Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0153

    Regolament (UE) Nru 153/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Frar 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA)

    ĠU L 58, 29.2.2012, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/153/oj

    29.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 58/1


    REGOLAMENT (UE) Nru 153/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-15 ta' Frar 2012

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) (2) jipprovdi għal għajnuna lill-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali fl-allinjament progressiv tagħhom mal-istandards u l-politika tal-Unjoni, inkluż fejn xieraq, l-acquis, bil-ħsieb li dawn ikunu jistgħu jaslu għas-sħubija.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006 jagħmel distinzjoni ċara bejn pajjiżi kandidati u pajjiżi potenzjalment kandidati.

    (3)

    Il-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 laqa’ l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Islanda għas-sħubija fl-Unjoni, innota li l-Islanda laħqet il-kriterji politiċi stabbiliti fil-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen fl-1993 u ddeċieda li n-negozjati ta’ adeżjoni mal-Islanda għandhom jinfetħu. Għalhekk l-Islanda hi pajjiż kandidat.

    (4)

    Il-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2010 approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar it-tkabbir u qabel li jagħti lill-Montenegro l-istatus ta’ pajjiż kandidat.

    (5)

    Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tipproponi emenda fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1085/2006 bil-għan li jiġu ċċarati r-regoli rigward il-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti ta’ għotjiet iffinanzjati skont il-Komponent ta’ Kooperazzjoni Transkonfinali tal-IPA u tkun żġurata l-koerenza ma’ strumenti oħra ta’ għajnuna esterna, b’mod partikolari l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija.

    (6)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta (3) jaħtar il-kumitat kif provdut fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3906/89 tat-18 ta’ Diċembru 1989 dwar il-għajnuna ekonomika lil ċerti pajjiżi Ewropej Ċentrali u tal-Lvant (4) (il-“kumitat Phare”) biex jassisti lill-Kummissjoni fil-ġestjoni tal-assistenza għall-komunità Turko-Ċiprijotta. Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1085/2006, ir-Regolament (KEE) Nru 3906/89 ġie mħassar; madankollu, xorta jibqa’ japplika għal atti legali u impenji li jimplimentaw is-snin tal-baġit ta' qabel l-2007. Peress li r-Regolament (KE) Nru 389/2006 jibqa’ l-att bażiku għas-sostenn finanzjarju għall-komunità Turko-Ċiprijotta wara dawk is-snin tal-baġit, il-kumitat Phare għandu jitkompla wkoll għal dak il-għan.

    (7)

    Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006 għandu b'dan jiġi emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 19, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “9.   Il-paragrafi 1 sa 8 huma bla preġudizzju għall-parteċipazzjoni ta' kategoriji ta' organizzazzjonijiet eliġibbli skont in-natura jew il-lokalità tagħhom fir-rigward tal-objettivi tal-azzjoni.”;

    (2)

    fl-Artikolu 25(1), it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

    “Dawk ir-Regolamenti, kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 2666/2000, għandhom ikomplu japplikaw għal atti legali u impenji li jimplimentaw is-snin tal-baġit ta' qabel l-2007, u għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 31 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hi bbażata l-Unjoni Ewropea (*) u għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta (**).

    (*)  ĠU L 157, 21.6.2005, p. 203."

    (**)  ĠU L 65, 7.3.2006, p. 5.”;"

    (3)

    fl-Anness I, l-iskrizzjonijiet li ġejjin għandhom jiddaħħlu wara l-iskrizzjoni dwar il-Kroazja:

    “—

    Islanda

    Montenegro”;

    (4)

    fl-Anness II, l-iskrizzjonijiet li ġejjin huma mħassra:

    “—

    Islanda

    Montenegro”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Frar 2012.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    N. WAMMEN


    (1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Jannar 2012.

    (2)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.

    (3)  ĠU L 65, 7.3.2006, p. 5.

    (4)  ĠU L 375, 23.12.1989, p. 11. Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11 Volum 17 pp. 40-41.


    Top