Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0693

Regolament (UE) Nru 693/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta’ Lulju 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar

ĠU L 192, 22.7.2011, p. 33–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32014R0508

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/693/oj

22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 192/33


REGOLAMENT (UE) Nru 693/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ Lulju 2011

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 (3), jipprovdi għall-finanzjament fl-oqsma li ġejjin: relazzjonijiet internazzjonali, governanza, ġbir tad-dejta u pariri xjentifiċi u kontroll u infurzar tal-Politika Komuni tas-Sajd (“PKS”).

(2)

F’kull qasam ta’ azzjoni, ir-Regolament (KE) Nru 861/2006 huwa ssupplementat minn regolamenti jew deċiżjonijiet oħra relatati. Mill-adozzjoni ta’ dak ir-Regolament, evolvew diversi elementi tal-leġiżlazzjoni relatata, li issa għandhom jiġu emendati sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-elementi kollha tal-qafas leġiżlattiv.

(3)

L-esperjenza wriet ukoll il-ħtieġa li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 861/2006 billi jiġu adattati xi ftit uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu biex jissodisfaw aktar is-sitwazzjoni attwali.

(4)

Huwa meħtieġ ukoll li jiġi ċċarat, fejn ikun xieraq, l-ambitu tal-miżuri ffinanzjati u sabiex jittejjeb il-mod li bih huma mfassla xi artikoli.

(5)

Is-sħubijiet fl-arena internazzjonali jistgħu jkunu konklużi fuq livell bilaterali, reġjonali jew multilaterali.

(6)

Il-fatt li l-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali ngħataw l-istatus ta’ korpi li jsegwu għan ta’ interess ġenerali Ewropew fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/409/KE tal-11 ta’ Ġunju 2007 li temenda d-Deċiżjoni 2004/585/KE li tistabbilixxi l-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali taħt il-Politika Komuni dwar is-Sajd (4) għandu jkun rifless f'dan ir-Regolament.

(7)

Għal-laqgħat ta’ tħejjija tal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sajd u l-Akkwakultura (“ACFA”), għandu jkun hemm il-possibbiltà li jingħata appoġġ finanzjarju lir-rappreżentanti minbarra dawk tal-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Kummerċ u li jkunu jistgħu jkunu ffinanzjati l-ispejjeż tat-traduzzjoni, l-interpretazzjoni u l-kiri ta’ kmamar. Għandha tiġi emendata l-lista ta’ korpi konsultattivi għal-laqgħat li għalihom is-sessjonijiet tal-ACFA jaħtru rappreżentant.

(8)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta’ Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni tas-Sajd (5), wessa’ l-ambitu tal-ġbir tad-dejta sabiex jiġu koperti l-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-dejta u dak għandu jkun rikonoxxut b'mod espliċitu f'dan ir-Regolament.

(9)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/945/KE tas-6 ta’ Novembru 2008 li tadotta programm Komunitarju multiannwali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (6) tipprovdi li d-dejta li għandha tinġabar tinkorpora varjabbli soċjoekonomiċi.

(10)

Miżuri eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni fil-qasam tal-ġbir tad-dejta u l-parir xjentifiku huma definiti fir-Regolament (KE) Nru 199/2008, u r-Regolament (KE) Nru 861/2006 għandu jkun allinjat ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.

(11)

Il-miżuri ta’ pprogrammar fil-qasam tal-ġbir tad-dejta u l-parir xjentifiku huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 199/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 665/2008 tal-14 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (7).

(12)

Għadd ta’ dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/439/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità b'risq l-ispiża minfuqa mill-Istati Membri għall-ġbir tad-dejta, u biex jiġu ffinanzjati studji u proġetti pilota biex tiġi esegwita l-politika komuni tas-sajd (8), ma ddaħħlux fir-Regolament (KE) Nru 861/2006 u lanqas ma nqalbu f'regoli ta’ implimentazzjoni. Dan ħoloq lakuna għas-snin 2007 u 2008 li fihom il-Kummissjoni kompliet tapplika r-regoli li kienu fis-seħħ qabel, kif stipulati fid-Deċiżjoni 2000/439/KE. Fl-interess taċ-ċertezza legali għandu jiġi pprovdut retroattivament li dawk ir-regoli baqgħu applikabbli waqt dak il-perjodu.

(13)

In-nefqa fil-qasam tal-parir xjentifiku għandha tinkludi n-nefqa għall-kuntratti ta’ sħubija ma’ entitajiet internazzjonali inkarigati mill-valutazzjonijiet tal-istokkijiet.

(14)

L-indikazzjonijiet dwar in-nefqa eliġibbli fil-qasam tal-kontroll għandhom jiġu ppreżentati b'mod aktar ċar u dettaljat u għandha ssir rabta mar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (9), u (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (10).

(15)

Il-parteċipanti fil-programmi ta’ taħriġ fil-qasam tal-kontroll u tal-infurzar tar-regoli tal-PKS, minkejja li jirrappreżentaw awtorità ta’ Stat Membru, mhux bilfors ikunu impjegati taċ-ċivil. Għaldaqstant, l-infiq imġarrab għat-taħriġ ta’ persunal ieħor ukoll għandu jkun eliġibbli għall-miżuri finanzjarji.

(16)

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka mhux biss janalizza l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ kontroll, iżda jaqdi wkoll rwol ta’ konsulenza u huwa involut fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda.

(17)

Ir-regoli tal-ipprogrammar għall-kontroll tal-ispiża jeħtieġ li jiġu adattati sabiex tittejjeb il-ġestjoni finanzjarja tajba, partikolarment billi tinġieb aktar viċina d-data għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni u billi tiġi speċifikata wkoll l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata fir-rigward tal-proġetti u l-format li bih għandha tiġi pprovduta.

(18)

It-titolu u t-termini normattivi tar-Regolament (KE) Nru 861/2006 għandhom jinbidlu biex jittieħed kont tad-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Diċembru 2009, tat-Trattat ta’ Lisbona.

(19)

Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-miżuri fil-qasam tal-kontroll u l-infurzar, u aktar speċifikament fir-rigward tal-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll applikabbli għall-PKS, kif ukoll il-miżuri fil-qasam tal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta bażika. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll, mill-Istati Membri, tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (11).

(20)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 861/2006 għandu jkun emendat skont dan,

ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 861/2006 huwa b'dan emendat kif ġej:

(1)

It-titolu jinbidel b'dan li ġej:

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar”.

(2)

Fit-termini normattivi, bl-eċċezzjoni tar-referenzi għall-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd fl-Artikolu 4(c), il-kelma “Komunità” u l-kelma “Komunitajiet” għandhom jinbidlu bil-kelma “Unjoni”. Il-kliem “ilmijiet Komunitarji” għandhom jinbidlu bil-kliem “ilmijiet tal-UE”. Għandu jsir kull aġġustament grammatikali meħtieġ.

(3)

Fl-Artikolu 2, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

miżuri ta’ konservazzjoni, ġbir u ġestjoni tad-dejta u l-użu tad-dejta sabiex jiġi ġġenerat il-parir xjentifiku għall-PKS;”.

(4)

Fl-Artikolu 3, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

titjib tal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-dejta meħtieġa għall-PKS;”.

(5)

L-Artikolu 5 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 5

Għanijiet speċifiċi fil-qasam tal-ġbir, ġestjoni u użu tad-dejta u l-parir xjentifiku

Il-miżuri ta’ finanzjament tal-Unjoni msemmija fl-Artikoli 9, 10 u 11 għandhom jikkontribwixxu għall-għan li jittejbu l-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-dejta u l-parir xjentifiku dwar il-qagħda tar-riżorsi, dwar il-livell tas-sajd, dwar l-impatt tas-sajd fuq ir-riżorsi u l-ekosistema tal-baħar, dwar l-aspetti ekonomiċi tas-sajd u l-akkwakultura u dwar il-prestazzjoni tal-industrija tas-sajd, fi ħdan u lil hinn mill-ilmijiet tal-UE, billi jkun ipprovdut appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri ħalli jistabbilixxu settijiet ta’ dejta aggregati multiannwali li jkunu bbażati fuq ix-xjenza u li jkunu jinkorporaw tagħrif bijoloġiku, tekniku, ambjentali u soċjoekonomiku.”.

(6)

L-Artikolu 7(1)(c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

l-iżvilupp, permezz tas-sħubija fuq livell bilaterali, reġjonali jew multilaterali, il-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd u tal-kapaċitajiet ta’ kontroll ta’ pajjiżi terzi sabiex jiġi żgurat sajd sostenibbli u jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ekonomiku tas-settur tas-sajd f'dawk il-pajjiżi billi tittejjeb l-evalwazzjoni xjentifika u teknika tas-sajd ikkonċernat, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd, il-kundizzjonijiet tas-saħħa u l-ambjent kummerċjali fis-settur;”.

(7)

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 8

Miżuri fil-qasam tal-kontroll u l-infurzar

1.   Fil-qasam tal-kontroll u l-infurzar tar-regoli tal-PKS, in-nefqa li ġejja għandha tkun eliġibbli għal miżuri finanzjarji tal-Unjoni:

(a)

in-nefqa magħmula minn Stati Membri fl-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ monitoraġġ u kontroll applikabbli għall-PKS għal:

(i)

investimenti, marbuta ma’ attivitajiet ta’ kontroll imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, minn korpi amministrattivi jew mis-settur privat, fi:

ix-xiri u/jew l-iżvilupp ta’ teknoloġija, inkluż il-ħardwer u s-softwer, sistemi ta’ individwazzjoni tal-bastimenti (VDS), netwerks tal-IT li jippermettu l-ġbir, l-amministrazzjoni, il-validazzjoni, l-analiżi, l-iskambju ta’ dejta marbuta mas-sajd u l-iżvilupp ta’ metodi ta’ kampjunar ta’ tali dejta, inkluż l-iżvilupp ta’ siti web marbuta mal-kontroll;

ix-xiri u/jew l-iżvilupp tal-komponenti meħtieġa sabiex jiġi żgurat li t-trażmissjoni tad-dejta lill-awtoritajiet relevanti tal-Istati Membri u tal-Unjoni mill-atturi involuti fis-sajd u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd, inklużi l-komponenti meħtieġa għas-sistemi elettroniċi ta’ reġistrar u ta’ rappurtar (ERS), sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS) u sistemi ta’ identifikazzjoni awtomatika (AIS);

implimentazzjoni ta’ programmi mmirati għall-iskambju u l-analiżi tad-dejta bejn l-Istati Membri;

ix-xiri u l-immodernizzar tal-mezzi ta’ kontroll;

(ii)

programmi ta’ taħriġ u ta’ skambju, anke bejn l-Istati Membri, ta’ persunal responsabbli għall-monitoraġġ, kontroll u sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd;

(iii)

l-implimentazzjoni ta’ proġetti pilota marbuta mal-kontroll tas-sajd;

(iv)

analiżi tal-ispiża fil-konfront tal-benefiċċju kif ukoll valutazzjoni tal-verifiki mwettqa u n-nefqa magħmula mill-awtoritajiet kompetenti fit-twettiq tal-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza;

(v)

inizjattivi, li jinkludu seminars u għodod tal-media, immirati lejn it-trawwim ta’ kuxjenza, kemm fost is-sajjieda u atturi oħrajn bħal spetturi, prosekuturi pubbliċi u mħallfin, kif ukoll fost il-pubbliku ġenerali, dwar il-ħtieġa li jiġi miġġieled is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat u dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-PKS.

(b)

in-nefqa marbuta mal-arranġamenti amministrattivi maċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka, jew kwalunkwe korp konsultattiv ieħor tal-Unjoni, biex jiġu vvalutati u żviluppati teknoloġiji ġodda;

(c)

in-nefqa operattiva kollha marbuta mal-ispezzjoni, mill-ispetturi tal-Kummissjoni, tal-implimentazzjoni tal-PKS mill-Istati Membri, u b'mod partikolari l-missjonijiet ta’ spezzjoni, it-tagħmir tas-sigurtà u t-taħriġ ta’ spetturi, il-laqgħat u l-kiri jew xiri ta’ mezzi għall-ispezzjoni mill-Kummissjoni.

(d)

il-kontribut għall-baġit tas-CFCA biex tkun koperta n-nefqa għall-persunal, għall-amministrazzjoni u n-nefqa operattiva marbuta mal-pjan ta’ ħidma annwali tas-CFCA.

2.   Il-Kummissjoni tista' tadotta regoli għall-applikazzjoni tal-punt (a) tal-paragrafu 1 permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2).”.

(8)

L-Artikolu 9 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 9

Miżuri fil-qasam tal-ġbir, ġestjoni u użu ta’ dejta bażika

1.   Fil-qasam tal-ġbir, ġestjoni u użu tad-dejta bażika, in-nefqa li ġejja għandha tkun eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni fil-qafas ta’ programmi nazzjonali multiannwali imsemmijin fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal- 25 ta’ Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd (*):

(a)

in-nefqa mġarrba għall-ġbir ta’ dejta bijoloġika, teknika, ambjentali u soċjoekonomika fir-rigward tas-sajd kummerċjali u rikreattiv, inkluż it-teħid ta’ kampjuni, monitoraġġ fil-baħar u stħarriġiet ta’ riċerka, u l-ġbir ta’ dejta ambjentali u soċjoekonomika fl-industrija tal-akkwakultura u l-ipproċessar, kif stipulati fil-programm multiannwali tal-Unjoni imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008;

(b)

in-nefqa mġarrba għal miżuri marbuta mal-ġestjoni, l-iżvilupp, it-titjib u l-isfruttar tad-dejta msemmija fil-punt (a);

(c)

in-nefqa mġarrba għal miżuri marbuta mal-użu tad-dejta msemmija fil-punt (a), bħalma huma stimi tal-parametri bijoloġiċi u l-produzzjoni ta’ ġabriet ta’ dejta għall-analiżi u l-parir xjentifiku;

(d)

in-nefqa mġarrba fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-Laqgħat Reġjonali ta’ Koordinazzjoni imsemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 199/2008, fil-laqgħat xjentifiċi rilevanti ta’ organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd li l-Unjoni hija parti kontraenti tagħhom jew inkella osservatriċi u għal korpi internazzjonali inkarigati mill-forniment ta’ pariri xjentifiċi.

2.   Il-Kummissjoni tista' tadotta regoli għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2).

(*)  ĠU L 60, 5.3.2008, p. 1.”;"

(9)

L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura għandha tinbidel b'dan li ġej:

Miżuri fil-qasam tal-ġbir, ġestjoni u użu ta’ dejta addizzjonali”;

(b)

fl-introduzzjoni għall-paragrafu 1, it-tieni sentenza tinbidel b'dan li ġej:

“L-attivitajiet li jistgħu jkunu eliġibbli għal miżuri ta’ appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għandhom jinkludu:”;

(c)

fil-paragrafu 1, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

studji u proġetti metodoloġiċi mmirati lejn l-aqwa titjib possibbli u l-istandardizzazzjoni tal-metodi tal-ġbir tad-dejta meħtieġa għall-għoti ta’ parir xjentifiku;”.

(10)

Fl-Artikolu 11, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

in-nefqa għall-kuntratti ta’ sħubija ma’ istituzzjonijiet nazzjonali tar-riċerka jew korpi internazzjonali inkarigati mill-valutazzjonijiet tal-istokkijiet għall-forniment ta’ pariri u dejta xjentifiċi;”.

(11)

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (a), (b) u (c) jinbidlu b'dan li ġej:

“(a)

l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni tal-membri ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi fl-ACFA marbuta ma’ laqgħat ta’ tħejjija qabel il-laqgħat tal-ACFA, kif ukoll l-spejjeż marbuta mat-traduzzjoni, l-interpretazzjoni u l-kiri tal-kmamar imġarrba għal dawk il-laqgħat ta’ tħejjija;

(b)

l-ispejjeż għall-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti maħtura mill-ACFA biex jirrappreżentawha f'laqgħat tal-RACs, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) u l-iSTECF;

(c)

l-ispejjeż operattivi tal-RACs kif previst fid-Deċiżjoni 2004/585/KE;”;

(b)

fil-punt (d), il-punt (ii) jinbidel b'dan li ġej:

“(ii)

il-forniment ta’ aċċess wiesa’ ħafna għad-dejta u materjal ta’ spjegazzjoni li jikkonċernaw b'mod partikolari l-proposti tal-Kummissjoni permezz tal-iżvilupp tas-siti web fuq l-Internet tad-dipartimenti relevanti tal-Kummissjoni u l-produzzjoni ta’ pubblikazzjoni regolari, kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ seminars ta’ tagħrif u ta’ taħriġ għal dawk li jiffurmaw l-opinjonijiet.”.

(12)

Fl-Artikolu 13(1), il-punt (e) jinbidel b'dan li ġej:

“(e)

kontributi finanzjarji volontarji għal ħidma jew programmi xjentifiċi mwettqa minn organizzazzjonijiet internazzjonali li huma ta’ interess speċjali għall-Unjoni;”.

(13)

L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura għandha tinbidel b'dan li ġej:

Rati ta’ kofinanzjament fil-qasam tal-ġbir, ġestjoni u użu ta’ dejta bażika”;

(b)

il-kliem “Artikolu 23(1)” jinbidlu bil-kliem “Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008”.

(14)

L-intestatura tal-Artikolu 17 għandha tinbidel b'dan li ġej:

Rati ta’ kofinanzjament fil-qasam tal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta addizzjonali”.

(15)

Fl-Artikolu 18, il-paragrafi 2 u 3 jinbidlu b'dan li ġej:

“2.   Id-drittijiet ta’ preljev jiġu allokati skont ftehim ta’ finanzjament mal-Kummissjoni għal kull organizzazzjoni rappreżentattiva li hija membru plenarju tal-ACFA, proporzjonalment għall-intitolamenti fi ħdan il-kumitat plenarju tal-ACFA, u jiddependu mir-riżorsi finanzjarji disponibbli.

3.   Dawk id-drittijiet ta’ preljev u l-ispiża medja ta’ vjaġġ minn membru ta’ organizzazzjoni rappreżentattiva għandhom jiddeterminaw l-għadd ta’ vjaġġi li kull organizzazzjoni tkun finanzjarjament responsabbli għalihom, magħmulin għall-finijiet ta’ laqgħat preparatorji. Mil-limitu kumplessiv tad-dritt ta’ preljev, 20 % tal-ispiża attwali eliġibbli għandha tinżamm bħala somma globali minn kull organizzazzjoni rappreżentattiva biex tkopri dawk l-ispejjeż organizzattivi u amministrattivi li huma marbuta strettament mal-organizzazzjoni tal-laqgħat ta’ tħejjija.”;

(16)

L-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b'dan li ġej:

“1.   L-applikazzjonijiet mill-Istati Membri għal appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għandhom jitressqu quddiem il-Kummissjoni sal-15 ta’ Novembru tas-sena qabel is-sena ta’ implimentazzjoni kkonċernata.

Tali applikazzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn programm annwali għall-kontroll tas-sajd li jkun fih it-tagħrif li ġej:

(a)

l-objettivi tal-programm annwali għall-kontroll tas-sajd;

(b)

ir-riżorsi umani programmati disponibbli;

(c)

ir-riżorsi finanzjarji programmati disponibbli;

(d)

in-numru ta’ bastimenti u inġenji tal-ajru programmati disponibbli;

(e)

lista ta’ proġetti li għalihom tkun qed jintalab kontribuzzjoni finanzjarja;

(f)

in-nefqa globali ppjanata biex jitwettqu l-proġetti;

(g)

skeda għat-tlestija għal kull proġett elenkat fil-programm annwali għall-kontroll tas-sajd;

(h)

lista ta’ indikaturi li għandhom jintużaw biex tiġi valutata l-effikaċja tal-programm annwali ta’ kontroll tas-sajd.

2.   Għal kull proġett, il-programm annwali ta’ kontroll tas-sajd għandu jispeċifika għal liema miżura msemmija fl-Artikolu 8(a) huwa relatat, l-għan tal-proġett u deskrizzjoni dettaljata tiegħu inklużi l-punti li ġejjin: is-sid, il-post, l-ispiża stmata, skeda għall-ikkompletar tal-proġett u l-proċedura ta’ akkwist pubbliku li għandha tiġi segwita. Meta proġett jitwettaq b'mod konġunt minn aktar minn Stat Membru wieħed, il-programm annwali ta’ kontroll tas-sajd għandu jinkludi wkoll lista tal-Istati Membri li jwettqu l-proġett, l-ispejjeż totali stmati għall-proġett kif ukoll l-ispejjeż totali stmati għal kull Stat Membru.”.

(b)

Fil-paragrafu 3, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

kemm-il siegħa jew kemm-il jum fis-sena x'aktarx jintużaw għal finijiet ta’ kontroll tas-sajd u liema sistema ġiet stabbilita fl-Istat Membru, sabiex ikun possibbli għall-Kumissjoni jew għall-Qorti tal-Awdituri biex jivverifikaw l-użu effettiv għall-finijiet ta’ kontroll;”;

(c)

il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

“4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba fil-paragrafi 1, 2 u 3 billi jressqu, kemm elettronikament kif ukoll fil-forma stampata, l-formola elettronika kkomunikata lilhom mill-Kummissjoni.”.

(17)

It-titlu tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu V jinbidel b'dan li ġej:

Proċeduri fil-qasam tal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta”.

(18)

l-Artikolu 22 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 22

Dispożizzjoni introduttorja

Il-kontribut finanzjarju tal-Unjoni għan-nefqa mġarrba mill-Istati Membri għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-dejta bażika msemmija fl-Artikolu 9 għandu jiġi provdut skont il-proċeduri stabbiliti f'din it-Taqsima.”.

(19)

L-Artikolu 23 għandu jitħassar.

(20)

L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura għandha tinbidel b'dan li ġej:

Deċiżjoni ta’ finanzjament tal-Kummissjoni”;

(b)

il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Abbażi tal-programmi multiannwali mressqa mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 199/2008 u approvati mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 6(3) ta’ dak ir-Regolament, kull sena għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-kontribut finanzjarju tal-Komunità għall-programmi nazzjonali, f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2).”;

(c)

il-paragrafu 2 jitħassar.

(21)

L-Artikolu 30 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 30

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit bl-Artikolu 30(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistipula regoli u prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi ta’ kontroll mill-Istat Membri tal-eżerċitar mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (**).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(**)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.”;"

(22)

Jitħassar l-Artikolu 31;

(23)

L-Artikolu 32 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 32

Revoka ta’ atti li ma jkunux għadhom applikabbli

Ir-Regolament (KE) Nru 657/2000 u d-Deċiżjonijiet Nru 2000/439/KE u Nru 2004/465/KE huma b'dan imħassra b'effett mill-1 ta’ Jannar 2007. Madankollu, ir-regoli stabbiliti fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3 u fl-Artikoli 4 u 6 tad-Deċiżjoni 2000/439/KE u fl-Anness għaliha, kif applikabbli fil-31 ta’ Diċembru 2006, għandhom japplikaw b'analoġija għall-programmi nazzjonali għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta għas-snin 2007 u 2008.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt (23) tal-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-6 ta’ Lulju 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 171.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ April 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2011.

(3)  ĠU L 160, 14.6.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 155, 15.6.2007, p. 68.

(5)  ĠU L 60, 5.3.2008, p. 1.

(6)  ĠU L 346, 23.12.2008, p. 37.

(7)  ĠU L 186, 15.7.2008, p. 3.

(8)  ĠU L 176, 15.7.2000, p. 42.

(9)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(10)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(11)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.


Top