EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0674

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/674/PESK tal- 25 ta' Settembru 2014 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/565/PESK dwar il-missjoni ta' konsulenza u assistenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUSEC RD Congo)

ĠU L 282, 26.9.2014, p. 24–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/674/oj

26.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/24


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/674/PESK

tal-25 ta' Settembru 2014

li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/565/PESK dwar il-missjoni ta' konsulenza u assistenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUSEC RD Congo)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-21 ta' Settembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/565/PESK (1), modifikata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2013/468/PESK (2). Id-Deċiżjoni 2010/565/PESK tiskadi fit-30 ta' Settembru 2014.

(2)

Fit-18 ta' Ġunju 2014, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) approva l-Modalitajiet għat-Transizzjoni tal-EUSEC RD Congo, fi ħdan il-qafas tat-tkabbir futur tal-UE bl-appoġġ tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC), li tinvolvi l-estensjoni tal-EUSEC RD Congo għal disa' xhur, sat-30 ta' Ġunju 2015, biex tiġi implimentata t-transizzjoni finali tagħha bl-għan li jiġu trasferiti l-kompiti tagħha.

(3)

L-EUSEC RD Congo ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/565/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Mandat

Il-missjoni għandha timmira, b'kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib mal-atturi oħrajn tal-komunità internazzjonali, b'mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti u l-MONUSCO, u waqt li ssegwi l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1, li tipprovdi appoġġ konkret fil-qasam tar-RSS, waqt li jinħolqu l-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni fuq perijodu qasir u medju ta' attivitajiet u proġetti bbażati fuq il-linji gwida adottati mill-awtoritajiet Kongoliżi fil-pjan tar-riforma tal-FARDC kif imniżżla fil-programm ta' azzjoni tal-missjoni, inklużi:

(a)

iż-żamma tal-appoġġ f'livell strateġiku filwaqt li jiġu integrati attivitajiet relatati mal-kampanja kontra l-impunità fl-oqsma tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-vjolenza sesswali;

(b)

iż-żamma tal-appoġġ għall-konsolidazzjoni tal-amministrazzjoni u l-introduzzjoni ta' sistema ta' ġestjoni tar-riżorsi umani bbażata fuq il-ħidma li għaddejja biex titjieb l-awtonomija tal-proċess;

(c)

it-titjib tal-kapaċitajiet operazzjonijiet tal-FARDC, billi ssir ħidma mal-awtoritajiet militari lejn is-sostenibbiltà tas-sistema tal-edukazzjoni militari, li tiffoka fuq skejjel għall-uffiċjali u uffiċjali mhux kummissjonati.”

;

(2)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   EUSEC RD Congo għandha tkun strutturata f'konformità mad-dokumenti ta' ppjanar tagħha.”

;

(3)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 4 jitħassar;

(4)

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 9

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għall-perijodu mill-1 ta' Ottubru 2010 sat-30 ta' Settembru 2011 għandu jkun ta' EUR 12 600 000.

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għall-perijodu mill-1 ta' Ottubru 2011 sat-30 ta' Settembru 2012 għandu jkun ta' EUR 13 600 000.

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għall-perijodu mill-1 ta' Ottubru 2012 sat-30 ta' Settembru 2013 għandu jkun ta' EUR 11 000 000.

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għall-perijodu mill-1 ta' Ottubru 2013 sat-30 ta' Settembru 2014 għandu jkun ta' EUR 8 455 000.

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għall-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2014 sat-30 ta' Ġunju 2015 għandu jkun ta' EUR 4 600 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f'konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku mill-EUSEC RD Congo għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet. Barra minn hekk, m'għandha tapplika l-ebda regola ta' oriġini għall-prodotti mixtrija mill-EUSEC RD Congo. Soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-missjoni tista' tikkonkludi arranġamenti tekniċi ma' Stati Membri, il-pajjiż ospitanti, Stati terzi parteċipanti u atturi internazzjonali oħra fir-rigward tal-provvista ta' tagħmir, servizzi u siti lill-EUSEC RD Congo.

3.   L-EUSEC RD Congo għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-missjoni. Għal dan il-għan, EUSEC RD Congo għandha tiffirma ftehim mal-Kummissjoni.

4.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-istatus tal-EUSEC RD Congo u l-persunal tagħha, l-EUSEC RD Congo għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-mandat li jibda mill-1 ta' Ottubru 2013, bl-eċċezzjoni ta' kwalunkwe pretensjoni relatata ma' kondotta ħażina serja mill-Kap tal-Missjoni, li għalihom il-Kap tal-Missjoni għandu jġorr ir-responsabbiltà.

5.   L-implimentazzjoni tal-arranġamenti finanzjarji għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand kif previst fl-Artikoli 5 u 7 u r-rekwiżiti operazzjonali tal-EUSEC RD Congo, inkluż il-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tat-timijiet tagħha.

6.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.”

;

(5)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

Ċellula ta' Proġetti

1.   L-EUSEC RD Congo għandu jkollha Ċellula ta' Proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. L-EUSEC RD Congo għandha, kif adatt, tiffaċilita u tipprovdi konsulenza dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u l-Istati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom, f'oqsma relatati mal-EUSEC RD Congo u b'appoġġ għall-objettivi tagħha.

2.   Soġġett għal paragrafu 3, l-EUSEC RD Congo għandha tkun awtorizzata li tagħmel rikors għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri jew Stati terzi għall-implimentazzjoni ta' proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw b'mod konsistenti l-azzjonijiet l-oħra tal-EUSEC RD Congo, jekk il-proġett ikun:

(a)

previst fid-dikjarazzjoni finanzjarja relatata ma' din id-Deċiżjoni; jew

(b)

integrat matul il-mandat permezz ta' modifika tad-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-Kap tal-Missjoni.

L-EUSEC RD Congo għandha tikkonkludi arranġament ma' dawk l-Istati, tkopri b'mod partikolari l-proċeduri speċifiċi għat-trattament ta' kull ilment minn partijiet terzi dwar ħsara kkawżata bħala riżultat ta' atti jew ommissjonijiet mill-EUSEC RD Congo fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati. L-Istati li jikkontribwixxu ma jistgħu f'ebda ċirkostanza jżommu lill-Unjoni jew lir-RGħ responsabbli għal atti jew ommissjonijiet mill-EUSEC RD Congo fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.

3.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati terzi għaċ-Ċellula ta' Proġetti għandhom ikunu soġġetti għall-aċċettazzjoni tal-KPS.”

;

(6)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 hu sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċi'joni, kif xieraq u skont il-ħtiġijiet tal-missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell ‘CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL’ iġġenerati għall-finijiet tal-missjoni, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (*).

(*)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).”"

;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Ir-RGħ jista' jiddelega s-setgħat imsemmijin fil-paragrafi 1 sa 4, kif ukoll l-abbiltà li jikkonkludi arranġamenti msemmijin fil-paragrafi 2 u 3 għal persuni mpoġġijin taħt l-awtorità tiegħu/tagħha u/jew il-Kap tal-Missjoni.”

;

(7)

fl-Artikolu 17, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għandha tapplika sat-30 ta' Ġunju 2015.”

.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Ottubru 2014.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Settembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

F. GUIDI


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/565/PESK tal-Kunsill tal-21 ta' Settembru 2010 dwar il-missjoni ta' konsulenza u assistenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUSEC RD Congo) (ĠU L 248, 22.9.2010, p. 59).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/468/PESK tat-23 ta' Settembru 2013 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/565/PESK dwar il-missjoni ta' konsulenza u assistenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUSEC RD Congo) (ĠU L 252, 24.9.2013, p. 29).


Top