Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0355

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 355/2012 tal- 24 ta’ April 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 690/2008 li jirrikonoxxi żoni protetti esposti għal riskji partikolari għas-saħħa tal-pjanti fil-Komunità

    ĠU L 113, 25.4.2012, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/12/2019; Impliċitament imħassar minn 32019R2072

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/355/oj

    25.4.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 113/2


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 355/2012

    tal-24 ta’ April 2012

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 690/2008 li jirrikonoxxi żoni protetti esposti għal riskji partikolari għas-saħħa tal-pjanti fil-Komunità

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1)(h) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 (2) ċerti Stati Membri jew ċerti żoni fi Stati Membri ġew rikonoxxuti bħala żoni protetti fir-rigward ta’ ċerti organiżmi ta’ ħsara. F’ċerti każijiet ingħata rikonoxximent għal perjodu ta’ żmien limitat biex jippermetti lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex juri li l-organiżmi ta’ ħsara inkwistjoni ma kinux jeżistu fl-Istat Membru jew fiż-żona kkonċernata jew biex itemm l-isforzi biex jeqred l-organiżmu inkwistjoni.

    (2)

    It-territorju kollu ta’ Spanja, ħlief għall-komunità awtonoma ta’ Castilla y León, ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward ta’ Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al.. Spanja ressqet l-informazzjoni li tindika li l-komunità awtonoma ta’ Extremadura m’għandhiex tibqa’ rikonoxxuta bħala żona protetta għal dan l-organiżmu. Għaldaqstant, il-komunità awtonoma ta’ Extremadura m’għandhiex tibqa’ żona protetta fir-rigward ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara.

    (3)

    L-Irlanda u l-Litwanja, u ċerti reġjuni u partijiet ta’ reġjuni fl-Italja, is-Slovakkja u s-Slovenja ġew rikonoxxuti bħala żoni protetti fir-rigward ta’ Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al. sal-31 ta’ Marzu 2012.

    (4)

    Mill-informazzjoni li taw l-Irlanda, il-Litwanja, l-Italja u s-Slovenja dwar ir-riżultati ta’ stħarriġiet li saru fl-2010 u fl-2011, jidher li dawk iż-żoni protetti għandhom jiġu rikonoxxuti għal sentejn oħra biex dawk l-Istati Membri jingħataw iż-żmien meħtieġ biex iressqu l-informazzjoni li turi li Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al. mhix preżenti jew, fejn meħtieġ, biex jikkonkludu l-isforzi tagħhom ħalli jinqered dak l-organiżmu.

    (5)

    Mill-informazzjoni li tat is-Slovakkja dwar ir-riżultati ta’ stħarriġiet li saru fl-2010 u fl-2011, jidher li Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al. bħalissa hija stabbilita fid-distrett ta’ Dvory nad Žitavou (fil-kontea ta’ Nové Zámky), li huwa parti miż-żona protetta. Għalhekk dak id-distrett m’għandux jibqa’ jiġi rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara. Skont ir-riżultati ta’ dawk l-istħarriġiet, huwa xieraq li l-partijiet l-oħra tas-Slovakkja li qabel ġew rikonoxxuti bħala żoni protetti fir-rigward ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara, jibqgħu jkunu rikonoxxuti għal sentejn oħra sabiex is-Slovakkja tingħata ż-żmien meħtieġ biex tressaq l-informazzjoni li turi li Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al. mhix preżenti jew, fejn meħtieġ, biex jikkonkludu l-isforzi tagħhom ħalli jinqered dak l-organiżmu.

    (6)

    It-territorju kollu tal-Portugall, ħlief għal Madeira, ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tal-vajrus tas-Citrus tristeza (varjanti Ewropej). Il-Portugall ressaq l-informazzjoni li turi li l-vajrus tas-Citrus tristeza (varjanti Ewropej) infirex b’mod sinifikanti fir-reġjun ta’ Algarve fejn il-qerda tiegħu ma tistax tinkiseb iżjed, u talab it-tneħħija tal-istatus ta’ żona protetta għal din il-parti tat-territorju tiegħu. Għalhekk, ir-reġjun ta’ Algarve m’għandux jibqa’ jiġi rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara.

    (7)

    Ir-Regolament (KE) Nru 690/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (8)

    Ir-rikonoxximent attwali ta’ wħud minn dawn iż-żoni protetti jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2012. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ April 2012 sabiex jippermetti rikonoxximent mhux interrott taż-żoni protetti kollha.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 690/2008 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Il-Punt 2 tal-intestatura (b) huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Fit-tieni kolonna tal-ewwel inċiż, il-kelmiet “Spanja (ħlief il-komunità awtonoma ta’ Castilla y León)” jinbidlu bi “Spanja (ħlief il-komunitajiet awtonomi ta’ Castilla y León u Extremadura)”.

    (b)

    It-tieni kolonna tat-tieni inċiż tinbidel b’dan li ġej:

    “—

    u, sal-31 ta’ Marzu 2014, l-Irlanda, l-Italja (l-Apúlia, l-Emilia-Romagna (il-provinċji ta’ Parma u Piacenza), il-Lombardija (ħlief il-provinċja ta’ Mantua), il-Veneto (ħlief il-provinċji ta’ Rovigo u Venezja, id-distretti ta’ Castelbaldo, Barbona, Piacenza d’Adige, Vescovana, S. Urbano, Boara Pisani u Masi fil-provinċja ta’ Padova u ż-żona li qiegħda fuq in-naħa t’isfel tal-awtostrada A4 fil-provinċja ta’ Verona)), il-Litwanja, is-Slovenja (ħlief ir-reġjuni ta’ Gorenjska, Koroška, Maribor u Notranjska), is-Slovakkja (ħlief id-distretti ta’ Blahová, Horné Mýto u Okoč (il-kontea ta’ Dunajská Streda), Hronovce u Hronské Kľačany (il-kontea ta’ Levice), Dvory nad Žitavou (il-kontea ta’ Nové Zámky), Málinec (il-kontea ta’ Poltár), Hrhov (il-kontea ta’ Rožňava), Veľké Ripňany (il-kontea ta’ Topoľčany), Kazimír, Luhyňa, Malý Horeš, Svätuše u Zatín (il-kontea ta’ Trebišov))”.

    (2)

    Fit-tieni kolonna tal-Punt 3 tal-intestatura (d), il-kelmiet “il-Portugall (ħlief Madeira)” jinbidlu bi “il-Portugall (ħlief Algarve u Madeira)”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan għandu japplika mill-1 ta’ April 2012.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

    (2)  ĠU L 193, 22.7.2008, p. 1.


    Top