Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0377

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 377/2012 tat- 3 ta’ Mejju 2012 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw

ĠU L 119, 4.5.2012, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 25/09/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/377/oj

4.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 377/2012

tat-3 ta’ Mejju 2012

dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/237/PESK tal-3 ta’ Mejju 2012 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 2012/237/PESK tipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi li jippruvaw jimpedixxu jew jostakolaw proċess politiku paċifiku, jew li jieħdu azzjoni li timmina l-istabbiltà fir-Repubblika tal-Ginea Bissaw. Dan jikkonċerna b’mod partikolari lil dawk li kellhom rwol prominenti fir-ribelljoni tal-1 ta’ April 2010 u l-kolp ta’ stat tat-12 ta’ April 2012 u li l-azzjonijiet tagħhom għadhom immirati biex jimminaw l-istat tad-dritt u l-preminenza tal-poter ċivili. Dawn il-miżuri jinkludu l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni.

(2)

Dawn il-miżuri jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, partikolarment bi ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex timplimentahom.

(3)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u notevolment id-dritt għal rimedju effettiv, id-dritt għal proċess ġust, u d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat skont dawk id-drittijiet u prinċipji.

(4)

Is-setgħa li jemenda l-listi fl-Anness I għal dan ir-Regolament għandha titħaddem mill-Kunsill, fid-dawl tat-theddida speċifika għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali maħluqa mis-sitwazzjoni fil-Ginea Bissaw, u biex tiġi żgurata konsistenza mal-proċedura għall-emendament u r-reviżjoni tal-Anness għad-Deċiżjoni 2012/237/PESK.

(5)

Il-proċedura biex jiġu emendati l-listi fl-Anness I għal dan ir-Regolament għandha tinkludi l-għoti tar-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi nominati sabiex tingħatalhom opportunità biex iressqu l-osservazzjonijiet. Fejn jitressqu osservazzjonijiet, jew tiġi ppreżentata evidenza ġdida sostanzjali, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu fid-dawl ta’ dawk l-osservazzjonijiet u jgħarraf lill-persuna, entità jew korp ikkonċernat kif adatt.

(6)

Għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u sabiex tinħoloq ċertezza legali massima fi ħdan l-Unjoni, għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku l-ismijiet u data rilevanti oħra rigward persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom iridu jiġu ffriżati skont ir-Regolament. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali għandu jirrispetta r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (2) u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (3).

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘fondi’ tfisser assi u benefiċċji finanzjarji ta’ kull tip, li jinkludu iżda li mhumiex limitati għal:

(i)

flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flejjes, drafts, money orders u strumenti oħra ta’ ħlas;

(ii)

depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi f’kontijiet, dejn u obbligazzjonijiet ta’ dejn;

(iii)

titoli negozjati kemm pubblikament kif ukoll privatament u dokumenti dwar dejn, inklużi titoli ta’ fondi u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw sigurtajiet, bonds, noti, mandati, obbligazzjonijiet u kuntratti ta’ derivati;

(iv)

imgħax, dividendi jew dħul ieħor fuq assi, jew valur li joħroġ minnhom jew li hu ġenerat minnhom;

(v)

kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, titoli eżegwibbli jew impenji finanzjarji oħra;

(vi)

ittri ta’ kreditu, poloz tat-tagħbija, dokumenti ta’ bejgħ;

(vii)

dokumenti li jixhdu xi mgħax f’fondi jew riżorsi finanzjarji;

(b)

‘iffriżar ta’ fondi’ tfisser il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe ċaqliq, trasferiment, bidla, użu, aċċess jew traffikar ta’ fondi li jistgħu b’xi mod iwasslu għal bidla fil-volum, fl-ammont, fil-lokalizzazzjoni, fis-sjieda, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni jew f’bidla oħra li tagħmel possibbli l-użu tal-fondi, inkluż il-ġestjoni tal-portafolli;

(c)

‘riżorsi ekonomiċi’ tfisser assi ta’ kull xorta, kemm tanġibbli u kif ukoll intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, prodotti jew servizzi;

(d)

‘iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi’ tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta’ riżorsi ekonomiċi biex jinkisbu fondi, prodotti jew servizzi fi kwalunkwe mod, li jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, bejgħ, kiri jew ipoteki tagħhom;

(e)

‘territorju tal-Unjoni’ tfisser it-territorji li għalihom japplika t-Trattat, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat.

Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/237/PESK, ġew identifikati mill-Kunsill bħal jew (i) li ħadu sehem jew ipprovdew sostenn għal atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw jew (ii) li assoċjaw ruħhom ma’ tali persuni, entitajiet jew korpi, kif elenkati fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew għall-benefiċċju tagħhom.

3.   Il-parteċipazzjoni, b’intenzjoni u apposta, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom hu, b’mod dirett jew indirett, li jevitaw il-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandu jiġi pprojbit.

Artikolu 3

1.   L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ persuni, entitajiet u korpi elenkati.

2.   L-Anness I għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi ikkonċernati. Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, informazzjoni bħal din tista’ tinkludi ismijiet fosthom psewdonomi, data u post tat-twelid, nazzjonalità, numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, sess, indirizz, jekk magħruf, u funzjoni jew professjoni. Fir-rigward ta’ persuni, entitajiet u korpi ġuridiċi, informazzjoni bħal din tista’ tinkludi ismijiet, post u data ta’ reġistrazzjoni, numru tar-reġistrazzjoni u post tan-negozju.

Artikolu 4

1.   B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif identifikati fil-websajts elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew id-disponibbiltà ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, taħt il-kondizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

(a)

meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness I u l-membri tal-familja dipendenti fuqhom, inklużi ħlasijiet għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteka immobiljari, mediċini u kura medika, taxxi, poloz tal-assigurazzjoni, u l-ħlasijiet għall-użu ta’ servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta’ spejjeż li huma konnessi mal-forniment ta’ servizzi legali;

(c)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta’ miżati jew il-ħlasijiet ta’ servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew

(d)

neċessarji għal spejjeż straordinarji, bil-kondizzjoni li l-Istat Membru nnotifika bir-raġunijiet li jikkonsidra li għalihom awtorizzazzjoni speċifika għandha tingħata lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni mill-anqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.

2.   L-Istat Membru relevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 5

1.   B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fis-websajts fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma s-suġġett ta’ garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmijin fl-Artikolu 2 ikunu ġew inklużi fl-Anness I jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni jridu jintużaw esklużivament sabiex jissodisfaw il-pretensjonijiet iggarantiti b’din il-garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f’din is-sentenza, fil-limiti stabbiliti bil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

(c)

il-garanzija jew sentenza mhumiex għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; kif ukoll

(d)

ir-rikonoxximent li l-garanzija jew is-sentenza ma jmorrux kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   L-Istat Membru relevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 6

1.   L-Artikolu 2(2) m’għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta’:

(a)

imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b)

ħlasijiet dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 2 ġew inklużi fl-Anness I,

sakemm tali imgħax, dħul u ħlas ikunu ffriżati skont l-Artikolu 2(1).

2.   L-Artikolu 2(2) m’għandux iwaqqaf lill-istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu fl-Unjoni milli jikkreditaw kontijiet iffriżati meta jirċievu fondi trasferiti fil-kont ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat, sakemm kwalunkwe żieda għal dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma bla dewmien lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti b’din it-transazzjoni.

Artikolu 7

1.   L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li wieħed jagħmel fondi jew riżorsi ekonomiċi disponibbli, magħmula bi skop tajjeb u bil-konvinzjoni li tali azzjoni hi konformi ma’ dan ir-Regolament, ma għandux joħloq responsabbiltà ta’ kwalunkwe tip min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawh, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma bħala riżultat ta’ negliġenza.

2.   Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(2) m’għandhiex twassal għal responsabbiltà ta’ ebda xorta fuq in-naħa tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li poġġew għad-dispożizzjoni fondi jew riżorsi ekonomiċi, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida biex jissuspettaw li l-azzjonijiet tagħhom kienu se jiksru din il-projbizzjoni.

Artikolu 8

1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness I għandhom:

(a)

immedjatament ifornu kull informazzjoni li tiffaċilita konformità ma’ dan ir-Regolament, bħal kontijiet u ammonti ffriżati skont l-Artikolu 2, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn huma residenti jew qegħdin, kif identifikati fil-websajts elenkati fl-Anness II, u għandhom jgħaddu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-awtorità kompetenti, lill-Kummissjoni; u

(b)

jikkooperaw ma’ dik l-awtorità kompetenti f’kull verifikazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

2.   Kwalunkwe informazzjoni li tingħata jew tiġi rċevuta skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet ipprovduta jew irċevuta.

Artikolu 9

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin bil-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u għandhom jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti konnessa ma’ dan ir-Regolament li hija għad-dispożizzjoni tagħhom, b’mod partikolari informazzjoni dwar problemi ta’ ksur u ta’ infurzar u sentenzi mogħtija mill-qrati nazzjonali.

Artikolu 10

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

Artikolu 11

1.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissottometti persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(1), għandu jemenda l-Anness I kif adegwat.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafu 1, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, u b’hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.   Fejn jiġu mressqa osservazzjonijiet, jew tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrivedi d-deċiżjoni tiegħu u jgħarraf lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat skont il-każ.

4.   Il-lista fl-Anness I għandha tiġi riveduta f’intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.

Artikolu 12

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti f’dawn ir-regoli.

Artikolu 13

Fejn dan ir-Regolament jipprevedi rekwiżit li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata, infurmata jew li ssir xi komunikazzjoni oħra magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li għandhom jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.

Artikolu 14

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)

abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew bastiment li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru;

(c)

għal kwalunkwe persuna fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

(d)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru;

(e)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe kummerċ imwettaq, b’mod sħiħ jew parzjalment, fl-Unjoni.

Artikolu 15

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Mejju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  Ara paġna 43 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.


ANNESS I

Lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi imsemmija fl-Artikoli 2(1) u 2(2)

Persuni

 

Isem

Informazzjoni għall-identifikazzjoni (data u post tat-twelid (d.t.t. u p.t.t.), numru tal-passaport/karta tal-identità, eċċ.)

Raġunijiet għall-inklużjoni

Data tal-inklużjoni

1.

Ġeneral António INJAI (magħruf ukoll bħala António INDJAI)

Nazzjonalità: Ginea Bissaw

d.t.t.: 20 ta' Jannar 1955

p.t.t.: Encheia, Sector de Bissorá, Região de Oio, Guiné-Bissau

Ġenituri: Wasna Injai u Quiritche Cofte

Kariga uffiċjali: Logutenent Ġeneral – Chefe de Estado-Maior Geral das Forças Armadas

António Injai kien personalment involut fl-ippjanar u t-tmexxija tar-rewwixta tal-1 ta' April 2010, li laħqet il-qofol bil-ħtif illegali tal-Prim Ministru, Carlo Gomes Junior, u dak li dak iż-żmien kien il-Kap tal-Persunal tal-Forzi Armati, José Zamora Induta.

Antonio Injai opera b'tali mod li jagħmel pressjoni fuq il-Gvern sabiex jaħtru Kap tal-Persunal tal-Forzi Armati.

3.5.2012

 

 

Karta tal-Identità Nazzjonali: Mhix magħrufa (Ginea Bissaw)

Passaport: Passaport diplomatiku AAID00435

Data tal-ħruġ: 18.02.2010

Post tal-ħruġ: Ginea Bissaw

Data tal-iskadenza: 18.02.2013

Indjai kien qiegħed jagħmel dikjarazzjonijiet pubbliċi b'mod konsistenti u jhedded il-ħajja tal-awtoritajiet leġittimi jiġifieri l-Prim Ministru Carlos Gomes Junior u jdgħajjef l-istat tad-dritt, idgħajjef is-setgħat tal-persuni ċivili, u kompla joħloq klima dominanti ta' impunità u instabbiltà fil-pajjiż.

Matul il-perijodu elettorali tal-2012, fil-kapaċità tiegħu bħala Kap tal-Persunal tal-Forzi Armati, Injai għamel għal darb'oħra dikjarazzjoni u hedded li jwaqqa' l-awtoritajiet eletti u li jtemm il-proċess elettorali.

 

 

 

 

Antonio Injai kien involut għal darb'oħra fl-ippjanar operattiv tal-coup d’état tat-12 ta' April 2012. Wara l-coup, l-ewwel komunikazzjoni mill-"Kmand Militari" inħareġ mill-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati, li huwa mmexxi mill-Ġeneral Injai. Huwa ma pprova bl-ebda mod jiġġieled jew jiddistakka ruħu minn dik l-azzjoni militari mhux kostituzzjonali.

 

2.

Maġġur Ġeneral Mamadu TURE (N'KRUMAH) (magħruf ukoll bħala N’Krumah)

Nazzjonalità - Ginea Bissaw

d.t.t. 26 ta' April 1947

Passaport Diplomatiku nru DA0002186

Data tal-ħruġ: 30.03.2007

Data tal-iskadenza: 26.08.2013

Viċi Kap tal-Istat Maġġur tal-Forzi Armati. Membru tal-"Kmand Militari" li ħa r-responsabbiltà għall-coup d’état tat-12 ta' April 2012.

3.5.2012

3.

Ġeneral Augusto MÁRIO CÓ

 

Kap tal-Istat Maġġur tal-Armata tal-Art. Membru tal-"Kmand Militari" li ħa r-responsabbiltà għall-coup d’état tat-12 ta' April 2012.

3.5.2012

4.

Ġeneral Estêvão NA MENA

 

Kap tal-Istat Maġġur tal-Marina. Membru tal-"Kmand Militari" li ħa r-responsabbiltà għall-coup d’état tat-12 ta' April 2012.

3.5.2012

5.

Brigadier Ġeneral Ibraima CAMARÁ (magħruf ukoll bħala “Papa Camará”)

Nazzjonalità - Ginea Bissaw

d.t.t. 11 ta' Mejju 1964

Passaport Diplomatiku nru AAID00437

Data tal-ħruġ:18.02.2010

Data tal-iskadenza: 18.02.2013

Kap tal-Istat Maġġur tal-Forzi tal-Ajru. Membru tal-"Kmand Militari" li ħa r-responsabbiltà għall-coup d’état tat-12 ta' April 2012.

3.5.2012

6.

Logutenent Kurunell Daba NAUALNA (magħruf ukoll bħala Daba Na Walna)

Nazzjonalità - Ginea Bissaw

d.t.t. 6 ta' Ġunju 1966

Passaport nru SA 0000417

Data tal-ħruġ: 29.10.2003

Data tal-iskadenza: 10.03.2013

Kelliem tal-"Kmand Militari" li ħa r-responsabbiltà għall-coup d’état tat-12 ta' April 2012.

3.5.2012


ANNESS II

Websajts għall-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri msemmija fl-Artikoli 4(1), 5(1) u 8(1), u l-indirizzi għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea

A.

Awtoritajiet kompetenti għal kull Stat Membru:

 

BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

 

BULGARIJA

http://www.mfa.bg/en/pages/view/5519

 

REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

 

DANIMARKA

http://um.dk/da/politik-og-diplomati/retsorden/sanktioner/

 

ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/BMWi/Navigation/Aussenwirtschaft/Aussenwirtschaftsrecht/embargos.html

 

ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

 

IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

 

GREĊJA

http://www1.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

 

SPANJA

http://www.maec.es/es/MenuPpal/Asuntos/Sanciones%20Internacionales/Paginas/Sanciones_%20Internacionales.aspx

 

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

 

ITALJA

http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

 

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

 

LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

 

LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

 

LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

 

UNGERIJA

http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/

 

MALTA

http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

 

PAJJIŻI L-BAXXI

http://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-vrede-en-veiligheid/sancties

 

AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

 

POLONJA

http://www.msz.gov.pl

 

PORTUGALL

http://www.min-nestrangeiros.pt

 

RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

 

SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika_in_mednarodno_pravo/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

 

SLOVAKKJA

http://www.foreign.gov.sk

 

FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

 

ISVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

 

RENJU UNIT

www.fco.gov.uk/competentauthorities

B.

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea jew komunikazzjonijiet oħra magħha:

European Commission

Foreign Policy Instruments Service

Unit FPIS.2

CHAR 12/106

B-1049 Bruxelles/Brussel

Belġju

E-Mail: relex-sanctions@ec.europa.eu

Tel. (32 2) 295 55 85

Fax (32 2) 299 08 73


Top