Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0360

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal- 25 ta' April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 114, 26.4.2012, p. 8–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2023: This act has been changed. Current consolidated version: 25/10/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/360/oj

    26.4.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 114/8


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 360/2012

    tal-25 ta' April 2012

    dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

    Wara li ppubblikat abbozz ta' dan ir-Regolament (2),

    Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tistabbilixxi, permezz ta' Regolament, livell limitu li taħtu l-miżuri ta’ għajnuna jitqiesu li ma jkunux jilħqu l-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għalhekk ma jaqgħux taħt il-proċedura ta’ notifika stipulata fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

    (2)

    Fuq il-bażi ta' dak ir-Regolament, il-Kummissjoni adottat, b’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar għajnuna de minimis  (3), li tistabbilixxi livell massimu ġenerali de minimis ta' EUR 200 000 għal kull benefiċjarju matul perjodu ta' tliet snin fiskali.

    (3)

    L-esperjenza tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali skont it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat uriet li l-limitu li taħtu l-vantaġġi konċessi lil tali impriżi jistgħu jitqiesu li ma għandhomx impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u/jew ma joħolqux distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni jista', f'ċerti każi, ivarja mil-limitu massimu ġenerali de minimis stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006. Mill-inqas uħud minn dawk il-vantaġġi x'aktarx jikkostitwixxu kumpens għal spejjeż addizzjonali marbutin mal-forniment ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. Barra minn hekk, ħafna attivitajiet li jikkwalifikaw bħala l-forniment ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali għandhom kamp ta’ applikazzjoni territorjali limitat. Għaldaqstant huwa xieraq li jiġi introdott, flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1998/2006, Regolament li jkun jikkonsisti f'regoli de minimis speċifiċi għal impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. Għandu jiġi stabbilit limitu għall-ammont ta' għajnuna de minimis li kull impriża tista' tirċievi matul perjodu speċifiku ta' żmien.

    (4)

    Fid-dawl tal-esperjenza tal-Kummissjoni, għajnuna mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizz ta' interess ekonomiku ġenerali għandha titqies li ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri u/jew ma toħloqx distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni sakemm l-ammont totali ta’ għajnuna mogħtija għall-forniment ta’ servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali li tirċievi l-impriża benefiċjarja ma jeċċedix il-EUR 500 000 matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali. Fid-dawl tal-iżvilupp tas-settur tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri u l-aktar ta’ natura lokali tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali f’dan il-qasam, mhuwiex xieraq li japplika limitu massimu aktar baxx għal dan is-settur u għandu japplika limitu massimu ta’ EUR 500 000.

    (5)

    Is-snin li jiġu kkunsidrati għall-iskop tad-determinazzjoni jekk dak il-limitu ntlaħaqx għandhom ikunu s-snin fiskali kif użati għal skopijiet fiskali mill-intrapriżi fl-Istat Membru kkonċernat. Il-perjodu rilevanti ta’ tliet snin għandu jkun evalwat fuq bażi rotanti sabiex, għal kull għotja ġdida ta’ għajnuna de minimis, ikun jista’ jiġi determinat l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħti fis-sena fiskali kkonċernata, kif ukoll matul is-sentejn fiskali ta’ qabel. Għajnuna mogħtija minn Stat Membru għandha tittieħed f’kunsiderazzjoni għal dan l-iskop anki meta tkun iffinanzjata għal kollox jew parzjalment minn riżorsi li jkunu joriġinaw mill-Unjoni. Ma għandux ikun possibbli li miżuri ta' għajnuna mill-Istat li jaqbżu l-limitu de minimis jinqasmu f'għadd ta’ partijiet iżgħar biex dawn il-partijiet jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

    (6)

    Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal għajnuna mogħtija għall-provvista ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali. L-impriża benefiċjarja għandha għalhekk tkun fdata bil-miktub bis-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali li għalih tkun qed tingħata l-għajnuna. Filwaqt li l-Att ta’ fiduċja għandu jinforma lill-intrapriża tas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali li għalih ikun qed jingħata, ma għandux neċessarjament jinkludi l-informazzjoni dettaljata kollha kif stipulat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal-20 ta' Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku mogħti lil ċerti imrpiżi fdati bl-operat ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (4).

    (7)

    Fid-dawl tar-regoli speċjali li japplikaw fis-setturi tal-produzzjoni primarja ta' prodotti agrikoli, tas-sajd, tal-akwakultura u tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, il-fatt li l-impriżi f'dawk is-setturi huma rarament fdati b’servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u tar-riskju li l-ammonti ta' għajnuna taħt il-limitu stabbilit f’dan ir-Regolament jistgħu jilħqu l-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat f’dawk is-setturi, dan ir-Regolament ma għandux japplika f’dawk is-setturi. Madankollu, jekk huma impriżi attivi fis-setturi tal-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli, is-sajd, l-akwakultura jew it-trasport tal-merkanzija bit-triq kif ukoll f'setturi jew attivitajiet oħra, dan ir-Regolament għandu japplika għal setturi jew attivitajiet oħra (bħal pereżempju l-ġabra ta' skart fil-baħar) l-Istati Membri jiżguraw li l-attivitajiet fis-setturi esklużi (i) ma jibbenefikawx minn għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament, b'mezzi xierqa bħal separazzjoni ta' attivitajiet jew distinzjoni ta' spejjeż. L-Istati Membri jistgħu jwettqu din l-obbligazzjoni, b'mod partikolari, billi jillimitaw l-ammont ta' għajnuna de minimis għall-kumpens tal-ispejjeż tal-għoti tas-servizz, li jinkludi profitt raġonevoli. Dan ir-Regolament ma ghandux japplika għas-settur tal-faħam, minħabba l-karatteristiċi speċjali tiegħu u l-fatt li l-impriżi f'dawk is-setturi huma rarament fdati b’servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

    (8)

    Meta jitqies ix-xebh bejn l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, fuq naħa, u dawk ta’ prodotti mhux agrikoli, fuq in-naħa l-oħra, dan ir-Regolament għandu japplika għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. La attivitajiet fl-irziezet meħtieġa għat-tħejjija ta' prodott għall-ewwel bejgħ, bħall-ħsad, il-qtugħ u d-dris taċ-ċereali, jew l-ippakkjar tal-bajd, u lanqas l-ewwel bejgħ lill-pitkali jew lill-proċessuri ma għandhom hawnhekk jitqiesu bħala pproċessar jew kummerċjalizzazzjoni.

    (9)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet (5) li, ladarba l-Unjoni lleġiżlat favur it-twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq f’settur partikolari tal-agrikoltura, l-Istati Membri huma obbligati li ma jieħdu ebda miżura li tista’ ddgħajjifha jew toħloq eċċezzjonijiet għaliha. Għal din ir-raġuni, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal għajnuna li l-ammont tagħha huwa stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mixtrija jew imqiegħda fis-suq. Lanqas ma għandu japplika għal sostenn de minimis marbut ma' obbligu li l-għajnuna tinqasam mal-produtturi primarji.

    (10)

    Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal għajnuna de minimis għall-esportazzjoni jew għajnuna de minimis li tiffavorixxi prodotti domestiċi fuq dawk importati.

    (11)

    Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-intrapriżi f’diffikultà fis-sens tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (6) għaliex mhuwiex xieraq biex jagħtu għajnuna għall-operat lil kumpaniji f’diffikultà u barra mir-ristrutturar il-kunċett hemm tad-diffikultajiet marbuta mad-determinazzjoni tal-ammont tas-sussidju gross ekwivalenti għall-għajnuna konċessa lil impriżi ta' dan it-tip.

    (12)

    Skont il-prinċipji li jirregolaw l-għajnuna li taqa’ taħt l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, għandha titqies li tkun ingħatat għajnuna de minimis fil-mument li d-dritt legali biex din l-għajnuna tiġi rċevuta jkun dikjarat lill-impriża taħt ir-reġim nazzjonali legali li jkun applikabbli.

    (13)

    Sabiex tiġi evitata l-evażjoni tal-intensitajiet tal-għajnuna massima stabbiliti fi strumenti differenti tal-Unjoni, għajnuna de minimis ma tistax tiġi akkumulata mal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-istess spejjeż eleġibbli jekk tali akkumulazzjoni tirriżulta f'intensità ta' għajnuna li taqbeż dik stipulata fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull każ f'Regolament għal eżenzjoni ġenerali jew Deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

    (14)

    Dan ir-Regolament ma għandux jirrestrinġi l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006 għal impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li joqogħdu jew fuq dan ir-Regolament jew fuq ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 rigward għajnuna mogħtija għall-forniment ta’ servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali.

    (15)

    Fis-sentenza tagħha fil-kawża Altmark  (7), il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat numru ta' kundizzjonijiet li għandhom jiġu mwettqa sabiex il-kumpens għall-forniment ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali jammontaw għal għajnuna mill-Istat. Dawk il-kundizzjonijiet jiżguraw li l-kumpens limitat għall-ispejjeż netti mġarrba minn impriżi effiċjenti għall-provvista ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Kumpens f'eċċess ta' dawk l-ispejjeż netti tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli fuq il-bażi ta' regoli tal-Unjoni applikabbli. Sabiex jiġi evitat li dan ir-Regolament jiġi applikat biex jinħarbu il-kundizzjonijiet identifikati fis-sentenza Altmark, u sabiex tiġi evitata li għajnuna de minimis mogħtija taħt dan ir-Regolament taffettwa l-kummerċ minħabba l-akkumulazzjoni b'kumpens ieħor għall-istess servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament ma għandhomx jiġu kumulati ma' kull kumpens ieħor fir-rigward tal-istess servizz, irrispettivament minn kemm jekk din tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat taħt is-sentenza Altmark jew kompatibbli ma' għajnuna mill-Istat taħt id-Deċiżjoni 2012/21/UE jew taħt il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Qafas tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens tas-servizz pubbliku (2011) (8). Għalhekk, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal kumpens riċevut għall-provvista ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali li għalih qed jingħataw ukoll tipi oħra ta’ kumpens, ħlief meta dak il-kumpens l-ieħor jikkostitwixxi għajnuna de minimis skont regolamenti de minimis oħra u r-regoli tal-kumulazzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament ikunu rrispettati.

    (16)

    L-Istati Membri kollha għandhom japplikaw l-istess metodu ta’ kalkolu, sabiex ikun hemm it-trasparenza, it-trattament indaqs u l-applikazzjoni korretta tal-limitu de minimis. Biex dan il-kalkolu jitħaffef, u skont il-prattika preżenti ta’ applikazzjoni tar-regola de minimis, l-ammonti tal-għajnuna li ma jkunux f'forma ta’ għotja ta’ flus għandhom jinqalbu fl-ekwivalenti tagħhom ta' għotja gross. Il-kalkolu tal-ekwivalenza tal-għotja għal tipi trasparenti ta’ għajnuna barra minn għotjiet jew għajnuna li jkunu pagabbli bin-nifs jeħtieġ l-użu ta’ rati ta’ imgħax tas-suq li jkunu qed jintużaw fil-mument li tkun ingħatat tali għajnuna. Bil-ħsieb li applikazzjoni uniformi, trasparenti u sempliċi tar-regoli għall-għajnuna tal-Istat, ir-rati tas-suq għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom jitqiesu li jkunu r-rati ta’ referenza, kif attwalment stipulat fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu għall-istabbiliment tar-rati ta' referenza u ta’ skont (9).

    (17)

    Bil-għan li jkun hemm trasparenza, trattament ugwali u monitoraġġ effettiv, dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna de minimis li hija trasparenti. Għajnuna trasparenti hija għajnuna li għaliha jkun possibbli li tiġi kkalkulata bi preċiżjoni l-għotja grossa ekwivalenti ex ante mingħajr il-ħtieġa li ssir analiżi tar-riskju. Dan il-kalkolu preċiż jista’, pereżempju, jintuża għal sussidji, għal titjib fir-rati tal-interessi jew għal eżenzjonijiet fiskali fissi. L-għajnuna inkluża f’injezzjonijiet ta’ kapital ma għandhiex tiġi kkunsidrata għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-ammont totali tal-injezzjoni mill-fondi pubbliċi ma jkunx inqas mil-limitu de minimis. L-għajnuna fil-forma ta' miżuri tal-kapital ta’ riskju msemmija fil-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni tal-investimenti f'kapital ta' riskju f'impriżi żgħar u ta’ daqs medju (10), ma għandhiex titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti sakemm l-iskema ta’ kapital ta' riskju kkonċernata tipprovdi kapital biss sal-limitu de minimis għal kull impriża fil-mira. L-għajnuna fil-forma ta' self għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti meta l-ekwivalenti tal-għotja gross ikun ġie kkalkulat fuq il-bażi ta' rati ta' imgħax tas-suq li jkunu prevalenti fil-mument tal-għotja.

    (18)

    Teħtieġ li tingħata ċertezza legali lis-sistemi ta’ garanzija li mhumiex sensittivi li jaffettwaw l-iskambji u li jħassru l-kompetizzjoni u li għalihom hija disponibbli dejta suffiċjenti li tippermetti li teżamina l-effetti potenzjali b’mod kredibbli. Dan ir-Regolament għalhekk għandu jittrasponi l-limitu ġenerali de minimis ta’ EUR 500 000 f’limitu speċifiku garantit ibbażat fuq l-ammont totali grantit tas-self individwali li fuqhom hija bbażata garanzija bħal din. Għandu jiġi kkalkulat dan il-limitu speċifiku billi tintuża metodoloġija li tanalizza l-ammont ta’ għajnuna Statali inkluż fl-iskemi ta’ garanzija li jkopru s-self favur impriżi vijabbli. Il-metodoloġija u d-dejta użati għal kalkolu ta' dan il-limitu speċifiku ta’ garanzija għandhom jeskludu impriżi f’diffikultà kif imsemmi fil-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi f'diffikultà. Dan il-limitu speċifiku ma għandux għalhekk japplika għall-għajnuna individwali garantita barra l-iskop tal-iskema ta’ garanzija, għall-għajnuna garantita lill-intrapriżi f’diffikultà, jew għal garanziji dwar it-transazzjonijiet bażi li ma jikkostitwixxux self, bħal pereżempju garanziji fuq transazzjonijiet ta' ekwità. Il-limitu speċifiku għandu jkun stabbilit fuq il-bażi tal-fatt li meta wieħed jieħu kunsiderazzjoni ta' rata massima (rata netta ta' telf) ta' 13 %, li tirrappreżenta l-agħar xenarju possibbli għal skemi ta' garanzija fl-Unjoni, garanzija ekwivalenti għal EUR 3 750 000 tista' titqies li għandha ekwivalenza tal-għotja grossa identika għal-limitu ġenerali de minimis ta' EUR 500 000. Ikunu biss garanziji li jkopru sa 80 % tas-self sottostanti li għandhom ikunu koperti b'dawn il-limiti speċifiċi. Metodoloġija aċċettata mill-Kummissjoni wara n-notifika ta’ tali metodoloġija fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat tista' wkoll tintuża mill-Istati Membri biex jiġu vvalutati ekwivalenti għas-sussidju gross, inkluż f'garanzija fejn il-metodoloġija approvata tindirizza espliċitament it-tip ta' garanziji u t-tip ta’ transazzjonijiet sottostanti fir-riskju fil-kuntest tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

    (19)

    Wara li ssir notifika minn Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ teżamina jekk miżura ta’ għajnuna li ma tikkonsistix f’għotja, self, garanzija, injezzjoni ta’ kapital, mizura ta’ riskju ta’ kapital jew eżenzjoni fuq taxxa b'limitu twassalx ghall-għotja grossa ekwivalenti li ma taqbiżx il-limitu de minimis u tista’ għalhekk tkun koperta mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

    (20)

    Il-Kummissjoni għandha d-dmir li tiżgura li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ikunu mħarsa, u b’mod partikolari li l-għajnuna li tingħata skont ir-regoli de minimis tkun skont il-kundizzjonijiet tagħhom. Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni li jinsab fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-twettiq ta’ dan il-kompitu billi jistabbilixxu l-għodod meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lill-istess impriża għall-forniment tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali ma jkunx jaqbeż il-limitu kumplessiv permissibbli. Għal dak il-għan u sabiex jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-akkumulazzjoni b'għajnuna de minimis taħt ir-regolamenti de minimis oħra, meta jagħtu għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-intrapriża kkonċernata bl-ammont tal-għajnuna u l-karattru de minimis tagħha, billi jirreferu għal dan ir-Regolament. Barra minn hekk, qabel l-għoti ta’ għajnuna bħal din, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirċievi mingħand l-impriża dikjarazzjoni dwar għajnuna oħra de minimis koperta minn dan ir-Regolament jew minn regolamenti de minimis oħra riċevuta matul is-sena fiskali kkonċernata jew is-sentejn fiskali ta’ qabel. Alternattivament, l-Istat Membru għandu jkollu l-possibbilità li jiżgura li l-limitu jkun osservat permezz ta' reġistru ċentrali.

    (21)

    Dan ir-Regolament għandu japplika bla ħsara għar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew għal rekwiżiti addizzjonali li joħorġu mit-Trattat jew mil-leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni.

    (22)

    Dan ir-Regolament għandu japplika għal għajnuna mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali.

    (23)

    Il-Kummissjoni beħsiebha twettaq reviżjoni ta’ dan ir-Regolament ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Kamp ta' Applikazzjoni u Definizzjonijiet

    1.   Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali skont it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat.

    2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

    (a)

    għajnuna mogħtija lil impriżi għal attivitajiet fis-setturi tas-sajd u tal-akwakultura, kif koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (11);

    (b)

    għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta' prodotti agrikoli;

    (c)

    għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fl-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli, fil-każi segwenti:

    (i)

    meta l-ammont tal-għajnuna jkun ffissat fuq il-bażi tal-prezz jew kwantità ta' prodotti bħal dawn mixtrija minn produtturi primarji jew imqiegħda fis-suq mill-impriżi kkonċernati,

    (ii)

    meta l-għajnuna tkun bil-kundizzjoni li parti minnha jew kollha kemm hi tingħata lill-produtturi primarji;

    (d)

    għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, jiġifieri għajnuna marbuta direttament ma' kwantitajiet esportati, it-twaqqif u t-tħaddim ta' netwerk ta' distribuzzjoni jew nefqa oħra kurrenti marbuta mal-attività tal-esportazzjoni;

    (e)

    għajnuna li tiddependi mill-użu ta’ prodotti domestiċi fuq dawk importati;

    (f)

    għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fis-settur tal-faħam, kif stipulat fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/787/UE (12);

    (g)

    għajnuna mogħtija lill-intrapriżi li jeżegwixxu trasport tal-merkanzija bit-triq għal kiri u ħlas;

    (h)

    għajnuna mogħtija lil impriżi f’diffikultà.

    Jekk huma impriżi attivi fis-setturi msemmija fil-punti (a), (b), (c) jew (g) tal-ewwel subparagrafu, kif ukoll f’setturi mhux esklużi mill-iskop ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, dan ir-Regolament japplika biss għal għajnuna mogħtija fir-rigward ta' dawk is-setturi jew attivitajiet oħra, bil-kundizzjoni li Stati Membri jiżguraw li l-attività fis-setturi esklużi ma tibbenefikax minn għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament, b'mezzi xierqa bħal ma huma s-separazzjoni tal-attivita' jew distinzjoni fl-ispejjeż.

    3.   Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

    (a)

    “prodotti agrikoli” tfisser prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat, ħlief għall-prodotti tas-sajd;

    (b)

    “ipproċessar ta’ prodotti agrikoli” tfisser kwalunkwe operazzjoni fuq prodott agrikolu li tirrizulta fi prodott li huwa wkoll prodott agrikolu, ħlief fuq attivitajiet li jsiru f'razzett li huma neċessarji għall-preparazzjoni ta’ prodott minn annimal jew pjanta għall-ewwel bejgħ;

    (c)

    “it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli” tfisser li żżomm jew turi bil-għan li tbiegħ, li toffri għall-bejgħ, li tikkonsenja jew kwalunkwe mod ieħor ta’ tqegħid fuq is-suq, minbarra għall-ewwel bejgħ minn produttur primarju lil min jerġa’ jbiegħ jew lil proċessuri u kwalunkwe attività li tipprepara prodott għal dak l-ewwel bejgħ; bejgħ mill-produttur primarju lill-konsumaturi finali għandu jitqies bħala kummerċjalizzazzjoni jekk dan iseħħ f'post separat riżervat għal dak il-għan.

    Artikolu 2

    Għajnuna de minimis

    1.   Għajnuna mogħtija lil impriżi għall-forniment ta’ servizz ta' interess ekonomiku ġenerali għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għaldaqstant għandha tiġi eżentata mill-ħtieġa ta' notifika skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 8 ta' dan l-Artikolu.

    2.   L-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija lil xi impriża waħda li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali ma għandhiex taqbeż il-EUR 500 000 matul kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali.

    Dan il-limitu għandu japplika irrispettivament mill-forma tal-għajnuna de minimis jew tal-għan mixtieq u japplika wkoll sew jekk l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri tkun iffinanzjata totalment u sew jekk parzjalment mir-riżorsi li jkunu joriġinaw mill-Unjoni. Il-perjodu li għandu jitqies huwa ddeterminat permezz ta' referenza għall-eżerċizzji fiskali użati mill-intrapriża fl-Istat Membru kkonċernat.

    3.   Il-limitu stipulat fil-paragrafu 2 għandu jkun espress bħala għotja ta’ flus kontanti. Iċ-ċifri kollha użati huma f’ammonti grossi, jiġifieri qabel it-tnaqqis tat-taxxi jew imposti oħra. Fejn l-għajnuna tingħata f'forma oħra għajr għotja, l-ammont tal-għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti tal-għajnuna bħala għotja gross.

    Għajnuna li titħallas f'diversi pagamenti bin-nifs għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument tal-għotja. Ir-rata tal-interessi li tintuża għal skopijiet ta’ skont għandha tkun ir-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument tal-għotja.

    4.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna li għaliha jista' jiġi kkalkulat ex ante b'mod preċiż l-ekwivalenti tal-għotja gross mingħajr il-ħtieġa ta' evalwazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”). B’mod partikolari:

    (a)

    l-għajnuna inkluża f’self għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti meta l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata fuq il-bażi tar-rata ta' referenza applikabbli fil-ħin tal-għotja;

    (b)

    għajnuna fil-forma ta' injezzjonijiet ta’ kapital ma għandhiex tkun ikkunsidrata għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-ammont totali ta' injezzjoni mill-pubbliku ma jaqbiżx il-limitu de minimis;

    (c)

    għajnuna fil-forma ta' miżuri ta' kapital ta’ riskju ma għandhiex titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-iskema ta’ kapital ta’ riskju kkonċernata tipprovdi kapital biss sal-limitu de minimis għal kull impriża fil-mira;

    (d)

    Għajnuna individwali mogħtija taħt skema ta’ garanzija lill-intrapriżi li mhumiex intrapriżi f’diffikultà għandha titqies għajnuna de minimis trasparenti meta parti mis-self tal-garanzija pprovdut fi skema bħal din ma taqbiżx EUR 3 750 000 għal kull intrapriża. Jekk il-parti "garanzija" tas-self sottostanti ma tirrappreżentax ħlief frazzjoni ta’ dan il-limitu, l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross tal-garanzija huwa preżunt li jikkorispondi mal-istess frazzjoni tal-limitu msemmi fil-paragrafu 2. Il-garanzija ma għandhiex tkun aktar minn 80 % tas-self sottostanti. Skemt ta' garanzija għandhom ukoll jitqiesu trasparenti jekk:

    (i)

    qabel l-implimentazzjoni tal-iskema, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-għotja gross ekwivalenti tal-garanziji ġiet aċċettata wara notifika ta’ din il-metodoloġija lill-Kummissjoni taħt regolament adottat mill Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat; u

    (ii)

    il-metodoloġija approvata tiffoka b’mod espliċitu fuq it-tip ta’ garanziji u t-tip ta’ transazzjonijiet sottostanti kkonċernati fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    5.   Fejn l-ammont totali ta' għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament mogħtija lil impriża għall-forniment ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali jaqbeż il-limitu stabbilit fil-paragrafu 2, dak l-ammont ma jistax jibbenefika minn dan ir-Regolament, anki għal frazzjoni li ma taqbiżx dak il-limitu.F’każ bħal dan, il-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament ma jistax jintalab għal din il-miżura ta' għajnuna.

    6.   L-għajnuna de minimis skont dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi akkumulata ma' għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli jekk tali kumulu jirriżulta f'intensità ta' għajnuna li taqbeż dik stipulata fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull każ minn Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali jew minn Deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

    7.   Għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament tista’ tiġi akkumulata ma' għajnuna de minimis taħt ir-regolamenti de minimis oħra sa limitu stabbilit fil-paragrafu 2.

    8.   Madankollu, għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi akkumulata ma’ ebda kumpens fir-rigward tal-istess servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, irrispettivament dwar jekk jammontax għal għajnuna mill-Istat jew le.

    Artikolu 3

    Monitoraġġ

    1.   Meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jagħti għajnuna de minimis lil impriża taħt dan ir-Regolament, huwa għandu jinforma lil dik l-impriża bil-miktub dwar l-ammont potenzjali tal-għajnuna, espress bħala ekwivalenti ta’ għotja gross, tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali li fir-rigward tiegħu hija mogħtija u dwar in-natura de minimis tal-għajnuna, filwaqt li jagħmel referenza speċifika għal dan ir-Regolament, u jiċċita t-titolu tiegħu u r-referenza ta' pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fejn l-għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament tingħata lil impriżi differenti fuq il-bażi ta' skema u ammonti differenti ta' għajnuna individwali jingħataw lil dawk l-impriżi taħt dik l-iskema, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel li jissodisfa dak l-obbligu billi jinforma lill-impriżi dwar is-somma fissa li tikkorrispondi mal-ammont massimu ta’ għajnuna li tkun se tingħata taħt dik l-iskema. F’każ bħal dan, is-somma fissa għandha tintuża biex jiġi determinat jekk il-limitu stipulat fl-Artikolu 2(2) intlaħaqx. Qabel l-allokazzjoni tal-għajnuna, l-Istat Membru għandu wkoll jikseb dikjarazzjoni mill-impriża li tipprovdi s-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, bil-miktub jew f’forma elettronika dwar xi għajnuna oħra de minimis riċevuta taħt dan ir-Regolament jew taħt ir-regolamenti de minimis oħra matul is-sentejn fiskali preċedenti u s-sena fiskali kurrenti.

    L-Istat Membru għandu jagħti l-għajnuna de minimis ġdida taħt dan ir-Regolament biss wara li jkun ivverifika li dan ma jżidx l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lil impriża li tipprovdi servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali taħt dan ir-Regolament għal livell ogħla mil-limitu stipulat fl-Artikolu 2(2) u li r-regoli ta’ kumulazzjoni fl-Artikolu 2(6), (7) u (8) qed jiġu rispettati.

    2.   Meta Stat Membru jkun ħejja reġistru ċentrali ta’ għajnuna de minimis li jkun fih informazzjoni sħiħa dwar l-għajnuna kollha de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali minn kwalunkwe awtorità fi ħdan dak l-Istat Membru, l-ewwel sotto-paragrafu tal-paragrafu 1 ma japplikax aktar mill-mument li r-reġistru jkun ikopri perjodu ta’ tliet snin.

    3.   L-Istati Membri għandhom iżommu rekord u jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dawn ir-rekords għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jintwera li l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunu ġew osservati. Ir-rekords li jkollhom x’jaqsmu ma’ għajnuna de minimis individwali għandhom jinżammu għal perjodu ta’ 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna. Ir-rekords li jkollhom x'jaqsmu ma' skema ta' għajnuna de minimis għandhom jinżammu għal perjodu ta' 10 snin mid-data li fiha tkun ingħatat l-aħħar għajnuna individwali bit-tali iskema. B'talba bil-miktub, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, f'perjodu ta' 20 jum ta’ xogħol, jew tali perjodu itwal hekk kif jista' jiġi ffissat fit-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex tanalizza jekk il-kundizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikunux ġew imħarsa, u b’mod partikolari l-ammont totali tal-għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament jew taħt regolamenti de minimis oħra li tkun irċeviet xi impriża.

    Artikolu 4

    Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

    Dan ir-Regolament għandu japplika għal għajnuna de minimis mogħtija għall-provvista ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, sakemm din l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 1 u 2. Kwalunkwe għajnuna għall-forniment ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali li ma tikkonformax ma' dawn il-kundizzjonijiet għandha tiġi analizzata skont id-deċiżjonijiet, l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi rilevanti.

    Fl-aħħar tal-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe għajnuna de minimis li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tista’ tkun implimentata b’mod validu għal perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ validità

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tieliet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu jibqa’ japplika sal-31 ta’ Diċembru 2018.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ April 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.

    (2)  ĠU C 8, 11.1.2012, p. 23.

    (3)  ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5.

    (4)  ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3.

    (5)  Il-Kawża C-456/00 Repubblika Franċiża v Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [2002] I-11949.

    (6)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

    (7)  Il-Kawża C-280/00 Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg v Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH, u Oberbundesanwalt beim Bundesverwaltungsgericht [2003] Ġabra p. I-7747.

    (8)  ĠU C 8, 11.1.2012, p. 15.

    (9)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

    (10)  ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2.

    (11)  ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22.

    (12)  ĠU L 336, 21.12.2010, p. 24.


    Top