This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013R0472
Regulation (EU) No 472/2013 of the European Parliament and of the Council of 21 May 2013 on the strengthening of economic and budgetary surveillance of Member States in the euro area experiencing or threatened with serious difficulties with respect to their financial stability
Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom
Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom
ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1–10
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
27.5.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 140/1 |
REGOLAMENT (UE) Nru 472/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Mejju 2013
dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121(6) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),
Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġislattiva (2),
Billi:
(1) |
Il-kriżi globali mingħajr preċedenti li laqtet lid-dinja sa mill-2007 iddanneġġat gravement it-tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà finanzjarja u wasslet għal deterjorament qawwi fid-defiċit tal-gvern u l-pożizzjoni tad-dejn tal-Istati Membri, li wasslet lil uħud minnhom biex ifittxu assistenza finanzjarja fi ħdan u barra l-qafas tal-Unjoni. |
(2) |
L-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li, meta tkun qed tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tikkunsidra r-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ okkupazzjoni, il-garanzija ta’ ħarsien soċjali adegwat, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. |
(3) |
Il-konsistenza sħiħa bejn il-qafas ta’ sorveljanza multilaterali tal-Unjoni stabbilit mit-TFUE u l-kundizzjonijiet ta’ politika possibbli marbuta mal-assistenza finanzjarja għandhom jiġu minquxa fid-dritt tal-Unjoni. L-integrazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-Istati Membri kollha, partikolarment ta' dawk li l-munita tagħhom tkun l-euro, teħtieġ tisħiħ tas-sorveljanza biex jiġi pprevenut kontaġju minn Stat Membru li jkun qed jesperjenza jew ikun mhedded minn diffikultajiet fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tiegħu għall-bqija taż-żona tal-euro u, b'mod usa', għall-Unjoni b'mod ġenerali. |
(4) |
L-intensità tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja għanda tikkommensura mal-gravità tad-diffikultajiet finanzjarji eventwali u b'mod proporzjonat għaliha u għandha tqis in-natura tal-assistenza finanzjarja rċevuta, li tista' tkun minn sempliċiment sostenn prekawzjonarju msejjes fuq kundizzjonijiet għall-eliġibilità sa programm ta’ aġġustament makroekonomiku sħiħ, li jinvolvi kundizzjonalità stretta ta' politika. Kwalunkwe programm ta’ aġġustament makroekonomiku għandu jqis il-programm ta' riforma nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tal-Istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi. |
(5) |
Stat Membru li l-munita tiegħu tkun l-euro għandu jkun soġġett għal sorveljanza msaħħa taħt dan ir-Regolament meta jesperjenza jew ikun mhedded minn diffikultajiet finanzjarji gravi, bil-ħsieb li jiġi żgurat treġġigħ lura malajr għan-normalità u li jiġu protetti l-Istati Membri l-oħra taż-żona tal-euro kontra riperkussjonijiet potenzjalment negattivi. Din is-sorveljanza msaħħa għandha tkun proporzjonata għall-gravità tal-problemi u għandha tiġi aġġustata skont dan. Għandha tinkludi aċċess usa' għall-informazzjoni meħtieġa għal monitoraġġ metikoluż tas-sitwazzjoni ekonomika, fiskali u finanzjarja u rapportar regolari lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) jew lil kwalunkwe sottokumitat li jista' jinħatar mill-KEF għal dak l-iskop. L-istess arranġamenti ta’ sorveljanza għandhom japplikaw għall-Istati Membri li jitolbu assistenza prekawzjonarja minn Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM), mill-Mekkaniżmu ta’ Stabbiltà Finanzjarja (MES), mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), jew minn istituzzjoni finanzjarja internazzjonali rilevanti oħra bħall-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). |
(6) |
Stat Membru soġġett għal sorveljanza msaħħa għandu jadotta wkoll miżuri bl-għan li jindirizza s-sorsi jew is-sorsi potenzjali tad-diffikultajiet tiegħu. Għal dak l-għan, għandhom jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet kollha indirizzati lilu matul proċedura ta' defiċit eċċessiv jew fi proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku eċċessiv. |
(7) |
Is-sorveljanza ekonomika u baġitarja għandha tiġu rinfurzata sew għall-Istati Membri suġġetti għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku. Minħabba n-natura komprensiva ta' dan tal-aħħar, il-proċessi l-oħra ta' sorveljanza ekonomika u baġitarja għandhom jiġu sospiżi jew, meta jkun xieraq, simplifikati matul il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza tas-sorveljanza tal-politika ekonomika u li tiġi evitata dupplikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar. Madankollu, meta jkun qed jitħejja l-programm ta' aġġustament makroekonomiku, għandhom jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet kollha li ġew indirizzati lill-Istat Membru matul proċedura ta' defiċit eċċessiv jew fi proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku eċċessiv. |
(8) |
L-isfida preżenti minħabba l-frodi u l-evażjoni tat-taxxi żdiedet b'mod konsiderevoli. Il-globalizzazzjoni tal-ekonomija, l-iżviluppi teknoloġiċi, l-internalizzazzjoni tal-frodi u l-interdipendenza li tirriżulta tal-Istati Membri juru l-limiti ta' approċċi strettament nazzjonali u jsaħħu l-bżonn għal azzjoni konġunta. |
(9) |
Il-problemi preżenti minħabba l-frodi u l-evażjoni tat-taxxi fi Stati Membri suġġetti għal programm ta' aġġustament makroekonomiku għandhom jiġu trattati billi jitjieb il-ġbir tad-dħul f'dawk l-Istati Membri u tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tad-dħul fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi. |
(10) |
Għandhom jiġu stabbiliti regoli sabiex jittejjeb id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, partikolarment il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u jiġu żgurati trasparenza u responsabilità pubblika akbar. Il-parlament tal-Istat Membru li jkun suġġett għal programm ta' aġġustament makroekonomiku jew għal sorveljanza msaħħa għandu jinżamm informat f'konformità mar-regoli u l-prattiki nazzjonali. |
(11) |
L-Istati Membri, f'konformità mar-regoli u l-prattika nazzjonali, għandhom jinvolvu lis-sħab soċjali kif ukoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi ta' assistenza finanzjarja. |
(12) |
Qabel ma tiġi adottata deċiżjoni tal-Kunsill rigward programm ta' aġġustament makroekonomiku skont dan ir-Regolament, il-korpi rilevanti tal-MES u tal-EFSF għandu jkollhom l-opportunità li jkollhom diskussjoni dwar ir-riżultat tan-negozjati bejn il-Kummissjoni – li taġixxi f'isem il-MES jew l-EFSF, flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), u fejn ikun xieraq, mal-FMI – u l-Istat Membru benefiċjarju dwar il-kundizzjonijiet ta' politika possibbli marbuta mal-assistenza finanzjarja ta' dak l-Istat Membru. Għandhom jiġu adottati memoranda ta' ftehim li jagħtu kondizzjonijiet dettaljati għall-għoti ta' assistenza finanzjarja skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u l-Ftehim ta' Qafas EFSF. |
(13) |
Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, ir-referenzi għall-assistenza finanzjarja f'dan ir-Regolament għandhom ikopru wkoll l-appoġġ finanzjarju mogħti fuq bażi ta' prekawzjoni u self għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji. |
(14) |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tqiegħed Stat Membru taħt sorveljanza msaħħa skont ir-Regolament għandha tittieħed f'kooperazzjoni mill-qrib mal-, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (flimkien imsejjħin l-‧ASE‧) u l-Korp Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (6). Il-Kummissjoni għandha tikkoopera wkoll mal-KEF biex tiddeċiedi jekk għandhiex ittawwal is-sorveljanza msaħħa. |
(15) |
Wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat jew, fejn adatt, għal raġunijiet ta' ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista' tirrakkomanda li jitnaqqas jew jiġi kkanċellat kwalunkwe depożitu li jħalli imgħax, depożitu li ma jħallix imgħax jew multa imposti mill-Kunsill fil-qafas tal-parti preventiva jew korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għal Stat Membru soġġett għall-programm ta' aġġustament makroekonomiku. |
(16) |
L-aċċess għal informazzjoni dwar il-ħidma preparatorju magħmul waqt it-tħejjija tal-adozzjoni ta' rakkomandazzjoni skont dan ir-Regolament għandu jkun soġġett għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (7). |
(17) |
Meta tittieħed deċiżjoni skont dan ir-Regolament li Stat Membru ma jikkonformax mar-rekwiżiti li jinsabu fil-programm tiegħu ta' aġġustament makroekonomiku, u l-avvenimenti u l-analiżi juru b'mod ċar li mekkaniżmu huwa bżonnjuż biex jiġi żgurat ir-rispett tal-obbligi lejn il-kredituri u l-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tiegħu, il-Kummissjoni mitluba tagħmel proposti għal tali mekkaniżmu. |
(18) |
Għandhom jiġu konferiti fuq il-Kunsill is-setgħa li jiġu adottati rakkomandazzjonijiet dwar l-adozzjoni ta' miżuri korrettivi prekawzjonarji u dwar il-preparazzjoni ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku; is-setgħa biex jiġu approvati l-programmi ta' aġġustament makroekonomiċi; is-setgħa biex jiġu adottati deċiżjonijiet dwar ir-rekwiżiti ta' politika ewlenin li l-MES jew l-EFSF bi ħsiebhom jinkludu fil-kundizzjonalità għall-assistenza finanzjarja mogħtija fuq bażi prekawzjonarja, self magħmul għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji jew fi kwalunkwe strument finanzjarju ġdid fil-qafas tal-MES; u s-setgħa li tiġi rakkomandata l-adozzjoni ta' miżuri korrettivi għal Stati Membri taħt sorveljanza ta' wara l-programm. Dawk is-setgħat huma ta' rilevanza partikolari għall-politika ta' koordinazzjoni ekonomika ta' Stati Membri, li skont l-Artikolu 121 TFUE għandhom isiru fil-Kunsill. |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistipula d-dispożizzjonijiet għat-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro, fejn dawk l-Istati Membri:
(a) |
jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom jew għas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi tagħhom, li jwasslu għal riperkussjonijiet potenzjalment negattivi lejn Stati Membri oħra fiż-żona tal-euro; jew |
(b) |
jitolbu jew jirċievu assistenza finanzjarja minn Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSM), mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), mill-Faċilità Ewropew ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), jew minn xi istituzzjoni finanzjarji internazzjonali rilevanti oħra, bħalma hu l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). |
2. Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll dispożizzjonijiet għal koordinazzjoni tal-politika ekonomika msaħħa.
3. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.
4. Matul l-applikazzjoni tar-Regolament, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom josservaw bis-sħiħ l-Artikolu 152 TFUE. Meta japplikaw dan ir-Regolament u r-rakkomandazzjonijiet adottati skontu, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ir-regoli u l-prattika nazzjonali u l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u ta' dawk ir-Rakkomandazzjonijiet ma taffettwax id-dritt li wieħed jinnegozja, jikkonkludi u jinforza ftehimiet kollettivi jew li tittieħed azzjoni kollettiva skont il-liġi nazzjonali.
Artikolu 2
Stati Membri taħt sorveljanza msaħħa
1. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tqiegħed taħt sorveljanza msaħħa Stat Membru li jkun qed jesperjenza jew ikun mhedded minn diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tiegħu li x'aktarx ikollhom riperkussjonijiet negattivi fuq Stati Membri oħra taż-żona tal-euro.
Meta tivvaluta jekk Stat Membru huwiex mhedded b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tiegħu, il-Kummissjoni għandha tuża, fost parametri oħrajn, il-mekkaniżmu ta' twissija stabbilit taħt l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (8) jew, fejn ikun disponibbli, l-aktar rieżami dettaljat reċenti. Il-Kummissjoni għandha wkoll twettaq valutazzjoni komprensiva, waqt li tqis, b'mod partikolari, il-kondizzjonijiet ta' self ta' dak l-Istat Membru, il-profil tal-ħlas lura tal-obbligi ta' dejn tiegħu, ir-robustezza tal-qafas baġitarju tiegħu, is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi tiegħu, l-importanza tal-piż tad-dejn tiegħu u r-riskju ta' kontaġju minn tensjonijiet serji fis-settur finanzjarju tiegħu fuq is-sitwazzjoni baġitarja tiegħu jew fuq is-settur finanzjarju ta' Stati Membri oħra.
L-Istat Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jesprimi l-opinjoni tiegħu qabel il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha li tqiegħed lil dak l-Istat Membru taħt sorveljanza msaħħa. Kull sitt xhur, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk ittawwalx is-sorveljanza msaħħa fuq dak l-Istat Membru.
2. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tpoġġi Stat Membru taħt sorveljanza msaħħa skont il-paragrafu 1, għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat dwar ir-riżultati kollha tal-valutazzjoni u għandha tinnotifika lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fil-kapaċità tiegħu ta' superviżur, lill-ASEs rilevanti u lill-BERS skont il-każ.
3. Meta Stat Membru jirċievi assistenza finanzjarja fuq bażi prekawzjonarja minn Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, mill-EFSM, mill-MES, mill-EFSF jew minn kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja internazzjonali rilevanti oħra, bħall-FMI, il-Kummissjoni għandha tpoġġi lil dak l-Istat Membru taħt sorveljanza msaħħa.
Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblika kull deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 1 u skont dan il-paragrafu.
4. Il-paragrafu 3 m'għandux japplika għal Stat Membru li jirċievi assistenza finanzjarja fuq bażi prekawzjonali fil-forma ta' linja ta' kreditu, li ma tkunx soġġetta għall-adozzjoni ta’ provvedimenti ġodda ta' politika mill-Istat Membru kkonċernat, sakemm il-linja ta' kreditu ma tkunx ġiet prelevata.
5. Il-Kummissjoni għandha tippubblika, għal finijiet ta' informazzjoni, lista tal-istrumenti li jipprovdu assistenza finanzjarja prekawzjonarja kif imsemmi fil-paragrafu 3 u għandha żżommha aġġornata sabiex tibqa' tikkunsidra l-bidliet possibbli fil-politika tas-sostenn finanzjarju tal-EFSM, il-MES, l-EFSF jew ta' xi istituzzjoni finanzjarja internazzjonali rilevanti oħra.
Artikolu 3
Sorveljanza msaħħa
1. Stat Membru suġġett għal sorveljanza msaħħa għandu, b'konsultazzjoni u kooperazzjoni mal-Kummissjoni, b'koordinazzjoni mal-BĊE, l-ASEs, il-BERS u, fejn ikun xieraq, il-FMI, jadotta miżuri mmirati lejn l-indirizzar tas-sorsi jew sorsi potenzjali tad-diffikultajiet. Meta jagħmel dan, l-Istat Membru għandu jqis kwalunkwe rakkomandazzjoni indirizzata lilu skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (9), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (10), jew ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011, rigward, inter alia, il-programmi ta' riforma nazzjonali tiegħu u l-programmi ta' stabbiltà tiegħu.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew, lill-KEF, lill-Grupp ta' Ħidma tal-Grupp tal-euro, u lill-parlament tal-Istat Membru kkonċernat, fejn ikun rilevanti u f'konformità mal-prattika nazzjonali, dwar dawk il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu.
2. Il-monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni fiskali stipulat fl-Artikolu 10(2), (3) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 21 ta' Mejju 2013 [dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro] (11) għandu japplika għal Stat Membru taħt sorveljanza msaħħa, irrispettivament mill-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv f'dak l-Istat Membru. Ir-rapport magħmul skont l-Artikolu 10(3) ta' dak ir-Regolament għandu jiġi sottomess fuq bażi trimestrali.
3. Fuq talba mill-Kummissjoni, Stat Membru taħt sorveljanza msaħħa, skont l-Artikolu 2(1), għandu:
(a) |
jikkomunika lill-BĊE, fil-kapaċità superviżorja tiegħu, u, fejn ikun xieraq, lill-ASEs rilevanti, f'konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010, skont il-frekwenza mitluba, informazzjoni diżaggregata dwar l-iżviluppi fis-sistema finanzjarja tiegħu, inklużi analiżi tar-riżultati tal-eżerċizzji ta' kwalunkwe test tal-istress jew l-analiżi tas-sensittività mwettqa, skont il-punt (b) ta' dan il-paragrafu; |
(b) |
iwettaq, taħt is-superviżjoni tal-BĊE fil-kapaċità superviżorja tiegħu, jew fejn ikun xieraq, taħt is-superviżjoni tal-ASE(s) rilevanti, eżerċizzji ta’ test tal-istress jew analiżijiet tas-sensittività, kif meħtieġ, biex tiġi vvalutata r-reżiljenza tas-settur finanzjarju għal xokkijiet makroekonomiċi u finanzjarji varji, kif speċifikat mill-Kummissjoni u l-BĊE b'koordinazzjoni mal-ASEs rilevanti u l-BERS; |
(c) |
ikun meħtieġ li jippreżenta valutazzjonijiet regolari tal-kapaċitajiet superviżorji tiegħu fuq is-settur finanzjarju fil-qafas tar-rieżami bejn il-pari speċifika mwettqa mill-BĊE, fil-kapaċità superviżorja tiegħu, jew fejn ikun xieraq mill-ASEs rilevanti; |
(d) |
jikkomunika lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ tal-iżbilanċi makroekonomiċi f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. |
Abbażi tal-analiżi tar-riżultati tal-eżerċizzji ta' test tal-istress u l-analiżi tas-sensittività msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, u billi jitqiesu l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-indikaturi rilevanti tal-iskorbord għall-iżbilanċi makroekonomiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-BĊE, fil-kapaċità superviżorja tiegħu, u l-ASEs rilevanti għandhom iħejju, b'koordinazzjoni mal-BERS, valutazzjoni tal-vulnerabilitajiet potenzjali tas-sistema finanzjarja u għandhom jibagħtu dik il-valutazzjoni lill-Kummissjoni skont il-frekwenza indikata minn din tal-aħħar, u lill-BĊE.
4. Fuq talba mill-Kummissjoni, Stat Membru taħt sorveljanza msaħħa, skont l-Artikolu 2(3), għandu:
(a) |
jikkomunika lill-Kummissjoni, lill-BĊE, u fejn ikun xieraq lill-ASEs rilevanti, f'konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010, skont il-frekwenza mitluba, informazzjoni diżaggregata dwar l-iżviluppi fis-sistema finanzjarja tiegħu, inklużi analiżi tar-riżultati ta' kwalunkwe eżerċizzju ta' test tal-istress jew l-analiżi tas-sensittività mwettqa skont il-punt (b); |
(b) |
iwettaq, taħt is-superviżjoni tal-BĊE fil-kapaċità superviżorja tiegħu, jew, fejn ikun xieraq, taħt is-superviżjoni tal-ASEs rilevanti, eżerċizzji ta’ test tal-istress jew analiżi tas-sensittività, kif meħtieġ, biex tiġi vvalutata r-reżiljenza tas-settur finanzjarju għal xokkijiet makroekonomiċi u finanzjarji varji, kif speċifikat mill-Kummissjoni u l-BĊE, b'koordinazzjoni mal-ASEs rilevanti u mal-BERS, u jaqsam ir-riżultati dettaljati magħhom; |
(c) |
ikun meħtieġ jippreżenta valutazzjonijiet regolari tal-kapaċitajiet superviżorji tiegħu fuq is-settur finanzjarju fil-qafas tar-rieżami bejn il-pari speċifika mwettqa mill-BĊE, fil-kapaċità superviżorja tiegħu, jew, fejn xieraq, mill-ASEs rilevanti; |
(d) |
jikkomunika lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni li hemm bżonn biex ikunu sorveljati l-iżbilanċi makroekonomiċi f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. |
Il-Kummissjoni, il-BĊE, u l-ASEs rilevanti għandhom iżommu kwalunkwe informazzjoni diżaggregata mibgħuta lilhom bħala kunfidenzjali.
5. Il-Kummissjoni, f'koordinazzjoni mal-BĊE u mal-ASEs rilevanti u, meta jkun xieraq, mal-FMI, għandha twettaq missjonijiet regolari ta’ rieżami fl-Istat Membru taħt sorveljanza msaħħa biex tivverifika l-progress li jsir minn dak l-Istat Membru fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4.
Kull trimestru l-Kummissjoni għandha tikkomunika l-valutazzjoni tagħha lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u lill-KEF. F'dik il-valutazzjoni hija għandha teżamina, b'mod partikolari, jekk jeħtiġx miżuri ulterjuri.
Il-missjonijiet ta’ rieżami msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jissostitwixxu l-monitoraġġ fuq il-post previst fl-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.
6. Meta titħejja l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tqis ir-riżultati ta' kwalunkwe rieżami dettaljat possibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011, inkluża l-evalwazzjoni ta' riperkussjonijiet tal-politiki ekonomiċi nazzjonali fuq l-Istat Membru soġġett għal sorveljanza msaħħa, f'konformità mal-Artikolu 5(2) ta' dak ir-Regolament.
7. Fejn Il-Kummissjoni tikkonkludi li, abbażi tal-missjonijiet ta' rieżami previsti fil-paragrafu 5, jeħtieġ aktar miżuri u li s-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tal-Istat Membru kkonċernat ikollha effetti avversi sinifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro jew tal-Istati Membri tagħha, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jirrakkomanda lill-Istat Membru kkonċernat li jadotta miżuri korrettivi ta' prekawzjoni jew li jħejji abbozz ta' programm ta’ aġġustament makroekonomiku.
Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jippubblika r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.
8. Fejn rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 7 ssir pubblika:
(a) |
il-Kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' joffri l-opportunità lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni biex jipparteċipaw fi skambju ta’ fehmiet; |
(b) |
ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jistgħu jiġu mistiedna mill-parlament tal-Istat Membru kkonċernat biex jipparteċipaw fi skambju ta’ fehmiet; |
(c) |
il-Kunsill għandu jinforma fil-ħin dovut lill-kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew dwar il-kontenut tar-rakkomandazzjoni. |
9. Matul il-proċess ta' sorveljanza msaħħa, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u l-parlament tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jistiednu rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-BĊE u tal-FMI biex jipparteċipaw fi djalogu ekonomiku.
Artikolu 4
Rappurtaġġ fil-każ ta' appoġġ finanzjarju għall-kapitalizzazzjoni mill-ġdid ta' istituzzjonijiet finanzjarji
Stati Membri suġġetti għal sorveljanza msaħħa jew għal programm ta' aġġustament makroekonomiku li jirċievu assistenza finanzjarja għall-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom għandhom jirrappurtaw darbtejn fis-sena lill-KEF dwar il-kondizzjonijiet imposti fuq dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji, inklużi l-kondizzjonijiet relatati mar- rimunerazzjoni eżekuttiva. Dawk l-Istati Membri għandhom ukoll jirrappurtaw dwar il-kondizzjonijiet ta' kreditu offerti mis-settur finanzjarju lill-ekonomija reali.
Artikolu 5
Informazzjoni dwar talbiet għall-assistenza finanzjarja previsti
Stat Membru li jkun biħsiebu jitlob assistenza finanzjarja minn Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi, mill-MES, mill-EFSF jew minn instituzzjoni finanzjarja internazzjonali rilevanti oħra, bħall-FMI għandu jinforma immedjatament lill-President tal-Grupp ta' Ħidma tal-grupp tal-euro, lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u lill-President tal-BĊE bl-intenzjoni tiegħu.
Wara li jkun irċieva valutazzjoni mill-Kummissjoni, il-Grupp ta' Ħidma tal-Eurogrupp għandu jorganizza diskussjoni dwar din it-talba maħsuba, bil-ħsieb li jeżamina, fost affarijiet oħra, il-possibbiltajiet disponibbli taħt strumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni jew taż-żona tal-euro qabel ma l-Istat Membru kkonċernat jindirizza lis-selliefa potenzjali.
Stat Membru li jkun biħsiebu jitlob assistenza finanzjarja mill-EFSM għandu jinforma immedjatament lill-President tal-KEF, lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-affarijiet ekonomiċi u Monetarji u lill-President tal-BĊE bl-intenzjoni tiegħu.
Artikolu 6
L-evalwazzjoni tas-sostenibilità tad-dejn tal-gvern
Fejn Stat Membru jitlob assistenza finanzjarja mill-EFSM, mill-MES jew mill-EFSF, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, b'koordinazzjoni mal-BĊE u kull fejn possibbli, mal-FMI, is-sostenibilità tad-dejn tal-gvern ta' dak l-Istat Membru u l-ħtiġijiet finanzjarji proprji jew potenzjali tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dik il-valutazzjoni lill-Grupp ta' Ħidma tal-grupp tal-euro jekk l-assistenza finanzjarja għandha tingħata skont il-MES jew l-EFSF, u lill-KEF jekk l-assistenza finanzjarja għandha tingħata skont l-EFSM.
Il-valutazzjoni tas-sostenibilità tad-dejn tal-gvern għandha tkun ibbażata fuq l-aktar xenarju makroekonomiku possibbli jew xenarju aktar prudenti u previżjonijiet baġitarji li jużaw l-aktar informazzjoni aġġornata u filwaqt li jitqies kif dovut l-eżitu tar-rapport imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 3(3) kif ukoll kwalunkwe kompitu superviżorju eżerċitat f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 3(3). Il-Kummissjoni għandha wkoll tivvaluta l-impatt tax-xokkijiet makroekonomiċi u finanzjarji u l-iżviluppi negattivi fuq is-sostenibilità tad-dejn tal-gvern.
Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubbliku x-xenarju makroekonomiku, inklużi x-xenarju tat-tkabbir, il-parametri rilevanti li fuqhom tkun imsejsa l-valutazzjoni tas-sostenibilità tad-dejn tal-gvern tal-Istat Membru kkonċernat, u l-impatt stmat tal-miżuri baġitarji aggregati fuq it-tkabbir ekonomiku.
Artikolu 7
Programm ta' aġġustament makroekonomiku
1. Fejn Stat Membru jitlob assistenza finanzjarja minn Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, mill-EFSM, mill-MES, mill-EFSF jew mill-FMI huwa għandu jipprepara bi qbil mal-Kummissjoni, li taġixxi b'koordinazzjoni mal-BĊE u, meta jkun xieraq, mal-FMI, abbozz ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku li għandu jibni fuq u jissostitwixxi kwalunkwe programm ta' sħubija ekonomika skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 u li għandu wkoll jinkludi miri baġitarji annwali.
L-abbozz tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku għandu jindirizza r-riskji speċifiċi li joħorġu minn dak l-Istat Membru għall-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro u għandu jimmira li jirristabbilixxi malajr sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tajba u sostenibbli u tiġi restawrata l-kapaċità tal-Istat Membru li jiffinanzja lilu nnifsu fis-swieq finanzjarji bis-sħiħ.
L-abbozz ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku għandu jkun ibbażat fuq il-valutazzjoni tas-sostenibilità tad-dejn tal-gvern imsemmi fl-Artikolu 6, li għandha tkun aġġornata biex tinkorpora l-impatt tal-abbozz tal-miżuri korrettivi nnegozjati mill-Istat Membru kkonċernat, u għandu jqis kif xieraq kwalunkwe rakkomandazzjoni ▐ indirizzata lil dak l-Istat Membru skont l-Artikoli 121, 126, 136 jew 148 TFUE u l-azzjonijiet tiegħu biex jikkonforma ma' tali rakkomandazzjoni,filwaqt li jimmira lejn it-twessigħ, it-tisħiħ u l-approfondiment tal-miżuri ta' politika meħtieġa.
L-abbozz ta' programm ta’ aġġustament makroekonomiku għandu jqis il-prattika u l-istituzzjonijiet għall-formazzjonijiet tal-pagi u l-programm ta' riforma nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tal-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi.
L-abbozz ta' programm ta’ aġġustament makroekonomiku għandu josserva bis-sħiħ l-Artikolu 152 TFUE u l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tinforma bil-fomm lill-President u l-Viċi President tal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew dwar il-progress li sar fit-tħejjija tal-abbozz tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku. Dik l-informazzjoni għandha tiġi trattata bħala kunfidenzjali.
2. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu japprova l-programm ta' aġġustament makroekonomiku mħejji mill-Istat Membru li jitlob għal assistenza finanzjarja skont il-paragrafu 1.
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-memorandum ta' ftehim iffirmat mill-Kummissjoni f'isem il-MES jew l-EFSF ikun għalkollox konsistenti mal-programm ta' aġġustament makroekonomiku approvat mill-Kunsill.
3. Il-Kummissjoni għandha tiżgura fil-proċess ta' sorveljanza ekonomika u baġitarja fir-rigward ta’ Stat Membru li jkun għaddej minn programm ta’ aġġustament makroekonomiku sabiex tiġi evitata duplikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar.
4. Il-Kummissjoni, b'koordinazzjoni mal-BĊE, u fejn rilevanti, mal-FMI, għandha timmonitorja l-progress li jsir minn Stat Membru fl-implimentazzjoni tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku tiegħu.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-KEF b'tali progress kull tliet xhur. L-Istat Membru kkonċernat għandu jikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni u mal-BĊE. Partikolarment għandu jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-BĊE bl-informazzjoni kollha li jqisu neċessarja għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku f'konformità mal-Artikolu 3(4).
Il-Kummissjoni għandha tgħarraf bil-fomm lill-President u lill-Viċi Presidenti tal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew bil-konklużjonijiet misluta mill-monitoraġġ tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku. Din l-informazzjoni għandha tiġi trattata bħala kunfidenzjali.
5. Il-Kummissjoni, b'koordinazzjoni mal-BĊE u kull meta jkun xieraq mal-FMI, għandha teżamina mal-Istat Membru kkonċernat il-bidliet u l-aġġornamenti li jistgħu jkunu meħtieġa fil-programm ta' aġġustament makroekonomiku tiegħu sabiex tikkunsidra sew, inter alia, kull nuqqas sinifikanti bejn il-previżjonijiet makroekonomiċi u ċ-ċifri realizzati, inklużi konsegwenzi possibbli li jirriżultaw mill-programm ta' aġġustament makroekonomiku, riperkussjonijiet negattivi kif ukoll xokkijiet makroekonomiċi u finanzjarji. Il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar kwalunkwe bidla li trid issir f'dak il-programm.
6. L-Istat Membru kkonċernat għandu jqis, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, jekk jiħux il-miżuri neċessarji kollha biex jistieden lill-investituri privati biex iżommu l-iskopertura totali tagħhom fuq bażi volontarja.
7. Fejn il-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 4 jiżvela devjazzjonijiet sinifikanti mill-programm ta’ aġġustament makroekonomiku ta' Stat Membru, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta' politika inklużi fil-programm tiegħu. Il-Kummissjoni, fil-proposta tagħha, għandha tivvaluta b'mod espliċitu jekk din id-devjazzjoni sinifikanti tkunx dovuta għal raġunijiet li ma jkunux fil-kontroll tal-Istat Membru kkonċernat.
L-isforzi ta' konsolidazzjoni baġitarja stabbiliti fil-programm ta' aġġustament makroekonomiku għandhom iqisu l-bżonnijiet għall-iżgurar ta' mezzi suffiċjenti għal politiki fundamentali bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa.
Meta tittieħed deċiżjoni skont dan il-paragrafu, l-Istat Membru kkonċernat għandu, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u b'koordinazzjoni mal-BĊE u fejn ikun xieraq mal-FMI, jieħu miżuri bil-għan li jistabbilizza s-swieq u jżomm il-funzjonament tajjeb tas-settur finanzjarju tiegħu.
8. Stat Membru soġġett għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku li jesperjenzja kapaċità amministrattiva insuffiċjenti jew problemi sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-programm ta' aġġustament tiegħu għandu jfittex assistenza teknika mill-Kummissjoni, li għal dak l-għan tista' tikkostitwixxi gruppi ta' esperti magħmul minn membri minn Stati Membri oħrajn u minn istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni jew minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali rilevanti. L-objettivi u l-mezzi tal-assistenza teknika għandhom jiġu enfasizzati b'mod espliċitu fil-verżjonijiet aġġornati tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku u jiffukaw fuq oqsma fejn jiġu identifikati bżonnijiet ewlenin. Assistenza teknika tista' tinkludi l-istabbiliment ta’ persunal rappreżentattiv u ta’ sostenn residenti biex jagħti pariri lill-awtoritajiet dwar l-implimentazzjoni tal-programm.
Il-programm ta' aġġustament makroekonomiku għandu jsir pubbliku, inklużi l-objettivi tiegħu u d-distribuzzjoni mistennija tal-isforz ta' aġġustament.
Il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tas-sostenibilità tad-dejn tal-gvern għandha tkun annessa mal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku.
9. Stat Membru li jkun soġġett għall-programm ta' aġġustament makroekonomiku għandu jwettaq awditjar komprensiv tal-finanzi pubbliċi tiegħu sabiex, inter alia, jwettaq valutazzjoni tar-raġunijiet li wasslu għall-bini ta' livelli eċċessivi ta' dejn kif ukoll biex isegwi kwalunkwe irregolarità possibbli.
10. Il-Kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' joffri l-opportunità lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni biex jipparteċipaw fi skambju ta’ fehmiet dwar il-progress li jsir fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku.
11. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jistgħu jiġu mistiedna mill-parlament tal-Istat Membru kkonċernat biex jipparteċipaw fi skambju ta’ fehmiet dwar il-progress li jsir fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tiegħu.
12. Dan l-Artikolu m'għandux japplika għal strumenti li jagħtu assistenza finanzjarja fuq bażi prekawzjonarja, għal self li jsir għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji, jew għal kwalunkwe strument finanzjarju ġdid tal-MES li għaliha r-regoli tal-MES ma jipprovdux programm ta' aġġustament makroekonomiku.
Għal raġunijiet ta' informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista tal-istrumenti ta' assistenza finanzjarja imsemmija fl-ewwel subparagrafu kkonċernati u għandha żżommha aġġornata biex tqis il-bidliet possibbli fil-politika ta' sostenn finanzjarju tal-MES.
Rigward dawk l-istrumenti, il-Kunsill,waqt li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, għandu, b'deċiżjoni indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat, japprova r-rekwiżiti ta' politika ewlenin, li l-MES jew l-EFSF biħsiebu jinkludi fil-kundizzjonalità għas-sostenn finanzjarju tiegħu, sat-tali punt li l-kontenut ta' dawk il-miżuri jaqa' taħt il-kompetenza tal-Unjoni kif stipulat fit-Trattati.
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-memorandum ta' ftehim iffirmat mill-Kummissjoni f'isem il-MES jew l-EFSF ikun għal kollox konsistenti ma' din id-deċiżjoni tal-Kunsill.
Artikolu 8
Involviment tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili
Meta jħejji l-abbozzi ta' programmi ta' aġġustament makroekonomiku tiegħu, l-Istat Membru għandu jfittex l-opinjonijiet tas-sħab soċjali kif ukoll ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti, bil-għan li jikkontribwixxi għat-tkattir ta' qbil dwar il-kontenut tiegħu.
Artikolu 9
Miżuri biex jissalvagwardjaw id-dħul mit-taxxi
Stat Membru għandu, fejn meħtieġ, jieħu miżuri f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u b'koordinazzjoni mal-BĊE, u fejn ikun xieraq l-FMI, bil-għan li jissaħħu l-effiċjenza u l-effettività tal-kapaċità tal-ġbir tad-dħul u l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxi, bil-għan li jiżdied id-dħul fiskali tiegħu.
Artikolu 10
Konsistenza mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir
1. Meta Stat Membru huwa soġġett għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku u l-bidliet fih skont l-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament, huwa għandu jkun eżenti milli jippreżenta programm ta' stabbiltà taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, u għandu jintegra l-kontenut ta' tali programm ta' stabbilità fil-programm tiegħu ta' aġġustament makroekonomiku.
2. Meta Stat Membru soġġett għal programm ta' aġġustament makroekonomiku jkun is-suġġett ukoll ta' rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew ta' deċiżjoni li jagħti avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE għall-korrezzjoni ta’ defiċit eċċessiv:
(a) |
huwa għandu jkun eżenti milli jippreżenta, kif adatt, ir-rapporti skont l-Artikolu 3(4a) u l-Artikolu 5(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97; |
(b) |
il-miri baġitarji annwali f'kull programm ta’ aġġustament makroekonomiku għandhom jiġu integrati fir-rakkomandazzjoni jew id-deċiżjoni li jagħti avviż, rispettivament taħt l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 u, fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun suġġett għal deċiżjoni li jagħti avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE, il-miżuri li jwasslu għal dawk il-miri fil-programm ta' aġġustament makroekonomiku għandhom ikunu integrati fid-deċiżjoni li jagħti avviż skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97; |
(c) |
fir-rigward tal-monitoraġġ previst fl-Artikolu 7(4) ta' dan ir-Regolament, huwa għandu jiġi eżenti mill-monitoraġġ skont l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 u l-monitoraġġ sottostanti għal kwalunkwe deċiżjoni skont l-Artikoli 4(2) u l-Artikolu 6(2) ta' dak ir-Regolament. |
Artikolu 11
Konsistenza mar-Regolament (UE) Nru 1176/2011
Meta Stat Membru ikun suġġett għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku, ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 m'għandux japplika għal dak l-Istat Membri matul dak il-programm, ħlief għall-fatt li l-indikaturi fl-iskorbord stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għandhom jiġu integrati fil-monitoraġġ ta' dak il-programm.
Artikolu 12
Konsistenza mas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika
Meta Stat Membru ikun suġġett għal programm ta' aġġustament makroekonomiku, huwa għandu jkun eżenti mill-monitoraġġ u l-valutazzjoni tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika skont l-Artikolu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 matul dak il-programm.
Artikolu 13
Konsistenza mar-Regolament (UE) Nru 473/2013
Meta Stat Membru ikun suġġett għal programm ta' aġġustament makroekonomiku, ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 m'għandux japplika għal dak l-Istat Membru matul dak il-programm, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 1 sa 5 u 13 sa 18 ta' dak ir-Regolament.
Artikolu 14
Sorveljanza wara l-programm
1. Stat Membru għandu jkun taħt sorveljanza ta’ wara l-programm sakemm minimu ta' 75 % tal-assistenza finanzjarja mogħtija minn wieħed jew iżjed mill-Istati Membri l-oħra, mill-EFSM, mill-MES jew mill-EFSF ma tkunx tħallset lura. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jestendi t-tul tas-sorveljanza ta’ wara l-programm fil-każ ta' riskji persistenti għall-istabbiltà finanzjarja jew is-sostenibilità fiskali tal-Istat Membru kkonċernat. Il-proposta tal-Kummissjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix, b'maġġoranza kwalifikata, li jirrifjutaha fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni.
2. Fuq talba mill-Kummissjoni, Stat Membru li jkun taħt sorveljanza ta’ wara l-programm għandu jkun konformi mar-rekwiżiti taħt l-Artikolu 3(3) ta' dan ir-Regolament u għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) Nru 473/2013
3. Il-Kummissjoni għandha twettaq, b'koordinazzjoni mal-BĊE, missjonijiet regolari ta’ rieżami fl-Istat Membru taħt sorveljanza ta’ wara l-programm biex tivvaluta l-qagħda finanzjarja, ekonomika u fiskali tiegħu. Kull sitt xhur, hi għandha tikkomunika l-valutazzjoni tagħha lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew, lill-KEF u lill-parlament tal-Istat Membru kkonċernat, u għandha tivvaluta b'mod partikolari jekk jeħtiġux miżuri korrettivi.
Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' joffri l-opportunità lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni biex jipparteċipa fi skambju ta’ fehmiet dwar il-progress li jkun sar taħt is-sorveljanza ta’ wara l-programm.
4. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jirrakkomanda lill-Istat Membru taħt sorveljanza ta’ wara l-programm biex jadotta miżuri korrettivi. Il-proposta tal-Kummissjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix, b'maġġoranza kwalifikata, li jirrifjutaha fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni.
5. Il-parlament tal-Istat Membru kkonċernat jista' jistieden lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni biex tipparteċipa fi skambju ta' fehmiet dwar il-monitoraġġ ta' wara l-programm.
Artikolu 15
Votazzjoni fil-Kunsill
Għall-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament, għandhom jivvotaw biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro u l-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jqis il-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru kkonċernat.
Maġġoranza kkwalifikata tal-membri tal-Kunsill imsemmija fl-ewwel paragrafu għandha tiġi kkalkulata skont l-Artikolu 238(3)(a) TFUE.
Artikolu 16
Applikazzjoni lil Stati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja
L-Istati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja fi 30 ta' Mejju 2013 għandhom ikunu suġġetti għal dan ir-Regolament minn dik id-data.
Artikolu 17
Dispożizzjonijiet tranżitorji
Minkejja l-Artikolu 14, l-Istati Membri li jkunu taħt sorveljanza ta' wara l-programm fi 30 ta' Mejju 2013, għandhom ikun suġġetti għar-regoli, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri ta' sorveljanza ta' wara l-programm applikabbli għall-assistenza finanzjarja li minnha qed jibbenefikaw.
Artikolu 18
Tagħrif lill-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew jista' jistieden rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għal djalogu dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 19
Rapporti
Sal-1 ta’ Jannar 2014, u kull ħames snin wara, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, flimkien ma', jekk ikun xieraq, proposta biex jiġi emendat dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dak ir-rapport pubbliku.
Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jevalwa, fost affarijiet oħra:
(a) |
l-effikaċja ta' dan ir-Regolament; |
(b) |
il-progress fl-iżgurar ta’ koordinazzjoni eqreb tal-politiki ekonomiċi u l-konverġenza kontinwa fil-prestazzjoni ekonomika tal-Istati Membri skont it-TFUE; |
(c) |
il-kontribut ta' dan ir-Regolament għall-kisba tal-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi. |
Artikolu 20
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Mejju 2013.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
L. CREIGHTON
(1) ĠU C 141, 17.5.2012, p. 7.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2013.
(3) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.
(4) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48.
(5) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.
(6) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.
(7) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
(8) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(10) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.
(11) Ara paġna 11 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.