Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0670

    Regolament (UE) Nru 670/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Lulju 2012 li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) u r-Regolament (KE) Nru 680/2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija

    ĠU L 204, 31.7.2012, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Impliċitament imħassar minn 32013R1316

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/670/oj

    31.7.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 204/1


    REGOLAMENT (UE) Nru 670/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-11 ta’ Lulju 2012

    li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) u r-Regolament (KE) Nru 680/2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 172 u 173 (3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi l-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) b’tipi differenti ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni mwettqa minn programmi speċifiċi, li fosthom “il-Programm ta’ Sostenn għall-Politika dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjonijiet (ICT)” jipprovdi appoġġ għat-tisħiħ tas-suq intern għall-prodotti u s-servizzi tal-ICT u dawk ibbażati fuq l-ICT, u għandu l-għan li jistimula l-innovazzjoni permezz ta’ adozzjoni usa’ tal-ICT u permezz tal-investiment f’dan is-settur.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja tal-Unjoni fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija u joħloq ukoll l-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskju “Strument ta’ Garanzija tas-Self għall-proġetti TEN-Trasport (‘TEN-T’)”.

    (3)

    Matul id-deċennju li jmiss, skont l-istimi tal-Kummissjoni, se jkunu meħtieġa volumi ta’ investiment mingħajr preċedenti fin-netwerks tat-trasport, tal-enerġija, tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni tal-Ewropa sabiex jingħata kontribut għall-ilħuq tal-objettivi tal-politika tal-Ewropa 2020, b’mod partikolari l-għanijiet klimatiċi u t-tranżizzjoni għal ekonomija li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti u bi ftit emissjonijiet tal-karbonju billi jiġu żviluppati infrastrutturi intelliġenti, imtejba u interkonnessi għal kollox, u sabiex tissaħħaħ il-kompletezza tas-suq intern.

    (4)

    L-iffinanzjar tas-suq kapitali tad-dejn mhuwiex disponibbli faċilment għall-proġetti infrastrutturali fl-Unjoni. Id-diffikultajiet għall-proġetti infrastrutturali sabiex jiksbu aċċess għal finanzi privati jew finanzjament pubbliku fuq perjodu twil m’għandhomx iwasslu għal deterjorazzjoni fil-prestazzjoni min-naħa tas-sistemi tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija u lanqas għal tnaqqis fir-ritmu tal-penetrazzjoni tal-broadband. Minħabba l-frammentazzjoni tas-swieq tal-bonds fl-Unjoni, flimkien ma’ domanda mhux magħrufa kif ukoll id-daqs u l-kumplessità tal-proġetti infrastrutturali li jitolbu perjodi twal ta’ tħejjija tal-proġett, huwa xieraq li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fil-livell tal-Unjoni.

    (5)

    L-istrumenti finanzjarji, kif irregolati bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5) jistgħu, f’xi każijiet, itejbu l-effiċjenza tal-infiq baġitarju u jiksbu effetti multiplikaturi akbar f’termini ta’ attirazzjoni tal-iffinanzjar mis-settur privat. Dan huwa partikolarment rilevanti fil-kuntest ta’ aċċess diffiċli għall-kreditu, limiti fuq il-finanzi pubbliċi u fid-dawl tal-ħtieġa li jissejjes l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa.

    (6)

    Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2011 bit-titolu “Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva”, il-Parlament Ewropew laqa’ l-Inizjattiva ta’ Bonds tal-Proġetti Ewropa 2020, mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tar-riskji mal-BEI li jipprovdi appoġġ limitat mill-baġit tal-Unjoni u li hu mfassal biex joħloq effett ta’ lieva fuq il-fondi tal-Unjoni u jattira interess addizzjonali minn investituri privati biex jipparteċipaw fi proġetti prijoritarji tal-Unjoni li jkunu konformi mal-objettivi ta’ Ewropa 2020. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2011 dwar l-Att dwar is-Suq Uniku, il-Kunsill fakkar li jeħtieġ li l-istrumenti finanzjarji jiġu vvalutati f’termini ta’ effetti ta’ ingranaġġ imqabbla mal-istrumenti eżistenti, ir-riskji li jiżdiedu mal-karti bilanċjali tal-gvern u l-possibilità li l-istituzzjonijiet privati jinqatgħu ‘l barra. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar pilota għall-Inizjattiva tal-Ewropa 2020 tal-Bonds tal-Proġetti u l-valutazzjoni tal-impatt relatata, li bbażaw fuq il-konsultazzjoni pubblika, għandhom jitqiesu f’dan il-kuntest.

    (7)

    Għandha tiġi mnedija fażi pilota għall-Inizjattiva tal-Ewropa 2020 tal-Bonds tal-Proġetti, u l-għan tagħha għandu jkun li tgħin tiffinanzja l-proġetti prijoritarji b’valur miżjud ċar tal-UE u li tiffaċilita involviment akbar mis-settur privat fl-iffinanzjar fit-tul mis-swieq kapitali ta’ proġetti ekonomikament vijabbli fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport, tal-enerġija u tal-ICT. L-istrument ikun ta’ benefiċċju għal proġetti bi ħtiġijiet simili ta’ finanzjament u, grazzi għal sinerġiji bejn is-setturi, għandu jipproduċi benefiċċji akbar f’termini ta’ impatt fuq is-suq, effiċjenza amministrattiva u użu ta’ riżorsi. Għandu jipprovdi lill-partijiet interessati fil-qasam tal-infrastruttura, bħal finanzjaturi, awtoritajiet pubbliċi, maniġers tal-infrastruttura, kumpanniji tal-kostruzzjoni u operaturi, bi strument koerenti u li se jkun orjentat lejn id-domanda fis-suq.

    (8)

    Matul il-fażi pilota għall-Inizjattiva tal-Ewropa 2020 tal-Bonds tal-Proġetti il-baġit tal-Unjoni għandu jintuża flimkien mal-finanzjament mill-BEI fil-forma ta’ strument konġunt għall-kondiviżjoni tar-riskji għal bonds tal-proġetti maħruġa minn kumpanniji tal-proġetti. Dak l-istrument ifittex li jtaffi r-riskju tal-ħlas tad-dejn ta’ proġett u r-riskju tal-kreditu tad-detenturi tal-bonds sal-punt li l-parteċipanti fis-suq kapitali, bħall-fondi tal-pensjonijiet, il-kumpanniji tal-assigurazzjoni u partijiet interessati oħrajn, ikunu lesti li jinvestu f’volum akbar ta’ bonds ta’ proġetti infrastrutturali milli jkun possibbli mingħajr l-appoġġ mill-Unjoni.

    (9)

    Fid-dawl tal-kompetenza tal-BEI li ilha stabbilita u meta jitqies li huwa l-finanzjatur ewlieni tal-proġetti infrastrutturali u l-korp finanzjarju tal-UE stabbilit mit-Trattat, il-Kummissjoni għandha tinvolvi lill-BEI fl-implimentazzjoni tal-fażi pilota. It-termini, kundizzjonijiet u proċeduri ewlenin tal-istrument għall-kondiviżjoni tar-riskji għal bonds tal-proġetti għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ dan ir-Regolament. Pattijiet u kundizzjonijiet aktar dettaljati, inklużi l-kondiviżjoni tar-riskji, ir-remunerazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll, għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-BEI. Dak il-ftehim ta’ kooperazzjoni għandu jiġi approvat mill-Kummissjoni u mill-BEI skont il-proċeduri rispettivi tagħhom.

    (10)

    Għandha titvara fażi pilota għall-Inizjattiva tal-Ewropa 2020 tal-Bonds tal-Proġetti malajr kemm jista’ jkun matul il-qafas finanzjarju attwali u għandha tiġi implimentata mingħajr dewmien mhux dovut sabiex jiġi aċċertat jekk u kemm dawn l-istrumenti finanzjarji għall-kondiviżjoni tar-riskji joffru valur miżjud fil-qasam tal-finanzjament tal-infrastruttura u għall-iżvilupp ta’ finanzjament mis-suq kapitali tad-dejn ta’ proġetti infrastrutturali.

    (11)

    Il-fażi pilota għandha tiġi ffinanzjata permezz tar-riallokazzjoni tal-baġit fil-baġits tal-2012 u l-2013 mill-programmi tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni eżistenti. Għal dan il-għan, għandu jkun possibbli li jiġu riallokati sa EUR 200 miljun għal din l-inizjattiva mill-baġit tat-TEN-T, sa EUR 20 miljun mill-baġit tal-Programm tal-Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u sa EUR 10 miljun mill-baġit tat-TEN-Energy (“TEN-E”). Il-fondi baġitarji disponibbli jillimitaw kemm l-ambitu tal-inizjattiva kif ukoll in-numru ta’ proġetti li jistgħu jiġu appoġġati.

    (12)

    Il-fondi baġitarji għandhom jintalbu mill-BEI fuq il-bażi ta’ medda ta’ proġetti, li l-BEI u l-Kummissjoni jidhrilhom li jkunu xierqa, li jkunu konformi mal-objettivi politiċi fit-tul tal-Unjoni u li x’aktarx jitwettqu. Kull talba bħal din u l-impenji baġitarji korrispondenti għandhom isiru mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013. Minħabba l-kumplessità ta’ proġetti infrastrutturali kbar, għandu jkun possibbli li l-approvazzjoni reali mill-Bord tad-Diretturi tal-BIE tkun tista’ ssir f’data aktar tard, iżda mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014.

    (13)

    L-applikazzjoni għall-appoġġ, u l-għażla u l-implimentazzjoni tal-proġetti kollha għandhom ikunu soġġetti għal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, u għandhom jippruvaw jevitaw li joħolqu jew iżidu distorsjonijiet fis-suq.

    (14)

    Minbarra r-rekwiżiti ta’ rappurtar skont il-punt 49 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (6), il-Kummissjoni għandha, bis-sostenn tal-BEI, tirrapporta kull sitt xhur matul il-fażi pilota lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill wara l-iffirmar tal-ftehim ta’ kooperazzjoni u jippreżentaw rapport interim lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fit-tieni nofs tal-2013. Għandha titwettaq valutazzjoni indipendenti sħiħa fl-2015.

    (15)

    Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni indipendenti sħiħa, il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rilevanza tal-Inizjattiva tal-Ewropa 2020 tal-Bonds tal-Proġetti kif ukoll l-effikaċja tagħha biex iżżid il-volum tal-investimenti fi proġetti prijoritarji u biex ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq tal-Unjoni.

    (16)

    Il-fażi pilota tal-Inizjattiva tal-Ewropa 2020 tal-Bonds tal-Proġetti għandha titvara fi tħejjija għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa proposta mill-Kummissjoni. Hija mingħajr preġudizzju għal kull deċiżjoni rigward il-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-Unjoni (QFM) wara l-2013 u rigward l-użu mill-ġdid possibbli ta’ fondi minn operazzjonijiet preċedenti minn strumenti finanzjarji fil-kuntest tan-negozjati dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni.

    (17)

    Sabiex tiġi implimentata l-fażi pilota tal-Inizjattiva tal-Ewropa 2020 tal-Bonds tal-Proġetti, id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE u r-Regolament (KE) Nru 680/2007 għandhom jiġu emendati f’dan is-sens.

    (18)

    Sabiex dawk il-provvedimenti stipulati f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, fid-dawl tat-tul limitat tal-fażi pilota, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE

    Id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE hija b’dan emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 8, jiżdied l-paragrafu li ġej:

    “5a.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 5, għal proġetti mwettqa skont l-istrument għall-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 31(2), il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandhom jippreżentaw rapport interim lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fit-tieni nofs tal-2013. Għandha titwettaq valutazzjoni indipendenti sħiħa fl-2015.

    Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rilevanza tal-Inizjattiva tal-Ewropa 2020 tal-Bonds tal-Proġetti kif ukoll l-effikaċja tagħha biex iżżid il-volum tal-investimenti fi proġetti prijoritarji u biex ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq tal-Unjoni. Fid-dawl ta’ dik il-valutazzjoni, filwaqt li tqis l-għażliet kollha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tipproponi bidliet regolatorji xierqa, inklużi bidliet leġiżlattivi, partikolarment jekk meta mqabbel mal-previżjonijiet, l-adozzjoni mis-suq ma tkunx sodisfaċenti jew fil-każ li sorsi alternattivi ta’ finanzjament tad-dejn fuq terminu ta’ żmien twil isiru disponibbli b’mod suffiċjenti.

    Ir-rapport interim imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jinkludi lista tal-proġetti li jkunu bbenefikaw mill-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds ta’ proġetti msemmija fl-Artikolu 31 (2a) sa (2e), b’tagħrif dwar it-termini tal-bonds maħruġa u t-tipi ta’ investituri attwali u oħrajn futuri potenzjali.”.

    (2)

    Fl-Artikolu 26(2), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ”(b)

    stimolu tal-innovazzjoni permezz ta’ adozzjoni usa’ tal-ICT u l-broadband u l-investiment fihom;”

    (3)

    L-Artikolu 31 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ”2.   Il-proġetti msemmija fil-paragrafu 1(a) għandom ifittxu li jippromwovu l-innovazzjoni, it-trasferiment teknoloġiku u t-tixrid tat-teknoloġiji l-ġodda li jkunu lesti għas-suq.

    L-Unjoni tista’ tagħmel għotja li tikkontribwixxi għall-baġit ta’ dawk il-proġetti.

    L-Unjoni tista’, inkella, tagħmel, matul fażi pilota fl-2012 u fl-2013, kontribuzzjoni finanzjarja lill-BEI għall-għotjiet u l-allokazzjoni ta’ kapital għal strumenti ta’ dejn jew garanziji li jridu jinħarġu mill-BEI mir-riżorsi proprji tiegħu taħt l-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskju għall-bonds tal-proġetti.”.

    (b)

    Jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

    “2a.   L-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti msemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 huwa strument konġunt mill-Kummissjoni u mill-BEI li jipprovdi valur miżjud bħala intervent mill-Unjoni, jindirizza sitwazzjonijiet subottimali ta’ investiment meta l-proġetti ma jirċevux finanzjament adegwat mis-suq u jipprovdi addizzjonalità. Jevita d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu l-għan li jikseb effett multiplikatur u jallinja l-interessi fil-forma ta’ titjib tal-kreditu. L-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskji għal bonds ta’ proġetti għandu:

    (a)

    jieħu l-forma ta’ strument ta’ dejn jew garanzija mill-BEI bl-appoġġ ta’ kontribut baġitarju mill-Unjoni favur il-finanzjament ipprovdut għall-proġetti fil-qasam tal-ICT u tal-broadband, li jikkomplementaw jew jattiraw il-finanzjament mill-Istati Membri jew mis-settur privat,

    (b)

    itaffi r-riskju tas-servizzjar tad-dejn ta’ proġett u r-riskju tal-kreditu tad-detenturi tal-bonds;

    (c)

    jintuża biss għal proġetti li l-vijabilità finanzjarja tagħhom tissejjes fuq id-dħulijiet tal-proġetti.

    2b.   L-iskopertura tal-Unjoni għall-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskju għall-bonds tal-proġetti, inklużi t-tariffi tal-immaniġġjar u kostijiet eliġibbli oħra, ma għandha fl-ebda każ taqbeż l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju għall-bonds tal-proġetti u lanqas testendi lil hinn mill-maturità tal-portafoll sottostanti ta’ faċilitajiet għat-tisħiħ tal-kreditu. Ma għandu jkun hemm l-ebda obbligazzjoni ulterjuri fuq il-baġit ġenerali tal-Unjoni. Ir-riskju residwu relatat mal-operazzjonijiet tal-bonds tal-proġetti għandu dejjem jinġarr mill-BEI.

    2c.   Il-pattijiet, kundizzjonijiet u proċeduri ewlenin tal-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti huma stipulati fl-Anness IIIa. Il-pattijiet u l-kundizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti, inklużi l-kondiviżjoni tar-riskji, ir-remunerazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll, għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-BEI. Dak il-ftehim ta’ kooperazzjoni għandu jiġi approvat mill-Kummissjoni u mill-BEI skont il-proċeduri rispettivi tagħhom.

    2d.   Fl-2013, ammont ta’ massimu ta’ EUR 20 miljun jista’ jintuża mill-baġit allokat għat-twettiq tal-politika tal-ICT u l-broadband skont ir-regola stipulata fil-punt (b) tal-Anness I. Meta jitqies it-tul ta’ żmien limitat tal-fażi pilota, l-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskju għal bonds ta’ proġetti jista’ jerġa’ juża kwalunkwe dħul riċevut qabel il-31 ta’ Diċembru 2013 għal strumenti ta’ dejn u garanziji ġodda fl-istess faċilità tal-kondiviżjoni tar-riskji u għal proġetti li jissodisfaw l-istess kriterji ta’ eliġibbiltà biex jiġi massimizzat il-volum tal-investimenti appoġġati. Fil-każ li l-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti ma jiġix estiż fil-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss, kwalunkwe fondi li jibqgħu għandu jerġgħu jitqiegħdu fil-parti tad-dħul tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    2e.   Minbarra r-rekwiżiti ta’ rappurtar stabbiliti fil-punt 49 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba u mingħajr preġudizzju għal kull rekwiżit ta’ rappurtar regolatorju ieħor, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull sitt xhur tul il-fażi pilota dwar il-prestazzjoni tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għal bonds ta’ proġetti, inkluż it-termini finanzjarji u l-pożizzjonar ta’ kwalunkwe bonds tal-proġetti emessi.”.

    (4)

    Jiżdied l-Anness li ġej:

    “ANNESS IIIa

    Il-pattijiet, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri ewlenin tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 31(2c)

    Il-BEI għandu jkun sieħeb fil-kondiviżjoni tar-riskji u għandu jiġġestixxi l-kontribut tal-Unjoni għall-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-Bonds tal-proġetti f’isem l-Unjoni. Pattijiet u kundizzjonijiet aktar dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dak l-istrument, inkluż il-monitoraġġ u l-kontroll tiegħu, għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-BEI, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Anness.

    (a)   Il-faċilità tal-BEI

    1.

    L-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti jitfassal għal kull proġett eliġibbli bħala faċilità subordinata, fil-forma ta’ strument ta’ dejn jew faċilità kontinġenti (ta’ garanzija) jew it-tnejn, biex tkun faċilitata l-emissjoni ta’ bond ta’ proġett.

    2.

    Jekk il-BEI ikun jew isir kreditur ta’ proġett, id-drittijiet tal-BEI taħt l-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti għandhom ikunu klassifikati wara l-ħlas tal-faċilità ta’ kreditu privileġġat u qabel l-ekwità u kwalunkwe finanzjamenti marbut ma’ ekwità.

    3.

    Il-faċilità m’għandhiex tisboq l-20 % tal-ammont totali tad-dejn ogħla emess.

    (b)   Baġit

    ICT:

    2013: sa EUR 20 miljun.

    It-talba għal trasferiment tas-somom imsemmija hawn fuq għandha tinħareġ sal-31 ta’ Diċembru 2012 u għandha tkun appoġġata bi previżjoni tal-ħtieġa għall-kontribut skedat tal-Unjoni.

    Jekk ikun meħtieġ, il-previżjoni tista’ sservi ta’ bażi għal tnaqqis abbażi tad-domanda tal-ammont tal-2013, li għandu jiġi deċiż skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 46(2).

    (c)   Kont fiduċjarju

    1.

    Il-BEI għandu jistabbilixxi kont fiduċjarju biex iżomm il-kontribut tal-Unjoni u d-dħul li jirriżulta mill-kontribut tal-Unjoni.

    2.

    Meta jitqies it-tul ta’ żmien limitat tal-fażi pilota, l-imgħax li jakkumula fuq il-kontijiet fiduċjarji u dħul ieħor li jirriżulta mill-kontribut tal-Unjoni, bħal primjums ta’ garanziji, imgħax u l-marġni tar-riskju fuq somom żburżati mill-BEI, għandhom jiżdiedu mar-riżorsi tal-kont fiduċjarju. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 46(2), li għandhom jerġgħu jitqiegħdu fil-linja baġitarja CIP ICT.

    (d)   L-użu tal-kontribut tal-Unjoni

    Il-kontribut tal-Unjoni għandu jintuża mill-BIE biex:

    1.

    jitwettaq il-proviżjonament tar-riskju fuq bażi tal-ewwel telf għall-faċilitajiet subordinati tal-portafoll tal-proġett eliġibbli, bi qbil mar-regoli rilevanti tal-BEI u valutazzjoni tar-riskji mwettqa mill-BEI skont il-politiki applikabbli tiegħu,

    2.

    jiġi kopert kwalunkwe nfiq eliġibbli mhux relatat mal-proġett, assoċjat mat-twaqqif u l-amministrazzjoni tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti, inkluża l-valutazzjoni tiegħu.

    (e)   Il-kondiviżjoni tar-riskji u tad-dħul

    Il-mudell ta’ kondiviżjoni tar-riskji li jirriżulta mill-punt (d) għandu jiġi rifless fil-kondiviżjoni xierqa bejn l-Unjoni u l-BEI tar-remunerazzjoni tar-riskju imposta mill-BEI fuq il-kontraparti tiegħu fir-rigward ta’ kull faċilità fil-portafoll tal-proġett.

    (f)   Prezzar

    L-ipprezzar tal-faċilitajiet tal-bonds tal-proġetti huwa bbażat fuq ir-remunerazzjoni tar-riskju skont ir-regoli standard rilevanti u l-kriterji tal-BEI.

    (g)   Proċedura ta’ applikazzjoni

    L-applikazzjonijiet għall-kopertura ta’ riskju taħt l-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti għandhom jiġu indirizzati lill-BEI skont il-proċedura ta’ applikazzjoni standard tal-BEI.

    (h)   Proċedura ta’ approvazzjoni

    Il-BEI għandu jagħmel eżerċizzju ta’ diliġenza dovuta fil-profil tar-riskji u dak finanzjarju, tekniku u legali u għandu jiddeċiedi dwar l-użu tal-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskji għal bonds ta’ proġetti u jagħżel it-tip xieraq ta’ faċilità subordinata skont ir-regoli u l-kriterji standard tiegħu, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-BEI dwar il-Politika fil-Qasam tar-Riskju tal-Kreditu, u l-kriterji ta’ għażla tal-BEI fil-qasam soċjali, ambjentali u klimatiku.

    (i)   Tul ta’ żmien

    1.

    Il-kontribut tal-Unjoni għall-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti għandu jkun impenjat mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013. L-approvazzjoni effettiva tal-faċilitajiet tal-bonds tal-proġetti mill-Bord tad-Diretturi tal-BIE għandha tkun finalizzata sal-31 ta’ Diċembru 2014.

    2.

    Fl-eventwalità tat-tmiem tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti matul il-qafas finanzjarju multiannwali attwali, kwalunkwe bilanċi fuq il-kont fiduċjarju, li ma jkunux fondi impenjati u fondi meħtieġa biex ikopru kostijiet u nefqiet eliġibbli oħrajn, għandhom jerġgħu jitqiegħdu fil-linja baġitarja CIP ICT.

    3.

    Fondi allokati lill-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti għandhom jiġu rimborżati lill-kont fiduċjarju rilevanti hekk kif il-faċilitajiet jiskadu jew inkella jiġu mħallsa lura sakemm il-kopertura tar-riskji tibqa’ suffiċjenti.

    (j)   Rappurtar

    Il-metodi tar-rappurtar annwali dwar l-implimentazzjoni tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti għandhom ikunu maqbula bejn il-Kummissjoni u l-BEI.

    Minbarra dan, il-Kummissjoni, bis-sostenn tal-BEI, għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni kull sitt xhur lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, għall-ewwel darba sitt xhur wara l-iffirmar tal-ftehim ta’ kooperazzjoni msemmi fl-Artikolu 31(2c).

    (k)   Monitoraġġ, kontroll u valutazzjoni

    Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-istrument, inkluż permezz ta’ kontrolli fil-post kif xieraq, u għandha twettaq verifika u kontrolli bi qbil mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (*).

    Il-BEI għandu jimmaniġġja l-faċilitajiet subordinati skont ir-regoli u l-proċeduri tal-BEI stess, inklużi miżuri xierqa ta’ awditjar, kontroll u monitoraġġ. Barra minn hekk, il-Bord tad-Diretturi tal-BEI, meta l-Kummissjoni u l-Istati Membri huma rappreżentati, għandu japprova kull faċilità subordinata u jara li l-BEI jiġi mmaniġġjat skont l-Istatut tiegħu u d-direttivi ġenerali stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi tiegħu.

    Il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jippreżentaw rapport interim dwar il-funzjonament tal-istrument pilota tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fit-tieni nofs tal-2013 bil-ħsieb li jottimizzaw id-disinn ta’ dak l-istrument.

    Valutazzjoni indipendenti sħiħa għandha titwettaq fl-2015 wara l-approvazzjoni tal-operazzjonijiet aħħarin tal-bonds tal-proġetti. Għandha tkopri, inter alia, il-valur miżjud, l-addizzjonalità meta mqabbel ma’ strumenti oħra tal-Unjoni u tal-Istati Membri u forom eżistenti oħra ta’ finanzjament fit-tul tad-djun, l-effett multiplikatur miksub, valutazzjoni tar-riskji involuti kif ukoll il-ħolqien jew korrezzjoni ta’ effetti ta’ distorsjoni, jekk ikun hemm. Il-valutazzjoni għandha tkopri wkoll l-impatt fuq il-vijabbiltà finanzjarja tal-proġetti, il-volum, it-termini u l-kostijiet tal-emissjoni tal-bonds, l-effett fuq is-swieq tal-bonds b’mod aktar ġenerali kif ukoll tikkontrolla l-aspetti tal-kredituri u tal-akkwist. Għandha tipprovdi wkoll, jekk ikun possibbli, tqabbil tal-kostijiet ma’ mezzi alternattivi ta’ finanzjament tal-proġetti, inkluż self minn banek. Matul il-fażi pilota, kull proġett magħżul għandu jiġi vvalutat.

    Artikolu 2

    Emendi għar-Regolament (KE) Nru 680/2007

    Ir-Regolament (KE) Nru 680/2007 huwa b’dan emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 2 jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(14)

    L-‘istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti’ ifisser strument konġunt mill-Kummissjoni u mill-BEI li jipprovdi valur miżjud bħala intervent tal-Unjoni, jindirizza sitwazzjonijiet subottimali ta’ investiment meta l-proġetti ma jirċevux finanzjament adegwat mis-swieq u jipprovdi addizzjonalità, billi jikkomplementa jew jattira finanzjament mill-Istati Membri jew mis-settur privat. Huwa jevita d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu l-għan li jikseb effett multiplikatur u jallinja l-interessi. L-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskji għal bonds tal-proġetti jieħu l-forma ta’ titjib tal-kreditu għal proġetti ta’ interess komuni, itaffi r-riskju ta’ servizz ta’ dejn ta’ proġett u r-riskju ta’ kreditu tad-detenturi tal-bonds u jintuża biss għal proġetti li l-vijabilità finanzjarja tagħhom hija bbażata fuq id-dħul tal-proġetti.

    (15)

    ‘Titjib tal-kreditu’ tfisser it-tijib tal- kwalità tal-kreditu għad-dejn ta’ proġett permezz ta’ faċilità subordinata fil-forma ta’ strument ta’ dejn tal-BEI jew ta’ garanzija tal-BEI jew tat-tnejn, bl-appoġġ ta’ kontribut mill-baġit tal-Unjoni.”.

    (2)

    Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tiżdied is-sentenza li ġejja:

    “L-applikazzjonijiet għall-kopertura tar-riskju taħt l-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti skont l-Artikolu 6(1)(g) għandhom jiġu indirizzati lill-BEI skont il-proċedura standard ta’ applikazzjoni tal-BEI.”.

    (3)

    L-Artikolu 6(1) huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-punt (d) tiżdied is-sentenza li ġejja:

    “Fl-2012 u l-2013, ammont ta’ massimu ta’ EUR 200 miljun jista’ jiġi riallokat għall-fażi pilota tal-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskju għall-bonds tal-proġetti fis-settur tat-trasport.”.

    (b)

    jiżdied il-punt li ġej:

    “(g)

    waqt fażi pilota fl-2012 u fl-2013, kontribuzzjoni finanzjarja għall-BEI lejn il-provviżjonament u l-allokazzjoni kapitali għal strumenti ta’ dejn jew garanziji li jinħarġu mill-BEI mir-riżorsi proprji tiegħu taħt l-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskji għall-proġetti tal-bonds fil-qasam tat-TEN-T u TEN-E. L-iskopertura tal-Unjoni għall-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskju, inklużi t-tariffi tal-immaniġġjar u kostijiet eliġibbli oħra, ma għandha fl-ebda każ taqbeż l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju għall-bonds tal-proġetti u lanqas testendi lil hinn mill-maturità tal-portafoll tal-faċilitajiet sottostanti għat-tisħiħ tal-kreditu. Ma għandu jkun hemm l-ebda obbligazzjoni ulterjuri fuq il-baġit ġenerali tal-Unjoni. Ir-riskju residwu relatat ma’ dawn l-operazzjonijiet tal-bonds tal-proġetti għandu dejjem jinġarr mill-BEI.

    Il-pattijiet, kundizzjonijiet u proċeduri ewlenin tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti huma stipulati fl-Anness Ia. Il-pattijiet u l-kundizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju għall-bonds tal-proġetti, inklużi l-kondiviżjoni tar-riskji, ir-remunerazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll, għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-BEI. Dan il-ftehim ta’ kooperazzjoni għandu jiġi approvat mill-Kummissjoni u mill-BEI skont il-proċeduri rispettivi tagħhom.

    Fl-2012 u l-2013, ammont sa massimu ta’ EUR 210 miljun, li minnhom sa EUR 200 miljun għall-proġetti tat-trasport u sa EUR 10 miljun għall-proġetti tal-enerġija, jista’ jiġi riallokat għall-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskju għall-bonds tal-proġetti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2) mil-linji baġitarji għall-istrument ta’ garanzija fuq is-self għal proġetti TEN-T, imsemmija fl-Anness I, u għat-TEN-E rispettivament.

    Minbarra r-rekwiżiti ta’ rappurtar stabbiliti fil-punt 49 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba u mingħajr preġudizzju għal kull rekwiżit ta’ rappurtar regolatorju ieħor, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull sitt xhur tul il-fażi pilota dwar il-prestazzjoni tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji, inkluż it-termini finanzjarji u l-pożizzjonar ta’ kwalunkwe bonds tal-proġetti emessi.

    Meta jitqies it-tul ta’ żmien limitat tal-fażi pilota, l-imgħax u d-dħul l-ieħor iġġenerat mill-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskju għall-bonds għal proġetti riċevuti qabel il-31 ta’ Diċembru 2013 jistgħu jerġgħu jintużawgħal strumenti ta’ dejn u garanziji ġodda fl-istess faċilità tal-kondiviżjoni tar-riskji u għal proġetti li jissodisfaw l-istess kriterji ta’ eliġibbiltà biex jiġi massimizzat il-volum tal-investimenti appoġġati. Jekk l-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti ma jiġix estiż fil-qafas finanzjarju li jmiss, kwalunkwe fondi li jibqgħu għandu jerġgħu jitqiegħdu fil-parti tad-dħul tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.”.

    (4)

    Fl-Artikolu 16, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “2a.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, għal proġetti mwettqa skont l-istrument għall-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 6(1)(g), il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jippreżentaw rapport interim lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fit-tieni nofs tal-2013. Għandha titwettaq valutazzjoni indipendenti sħiħa fl-2015.

    Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rilevanza tal-Inizjattiva tal-Ewropa 2020 tal-Bonds tal-Proġetti u l-effettività tagħha biex iżżid il-volum tal-investimenti fi proġetti prijoritarji u biex ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq tal-Unjoni. Fid-dawl ta’ dik il-valutazzjoni, filwaqt li tqis l-għażliet kollha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tipproponi bidliet regolatorji xierqa, inklużi bidliet leġiżlattivi, partikolarment jekk, meta mqabbel mal-previżjonijiet, l-adozzjoni mis-suq ma tkunx sodisfaċenti jew fil-każ li sorsi alternattivi ta’ finanzjament tad-dejn fuq terminu ta’ żmien twil isiru disponibbli b’mod suffiċjenti.”.

    (5)

    Fl-Artikolu 17(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Ir-rapport interim imsemmi fl-Artikolu 16(2a) għandu jinkludi wkoll lista tal-proġetti li jkunu bbenefikaw mill-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għal bonds tal-proġetti msemmi fl-Artikolu 6(1)(g), b’informazzjoni dwar it-termini tal-bonds emessi u t-tipi ta’ investituri attwali u oħrajn futuri potenzjali.”.

    (6)

    L-Anness huwa numerat mill-ġdid Anness I u l-kliem “l-Anness” fl-Artikolu 6(1)(d) huma għaldaqstant sostitwiti bil-kliem “Anness I”.

    (7)

    Jiżdied l-Anness li ġej:

    “ANNESS IA

    Il-pattijiet, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri ewlenin tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 6(1)(g)

    Il-BEI għandu jkun sieħeb fil-kondiviżjoni tar-riskji u għandu jiġġestixxi l-kontribut tal-Unjoni għall-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-Bonds tal-proġetti f’isem l-Unjoni. Pattijiet u kundizzjonijiet aktar dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dak l-istrument, inkluż il-monitoraġġ u l-kontroll tiegħu, għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-BEI, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Anness.

    (a)   Il-faċilità tal-BEI

    1.

    L-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti jitfassal għal kull proġett eliġibbli bħala faċilità subordinata, fil-forma ta’ strument ta’ dejn jew faċilità kontinġenti (ta’ garanzija) jew it-tnejn, biex tkun faċilitata l-emissjoni ta’ bond ta’ proġett.

    2.

    Jekk il-BEI ikun jew isir kreditur ta’ proġett, id-drittijiet tal-BEI taħt l-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti għandhom ikunu klassifikati wara l-faċilità ta’ kreditu privileggjat u qabel l-ekwità u kwalunkwe finanzjament marbut mal-ekwità.

    3.

    Il-faċilità m’għandhiex taqbeż l-20 % tal-ammont totali tad-dejn ogħla emess.

    (b)   Baġit

     

    TEN-T:

    2012: sa EUR 100 miljun

    2013: sal-ammont kumulattiv ta’ EUR 200 miljun

    li għandhom jiġu riallokati mill-baġit tat-TEN-T iddedikat għall-istrument ta’ garanzija fuq is-self għal proġetti TEN-T, imsemmi fl-Anness I, iżda li ma jkunx intefaq.

     

    TEN-E:

    2013: sa EUR 10 miljun.

    It-talba għal trasferiment tal-ammont tal-2012 għandha tinħareġ mingħajr dewmien mhux dovut wara l-iffirmar tal-ftehim ta’ kooperazzjoni.

    It-talbiet għal trasferiment fis-snin sussegwenti għandhom jinħarġu sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel.

    Fil-każijiet kollha t-talba għal trasferiment għandha tiġi appoġġata bi previżjoni tal-ħtieġa għall-kontribut skedat tal-Unjoni.

    Jekk ikun meħtieġ, il-previżjoni tista’ sservi ta’ bażi għal tnaqqis abbażi tad-domanda tal-ammonti, li għandu jiġi deċiż skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2).

    (c)   Kont fiduċjarju

    1.

    Il-BEI għandu jistabbilixxi żewġ kontijiet fiduċjarji (wieħed għall-proġetti taħt it-TEN-T, l-ieħor għall-proġetti taħt it-TEN-E) biex iżomm il-kontribut tal-Unjoni u d-dħul li jirriżulta mill-kontribut tal-Unjoni. Il-kont fiduċjarju għat-TEN-T jista’ jingħaqad mal-kont fiduċjarju stabbilit għall-istrument ta’ garanzija fuq is-self għall-proġetti TEN-T imsemmija fl-Anness I, sakemm din il-miżura ma tippreġudikax il-kwalità tar-rappurtar u l-monitoraġġ kif stipulat skont il-punti (j) u (k).

    2.

    Meta jitqies it-tul ta’ żmien limitat tal-fażi pilota, l-imgħax li jakkumula fuq il-kontijiet fiduċjarji u dħul ieħor li jirriżulta mill-kontribut tal-Unjoni, bħal primjums ta’ garanziji, imgħax u l-marġni tar-riskju fuq somom żburżati mill-BEI, għandhom jiżdiedu mar-riżorsi tal-kont fiduċjarju. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2), li għandhom jerġgħu jitqiegħdu fil-linji baġitarji tat-TEN-T jew tat-TEN-E.

    (d)   L-użu tal-kontribut tal-Unjoni

    Il-kontribut tal-Unjoni għandu jintuża mill-BIE biex:

    1.

    jitwettaq il-proviżjonament tar-riskju fuq bażi tal-ewwel telf għall-faċilitajiet subordinati tal-portafoll tal-proġett eliġibbli, bi qbil mar-regoli rilevanti tal-BEI u valutazzjoni tar-riskji mwettqa mill-BEI skont il-politiki applikabbli tiegħu,

    2.

    jiġi kopert kwalunkwe nfiq eliġibbli mhux relatat mal-proġett, assoċjat mat-twaqqif u l-amministrazzjoni tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti, inkluża l-valutazzjoni tiegħu.

    (e)   Il-kondiviżjoni tar-riskji u tad-dħul

    Il-mudell tal-kondiviżjoni tar-riskji li jirriżulta mill-punt (d) għandu jiġi rifless fil-kondiviżjoni xierqa bejn l-Unjoni u l-BEI tar-remunerazzjoni tar-riskju imposta mill-BEI fuq il-kontraparti tiegħu fir-rigward ta’ kull faċilità li tikkostitwixxi l-portafoll.

    Minkejja d-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-kondiviżjoni tar-riskji għall-istrument ta’ garanzija tas-self għal proġetti TEN-T, imsemmi fl-Anness I, ix-xejra tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti għandha tapplika wkoll għal dak l-istrument inklużi l-operazzjonijiet tal-portafoll eżistenti tagħha.

    (f)   Prezzar

    L-ipprezzar tal-faċilitajiet tal-bonds tal-proġetti hija bbażata fuq ir-remunerazzjoni tar-riskju skont ir-regoli standard rilevanti u l-kriterji tal-BEI.

    (g)   Proċedura ta’ applikazzjoni

    L-applikazzjonijiet għall-kopertura ta’ riskju taħt l-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti għandhom jiġu indirizzati lill-BEI skont il-proċedura ta’ applikazzjoni standard tal-BEI.

    (h)   Proċedura ta’ approvazzjoni

    Il-BEI għandu jagħmel eżerċizzju ta’ diliġenza dovuta fil-profil tar-riskji u dak finanzjarju, tekniku u legali u għandu jiddeċiedi dwar l-użu ta’ strument ta’ kondiviżjoni tar-riskji għal bonds tal-proġetti u jagħżel it-tip xieraq ta’ faċilità subordinata skont ir-regoli u l-kriterji standard tiegħu, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-BEI dwar il-Politika fil-Qasam tar-Riskju tal-Kreditu, u l-kriterji ta’ għażla tal-BEI fil-qasam soċjali, ambjentali u klimatiku.

    (i)   Tul ta’ żmien

    1.

    L-aħħar parti tal-kontribut tal-Unjoni għall-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti għandha tkun impenjata mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013. L-approvazzjoni effettiva tal-faċilitajiet tal-bonds tal-proġetti mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI għandha tkun finalizzata mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014.

    2.

    Fl-eventwalià tat-tmiem tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti matul il-qafas finanzjarju multiannwali attwali, kwalunkwe bilanċi fuq il-kontijiet fiduċjarji, li ma jkunux fondi impenjati u fondi meħtieġa biex ikopru kostijiet u nefqiet eliġibbli oħrajn, għandhom jerġgħu jitqiegħdu fil-linji baġitarji tat-TEN-T u tat-TEN-E.

    3.

    Fondi allokati lill-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti għandhom jiġu rimborżati lill-kont fiduċjarju rilevanti hekk kif il-faċilitajiet jiskadu jew inkella jiġu mħallsa lura sakemm il-kopertura tar-riskji tibqa’ suffiċjenti.

    (j)   Rappurtar

    Il-metodi tar-rappurtar annwali dwar l-implimentazzjoni tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti għandhom ikunu maqbula bejn il-Kummissjoni u l-BEI.

    Minbarra dan, il-Kummissjoni għandha, bis-sostenn tal-BEI, tirrapporta kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, għall-ewwel darba sitt xhur wara l-iffirmar tal-ftehim ta’ kooperazzjoni msemmi fl-Artikolu 6(1)(g).

    (k)   Monitoraġġ, kontroll u valutazzjoni

    Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-istrument, inkluż permezz ta’ kontrolli fil-post kif xieraq, u għandha twettaq verifika u kontrolli bi qbil mar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

    Il-BEI għandu jimmaniġġja l-faċilitajiet subordinati skont ir-regoli u l-proċeduri tal-BEI stess, inklużi miżuri xierqa ta’ awditjar, kontroll u monitoraġġ. Barra minn hekk, il-Bord tad-Diretturi tal-BEI, fejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma rappreżentati, għandu japprova kull faċilità subordinati u jara li l-BEI jiġi mmaniġġjat skont l-Istatut tiegħu u d-direttivi ġenerali stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi tiegħu.

    Il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jippreżentaw rapport interim dwar il-funzjonament tal-istrument pilota tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-bonds tal-proġetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fit-tieni nofs tal-2013 bil-ħsieb li jottimizzaw id-disinn ta’ dak l-istrument.

    Valutazzjoni indipendenti sħiħa għandha titwettaq fl-2015 wara l-approvazzjoni tal-operazzjonijiet aħħarin tal-bonds tal-proġetti. Għandha tkopri, inter alia, il-valur miżjud, l-addizzjonalità meta mqabbel ma’ strumenti oħra tal-Unjoni u tal-Istati Membri u forom eżistenti oħra ta’ finanzjament fit-tul tad-djun, l-effett multiplikatur miksub, valutazzjoni tar-riskji involuti kif ukoll il-ħolqien jew korrezzjoni ta’ effetti ta’ distorsjoni, jekk ikun hemm. Il-valutazzjoni għandha tkopri wkoll l-impatt fuq il-vijabilità finanzjarja tal-proġetti, il-volum, it-termini u l-kostijiet tal-emissjoni tal-bonds, l-effett fuq is-swieq tal-bonds b’mod aktar ġenerali kif ukoll tikkontrolla l-aspetti tal-kredituri u tal-akkwist. Għandha tipprovdi wkoll, jekk ikun possibbli, tqabbil tal-kostijiet ma’ mezzi alternattivi ta’ finanzjament tal-proġetti, inkluż self minn banek. Matul il-fażi pilota, kull proġett magħżul għandu jiġi vvalutat.”.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2012.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. D. MAVROYIANNIS


    (1)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 134.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2012 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Lulju 2012.

    (3)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15.

    (4)  ĠU L 162, 22.6.2007, p. 1.

    (5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (6)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    (*)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.”.


    Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

    Skont il-punt 49 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod, il-Kummissjoni tirrapporta lill-awtorità baġitarja darba f’sena dwar l-istrumenti finanzjarji. Ir-rapport tal-2012 se jinkludi wkoll l-Inizjattiva tal-Bonds għall-Finanzjament ta’ Proġetti tal-BEI u l-UE.

    F’dan l-isfond, u meta wieħed iqis iż-żmien qasir tal-fażi pilota tal-bonds għall-finanzjament, il-Kummissjoni tixtieq tiċċara li l-espressjoni “għandha tirrapporta kull sitt xhur matul il-fażi pilota” użata fil-premessa 14 fl-Artikolu 1(3)(b), fl-Artikolu 1(4), fl-Artikolu (2)(3)(b) u fl-Artikolu 2(7) tfisser li l-Kummissjoni se tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament billi tidher quddiem waħda mill-istituzzjonijiet b’materjal xieraq ta’ appoġġ pjuttost milli tagħmel rapport uffiċjali tal-Kummissjoni, li jkun jeħtieġ sforz proporzjonat meta mqabbel mal-iskop limitat tal-fażi pilota.


    Top