EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0902

Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/902/ĠAI tat- 30 ta’ Novembru 2009 li tistabbilixxi Network Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (EUCPN) u li tħassar id-Deċiżjoni 2001/427/ĠAI

ĠU L 321, 8.12.2009, p. 44–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/902/oj

8.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/44


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/902/ĠAI

tat-30 ta’ Novembru 2009

li tistabbilixxi Network Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (EUCPN) u li tħassar id-Deċiżjoni 2001/427/ĠAI

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 30(1), 31 u 34(2)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika ta’ Franza, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Renju tal-Olanda, ir-Repubblika tas-Slovakkja, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (1),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999 ikkonkluda li kien hemm il-ħtieġa li jiġu żviluppati miżuri għall-prevenzjoni tal-kriminalità, li jiġu skambjati metodi tal-aħjar prattika u li jissaħħaħ in-network tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-prevenzjoni tal-kriminalità, kif ukoll għall-koperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet nazzjonali li jispeċjalizzaw f'dan il-qasam, filwaqt li ġie speċifikat li din il-koperazzjoni jista' jkollha bħala l-prioritajiet prinċipali tagħha l-kriminalità tal-minorenni, dik urbana u dik relatata mad-droga. Għal dan il-għan, intalab studju dwar il-possibbiltà ta' programm iffinanzjat mill-Komunità.

(2)

Ir-Rakkomandazzjoni Nru 6 tal-Istrateġia tal-Unjoni Ewropea għall-bidu tal-millennju l-ġdid dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-kriminalità organizzata (2) tappella biex il-Kunsill ikun assistit minn esperti adegwatament kwalifikati dwar il-prevenzjoni tal-kriminalità, bħall-punti fokali nazzjonali, jew billi jiġi stabbilit network ta' esperti minn organizzazzjonijiet nazzjonali għall-prevenzjoni tal-kriminalità.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/427/ĠAI stabbilixxiet Network Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (3).

(4)

Evalwazzjoni esterna tan-Network Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità li saret fl-2008-2009 identifikat opportunitajiet għat-tisħiħ tan-Network li ġew aċċettati mill-Bord tal-EUCPN u li jagħmluha neċessarja li d-Deċiżjoni 2001/427/ĠAI titħassar u li tiġi sostitwita b'Deċiżjoni ġdida tal-Kunsill rigward in-Network.

(5)

L-evalwazzjoni identifikat il-ħtieġa għal impenn akbar fl-attivitajiet tan-Network mir-rappreżentanti nazzjonali.

(6)

Għadd ta' bidliet huma meħtieġa biex jissaħħaħ in-Network li jinkludu emendi għad-dispożizzjonijiet li jittrattaw il-punti ta' kuntatt, is-Segretarjat, l-istruttura tal-Bord u l-kompiti tiegħu, inkluż il-ħatra tal-President.

(7)

Il-bidliet fil-kompożizzjoni tan-Network għandhom ikunu effiċjenti u effikaċi għall-ispiża li ssir, billi jużaw esperjenzi preċedenti tal-Istati Membri fil-finanzjament u t-twettiq ta' kompiti tan-Network, fosthom tas-Segretarjat. Il-Bord għandu jżid l-isforzi tiegħu biex jikkopera fl-investigazzjoni u l-isfruttar, fil-potenzjal sħiħ tagħhom, il-possibiltajiet ta' finanzjament permezz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Dan jista' jsir abbażi ta' sħubiji qafas jew bl-inklużjoni tan-Network fil-lista ta' korpi monopolistiċi rikonoxxuti fil-programm ta' finanzjament rilevanti.

(8)

Dispożizzjonijiet oħrajn għandhom ikunu bbażati fuq id-Deċiżjoni 2001/427/ĠAI,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Stabbiliment

Huwa b'dan stabbilit Network Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “in-Network”. Huwa għandu jitqies bħala s-suċċessur tan-Network Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità stabbilit mid-Deċiżjoni 2001/427/ĠAI.

Artikolu 2

Għan

1.   In-Network għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-aspetti diversi tal-prevenzjoni tal-kriminalità fil-livell tal-Unjoni, b'kont meħud tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-prevenzjoni tal-kriminalità, u għandu jappoġġa l-attivitajiet għall-prevenzjoni tal-kriminalità fil-livell nazzjonali u lokali.

2.   Il-prevenzjoni tal-kriminalità għandha tkopri l-miżuri kollha li huma intenzjonati biex inaqqsu jew inkella jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-kriminalità u tas-sens ta' nuqqas ta' sigurtà taċ-ċittadini, kemm b'mod kwantitattiv kif ukoll b'mod kwalitattiv, jew billi jiġu skoraġġiti direttament l-attivitajiet kriminali jew permezz ta' linji ta' politika u azzjonijiet imfassla biex inaqqsu l-potenzjal għall-kriminalità u l-kawzi tal-kriminalità. Hija tinkludi l-ħidma tal-gvern, l-awtoritajiet kompetenti, l-aġenziji tal-ġustizzja kriminali, l-awtoritajiet lokali u l-assoċjazzjonijiet speċjalizzati li huma stabbilixxew fl-Ewropa, is-setturi privati u volontarji, ir-riċerkaturi, u l-pubbliku, appoġġati mill-midja.

Artikolu 3

Struttura u kompożizzjoni

1.   In-Network għandu jikkonsisti f'Bord u Segretarjat kif ukoll f'punti ta' kuntatt li jistgħu jiġu nnominati minn kull Stat Membru.

2.   Il-Bord għandu jkun magħmul minn rappreżentanti nazzjonali, bi President u Kumitat Eżekuttiv.

3.   Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant nazzjonali u jista' jaħtar sostitut.

4.   Il-President għandu jinħatar minn ġewwa l-korp tar-rappreżentanti nazzjonali.

5.   Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jitmexxa mill-President u għandu jkun magħmul minn mhux aktar minn sitt membri oħrajn tal-Bord u rappreżentant nominat mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Kompiti tan-Network

In-Network għandu, b'mod partikolari:

(a)

jiffaċilita l-koperazzjoni, il-kuntatti u l-iskambji ta' informazzjoni u l-esperjenza bejn l-atturi fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità;

(b)

jiġbor, jivvaluta u jikkomunika l-informazzjoni evalwata inkluża l-prattika tajba dwar l-attivitajiet għall-prevenzjoni tal-kriminalità;

(c)

jorganizza konferenzi, b'mod partikolari Konferenza annwali dwar l-Aħjar Prattika, u attivitajiet oħrajn, inkluż il-Premju Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità, imfassla biex jiksbu l-għanijiet tan-Network u biex jikkondividu ampjament ir-riżultati miksuba minnhom;

(d)

jipprovdi l-kompetenza esperta tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif meħtieġ;

(e)

jirrapporta lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tiegħu kull sena permezz tal-Bord u l-gruppi ta' ħidma kompetenti. Il-Kunsill għandu jkun mistieden sabiex japprova r-rapport and jibagħtu lill-Parlament Ewropew;

(f)

jiżviluppa u jimplimenta programm ta' ħidma bbażat fuq strateġija ddefinita b'mod ċar li tqis l-identifikazzjoni u t-trattament tat-theddid rilevanti mill-kriminalità.

Artikolu 5

Skambju ta' informazzjoni

Biex iwettaq il-kompiti tiegħu, in-Network għandu:

(a)

jiffavorixxi approċċ multidixxiplinarju;

(b)

iżomm kuntatt mill-qrib, permezz tar-rappreżentanti nazzjonali u l-punti ta' kuntatt, mal-korpi għall-prevenzjoni tal-kriminalità, l-awtoritajiet lokali, is-sħubijiet lokali u s-soċjetà ċivili kif ukoll ma' istituzzjonijiet ta' riċerka u organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-Istati Membri;

(c)

jistabbilixxi u jaġġorna l-websajt tiegħu stess, li jkun fiha r-rapporti regolari tiegħu u kwalunkwe informazzjoni oħra utli, b'mod partikolari kompendju tal-aħjar prattika;

(d)

jimpenja ruħu biex juża u jippromovi r-riżultati ta' proġetti, rilevanti għall-prevenzjoni tal-kriminalità, iffinanzjati permezz tal-programmi tal-Unjoni.

Artikolu 6

Responsabbiltajiet

1.   Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jipprovdi appoġġ lill-President biex jiżgura, inter alia:

a)

l-iżvilupp tal-istrateġija tan-Network għal approvazzjoni mill-Bord;

b)

il-funzjonament effettiv tal-Bord, u

c)

l-iżvilupp u t-twettiq tal-programm ta' ħidma.

2.   Il-kompiti tal-Bord għandhom jinkludu:

(a)

li jiżgura l-funzjonament korrett tan-Network skont din id-Deċiżjoni, inkluż li jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni prattika tal-funzjonijiet tas-Segretarjat;

(b)

li jiżviluppa u jadotta regolament finanzjarju;

(c)

li japprova l-istrateġija tan-Network, li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-prevenzjoni tal-kriminalità fil-livell tal-Unjoni;

(d)

li jadotta u jiżgura t-twettiq tal-programm ta' ħidma tan-Network;

(e)

li jadotta rapport annwali tal-attivitajiet tan-Network.

3.   Il-Bord għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu b'deċiżjoni unanima li jkun fihom, inter alia, id-dispożizzjonijiet dwar il-ħatra u l-mandat tal-President u tal-membri tal-Kumitat Eżekuttiv, l-arranġamenti deċiżjonali tal-Bord, l-arranġamenti lingwistiċi, il-kompiti, l-organizzazzjoni u r-riżorsi tas-Segretarjat, u l-arranġamenti amministrattivi għall-koperazzjoni ma' entitajiet oħrajn kif imsemmija fl-Artikolu 8.

4.   Is-Segretarjat għandu jappoġġa l-Bord. Huwa għandu jiffunzjona fuq bażi permanenti, għall-benefiċċju sħiħ tan-Network, filwaqt li jirrispetta l-kunfidenzjalità kif meħtieġ. Huwa għandu l-kompiti li ġejjin:

(a)

li jipprovdi appoġġ amministrattiv u ġenerali fit-tħejjija ta' laqgħat, seminars u konferenzi; li jabbozza r-rapport annwali u l-programm ta' ħidma, li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma u li jipprovdi punt fokali għall-komunikazzjoni mal-membri tan-Network;

(b)

li jipprovdi funzjoni analitika u ta' appoġġ biex tiġi identifikata attività ta' riċerka li għaddejja fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità u informazzjoni relatata li tkun ta' użu għan-Network;

(c)

li jieħu responsabbiltà komplessiva biex jiġi ospitat, żviluppat u aġġornat il-websajt tan-Network.

5.   Ir-rappreżentanti nazzjonali għandhom jippromwovu l-attivitajiet tan-Network fil-livell nazzjonali u lokali u jiffaċilita, bejn l-Istati Membru tagħhom u n-Network, il-forniment, is-sosteniment u l-iskambju ta' materjal dwar il-prevenzjoni tal-kriminalità.

6.   Il-punti ta' kuntatt għandhom jappoġġaw lir-rappreżentanti nazzjonali fl-iskambju ta' informazzjoni u kompetenza esperta nazzjonali dwar il-prevenzjoni tal-kriminalità fin-Network.

7.   Is-Segretarjat għandu jirrapporta lill-President u lill-Kumitat Eżekuttiv u l-prestazzjoni tiegħu għandha tkun ikkontrollata minnhom.

8.   L-Istati Membri huma responsabbli għall-finanzjament tan-Network u l-attivitajiet tiegħu. L-Istati Membri għandhom, permezz tal-Bord, jikkoperaw biex jiżguraw il-finanzjament kosteffettiv tan-Network u l-attivitajiet tiegħu.

9.   Il-paragrafu 8 japplika mingħajr preġudizzju għall-possibbiltajiet li jitfittex u jinkiseb appoġġ finanzjarju mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Laqgħat tal-Bord

Il-Bord għandu jiltaqa' tal-anqas darba matul kull nofs sena fuq stedina tal-President.

Artikolu 8

Koperazzjoni ma' entitajiet oħrajn

In-Network jista' jikkopera ma' entitajiet oħrajn li jkunu kompetenti fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità fejn dan ikun rilevanti sabiex huwa jikseb l-għanijiet tiegħu.

Artikolu 9

Evalwazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta' evalwazzjoni lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tan-Network b'attenzjoni speċjali fuq l-effiċjenza tal-ħidma tan-Network u s-Segretarjat tiegħu, b'kont dovut meħud tal-interazzjoni bejn in-Network u partijiet interessati oħrajn sat-30 Novembru 2012. Abbażi tar-riżultati ta' din l-evalwazzjoni, għandha titwettaq valutazzjoni biex ikunu identifikati l-opportunitajiet possibbli li jistgħu jinkisbu billi, pereżempju, is-Segretarjat jiġi trasferit lil Aġenzija eżistenti.

Artikolu 10

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2001/427/ĠAI hija b'dan imħassra.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

Ghall-Kunsill

Il-President

B. ASK


(1)  ĠU C 222, 15.9.2009, p. 2.

(2)  ĠU C 124, 3.5.2000, p.1.

(3)  ĠU L 153, 8.6.2001, p. 1.


Top