EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0483

2011/483/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/483/PESK tat- 28 ta’ Lulju 2011 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Eworpea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia)

ĠU L 198, 30.7.2011, p. 37–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/483/oj

30.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/37


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/483/PESK

tat-28 ta’ Lulju 2011

li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Eworpea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28 u 43(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Frar 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Eworpea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja. (1)

(2)

Fil-31 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/197/PESK dwar il-varar ta’ missjoni militari tal-Unjoni Eworpea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia) (2).

(3)

Fl-20 ta’ Lulju l-Kunsill approva l-kunċett rivedut ta’ maniġġar tal-kriżijiet għall-EUTM Somalja.

(4)

Fit-28 ta’ April 2011, fir-rapport tiegħu S/2011/277 lill-Kunsill tas-Sigurtà, is-Segretarju-Ġenerali tal-Nazzjonijiet Uniti (SĠNU) nnota l-kisbiet territorjali u l-progress fil-qasam tas-sigurtà, u semma t-taħriġ ipprovdut mill-UE. Is-SĠNU jirrakkomanda l-iffukar fuq l-iżvilupp ulterjuri tal-istituzzjonijet tas-settur tas-sigurtà tas-Somalja u b’mod partikolari jirrakkomanda t-titjib tal-istrutturi ta’ Kmand u Kontroll tal-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali (NSF).

(5)

Fil-21 ta’ April 2011, il-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana (UA) ppreżenta r-rapport dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja lill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà. Huwa enfasizza l-kisbiet fis-settur tas-sigurtà u talab għat-tkomplija tal-appoġġ għat-taħriġ.

(6)

Fl-ittra tiegħu tal-4 ta’ Mejju 2011, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, il-Prim Ministru tas-Somalja, wera l-apprezzament tal-Gvern Federali Transitorju Somalu (TFG) għall-appoġġ tal-UE u tenna l-impenn sħiħ tat-TFG biex jibni struttura ta’ Kmand u Kontroll għall-NSF, biex tipproteġi l-popolazzjoni ċivili u tintegra l-forzi tal-milizji u tal-klanns differenti fl-NSF.

(7)

L-apprezzament tat-TFG kien imtenni matul il-Kumitat Konġunt dwar is-Sigurtà f’Kampala fit-23 ta’ Ġunju 2011.

(8)

Matul il-laqgħa Konsultattiva Konġunta tal-KPS UA u tal-KPS UE li saret fl-10 ta’ Mejju 2011 f’Addis Ababa, l-UA wriet is-sodisfazzjon tagħha għall-appoġġ ipprovdut mill-EUTM Somalia fit-tiswir ta’ NSF Somali professjonali u unifikati.

(9)

L-awtoritajiet Politiċi u Militari tal-Uganda wrew is-sodisfazzjon tagħhom bis-sħubija mal-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika, u r-rieda tagħhom li jkomplu t-taħriġ.

(10)

F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta’ difiża. Id-Danimarka ma tipparteċipax fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għalhekk ma tikkontribwixxix għall-finanzjament ta’ din l-operazzjoni.

(11)

L-EUTM Somalia għandha tkun estiża aktar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/96/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Sabiex tkompli tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-Gvern Federali Tansitorju Somalu (TFG) bħala gvern li jiffunzjona u li jservi liċ-ċittadini Somali kollha, missjoni ta’ taħriġ militari tal-UE (EUTM Somalia) għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-settur tas-sigurtà tas-Somalja permezz tal-għoti ta’ taħriġ militari lill-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali (NSF). It-taħriġ ser jiffoka fuq l-iżvilupp ta’ Kmand u Kontroll u kapaċitajiet speċjalizzati u fuq il-kapaċitajiet tal-NSF Somali li jħarrġu lilhom infushom, bil-ħsieb li l-għarfien tat-taħriġ tal-UE jkun trasferit lill-atturi lokali. L-EUTM Somalia ser tkompli topera f’kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib ma’ atturi oħra fil-Komunità Internazzjonali, b’mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti, AMISOM u l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Uganda f’konformità mar-rekwiżiti miftiehma tat-TFG.

2.   It-taħriġ militari tal-UE mwettaq għal dak il-għan għandu jsir prinċipalment fl-Uganda, f’konformità mal-objettiv politiku tal-missjoni tal-UE li tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja, kif definit fil-Kunċett rivedut ta’ Maniġġar tal-Kriżijiet approvat mill-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2011. L-elementi ta’ EUTM Somalia ser ikunu bbażati wkoll f’Najrobi u Brussell.”;

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kurunell Michael BEARY huwa b’dan maħtur Kmandant tal-Missjoni tal-UE b’effett mid-9 ta’ Awwissu 2011.”;

(3)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-missjoni militari tal-UE għall-perijodu sad-9 ta’ Awwissu 2011 għandu jkun ta’ EUR 4,8 miljuni. Il-persentaġġ tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 32(3) ta’ ATHENA għandu jkun ta’ 60 %.”;

(b)

il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

“3.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-missjoni militari tal-UE għall-perijodu li jibda mid-9 ta’ Awwissu 2011 għandu jkun ta’ EUR 4,8 miljuni. Il-perċentaġġ ta’ dan l-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 32(3) ta’ ATHENA għandu jkun ta’ 30 %.”;

(4)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-missjoni militari tal-UE għandha tintemm fl-2012 wara żewġ perijodi ta’ taħriġ ta’ sitt xhur u l-istazzjonament mill-ġdid tal-unitajiet u tal-persunal tal-UE lejn l-Ewropa.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ĠU L 44, 19.2.2010, p. 16.

(2)  ĠU L 87, 7.4.2010, p. 33.


Top