Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0671

    Regolament (UE) Nru 671/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Lulju 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 dwar l-applikazzjoni tal-pagamenti diretti lill-bdiewa fir-rigward tas-sena 2013

    ĠU L 204, 31.7.2012, p. 11–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1307

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/671/oj

    31.7.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 204/11


    REGOLAMENT (UE) Nru 671/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-11 ta’ Lulju 2012

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 dwar l-applikazzjoni tal-pagamenti diretti lill-bdiewa fir-rigward tas-sena 2013

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Skemi ġodda ta’ appoġġ għall-bdiewa fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2014 u għandhom jieħdu post l-iskemi attwali. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (4) għandu jkompli jifforma l-bażi li fuqha għandu jingħata appoġġ għall-introjtu għall-bdiewa fis-sena kalendarja 2013.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 stabbilixxa sistema ta’ tnaqqis obbligatorju u progressiv tal-pagamenti diretti (“modulazzjoni”), inkluża eżenzjoni tal-pagamenti diretti sa EUR 5 000 li għandha tkun applikabbli sas-sena kalendarja 2012. B’konsegwenza ta’ dan, l-ammonti netti totali tal-pagamenti diretti (“limiti massimi netti”) li jistgħu jingħataw fi Stat Membru, wara l-applikazzjoni tal-modulazzjoni, ġew iffissati sas-sena kalendarja 2012. Sabiex l-ammont tal-pagamenti diretti fis-sena kalendarja 2013 jinżamm fuq livell simili għal dak tal-2012, b’kont meħud tal-introduzzjoni gradwali fl-Istati Membri l-ġodda, fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, huwa xieraq li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ aġġustament għas-sena kalendarja 2013 b’effett ekwivalenti għal dak tal-modulazzjoni u tal-limiti massimi netti. Minħabba l-karatteristiċi speċjali tal-appoġġ fir-reġjuni l-iktar imbegħda taħt il-politika agrikola komuni, dan il-mekkaniżmu tal-aġġustament ma għandux jiġi applikat għall-bdiewa f’dawk ir-reġjuni.

    (3)

    Sabiex jiffunzjonaw mingħajr problemi l-pagamenti diretti li għandhom isiru mill-Istati Membri għall-applikazzjonijiet magħmulin fis-sena kalendarja 2013, jeħtieġ li jiġu estiżi l-limiti massimi netti stabbiliti għas-sena kalendarja 2012 sal-2013 u li jiġu aġġustati, fejn meħtieġ, b’mod partikolari fir-rigward taż-żidiet li jirriżultaw mill-introduzzjoni gradwali tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda.

    (4)

    B’mod parallel mal-modulazzjoni obbligatorja, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 tas-27 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi regoli għal modulazzjoni volontarja ta’ pagamenti diretti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (5) għamilha possibbli li l-Istati Membri japplikaw tnaqqis (‘modulazzjoni volontarja’) għall-ammonti kollha ta’ pagamenti diretti li għandhom jingħataw fit-territorju tagħhom fir-rigward ta’ sena kalendarja partikolari sas-sena kalendarja 2012. Sabiex jinżamm l-ammont ta’ pagamenti diretti li għandhom isiru fir-rigward tal-applikazzjonijiet magħmula fis-sena kalendarja 2013 fuq livell simili għal dak tal-2012, l-Istati Membri li użaw il-modulazzjoni volontarja għas-sena kalendarja 2012 għandhom jibqgħu jkollhom il-possibbiltà li jnaqqsu l-pagamenti diretti fir-rigward tas-sena kalendarja 2013 u li jużaw il-fondi ġġenerati b’dan biex jiffinanzjaw programmi għall-iżvilupp rurali. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi prevista l-possibbiltà li jibqa’ jitnaqqas l-ammont ta’ pagamenti diretti billi tiġi applikata sistema ta’ aġġustament volontarju ta’ pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2013. Tnaqqis bħal dan għandu jiżdied flimkien mal-aġġustament obbligatorju ta’ pagament dirett imbassar għas-sena kalendarja 2013.

    (5)

    Fejn Stat Membru jkun applika rati ta’ modulazzjoni volontarja differenzjati reġjonalment fir-rigward tas-sena kalendarja 2012, għandu jkollu wkoll dik il-possibbiltà anki fir-rigward tas-sena kalendarja 2013. Sabiex jiġi ssalvagwardjat il-livell ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa, l-applikazzjoni kkombinata tal-aġġustament obbligatorju u volontarju tal-pagamenti diretti fis-sena kalendarja 2013 m’għandhiex twassal għal tnaqqis tal-pagament dirett li jaqbeż it-tnaqqis applikat fl-2012, permezz ta’ modulazzjoni obbligatorja kif ukoll volontarja. Għalhekk, ir-rata massima ta’ aġġustament tal-pagamenti diretti li għandha tiġi applikata għas-sena kalendarja 2013 f’kull reġjun m’għandhiex taqbeż it-tnaqqis li jirriżulta kemm minn modulazzjoni obbligatorja kif ukoll volontarja, kif applikat fir-rigward tas-sena kalendarja 2012.

    (6)

    Fejn Stat Membru jkun uża l-għażla prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 378/2007 billi jkun iddeċieda li ma japplikax ir-rata massima għall-kontribuzzjoni mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għall-ammonti netti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ modulazzjoni volontarja fil-perijodu ta’ programmazzjoni 2007 sa 2013, l-istess għażla għandha tkun disponibbli għal dak l-Istat Membru fir-rigward tal-fondi miġbura permezz tal-aġġustament volontarju ta’ pagamenti diretti sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fil-finanzjament tal-infiq pubbliku tal-miżuri ta’ żvilupp rurali fl-2014. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, l-arranġamenti ta’ qabel il-finanzjament għall-programmi għall-iżvilupp rurali m’għandhomx japplikaw għal dawn il-fondi.

    (7)

    Skont il-mekkaniżmu ta’ introduzzjoni gradwali pprovdut fl-Att ta’ Adeżjoni tal-2005, il-livell ta’ pagamenti diretti fil-Bulgarija u r-Rumanija għadu taħt il-livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri l-oħrajn fl-2013 wara l-applikazzjoni tal-aġġustament tal-pagamenti lill-bdiewa fil-perijodu transizzjonali. Għalhekk, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament ma għandux japplika għall-bdiewa fil-Bulgarija u r-Rumanija.

    (8)

    L-Istati Membri l-ġodda setgħu jagħtu pagamenti diretti nazzjonali komplementari bħala konsegwenza tal-introduzzjoni gradwali tal-pagamenti diretti f’dawk l-Istati Membri. Possibbiltà bħal din mhix ser tibqa’ disponibbli fl-2013, meta l-iskeda għall-introduzzjoni gradwali ta’ pagamenti diretti fl-Istati Membri ġodda tkun kompluta. Fl-Istati Membri ġodda li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, il-pagamenti diretti nazzjonali komplementari kellhom rwol importanti fl-appoġġ tal-introjtu tal-bdiewa f’setturi speċifiċi. Fir-rigward ta’ Ċipru, l-istess jista’ jintqal għall-għajnuniet mill-Istat. Għal dik ir-raġuni, u biex jiġi evitat tnaqqis f’daqqa u sostanzjali ta’ appoġġ fl-2013 f’dawk is-setturi li jibbenefikaw, sal-2012, minn pagamenti diretti nazzjonali komplementari u, fil-każ ta’ Ċipru, minn għajnuniet mill-Istat, huwa xieraq li jsir provvediment sabiex, f’dawk l-Istati Membri, ikun possibbli li jingħataw, soġġetti għall-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, għajnuniet nazzjonali transitorji lill-bdiewa fl-2013. Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-livell ta’ appoġġ lill-bdiewa fl-2013, dawk is-setturi biss li bbenefikaw, fl-2012, mill-pagamenti diretti nazzjonali komplementari u, fil-każ ta’ Ċipru, mill-għajnuniet mill-Istat għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna nazzjonali transitorja, u jekk tingħata l-għajnuna transitorja, hija għandha tingħata taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikati għal dawk il-pagamenti fl-2012.

    (9)

    It-trasferimenti finanzjarji lill-FAEŻR previsti fl-Artikoli 134 u 135 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 huma marbuta mal-qafas finanzjarju pluriennali għall-2007-2013. Il-pagamenti diretti li għandhom isiru mill-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjonijiet magħmula fis-sena kalendarja 2013 ser jidħlu fis-seħħ fis-sena finanzjarja 2014, u b’hekk taqa’ taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss. F’dak il-qafas, l-ammonti disponibbli għall-programmazzjoni għall-iżvilupp rurali diġà jinkludu l-ammonti li jikkorrespondu mat-trasferimenti finanzjarji previsti fl-Artikoli 134 u 135 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. Għalhekk, trasferimenti finanzjarji bħal dawn għandhom jiġu aboliti.

    (10)

    Sabiex ikun iffaċilitat użu aktar effiċjenti tal-fondi, ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 jipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri jagħtu appoġġ ’il fuq mil-limiti massimi nazzjonali tagħhom sa ammont li l-livell tiegħu għandu jiżgura li dan jibqa’ fil-marġini tan-nuqqas ta’ użu tal-limitu massimu nazzjonali. Dak ir-Regolament ippreveda dawk l-ammonti jew biex jintużaw għall-finanzjament ta’ appoġġ speċifiku jew biex jiġu trasferiti lill-FAEŻR skont l-Artikolu 136 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. Ladarba l-possibbiltà li jingħata appoġġ ’il fuq mil-limiti massimi nazzjonali tagħhom ser tiġi abolita meta s-sistema ġdida ta’ appoġġ dirett issir applikabbli, it-trasferiment finanzjarju lill-FAEŻR previst fl-Artikolu 136 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandu jinżamm biss sal-31 ta’ Diċembru 2013.

    (11)

    Il-possibbiltà li l-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-aġġustament volontarju jsiru disponibbli bħala appoġġ addizzjonali tal-Unjoni fil-programmazzjoni u l-finanzjament għall-iżvilupp rurali taħt il-FAEŻR għas-sena finanzjarja 2014 u l-estensjoni tat-trasferimenti finanzjarji previsti fl-Artikolu 136 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 m’għandhomx jaffettwaw l-aġġustament futur tal-livell ta’ pagamenti diretti bil-għan li jkun hemm tqassim aktar ugwali tal-appoġġ dirett fost l-Istati Membri li huwa previst li jkun parti mis-sistema ġdida ta’ appoġġ dirett.

    (12)

    Fil-kuntest tar-rispett lejn id-dixxiplina baġitarja, jeħtieġ li, għas-sena finanzjarja 2014, jiġi definit il-limitu massimu għall-infiq iffinanzjat mill-FAEG billi jittieħed kont tal-ammonti massimi stabbiliti fir-Regolament li jistipula l-qafas finanzjarju pluriennali li għandu jiġi adottat mill-Kunsill skont l-Artikolu 312(2) tat-Trattat u l-ammonti li jirriżultaw mill-aġġustament volontarju flimkien mal-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 136 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għal dik is-sena finanzjarja.

    (13)

    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-aġġustamenti ta’ pagamenti diretti li jridu jsiru mill-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjonijiet magħmula fl-2013 u d-dixxiplina finanzjarja għas-sena kalendarja 2013, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tar-regoli rilevanti li jikkonċernaw il-bażi tal-kalkolu għat-tnaqqis li għandu jiġi applikat għall-bdiewa mill-Istati Membri. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (14)

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 73/2009, l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà li jiddeċiedu li jużaw, mis-sena ta’ wara, ċerta perċentwali tal-limitu massimu nazzjonali tagħhom għal appoġġ speċifiku għall-bdiewa tagħhom kif ukoll biex tiġi rieżaminata deċiżjoni preċedenti bid-deċiżjoni li jiġi modifikat, jew jintemm tali appoġġ. Huwa xieraq li jiġi previst rieżami addizzjonali ta’ dawk id-deċiżjonijiet b’effett għas-sena kalendarja 2013.

    (15)

    Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-ammonti li jirriżultaw mill-aġġustament volontarju. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (6).

    (16)

    Fir-rigward tal-iffissar tal-ammonti li jirriżultaw mill-aġġustament volontarju, li jistabbilixxi l-bilanċ nett disponibbli għall-infiq mill-FAEG għas-sena finanzjarja 2014 u li jawtorizza l-għoti ta’ għajnuniet nazzjonali transitorji, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni mingħajr ma tapplika r-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    (17)

    Ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 huwa b’dan emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament, l-ammonti netti totali tal-pagamenti diretti li jistgħu jingħataw fi Stat Membru għal kwalunkwe sena kalendarja qabel l-2013 wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 7 u 10 ta’ dan ir-Regolament u tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 378/2007 jew fis-sena kalendarja 2013 wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 10a u 10b ta’ dan ir-Regolament, u bl-eċċezzjoni tal-pagamenti diretti mogħtija skont ir-Regolamenti (KE) Nru 247/2006 u (KE) Nru 1405/2006 ma għandhomx ikunu ogħla mil-limiti massimi stabbiliti fl-Anness IV għal dan ir-Regolament. Fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jagħmlu tnaqqis lineari fl-ammonti ta’ pagamenti diretti li huma soġġetti għat-tnaqqis previst fl-Artikoli 7 u 10 ta’ dan ir-Regolament u fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 378/2007 għal kwalunkwe sena kalendarja qabel l-2013 jew fl-Artikoli 10a u 10b ta’ dan ir-Regolament għas-sena kalendarja 2013, sabiex jikkonformaw mal-limiti massimi stabbiliti fl-Anness IV għal dan ir-Regolament.”;

    (b)

    fil-paragrafu 2, il-punt (d) jitħassar;

    (2)

    Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 10a

    Aġġustament tal-pagamenti diretti fl-2013

    1.   Kwalunkwe ammont ta’ pagamenti diretti li għandu jingħata lil bidwi fis-sena kalendarja 2013 li jaqbeż l-EUR 5 000 għandu jitnaqqas b’10 %.

    2.   It-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 għandu jiżdied b’erba’ punti perċentwali għall-ammonti li jaqbżu EUR 300 000.

    3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-pagamenti diretti mogħtija lill-bdiewa fil-Bulgarija u fir-Rumanija u fid-dipartimenti Franċiżi barra mill-Ewropa, fl-Azores u f’Madejra, fil-Gżejjer Kanarji u fil-Gżejjer tal-Eġew.

    4.   B’deroga mill-paragrafu 1, it-tnaqqis imsemmi f’dak il-paragrafu għandu jkun stabbilit għal 0 % għal Stati Membri ġodda minbarra l-Bulgarija u r-Rumanija.

    Artikolu 10b

    Aġġustament volontarju tal-pagamenti diretti fl-2013

    1.   Kwalunkwe Stat Membru li jkun applika l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 378/2007 għas-sena kalendarja 2012 jista’ japplika tnaqqis (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘aġġustament volontarju’) għall-ammonti kollha ta’ pagamenti diretti li għandhom jingħataw fit-territorju tiegħu għas-sena kalendarja 2013. L-aġġustament volontarju għandu jiġi applikat flimkien mal-aġġustament ta’ pagamenti diretti previsti fl-Artikolu 10a ta’ dan ir-Regolament.

    L-aġġustament volontarju jista’ jiġi differenzjat reġjonalment dejjem jekk l-Istat Membru jkun uża l-għażla prevista fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 378/2007.

    2.   Ir-rata massima ta’ tnaqqis li tirriżulta mill-applikazzjoni kkombinata tal-Artikolu 10a u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu m’għandhiex taqbeż ir-rata ta’ perċentwali tat-tnaqqis mill-applikazzjoni kkombinata tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 378/2007 kif applikata għall-ammonti li għandhom jingħataw lill-bdiewa għas-sena kalendarja 2012 fir-reġjuni kkonċernati.

    3.   L-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ aġġustament volontarju m’għandhomx jaqbżu l-ammonti netti ffissati mill-Kummissjoni għas-sena kalendarja 2012 skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 378/2007.

    4.   L-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ aġġustament volontarju għandhom ikunu disponibbli fl-Istat Membru fejn kienu ġġenerati bħala appoġġ tal-Unjoni taħt il-programmazzjoni għall-iżvilupp rurali u finanzjament mill-FAEŻR.

    5.   Sat-8 ta’ Ottubru 2012 l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar, u jikkomunikaw lill-Kummissjoni dan li ġej:

    (a)

    ir-rata ta’ aġġustament volontarju għat-territorju kollu u, meta applikabbli, għal kull reġjun;

    (b)

    l-ammont totali li għandu jitnaqqas taħt aġġustament volontarju għat-territorju kollu u, meta applikabbli, għal kull reġjun.

    Artikolu 10c

    Ammonti li jirriżultaw mill-aġġustament volontarju u mill-applikazzjoni tal-Artikolu 136

    1.   Fuq il-bażi tal-ammonti kkomunikati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10b(5), il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 141(2) jew l-Artikolu 141b(2), li jiffissaw ammonti li jirriżultaw mill-aġġustament volontarju.

    2.   L-ammonti ffissati skont il-paragrafu 1, kif ukoll l-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 136 għas-sena finanzjarja 2014, għandhom jinżiedu mat-tqassim annwali mill-Istat Membru tal-kontribuzzjoni tal-FAEŻR għall-programmi għall-iżvilupp rurali.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jaqbżu r-rata ta’ kontribuzzjoni massima tal-FAEŻR fir-rigward tal-ammonti miżjuda għat-tqassim annwali mill-Istati Membri msemmi fil-paragrafu 2.

    L-ammonti miżjuda għat-tqassim annwali mill-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 2 m’għandhomx jiġu soġġetti għall-pagament tal-ammont uniku ta’ qabel il-finanzjament għall-programmi għall-iżvilupp rurali.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli għall-preżentazzjoni tal-ammonti msemmija fil-paragrafu 2 fil-pjanijiet ta’ finanzjament tal-programmi għall-iżvilupp rurali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 141b(2).

    Artikolu 10d

    Limitu massimu nett għall-FAEG

    1.   Il-limitu massimu għall-infiq tal-FAEG għas-sena finanzjarja 2014 għandu jiġi kkalkolat bħala l-ammonti massimi stipulati għalih mir-Regolament adottat mill-Kunsill skont l-Artikolu 312(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-ammonti msemmijin fl-Artikolu 10c(2) ta’ dan ir-Regolament imnaqqsin.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 141(2) jew l-Artikolu 141b(2), li jistipulaw il-bilanċ nett disponibbli għall-infiq għall-FAEG fir-rigward tas-sena finanzjarja 2014 fuq il-bażi tad-data msemmija fil-paragrafu 1.”;

    (3)

    Fl-Artikolu 11(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Madankollu, fis-sena finanzjarja 2014, l-aġġustament imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi determinat b’kont meħud tat-tbassir għall-finanzjament ta’ pagamenti diretti u infiq marbut mas-suq tal-PAK stipulati fir-Regolament adottat mill-Kunsill skont l-Artikolu 312(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea miżjuda bl-ammonti msemmijin fl-Artikolu 10b ta’ dan ir-Regolament u l-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 136 tiegħu għas-sena finanzjarja 2014 qabel l-aġġustament ta’ pagamenti diretti previsti fl-Artikolu 10a ta’ dan ir-Regolament iżda mingħajr ma jittieħed kont tal-marġini ta’ EUR 300 000 000.”;

    (4)

    Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

    “2.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja fuq proposta mill-Kummissjoni ppreżentata mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu tas-sena kalendarja li fir-rigward tagħha japplikaw l-aġġustamenti msemmija fil-paragrafu 1, għandhom jiddeterminaw dawn l-aġġustamenti mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju tal-istess sena kalendarja.”;

    (5)

    Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 11a

    Delega ta’ setgħat

    Sabiex tkun żgurata applikazzjoni mill-aqwa tal-aġġustamenti tal-pagamenti diretti fl-2013 u dixxiplina finanzjarja għas-sena kalendarja 2013, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti ddelegati, skont l-Artikolu 141a, li jistipulaw ir-regoli li jikkonċernaw il-bażi tal-kalkolu għat-tnaqqis li għandu jiġi applikat lil bdiewa mill-Istati Membri minħabba l-aġġustamenti tal-pagamenti fl-2013 previsti fl-Artikolu 10a u d-dixxiplina finanzjarja prevista fl-Artikolu 11.”;

    (6)

    Fl-Artikolu 68(8), il-frażi introduttorja tinbidel b’dan li ġej:

    “8.   Sal-1 ta’ Settembru 2012, l-Istati Membri li ħadu d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 69(1) jistgħu jirriveduha u jiddeċiedu, b’effett mill-2013, li:”;

    (7)

    L-Artikolu 69(1) jinbidel b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, sal-1 ta’ Awwissu 2009, l-1 ta’ Awwissu 2010, l-1 ta’ Awwissu 2011 jew sal-1 ta’ Settembru 2012, li jużaw mis-sena ta’ wara dik id-deċiżjoni, sa 10 % tal-limitu massimu nazzjonali tagħhom imsemmi fl-Artikolu 40, jew, fil-każ ta’ Malta, l-ammont ta’ EUR 2 000 000, għall-appoġġ speċifiku previst fl-Artikolu 68(1).”;

    (8)

    L-Artikolu 131(1) jinbidel b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri l-ġodda li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja jistgħu jiddeċiedu, sal-1 ta’ Awwissu 2009, l-1 ta’ Awwissu 2010, l-1 ta’ Awwissu 2011 jew sal-1 ta’ Settembru 2012, li jużaw, mis-sena ta’ wara dik id-deċiżjoni, sa 10 % tal-limiti massimi nazzjonali tagħhom imsemmi fl-Artikolu 40 biex jagħtu appoġġ lil bdiewa kif stipulat fl-Artikolu 68(1) u skont il-Kapitolu 5 tat-Titolu III, skont kif inhu applikabbli għalihom.”;

    (9)

    Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 133a

    Għajnuna nazzjonali transitorja

    1.   Bl-eċċezzjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, l-Istati Membri l-ġodda li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja għandu jkollhom il-possibbiltà li jagħtu għajnuna nazzjonali transitorja fl-2013.

    Ħlief fil-każ ta’ Ċipru, l-għoti ta’ tali għajnuna għandha tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, li għandha tingħata skont il-paragrafu 5.

    2.   L-għajnuna nazzjonali transitorja tista’ tingħata lill-bdiewa f’setturi li fir-rigward tagħhom pagamenti diretti nazzjonali komplementari u, fil-każ ta’ Ċipru, l-għajnuniet mill-Istat kienu awtorizzati fl-2012 skont l-Artikoli 132 u 133.

    3.   Il-kondizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna għandha tkun l-istess għal dawk awtorizzati għall-għoti ta’ pagamenti skont l-Artikolu 132 u 133 fir-rigward tal-2012.

    4.   L-ammont totali tal-għajnuna li tista’ tingħata lill-bdiewa fi kwalunkwe settur imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jkun limitat minn pakkett finanzjarju speċifiku għal kull settur, li għandu jkun daqs id-differenza bejn:

    (a)

    l-appoġġ dirett totali li jista’ jingħata lill-bdiewa fis-settur rilevanti fl-2012, inklużi l-pagamenti kollha li waslu skont l-Artikolu 132; u

    (b)

    l-ammont totali ta’ appoġġ dirett li jkun disponibbli għall-istess settur taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja fl-2013.

    Għal Ċipru, il-pakketti finanzjarji li jkunu speċifikati għal settur huma stabbiliti fl-Anness XVIIa.

    5.   Fuq il-bażi ta’ notifika ppreżentata, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 141(2) jew l-Artikolu 141b(2), li tawtorizza l-għajnuna nazzjonali transitorja u:

    (a)

    tistabbilixxi l-pakkett finanzjarju għal kull settur;

    (b)

    tistabbilixxi r-rata massima ta’ għajnuna nazzjonali transitorja fejn xieraq;

    (c)

    tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-għoti tagħhom; u

    (d)

    tiddefinixxi r-rata ta’ skambju applikabbli li għandha tintuża għall-pagamenti.

    6.   L-Istat Membri l-ġodda jistgħu jiddeċiedu, fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u fil-limiti awtorizzati mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 5, dwar l-ammonti tal-għajnuna nazzjonali transitorja li għandha tingħata.”;

    (10)

    L-Artikoli 134 u 135 jitħassru;

    (11)

    L-Artikolu 136 jitħassar;

    (12)

    L-Artikolu 139 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 139

    Għajnuna mill-istat

    B’deroga mill-Artikolu 180 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 tal-24 ta’ Lulju 2006 li japplika ċerti regoli ta’ kompetizzjoni għall-produzzjoni ta’, u l-kummerċ fi, prodotti agrikoli (*), l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea m’għandhomx japplikaw għal pagamenti magħmula taħt l-Artikoli 41, 57, 64, 68, 69, 70 u 71, l-Artikolu 82(2), l-Artikolu 86, l-Artikolu 98(4), l-Artikolu 111(5), l-Artikolu 120, l-Artikolu 129(3) u l-Artikoli 131, 132, 133 u 133a ta’ dan ir-Regolament mill-Istati Membri f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

    (*)  ĠU L 214, 4.8.2006, p. 7.”;"

    (13)

    Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 141a

    Eżerċitar tad-delega

    1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 11a hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu mill-1 ta’ Settembru 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 11a tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 11a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 141b

    Proċedura tal-kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Dak il-kumitat huwa kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (**).

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    (**)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.”;"

    (14)

    Fl-Anness IV, tiżdied il-kolonna li ġejja:

     

    “2013

     

    569

     

    903

     

    964,3

     

    5 329,6

     

    101,2

     

    1 255,5

     

    2 344,5

     

    5 055,2

     

    7 853,1

     

    4 128,3

     

    53,5

     

    146,4

     

    379,8

     

    34,7

     

    1 313,1

     

    5,5

     

    830,6

     

    715,7

     

    3 043,4

     

    566,6

     

    144,3

     

    385,6

     

    539,2

     

    708,5

     

    3 650”

    (15)

    Jiddaħħal l-Anness li ġej:

    “ANNESS XVIIa

    GĦAJNUNA NAZZJONALI TRANSITORJA F’ĊIPRU

    (EUR)

    Settur

    2013

    Ċereali (għajr il-qamħ durum)

    141 439

    Qamħ durum

    905 191

    Ħalib u prodotti tal-ħalib

    3 419 585

    Ċanga

    4 608 945

    Nagħaġ u mogħoż

    10 572 527

    Settur tal-majjal

    170 788

    Tjur u bajd

    71 399

    Inbid

    269 250

    Żejt taż-żebbuġa

    3 949 554

    Għeneb tal-mejda

    66 181

    Għeneb imnixxef

    129 404

    Tadam ipproċessat

    7 341

    Banana

    4 285 696

    Tabakk

    1 027 775

    Frott deċidwu inkluż il-frott tal-għadma

    173 390

    Total

    29 798 462 ”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2013.

    B’deroga mit-tieni paragrafu:

    (a)

    id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament:

    (i)

    l-Artikolu 10b(5), l-Artikolu 10c(1) u (4) u l-Artikolu 10d(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, kif imdaħħal mill-punt (2) tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament;

    (ii)

    l-Artikolu 133a(5) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, kif imdaħħal mill-punt (9) tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament;

    (iii)

    il-punti (5), (6), (7), (8) u (13) tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament;

    (b)

    il-punti (1)(b) u (11) tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2012.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. D. MAVROYIANNIS


    (1)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 116.

    (2)  L-Opinjoni tal-4 ta’ Mejju 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Lulju 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Lulju 2012.

    (4)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

    (5)  ĠU L 95, 5.4.2007, p. 1.

    (6)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.


    Top