Istati Membri jew kwalunkwe espert ieħor kompetenti bil-għan li tiżviluppa fehim komuni tan-nuqqasijiet infrastrutturali potenzjali u r-riskji assoċjati, u li trawwem trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ żviluppi futuri, li hija ta’ interess partikolari għal parteċipanti ġodda fis-suq. |
(18) |
Dan ir-Regolament għandu jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 (5), li ġie annullat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Settembru 2012 (6) u li l-effetti tiegħu kellhom jinżammu sa meta jkun daħal fis-seħħ regolament ġdid. Għalhekk, bid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, iseħħ l-annullament tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 617/2010 skont is-sentenza tal-Qorti. Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 (7), li tħassar mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 617/2010 annullat, għandu jitħassar minn dan ir-Regolament. |
(19) |
Il-forma u d-dettalji tekniċi tan-notifika lill-Kummissjoni tad-dejta u l-informazzjoni tal-proġetti ta’ investiment fl-istruttura tal-enerġija huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE, Euratom) Nru 833/2010 (8). Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 833/2010 għandu jibqa’ japplika sar-reviżjoni tiegħu, li se ssir wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
(20) |
Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għan-notifika lill-Kummissjon ta’ dejta u informazzjoni dwar proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fis-setturi taż-żejt, tal-gass naturali, tal-elettriku — inklużi l-elettriku minn sorsi rinnovabbli, l-elettriku mill-faħam u mil-linjite, u l-koġenerazzjoni tal-elettriku u t-tisħin utli - kif ukoll dwar proġetti ta’ investiment relatati mal-produzzjoni tal-bijofjuwils u mal-qbid, trasport u ħżin tad-diossidu tal-karbonju li dawk is-setturi jipproduċu.
2. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-proġetti ta’ investiment tat-tipi elenkati fl-Anness li fuqhom diġà nbdiet ħidma ta’ kostruzzjoni jew dekummissjonar jew li fuqhom ittieħdet deċiżjoni finali dwar l-investiment.
Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw kwalunkwe dejta stimata jew informazzjoni preliminari dwar proġetti ta’ investiment tat-tipi elenkati fl-Anness li fuqhom il-ħidma ta’ kostruzzjoni hija skedata li tibda fi żmien ħames snin u fuq dawk li huma skedati għad-dekummissjonar fi żmien tliet snin, iżda li dwarhom għadha ma tteħditx deċiżjoni finali ta’ investiment.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“infrastruttura” tfisser kwalunkwe tip ta’ installazzjoni jew parti ta’ installazzjoni relatata mal-produzzjoni, it-trażmissjoni u l-ħżin, inklużi interkonnessjonijiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi; |
(2) |
“proġetti ta’ investiment” tfisser proġetti bil-għan li:
|
(3) |
“deċiżjoni finali dwar l-investiment” tfisser id-deċiżjoni meħuda fil-livell ta’ impriża biex b’mod definittiv jiġu assenjati fondi għall-fażi ta’ investiment ta’ proġett; |
(4) |
“fażi ta’ investiment” tfisser il-fażi li matulha sseħħ il-kostruzzjoni jew iseħħ id-dekummissjonar u jsiru l-ispejjeż kapitali; din teskludi l-fażi tal-ippjanar; |
(5) |
“fażi tal-ippjanar” tfisser il-fażi li matulha titħejja l-implimentazzjoni tal-proġett u li tinkludi, fejn xieraq, valutazzjoni tal-fattibbiltà, studji preparatorji u tekniċi, il-ksib ta’ liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-ispejjeż kapitali; |
(6) |
“proġetti ta’ investiment taħt kostruzzjoni” tfisser proġetti ta’ investiment li għalihom tkun bdiet il-kostruzzjoni u jkunu saru l-ispejjeż kapitali; |
(7) |
“dekummissjonar” tfisser il-fażi fejn b’mod permanenti jiġi terminat it-tħaddim tal-infrastruttura; |
(8) |
“produzzjoni” tfisser il-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-ipproċessar tal-fjuwils, inklużi l-bijofjuwils; |
(9) |
“trażmissjoni” tfisser it-trasport tas-sorsi tal-enerġija jew tal-prodotti jew tad-diossidu tal-karbonju, permezz ta’ netwerk, b’mod partikolari:
|
(10) |
“qbid” tfisser il-proċess li bih id-diossidu tal-karbonju minn installazzjonijiet industrijali jinqabad għall-ħżin; |
(11) |
“ħżin” tfisser l-istokkjar fuq bażi permanenti jew temporanja ta’ enerġija jew ta’ sorsi tal-enerġija f’infrastruttura ’l fuq mill-art jew taħt l-art jew f’siti ġeoloġiċi jew il-konteniment tad-diossidu tal-karbonju f’formazzjonijiet ġeoloġiċi taħt l-art; |
(12) |
“impriża” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, privata jew pubblika, li tiddeċiedi dwar jew li timplimenta proġetti; |
(13) |
“sorsi tal-enerġija” tfisser:
|
(14) |
“korp speċifiku” tfisser korp inkarigat minn kwalunkwe att legali speċifiku għas-settur tal-enerġija tal-Unjoni bit-tħejjija u l-adozzjoni tal-iżvilupp ta’ netwerk pluriennali fl-Unjoni kollha u pjanijiet ta’ investiment fl-infrastrutturi tal-enerġija, bħan-netwerk Ewropew għall-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (“ENTSO-E”) imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u n-netwerk Ewropew għall-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass (“ENTSO-G”) imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10); |
(15) |
“dejta aggregata” tfisser dejta aggregata fil-livell ta’ Stat Membru jew ta’ għadd ta’ Stati Membri. |
Artikolu 3
Notifika tad-dejta
1. Filwaqt li jżommu l-piż tal-ġbir u r-rappurtar proporzjonat, l-Istati Membri jew l-entitajiet li lilhom ikunu ddelegaw dik il-ħidma għandhom jikkompilaw id-dejta u l-informazzjoni kollha meħtieġa taħt dan ir-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2015 u kull sentejn wara din id-data.
Huma għandhom jinnotifikaw id-dejta u l-informazzjoni rilevanti għall-proġett speċifikati f’dan ir-Regolament lill-Kummissjoni fl-2015, billi dik is-sena tkun l-ewwel sena ta’ rappurtar, u minn hemm ’il quddiem kull sentejn. Dik in-notifika għandha ssir f’forma aggregata, ħlief għad-dejta u l-informazzjoni rilevanti dwar proġetti ta’ trażmissjoni transkonfinali.
L-Istati Membri jew l-entitajiet delegati tagħhom għandhom jinnotifikaw id-dejta aggregata u l-informazzjoni rilevanti għall-proġett sal-31 ta’ Lulju tas-sena ta’ rappurtar ikkonċernata.
2. L-Istati Membri jew l-entitajiet delegati tagħhom huma eżenti mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1, dment li, u sal-punt li, skont l-atti legali tal-Unjoni speċifika għas-settur tal-enerġija jew skont it-Trattat Euratom:
(a) |
l-Istat Membru kkonċernat jew l-entità ddelegata tiegħu diġà jkun/tkun innotifika(t) lill-Kummissjoni d-dejta jew l-informazzjoni ekwivalenti għal dik meħtieġa taħt dan ir-Regolament u indika(t) id-data ta’ dik in-notifika u l-att legali speċifiku kkonċernat; or |
(b) |
korp speċifiku jkun inkarigat bit-tħejjija ta’ pjan ta’ investiment pluriennali fl-infrastruttura tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni u, għal dak il-għan, jikkompila dejta u informazzjoni ekwivalenti għal dik meħtieġa taħt dan ir-Regolament. F’dan il-każ u għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dak il-korp speċifiku għandu jinnotifika d-dejta u l-informazzjoni kollha rilevanti lill-Kummissjoni. |
Artikolu 4
Sorsi tad-dejta
L-impriżi kkonċernati għandhom jinnotifikaw id-dejta jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 lill-Istati Membri, jew lill-entitajiet delegati tagħhom, li fit-territorju tagħhom jkunu qegħdin jippjanaw li jwettqu proġetti ta’ investiment qabel l-1 ta’ Ġunju ta’ kull sena ta’ rappurtar. Id-dejta jew l-informazzjoni nnotifikata għandha tirrifletti s-sitwazzjoni tal-proġetti ta’ investiment sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ rappurtar rilevanti.
L-ewwel paragrafu ma għandux japplika għall-impriżi meta l-Istat Membru kkonċernat jiddeċiedi li juża mezzi oħra biex jipprovdi lill-Kummissjoni bid-dejta jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3, sakemm id-dejta jew l-informazzjoni mogħtija jkunu komparabbli.
Artikolu 5
Kontenut tan-notifika
1. Fir-rigward tal-proġetti ta’ investiment tat-tipi elenkati fl-Anness, in-notifika pprovduta fl-Artikolu 3 għandha tindika fejn xieraq:
(a) |
il-volum tal-kapaċità ppjanata jew li tkun taħt kostruzzjoni; |
(b) |
it-tip u l-karatterisitiċi ewlenin tal-infrastruttura jew tal-kapaċità ppjanata jew li tkun taħt kostruzzjoni, inkluż il-post tal-proġetti ta’ trażmissjoni transkonfinali, jekk applikabbli; |
(c) |
is-sena probabbli tal-kummissjonar; |
(d) |
it-tip ta’ sorsi ta’ enerġija użat; |
(e) |
l-installazzjonijiet li huma kapaċi jirrispondu għall-kriżijiet ta’ sigurtà tal-provvista, bħal tagħmir li jippermetti l-flussi opposti jew il-bdil minn fjuwil għall-ieħor; u |
(f) |
it-tagħmir tas-sistemi tal-qbid tal-karbonju jew mekkaniżmi installabbli fuq tagħmir diġà funzjonanti għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju. |
2. Fir-rigward ta’ kwalunkwe dekummissjonar propost ta’ kapaċitajiet, in-notifika pprovduta fl-Artikolu 3 għandha tindika:
(a) |
in-natura u l-kapaċità tal-infrastruttura kkonċernata; u |
(b) |
is-sena probabbli tad-dekummissjonar. |
3. Kwalunkwe notifika taħt l-Artikolu 3 għandha tinkludi fejn ikun il-każ:
(a) |
il-volum totali tal-kapaċitajiet installati ta’ produzzjoni, trażmissjoni u ħżin li jkunu operattivi fil-bidu tas-sena ta’ rappurtar ikkonċernata jew li l-operazzjoni tagħhom tkun interrotta għal perjodu li jaqbeż tliet snin; u |
(b) |
informazzjoni rilevanti dwar dewmien u/jew ostakoli għall-implimentazzjoni ta’ proġett ta’ investiment, fejn l-Istati Membri, l-entitajiet delegati tagħhom jew il-korp speċifiku konċernat ikollhom dik l-informazzjoni. |
Artikolu 6
Kwalità u pubbliċità tad-dejta
1. L-Istati Membri, l-entitajiet delegati tagħhom jew, fejn xieraq, il-korpi speċifiċi għandhom ikollhom l-għan li jiżguraw il-kwalità, ir-rilevanza, l-akkuratezza, iċ-ċarezza, il-puntwalità u l-koerenza tad-dejta u l-informazzjoni li huma jinnotifikaw lill-Kummissjoni.
Fejn il-korpi speċifiċi jagħmlu n-notifika, id-dejta u l-informazzjoni nnotifikati jistgħu jkunu akkumpanjati b’kummenti xierqa mill-Istati Membri.
2. Il-Kummissjoni tista’ tippubblika dejta u informazzjoni aggregati ppreżentati skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari fl-analiżijiet imsemmija fl-Artikolu 10(3), sakemm ma jinkixef jew ma jkun jista’ jiġi dedott l-ebda dettall dwar impriżi u installazzjonijiet individwali.
3. L-Istati Membri, l-entitajiet delegati tagħhom, jew il-Kummissjoni għandhom rispettivament iħarsu l-kunfidenzjalità ta’ dejta u informazzjoni kummerċjalment sensittivi fil-pussess tagħhom.
Artikolu 7
Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni
Fil-limiti stabbiliti minn dan ir-Regolament, sal-10 ta’ Ġunju 2014 il-Kummissjoni għandha tadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, rigward il-forma u dettalji tekniċi oħra tan-notifika tad-dejta u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 3 u 5. Sa dak iż-żmien, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 833/2010 għandu jibqa’ applikabbli.
Artikolu 8
Proċessar tad-dejta
Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp, l-ilqugħ, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tar-riżorsi tal-IT meħtieġa biex jiġi riċevut, jinħażen u jsir kwalunkwe pproċessar tad-dejta jew informazzjoni dwar l-infrastruttura tal-enerġija li huma nnotifikati lilha skont dan ir-Regolament.
Il-Kummissjoni għandha wkoll tiżgura li r-riżorsi tal-IT imsemmija fl-ewwel paragrafu jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tad-dejta jew tal-informazzjoni li huma notifikati lilha skont dan ir-Regolament.
Artikolu 9
Protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ma jbiddilx l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali, kif stabbilit fid-Direttiva 95/46/KE, jew l-obbligi li huma d-dmir tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 fir-rigward tad-dejta personali li huma jipproċessaw tul it-twettiq ta’ dmirijiethom.
Artikolu 10
Monitoraġġ u rappurtar
1. Abbażi tad-dejta u l-informazzjoni ppreżentati u, jekk ikun il-każ, ta’ kwalunkwe sors ta’ dejta ieħor inklużi dejta mixtrija mill-Kummissjoni, u filwaqt li jitqiesu l-analiżijiet rilevanti bħall-pjanijiet pluriennali ta’ żvilupp ta’ netwerk għall-gass u l-elettriċità, il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew analiżi transettorjali tal-evoluzzjoni strutturali u l-perspettivi tas-sistema tal-enerġija tal-UE, u għandha tippubblika din l-analiżi kull sentejn. Dik l-analiżi għandu jkollha l-għan b’mod partikolari li:
(a) |
tidentifika nuqqasijiet futuri potenzjali bejn d-domanda u l-provvistatal-enerġija li huma sinifikanti għall-politika tal-enerġija tal-Unjoni, inklużi dawk għall-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija, b’enfasi fuq id-defiċjenzi u n-nuqqasijiet potenzjali fl-infrastruttura tal-produzzjoni u tat-trażmissjoni; |
(b) |
tidentifika ostakli għall-investiment u tippromwovi l-aħjar prattiki biex tindirizzahom; u |
(c) |
iżżid it-trasparenza għall-parteċipanti fis-suq u dawk li potenzjalment jidħlu fis-suq. |
Abbażi ta’ din id-dejta u l-informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi wkoll kwalunkwe analiżi speċifika meqjusa meħtieġa u xierqa.
2. Fit-tħejjija tal-analiżijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tiġi megħjuna minn esperti mill-Istati Membri u/jew kwalunkwe espert, assoċjazjonijiet professjonali oħra b’kompetenza speċifika fil-qasam ikkonċernat.
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri kollha bl-opportunità li jikkummentaw dwar l-abbozzi ta’ analiżijiet.
3. Il-Kummissjoni għandha tiddiskuti l-analiżijiet mal-partijiet interessati, bħall-ENTSO-E, l-ENTSO-G, il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass, il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar l-Elettriku u l-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar iż-Żejt.
Artikolu 11
Reviżjoni
Sal-31 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u tippreżenta rapport dwar ir-riżultati ta’ dik ir-reviżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fir-reviżjoni, il-Kummisjsoni għandha, inter alia, teżamina:
(a) |
l-estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, biex jinkludi:
|
(b) |
il-kwistjoni jekk għandhomx jitbaxxew jew le l-livelli minimi għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli. |
Hija u teżamina dawk l-għażliet, il-Kummissjoni għandha tqis il-ħtieġa li tiżgura bilanċ bejn żieda fil-piż amministrattiv u l-benefiċċji tal-ksib tal-informazzjoni addizzjonali.
Artikolu 12
Tħassir
Ir-Regolament (KE) Nru 736/96 huwa b’dan imħassar mid-9 ta’ April 2014.
Artikolu 13
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
D. KOURKOULAS
(1) ĠU C 271, 19.9.2013, p. 153.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2014.
(3) Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment ħieles ta’ tali dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).
(4) Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(5) Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 tal-24 ta’ Ġunju 2010 dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 (ĠU L 180, 15.7.2010, p. 7).
(6) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża C-490/10, il-Parlament v il-Kunsill (2012 ECR I-0000).
(7) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 tat-22 ta’ April 1996 dwar in-notifika lill-Kummisjsoni ta’ proġetti ta’ investiment ta’ interess lill-Komunità fis-setturi taż-żejt, tal-gass naturali u tal-elettriku (ĠU L 102, 25.4.1996, p. 1).
(8) Regolament tal-Kummissjoni (UE, Euratom) Nru 833/2010 tal-21 ta’ Settembru 2010, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 22.9.2010, p. 36).
(9) Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15).
(10) Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36).
ANNESS
PROĠETTI TA’ INVESTIMENT
1. ŻEJT
1.1. Raffinar
— |
impjanti tad-distillazzjoni b’kapaċità ta’ mhux anqas minn miljun 1 tunnellata fis-sena; |
— |
estensjoni tal-kapaċità tad-distillar għal aktar minn miljun 1 tunnellata fis-sena; |
— |
impjanti ta’ cracking/iffurmar mill-ġdid b’kapaċità minima ta’ 500 tunnellata kuljum; |
— |
impjanti ta’ desulfurizzazzjoni għal residwi ta’ żejt tal-fjuwil/żejt tal-gass/materja prima/prodotti oħra taż-żejt mhux maħdum. |
Impjanti kimiċi li ma jipproduċux żejt tal-fjuwil u/jew fjuwil tal-magni, jew li jipproduċuhom biss bħala prodotti sekondarji, huma esklużi.
1.2. Trasport
— |
sistemi ta’ pajpijiet taż-żejt mhux raffinat b’kapaċità ta’ mhux anqas minn 3 miljun tunnellata metrika fis-sena u l-estensjoni jew it-titwil ta’ dawn is-sistemi ta’ pajpijiet, li huma twal tal-anqas 30 kilometru; |
— |
sistemi ta’ pajpijiet tal-prodotti taż-żejt mhux maħdum b’kapaċità ta’ mhux anqas minn 1,5 miljun tunnellata fis-sena, u l-estensjoni jew it-titwil ta’ dawn is-sistemi ta’ pajpijiet, li huma twal tal-anqas 30 kilometru; |
— |
sistemi ta’ pajpijiet li jikkostitwixxu konnessjonijiet essenzjali f’netwerks ta’ interkonnessjoni nazzjonali jew internazzjonali u sistemi ta’ pajpijiet u proġetti ta’ interess komuni identifikati fil-linji gwida stabbiliti skont l-Artikolu 171 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). |
Is-sistemi ta’ pajpijiet għal skopijiet militari u dawk li jfornu lill-impjanti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-punt 1.1. huma esklużi.
1.3. Ħżin
— |
installazzjonijiet ta’ ħżin għaż-żejt mhux maħdum u prodotti taż-żejt mhux maħdum (installazzjonijiet b’kapaċità ta’ 150 000 m3 jew aktar, jew fil-każ ta’ tankijiet, b’kapaċità ta’ mhux anqas minn 100 000 m3). |
It-tankijiet maħsubin għal finijiet militari u dawk li jfornu lill-impjanti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-punt 1.1. huma esklużi.
2. GASS
2.1. Trażmissjoni
— |
gass, inklużi gass naturali u bijogass, sistemi ta’ pajpijiet għat-trasport li jiffurmaw parti minn netwerk li prinċipalment fih sistemi ta’ pajpijiet bi pressjoni għolja, esklużi sistemi ta’ pajpijiet li jiffurmaw parti minn netwerk ta’ sistemi ta’ pajpijiet upstream u eskluża l-parti ta’ sistemi ta’ pajpijiet bi pressjoni għolja primarjament użati fil-kuntest tad-distribuzzjoni lokali tal-gass naturali; |
— |
“is-sistemi ta’ pajpijiet u proġetti ta’ interess komuni” identifikati fil-linji gwida stabbiliti taħt l-Artikolu 171 tat-TFUE. |
2.2. Terminals tal-gass naturali likwifikat (LNG)
— |
terminals għall-importazzjoni tal-LNG, b’kapaċità ta’ rigassifikazzjoni ta’ 1 biljun m3 fis-sena jew aktar. |
2.3. Ħżin
— |
installazzjonijiet tal-ħżin imqabbda mas-sistemi ta’ pajpijiet imsemmija fil-punt 2.1. |
Is-sistemi ta’ pajpijiet tal-gass, terminals u installazzjonijiet għal skopijiet militari u dawk li jfornu lill-impjanti kimiċi li ma jipproduċux prodotti tal-enerġija, jew li jipproduċuhom biss bħala prodotti sekondarji, huma esklużi.
3. ELETTRIKU
3.1. Produzzjoni
— |
impjanti tal-enerġija termali u nukleari (ġeneraturi b’kapaċità ta’ 100 MW jew aktar); |
— |
installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija mill-bijomassa/bijolikwidi/skart (b’kapaċità ta’ 20 MW jew aktar); |
— |
impjanti tal-enerġija b’koġenereazzjoni ta’ elettriku u sħana utli (installazzjonijiet b’kapaċità elettrika ta’ 20 MW jew aktar); |
— |
impjanti tal-enerġija idroelettrika (installazzjonijiet li għandhom kapaċità ta’ 30 MW jew aktar); |
— |
parkijiet eoliċi (wind power farms) b’kapaċità ta’ 20 MW jew aktar; |
— |
installazzjonijiet tal-enerġija termali mix-xemx u ġeotermali kkonċentrati (b’kapaċità ta’ 20 MW jew aktar); |
— |
installazzjonijiet fotovoltajċi (b’kapaċità ta’ 10 MW jew aktar). |
3.2. Trażmissjoni
— |
–linji tat-trażmissjoni ’l fuq mil-livell tat-triq, jekk dawn ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ użat ġeneralment fil-livell nazzjonali għal-linji ta’ interkonnessjoni, u dment li dawn ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta 220 kV jew aktar; |
— |
kejbils ta’ trażmissjoni ta’ taħt l-art jew ta’ taħt il-baħar, jekk dawn ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta’ 150 kV jew aktar; |
— |
proġetti ta’ interess komuni identifikati fil-linji gwida stabbiliti skont l-Artikolu 171 tat-TFUE. |
4. BIJOFJUWIL
4.1. Produzzjoni
— |
installazzjonijiet li kapaċi jipproduċu jew jirfinaw il-bijofjuwils (installazzjonijiet b’kapaċità ta’ 50 000 tunnellata fis-sena jew aktar). |
5. DIOSSIDU TAL-KARBONJU
5.1. Trasport
— |
sistemi ta’ pajpijiet tad-diossidu tal-karbonju relatati mal-produzzjoni tal-installazzjonijiet imsemmija fil-punti 1.1. u 3.1. |
5.2. Ħżin
— |
installazzjonijiet tal-ħżin (sit tal-ħżin jew kumpless b’kapaċità ta’ 100 kt jew aktar). |
L-installazzjonijiet tal-ħżin maħsuba għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku huma esklużi.