Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0658

2012/658/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad- 9 ta’ Ottubru 2012 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

ĠU L 295, 25.10.2012, pp. 14–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/658/oj

25.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/14


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Ottubru 2012

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

(2012/658/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 3(9) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 2011/344/UE (2), il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u b'koordinazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), wettqet il-ħames analiżi tal-progress tal-awtoritajiet Portugiżi fl-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma taħt il-programm ta' aġġustament ekonomiku u finanzjarju ("il-Programm") kif ukoll tal-effettività u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom.

(2)

L-ibbilanċjar mill-ġdid tal-ekonomija Portugiża qiegħed iseħħ b’pass aktar mgħaġġel milli kien mistenni. It-tieni trimestru tal-2012 ġab miegħu kontrazzjoni sostanzjali minn trimestru għal ieħor fil-prodott domestiku gross (PDG) ta' 1,2 % wara li fl-ewwel trimestru ma kienx hemm ċaqliq. Kumplessivament għas-sena kollha kemm hi, ir-ritmu proġettat tar-reċessjoni ekonomika jibqa' l-istess, jiġifieri -3%. Id-defiċit tal-kont kurrenti qed jonqos aktar malajr milli antiċipat, hekk kif niżel għal 3 % tal-PDG fl-2012 minn kważi 10 % sa biss sentejn ilu. Dan l-aġġustament qiegħed iseħħ permezz ta' prestazzjoni tajba fl-esportazzjoni u tnaqqis rapidu fl-importazzjoni. Jekk inħarsu 'l quddiem, l-attività ekonomika se tkun affettwata minn stimolu dejjem jonqos mid-domanda esterna u l-impatt ta' konsolidazzjoni baġitarja ulterjuri. B'konsegwenza, it-tkabbir tal-PDG ġie rivedut 'l isfel b'punt perċentwali kemm fl-2013 kif ukoll fl-2014 għal madwar -1 u +1 %, rispettivament.

(3)

Minkejja l-implimentazzjoni rigoruża tal-baġit mil-lat tan-nefqa, id-dejta sa Lulju tindika diskrepanza baġitarja ta' 1¾ % tal-PDG fl-2012 meta mqabbel mal-pjanijiet tal-baġit. Filwaqt li l-aġġustament, aktar mgħaġġel milli kien ipproġettat, mid-domanda domestika għal esportazzjonijiet huwa tajjeb, dan għandu impatt fuq l-eżekuzzjoni baġitarja f'żewġ modi. L-ewwel, setturi domestiċi intensivi mil-lat ta' impjiegi, bħall-kostruzzjoni, huma l-aktar affettwati negattivament u l-qgħad ogħla li jirriżulta huwa ta' piż fuq il-baġits tas-sigurtà soċjali. It-tieni, l-intensità fiskali tal-produzzjoni u l-konsum qed tonqos, u dan iwassal għal tnaqqis notevoli fid-dħul. L-effett tal-kompożizzjoni tat-tkabbir fuq id-dħul huwa kompost b'ċaqliq bejn il-kategoriji minn oġġetti intaxxati aktar bħal oġġetti għall-konsum li jservu fit-tul lejn dawk intaxxati inqas bħall-oġġetti għall-konsum ta' kuljum. Minbarra dan, id-dgħufija fit-tassazzjoni diretta hija mħarxa b'ċaqliq negattiv fil-kategoriji ntaxxati hekk kif introjti aktar baxxi huma ntaxxati b'rati aktar baxxi u d-dħul mit-taxxi fuq il-profitti jonqos. B'kuntrast ma' dan, kumplessivament, in-nefqa żviluppat skont il-pjanijiet, b'iffrankar akbar milli kien ibbaġitjat fuq kumpensi għall-impjegati. L-implimentazzjoni baġitarji qiegħda wkoll tgawdi minn ħlasijiet fuq interessi aktar baxxi milli kien mistenni u r-riprogrammar tal-Fondi Strutturali Ewrropej. Għalkemm għadd ta’ fatturi ta’ darba jistgħu jnaqqsu d-diskrepanza għal madwar ¾ % tal-PDG fl-2012, xorta jibqa' riport kbir fl-2013 u fl-2014 ta' approssimattivament 1½ % tal-PDG, li minħabba fih ma jistgħux jinkisbu l-miri tal-programm fiskali għall-perjodu 2012-2014.

(4)

Fid-dawl ta' telf kbir fid-dħul u ta' prospettiva ta' tkabbir inqas intens, il-miri tad-defiċit ġew aġġustati għal 5,0 % tal-PDG fl-2012, 4,5 % tal-PDG fl-2013 u 2,5 % tal-PDG fl-2014. Hekk kif id-diskrepanza fiskali hija vvalutata bħala li hija essenzjalment lil hinn mill-kontroll tal-gvern jidher li huwa xieraq li jkun hemm reviżjoni tal-miri biex tiġi akkommodata parti mid-differenza negattiva. Anke taħt il-miri riveduti jinħtieġu sforzi sinifikanti ta' konsolidazzjoni ta' 3 % u 1¾ % tal-PDG fl-2013 u l-2014 rispettivament. Sabiex tinżamm il-kredibbiltà tal-Programm huwa ġġustifikat li tiġi antiċipata parti mill-aġġustament.

(5)

Sensiela ta' miżuri stutturali ta' nfiq u dħul jsejsu l-miri fiskali riveduti. Miżuri tal-valur ta’ ¼% tal-PDG għad iridu jittieħdu fl-2012 biex tintlaħaq il-mira ta' 5 % tal-PDG. Dan jinkludi, inter alia, iffriżar tal-infiq u antiċipazzjoni ta' xi miżuri ppjanati għall-2013. Għall-2013, miżuri ta' konsolidazzjoni li jammontaw għal 3 % tal-PDG għandhom jiġu inkorporati fil-baġit biex tintlaħaq il-mira ta' 4.5 % tal-PDG. Dawn jinkludu tnaqqis ulterjuri fil-kont tal-pagi prinċiparjament permezz tat-tnaqqis tan-numru ta' impjegati pubbliċi, tnaqqis fil-konsum intermedju, tnaqqis fit-trasferimenti soċjali, aktar razzjonalizzazzjoni fis-settur tas-saħħa, inqas infiq fuq il-formazzjoni kapitali, kif ukoll żidiet fid-dħul miksuba permezz ta' riforma tat-taxxa fuq l-introjtu personali b'simplifikazzjoni tal-istruttura tat-taxxa, twessigħ tal-bażi billi jiġu eliminati ċerti benefiċċji fuq it-taxxi, tiżdied ir-rata medja tat-taxxa filwaqt li titjieb il-progressività, titwessa' l-bażi għat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv billi tiġi eliminata d-deduċibbiltà, jiġu miżjuda t-taxxi fuq is-sisa u tinbidel it-tassazzjoni fuq il-proprjetà. Għall-2014, bdiet reviżjoni komprensiva tan-nefqa bil-ħsieb li jkun identifikat tnaqqis fl-infiq (ta’ EUR 4 biljun fuq sentjen) biex jintlaħaq defiċit baġitarju ta' 2,5% tal-PDG.

(6)

Qed jiġu stabbiliti strumenti li jikkontrollaw l-ispejjeż tal-gvern. Is-sistema ġdida ta' kontroll tal-impenji qed tkun implimentata iżda jinħtieġ li tiġi żgurata konformità sħiħa sabiex tiġi evitata aktar akkumulazzjoni ta' arretrati ġodda. Għandha titnaqqas il-frammentazzjoni baġitarja u qegħdin jiġu indirizzati fuq firxa wiesgħa ineffiċjenzi li qed jiswew il-flus. Dan jinkludi t-trażżin ta' telf minn intrapriżi ta' propjetà tal-istat (SOEs), negozjar mill-ġdid ta' sħubijiet pubbliċi privati (PPP) u sforz favur aktar iffrankar fis-settur tas-saħħa.

(7)

Skont it-tbassir attwali tal-Kummissjoni għat-tkabbir nominali tal-PDG (-1,0 % fl-2011, -2,7 % fl-2012, 0,3 % fl-2013 u 2,2 % fl-2014) u l-miri fiskali riveduti, it-triq għall-proporzjon tad-dejn mal-PDG huwa mistenni li jkun kif ġej: 107,8 % fl-2011, 119,1 % fl-2012, 123.7 % fl-2013 u 123.6 % fl-2014. Għalhekk fl-2014 il-proporzjon tad-dejn mal-PDG ikun stabbilizzat għal taħt il-124 % u jitqiegħed fuq perkors biex ikompli jonqos, dejjem jekk ikun hemm progress ulterjuri fit-tnaqqsis tad-defiċit. Id-dinamiċi tad-dejn huma affetwati minn diversi operazzjonijiet barra mill-baġit, inkluż akkwiżizzjonijiet imdaqqsa ta' assi finanzjarji, b'mod partikolari għall-possibbiltà tar-rikapitalizzazzjoni bankarja u l-finanzjament tal-SOEs u d-differenzi bejn il-pagamenti ta' imgħax dovuti u mħallsa.

(8)

Il-kundizzjonijiet tal-likwidità u s-solvenza tas-sistema bankarja tjiebu mir-raba’ analiżi, li jirreflettu d-diżingranaġġ li għaddej bħalissa, l-appoġġ eċċezzjonali ta' likwidità pprovduta mill-Ewrosistema, u żieda kapitali li tammonta għal aktar minn EUR 7 biljun. Il-banek ppreżentaw il-pjanijiet aġġornati tagħhom ta' finanzjament u kapital (ir-raba' edizzjoni). Minkejja tkabbir anqas ottimist fid-depożiti, il-banek kollha jipprevedu li jilħqu l-mira indikattiva ta' self għal depożitu ta' 120 % sal-2014. Kollox ma’ kollox, l-implimentazzjoni tal-Memorandum ta' Qbil dwar il-Kundizzjonalità Speċifika tal-Politika Ekonomika ("il-Memorandum ta' Qbil") dwar is-settur finanzjarju qed tipproċedi skont l-għanijiet previsti biex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja. Għadhom meħtieġa sforzi f’xi banek biex jilħqu l-mira tal-aħħar tas-sena għall-2012,, tal-Banco de Portugal ta' Core Tier 1 ratio ta'10 %.

(9)

Il-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi biex jiżdiedu l-kompetittività, l-impjiegi u l-potenzjal ta' tkabbir huwa ġeneralment sodisfaċenti. Il-Kodiċi tax-Xogħol rivedut daħal fis-seħħ f’Awwissu 2012. Aktar riformi importanti fil-qasam ta’ pagamenti relatati mas-sensji u n-negozjar kollettiv huma ppjanati sa tmiem Settembru 2012. Dan l-aħħar il-Gvern Portugiż adotta għadd ta' politiki attivi għas-suq tax-xogħol bl-għan li jtejbu l-funzjonament tas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi, jappoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi, isaħħu l-attivazzjoni u joffru opportunitajiet ta' taħriġ aktar effettivi. Ir-riformi fil-ġudikatura fl-oqsma tal-proċedura ċivili u l-organizzazzjoni tal-qrati, li se jħaffu l-litigazzjoni ċivili u kummerċjali u jiżblokkaw is-sistema tal-qrati, qegħdin javvanzaw sew. Ittieħdu passi biex jitjeb il-qafas għar-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali bl-adozzjoni ta' emendi għal-liġi li tittrasponi d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (3) u bl-adozzjoni, min-naħa tal-Gvern Portugiż, ta' proposta ta' liġi mmirata għat-titjib tal-funzjonament ta' professjonijiet rregolati ħafna. Il-ħidma fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (4) wkoll avvanzat b'pass tajjeb fir-rigward ta' leġiżlazzjoni speċifika għas-setturi bl-adozzjoni, li mistennija ssir sal-aħħar tal-2012, tal-emendi leġiżlattivi neċessarji li jifdal speċifiċi għas-setturi. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv huma essenzjali sforzi ulterjuri fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva ta' Ebda Awtorizzazzjoni u t-twaqqif ta' Punt ta' Kuntatt Uniku previst mid-Direttiva 2006/123/KE. Bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi għall-impriżi żgħar u medji (SMEs), il-Gvern Portugiż huwa impenjat li jadotta, jekk meħtieġ, għadd ta' inizjattivi addizzjonali, inklużi mekkaniżmi li jsaħħu l-orjentazzjoni lejn l-esportazzjoni tal-SMEs.

(10)

Abbażi tar-rapport indipendenti dwar l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ewlenin, il-Portugall se jħejji liġi qafas li tipproteġi l-interess pubbliku u tippromwovi l-effiċjenza tas-suq. Il-liġi qafas għandha tiggarantixxi l-indipendenza u l-awtonomija finanzjarja, amministrattiva u ta' ġestjoni tar-regolatur sabiex jeżerċita r-responsabbiltajiet tiegħu b'konformità sħiħa mal-liġi tal-Unjoni. Il-liġi qafas għandha wkoll tikkontribwixxi lejn l-effettività tal-Awtorità dwar il-Kompetizzjoni fl-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni, biex b'hekk tappoġġa u tikkomplementa l-effett tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni adottata dan l-aħħar.

(11)

Il-ħames aġġornament tal-Memorandum ta’ Qbil jinkludi taqsima sħiħa dwar il-promozzjoni ta' ambjent tal-għoti ta' liċenzji li jiffavorixxi n-negozju li tipprovdi kalendarju aktar dettaljat u stadji ewlenin speċifiċi fir-reviżjoni ta' xi reġimi legali importanti bħalma huma l-ippjanar ambjentali u territorjali, liċenzjar industrijali, kummerċjali u turiżtiku.

(12)

Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi, id-Deċiżjoni ta' Imlimentazzjoni 2011/344/UE għandha tiġi emendata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE huwa b'dan emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

“3.   Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ma għandux jaqbeż il-5,9 % tal-PDG fl-2011, 5,0 % tal-PDG fl-2012, 4,5 % tal-PDG fl-2013 u 2,5 % tal-PDG fl-2014 skont ir-rekwiżiti tal-proċedura riveduta ta’ defiċit eċċessiv. Għall-kalkolu ta’ dan id-defiċit, ma għandhomx jiġu kkunsidrati l-ispejjeż baġitarji possibbli tal-miżuri ta’ appoġġ għall-banek fil-kuntest tal-istrateġija tas-settur finanzjarju tal-Gvern Portugiż. Il-konsolidazzjoni għandha tinkiseb permezz ta’ miżuri permanenti ta’ kwalità għolja u minimizzazzjoni tal-impatt tal-konsolidazzjoni fuq gruppi vulnerabbli.

4.   Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri speċifikati fil-paragrafi 5 sa 8 qabel tmiem is-sena indikata, u d-dati ta’ skadenza preċiżi għas-snin 2011-2014 għandhom ikunu speċifikati fil-Memorandum ta’ Qbil. Il-Portugall għandu jkun lest li jieħu miżuri addizzjonali ta' konsolidazzjoni biex inaqqas id-defiċit taħt 3 % tal-PDG sal-2014 f'każ ta' devjazzjonijet mill-miri.”

(2)

il-paragrafi 6 sa 9 huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

“6.   Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2012, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil:

(a)

id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ma għandux jaqbeż il-5,0 % tal-PDG fl-2012. Il-Portugall għandu jkompli jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi fiskali u jimplimenta aktar aġġustamenti ta' politika biex tintlaħaq il-mira tal-2012. Għal dan il-għan, il-Portugall għandu jiffriża xi approprjazzjonijiet baġitarji tal-2012 għal proġetti ta' investiment li għadhom ma bdewx; iżid it-taxxi tal-bolla fuq proprjetajiet ta’ valur għoli; iżid ir-rati tat-taxxa fuq l-introjtu mill-investimenti; jantiċipa wħud mill-miżuri baġitarji tal-2013 li jaffettwaw il-benefiċċji soċjali; jimplimenta miżuri addizzjonali li jiġġeneraw iffrankar fil-konsum intermedju u li jdaħħlu dħul ieħor sabiex tiġi żgurata l-mira tad-defiċit għall-2012.

(b)

il-Portugall għandu jimmira li jnaqqas in-nefqa fl-2012 b'mill-inqas EUR 6,8 biljun, inkluż billi jnaqqas il-pagi u l-impjiegi fis-settur pubbliku; inaqqas il-pensjonijiet; iwettaq organizzazzjoni mill-ġdid komprensiva tal-amministrazzjoni ċentrali, jelimina l-ħela u ineffiċjenzi oħra; inaqqas it-trasferimenti lejn SOEs; jorganizza mill-ġdid u jnaqqas l-għadd ta’ muniċipalitajiet u parroċċi; inaqqas l-infieq fl-edukazzjoni u s-saħħa; inaqqas it-trasferimenti lejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali; u jnaqqas in-nefqa kapitali u infiq ieħor kif stabbilit fil-Programm;

(c)

mil-lat tad-dħul, il-Portugall għandu jimplimenta miżuri ta’ dħul li jammontaw, mill-inqas, għal total ta’ EUR 3 biljun, inkluż billi jitwessgħu l-bażijiet tal-VAT permezz tat-tnaqqis tal-eżenzjonijiet u l-arranġament mill-ġdid tal-listi ta’ prodotti u servizzi soġġetti għal rati mnaqqsa, intermedji u ogħla; żieda fit-taxxi tas-sisa; twessigħ tal-bażijiet għat-taxxa korporattiva u dik fuq l-introjtu personali billi jonqsu t-tnaqqis fit-taxxi u r-reġimi speċjali; tiġi żgurata l-konverġenza tat-tnaqqis fit-taxxa fuq l-introjtu personali applikata għal introjtu minn pensjonijiet u mix-xogħol; u tibdiliet fit-tassazzjoni tal-proprjetà billi l-eżenzjonijiet jitnaqqsu b’mod sostanzjali. Dawn il-miżuri għandhom jiġu kkomplementati minn azzjoni ta’ ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, frodi u informalità;

(d)

il-Portugall għandu jkompli jadotta miżuri biex isaħħaħ l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri previsti fil-Liġi Qafas Baġitarja l-ġdida, inkluż it-twaqqif ta’ qafas baġitarju fuq terminu medju. L-oqfsa baġitarji lokali u reġjonali għandhom jissaħħu b’mod konsiderevoli, b’mod partikolari billi l-liġijiet finanzjarji rispettivi jiġu allinjati mar-rekwiżiti tal-Liġi Qafas Baġitarja. Il-Portugall għandu jżid ir-rapportar u l-monitoraġġ tal-finanzi pubbliċi u jsaħħaħ ir-regoli u l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni baġitarja. Il-Gvern Portugiż għandu japplika l-istrateġija għall-validazzjoni u s-saldu ta' arretrati u jħaffef l-implimentazzjoni tal-liġi ta' kontroll tal-impenji biex jiġi evitat il-ħolqien ta' arretrati ġodda. Il-Portugall għandu jimplimenta l-qafas legali u istituzzjonali l-ġdid tas-sħubijiet pubbliċi privati (PPPs). Ebda PPP ma għandha tiġi varata sakemm il-qafas il-ġdid ikun effettiv bis-sħiħ. Abbażi ta' studju mħejji minn ditta internazzjonali tal-awditjar, il-Portugall għandu jiżviluppa pjan strateġiku dettaljat, f'konformità sħiħa mal-liġi tal-Unjoni applikabbli inkluża l-liġi dwar l-akkwist pubbliku, bil-għan li jikseb gwadanji fiskali sostanzjali, filwaqt li jimminimizza l-piż tad-dejn u jiżgura tnaqqis sostenibbli fl-obbligazzjonijiet tal-gvern. Il-Portugall għandu jadotta liġi li tirregola l-ħolqien u l-funzjonament tal-SOEs fil-livelli ċentrali, reġjonali u lokali;

(e)

il-Portugall għandu japplika l-leġiżlazzjoni ġdida biex jorganizza mill-ġdid u jnaqqas konsiderevolment l-għadd ta' entitajiet tal-gvern lokali. Dawn il-bidliet għandhom jidħlu fis-seħħ sal-bidu taċ-ċiklu tal-elezzjonijiet lokali li jmiss. Barra minn hekk, il-Portugall għandu jsaħħaħ l-isforzi għar-razzjonalizzazzjoni tas-settur pubbliku billi jnaqqas l-entitajiet u jtejjeb il-kondiviżjoni tal-kompiti fil-livelli kollha tal-gvern;

(f)

il-Portugall għandu jwettaq riforma aktar profonda tal-amministrazzjoni tad-dħul billi jirrinforza r-rabtiet bejn l-Autoridade Tributária e Aduaneira u l-unitajiet tal-ġbir tad-dħul tas-Sigurtà Soċjali, inaqqas l-għadd ta' uffiċċji muniċipali u jindirizza l-ostakli li jifdal fis-sistema tal-appell tat-taxxa;

(g)

il-Portugall għandu jimplimenta l-arranġament finanzjarju mar-RAM.

(h)

il-Portugall għandu jadotta miżuri biex itejjeb l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-SOEs fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali. Il-Portugall għandu jesplora opzjonijiet sabiex jiġġestixxi l-piż kbir tad-dejn tal-SOEs, inkluż Parpública, u biex jiżgura kundizzjonijiet imtejba għal finanzjament mis-suq. Il-Portugall għandu jimmira li jilħaq bilanċ operazzjonali fil-livell tas-setturi sa tmiem l-2012;

(i)

il-Portugall għandu jkompli jimplimenta l-programm ta' privatizzazzjoni. Il-bejgħ dirett ta' Caixa Seguros, il-fergħa tal-assigurazzjoni tal-Caixa Geral de Depòsitos (CGD), jinsab għaddej;

(j)

il-Gvern Portugiż għandu jippreżenta abbozz ta’ leġiżlazzjoni lill-Parlament Portugiż sabiex jallinja l-pagamenti tat-terminazzjoni tal-impjieg mal-medja tal-Unjoni ta’ 8-12-il jum għal kull sena xogħol u sabiex joħloq fond ta’ kumpens għall-pagamenti tat-terminazzjoni tal-impjieg;

(k)

il-Portugall għandu jippromwovi żviluppi fil-pagi li jkunu konsistenti mal-għanijiet ta’ trawwim tal-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib fil-kompetittività tal-kumpaniji bil-għan li jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi. Matul il-perjodu tal-Programm, kwalunkwe żieda fil-pagi minimi għandha ssir biss jekk din tkun ġustifikata mill-iżviluppi ekonomiċi u tas-suq tax-xogħol. Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet fl-iskemi ta’ negozjar tal-pagi attwali, inkluża leġiżlazzjoni li tiddefinixxi mill-ġdid il-kriterji u l-modalitajiet tal-estensjoni tal-ftehimiet kollettivi u biex jiġu faċilitati l-ftehimiet fil-livell tal-impriżi. Sadanittant, il-ftehimiet kollettivi ma għandhomx jiġu estiżi;

(l)

il-Portugall għandu jkompli jtejjeb l-effettività ta’ politiki attivi tiegħu għas-suq tax-xogħol f'konformità mar-riżultati tar-rapport ta' valutazzjoni u tal-pjan ta' azzjoni biex jittejjeb il-funzjonament tas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi;

(m)

il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni tiegħu biex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni sekondarja u vokazzjonali u t-taħriġ;

(n)

il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja għandu jittejjeb billi jiġu implimentati l-miżuri proposti taħt il-Pjan Direzzjonali tar-Riforma Ġudizzjarja u bl-applikazzjoni ta’ miżuri mmirati biex progressivament jiġi eliminat ix-xogħol b’lura fil-qrati u biex jitrawmu soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim;

(o)

il-Portugall għandu jkompli jiftaħ l-ekonomija tiegħu għall-kompetizzjoni. Il-Gvern Portuġiż għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li ma jinħolqux ostakli għall-moviment liberu tal-kapital permezz tal-azzjoni tiegħu u, b'mod partikolari, sabiex l-Istat Portugiż jew kwalunkwe entità pubblika ma jikkonkludux, bħala azzjonisti, ftehimiet li jistgħu jfixklu l-moviment liberu tal-kapital jew jinfluwenzaw il-kontroll tal-ġestjoni tal-kumpaniji. Il-funzjonament tas-servizzi professjonali għandu jitrawwem billi jitjieb il-qafas għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u billi jiġu eliminati restrizzjonijiet bla bżonn għall-professjonijiet regolati. Fir-rigward tal-attivitajiet ta' kostruzzjoni u dawk immobiljari, il-Portugall għandu jtaffi r-rekwiżiti għal fornituri transfruntieri filwaqt li janalizza l-ostakli għall-istabbiliment tal-fornituri tas-servizzi;

(p)

għandhom jitjiebu l-qafas tal-kompetizzjoni u dak regolatorju. Il-Portugall għandu jsaħħaħ l-indipendenza, l-awtonomija u l-governanza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali prinċipali; jimplimenta l-Liġi dwar il-Kompetizzjoni bil-għan li jtejjeb il-veloċità u l-effettività tal-infurzar tar-regoli dwar il-kompetizzjoni; u jimmonitorja l-influss ta' każijiet ġodda u jirapporta dwar il-funzjonament tal-qorti speċjalizzata għall-kompetizzjoni, ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni;

(q)

fis-settur tal-enerġija, il-Portugall għandu jieħu miżuri biex jiffaċilita d-dħul fis-suq u jippromwovi l-istabbiliment tas-suq tal-gass Iberjan u għandu jieħu passi ulterjuri lejn traspożizzjoni sħiħa tat-tielet Pakkett dwar l-Enerġija tal-UE. Biex jiġu żgurati l-indipendenza, l-awtonomija u s-setgħat tal-awtorità regolatorja nazzjonali previsti fit-Tielet Pakkett tal-UE dwar l-Enerġija, il-Portugall għandu jadotta l-bylaws ġodda tar-regolaturi, kif miftiehem f'Lulju 2012 mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI sat-tielet trimestru tal-2012, u għandu jiżgura li jkunu effettivi qabel l-aħħar tas-sena 2012 fil-ħin għal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku u l-gass. Il-Portugall għandu jieħu miżuri sabiex jirrevedi l-iskemi ta' appoġġ u ta' kumpens għall-produzzjoni tal-elettriku. Il-Portugall għandu jieħu miżuri sabiex inaqqas kirjiet eċċessivi u jelimina d-dejn tariffarju sal-2020, filwaqt li jiffoka fuq skemi ta' kumpens għall-garanzija tal-enerġija, ir-reġimi speċjali (tipi ta' enerġija rinnovvabli - esklużi dawk mgħotija permezz ta' mekkaniżmi tal-offerti - u koġenerazzjoni), kif ukoll ir-reġim ordinarju (“CMECs” u “CAEs”);

(r)

f'industriji oħra tan-netwerk, b’mod partikolari s-servizzi tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni u l-posta, il-Portugall għandu jadotta miżuri addizzjonali biex jippromwovi l-kompetizzjoni u l-flessibilità;

(s)

il-Portugall għandu jadotta għadd ta’ miżuri bl-għan li jżid l-effiċjenza tal-iskemi tal-liċenzji għall-ippjanar territorjali, liċenzji industrijali u kummerċjali u dawk għat-turiżmu. Barra minn hekk, il-Gvern Portugiż għandu janalizza u jħaffef l-applikazzjonijiet għal-liċenzji għall-proġetti ta' investiment ppjanati li baqgħu ma ssolvewx jew ma ġewx deċiżi wara aktar minn 12-il xahar;

(t)

il-Portugall għandu jipprepara pjan ta' azzjoni b'miżuri biex jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament u għas-swieq tal-esportazzjoni għall-kumpaniji, b'mod partikolari għall-SMEs.

7.   Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2013, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil:

(a)

id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ma għandux jaqbeż l-4,5 % tal-PDG fl-2013. Il-baġit tal-2013 għandu jinkludi miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali permanenti li jammontaw għal tal-anqas 3 % tal-PDG bil-għan li jitnaqqas id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fi ħdan il-perjodu ta’ żmien stipulat fil-paragrafu 3. Il-Gvern Portugiż għandu jesplora modi kif iżid il-propozjon tat-tnaqqis tan-nefqa fil-pakkett kumplessiv ta' konsolidazzjoni għall-2013 sabiex ikun żgurat aġġustament fiskali li jiffavorixxi t-tkabbir fuq terminu medju ta' żmien li jxaqleb lejn in-naħa tan-nefqa. Il-Gvern Portugiż għandu juża miżuri ta' kontinġenza matul l-2013 f'każ ta' xi devjazzjonijiet fid-dawl ta' riskji possibbli ta' implimentazzjoni;

(b)

il-baġit 2013 għandu jinkludi miżuri ta' dħul bħar-riforma tat-taxxa fuq l-introjtu personali permezz tas-simplifikazzjoni tal-istruttura tat-taxxa, it-twessigħ tal-bażi permezz tal-eliminazzjoni ta' ċerti benefiċċji fuq it-taxxi u ż-żieda fir-rata tat-taxxa medja filwaqt li tiżdied il-progressività, titwessa' l-bażi għat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv, tiżdied ir-rata tat-taxxa fuq l-introjtu mill-investiment; jogħlew it-taxxi tas-sisa u jiġi introdott tibdil fit-tassazzjoni fuq il-proprjetà;

(c)

mil-lat tan-nefqa, il-baġit tal-2013 għandu jidentifika miżuri bħal tnaqqis fin-nefqa fl-amministrazzjoni ċentrali, fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fil-benefiċċji soċjali; razzjonalizzazzjoni tat-trasferimenti soċjali pubbliċi u privati u tas-sussidji; tnaqqis fit-trasferimenti lejn awtoritajiet lokali u reġjonali; tnaqqis fin-nefqa fuq pagi billi jitnaqqas il-persunal permanenti u dak temporanju u jonqos il-ħlas tas-sahra; u nefqa operazzjonali u kapitali aktar baxxa mill-SOEs;

(d)

il-Portugall għandu jikkompleta l-eliminazzjoni tax-xogħol b'lura fil-qrati;

(e)

il-Portugall għandu jtejjeb l-ambjent tan-negozju billi jnaqqas il-piż amministrattiv permezz tal-estensjoni tar-riformi ta’ simplifikazzjoni (Punti ta’ Kuntatt Uniku – (PSC) - u proġetti li ma jesiġu l-ebda awtorizzazzjoni) għas-setturi kollha tal-ekonomija. B'mod partikolari, il-Portugall għandu jadatta l-kontenut u l-informazzjoni disponibbli fil-PSC biex jiżgura konformità mad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (*1) u mad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (*2). Il-Portugall għandu jtaffi r-restrizzjonijiet fuq il-kreditu tal-SMEs, anki permezz tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (*3).

(f)

il-Portugall għandu jadatta l-kontenut u l-informazzjoni disponibbli fil-PSC fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-44 settur speċifiku li kienu emendati sabiex jassigura l-konformità mad-Direttiva 2006/123/KE, u għandu jadatta l-kontenut u l-informazzjoni disponibbli fil-PSC fir-rigward tar-regoli applikabbli għat-13-il settur speċifiku li kienu emendati sabiex jassigura l-konformità mad-Direttiva 2005/36/KE.

(g)

il-Portugall għandu jkompli jimplimenta l-programm ta’ privatizzazzjoni tiegħu, li għandu jiġi estiż biex jinkludi kumpaniji u assi addizzjonali ma' dawk identifikati fil-Memorandum ta' Qbil għall-bejgħ jew konċessjoni f’2013.

8.   Id-defiċit ġenerali tal-amministrazzjoni pubblika ma għandux jaqbeż it-2,5 % tal-PDG fl-2014. Biex jintlaħaq dan l-objettiv, il-Portugall għandu japplika pjan li jnaqqas bir-reqqa n-nefqa li jammonta għal madwar EUR 4 biljun matul il-perjodu bejn l-2014 u l-2015. Għandha titwettaq analiżi komprensiva tan-nefqa biex jiġu speċifikati bis-sħiħ is-sorsi addizzjonali ta' ffrankar għas-sitt analiżi u l-miżuri għandhom ikunu speċifikati bis-sħiħ sa Frar 2013. Il-pjanijiet ta' konsolidazzjoni fiskali għall-2014-2015 għandhom jiġu ddefiniti bis-sħiħ fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2013.

9.   Bil-għan li tiġi restawrata l-fiduċja fis-settur finanzjarju, il-Portugall għandu jimmirra li jżomm livell adegwat taż kapital fis-settur bankarju tiegħu u jiżgura proċess ta’ diżingranaġġ b’mod ordinat. F’dak ir-rigward, il-Portugall għandu jimplimenta l-istrateġija għas-settur bankarju Portugiż kif miftiehem mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI biex tiġi mħarsa l-istabbiltà finanzjarja. B'mod partikolari, il-Portugall għandu:

(a)

jagħti pariri lill-banek biex jissaħħu l-bafers kollaterali tagħhom fuq bażi sostenibbli;

(b)

jiżgura li l-banek jilħqu l-mira tal-Programm tal-proporzjon tal-Grad 1 ta' 10 % mhux aktar tard minn tmiem l-2012;

(c)

jiżgura diżingranaġġ ibbilanċjat u ordinat tas-settur bankarju, li jibqa’ kritiku għall-eliminazzjoni permanenti ta’ żbilanċi fil-finanzjamenti. Il-pjanijiet ta’ finanzjament tal-banek għandhom l-għan li jnaqqsu l-proporzjon tas-self mad-depożiti għal valur indikattiv ta' madwar 120 % fl-2014 u li jnaqqsu d-dipendenza fuq il-finanzjament mill-Eurosistema fuq terminu medju. Dawk il-pjanijiet ta’ finanzjament għandhom jiġu riveduti kull tliet xhur;

(d)

ikompli jirrazzjonalizza l-CGD tal-istat;

(e)

jottimizza l-proċess għall-irkupru tal-assi ttrasferiti mill-BPN għat-tliet vetturi bi skop speċjali tal-Istat permezz tal-esternalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-assi lil parti terza professjonali, b'mandat li gradwalment tirkupra l-assi maż-żmien. Il-gvern Portugiż għandu jagħżel il-parti li timmaniġġja l-assi permezz ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti u fil-mandat għandu jinkludi inċentivi adegwati biex jimmassimizza l-irkupri u jimminimizza l-ispejjeż operazzjonali. Il-Gvern Portugiż għandu jiżgura t-trasferiment f'waqtu tas-sussidjarji u l-assi fiż-żewġ vetturi bi skop speċjali l-oħra tal-istat;

(f)

abbażi tas-sett ta’ proposti preliminari li jinkoraġġixxu d-diversifikazzjoni tal-alternattivi ta' finanzjamenti għas-settur korporattiv li ġew ippreżentati, għandu jiżviluppa u jevalwa l-opzjonijiet differenti mressqa bil-ħsieb li jiġu stabbiliti l-prijoritajiet. Il-Gvern Portugiż gġandu jivvaluta l-effettività ta' skemi ta' assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni sponsorjata mill-gvern kompatibbli mal-Unjoni bil-ħsieb li jieħu miżuri xierqa li jippromwovu l-esportazzjonijiet;

(g)

jiżgura l-arranġamenti ta' finanzjament inizjali u perjodiku għall-Fond ta' Riżoluzzjoni f'żewġ stadji – l-ewwel bl-approvazjoni ta' liġi ta' digriet dwar il-kontribuzzjonijiet tal-banek lill-Fond ta' Riżoluzzjoni sa Novembru 2012, u it-tieni bl-approvazzjoni ta' avviż superviżorju dwar il-kontribuzzjonijiet perjodiċi speċifiċi mill-banek xahar wara, jadotta avviżi superviżorji dwar il-pjanijiet tal-irkupru sa tmiem Ottubru 2012; jadotta r-regolament dwar pjanijiet ta' riżoluzzjoni sa tmiem Novembru 2012; u jadotta r-regoli applikabbli għat-twaqqif u l-operat ta’ banek tranżitorji skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni sa tmiem Ottubru 2012. Għandha tingħata prijorità lill-analiżi tal-pjanijiet tal-irkupru u ta' riżoluzzjoni sussegwenti tal-banek li huma ta’ importanza sistemika;

(h)

jistabbilixxi qafas biex l-istituzzjonijiet finanzjarji jwettqu ristrutturar tad-dejn barra l-qorti għall-unitajiet domestiċi u l-SMEs u jimplimenta pjan ta' azzjoni għas-sensibilizzazzjoni pubblika dwar l-għodda ta' ristrutturar.

(*1)   ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36."

(*2)   ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22."

(*3)   ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.”;"

(3)

Jiżdied il-paragrafu li ġej:

“10.   Sabiex tiżgura l-implimentazzjoni mingħajr intoppi tal-kundizzjonalità tal-Programm, u sabiex tgħin fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi b’mod sostenibbli, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza u gwida kontinwi dwar ir-riformi fiskali, kif ukoll dawk tas-suq finanzjarju u strutturali. Fi ħdan il-qafas tal-assistenza li għandha tingħata lill-Portugall, flimkien mal-FMI u b'koordinazzjoni mal-BĊE, il-Kummissjoni għandha tanalizza b’mod perjodiku l-effettività u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri miftiehma, u għandhom jiġu rrakkomandati l-korrezzjonijiet meħtieġa bil-għan li jissaħħaħ it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, tiġi żgurata l-konsolidazzjoni fiskali meħtieġa u jiġu minimizzati l-impatti soċjali negattivi, b’mod partikolari fuq l-aktar partijiet vulnerabbli tas-soċjetà Portugiża.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. MAVROYIANNIS


(1)   ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

(2)   ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88.

(3)   ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

(4)   ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.


Top