Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007E0748

    Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/748/PESK tad- 19 ta’ Novembru 2007 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2007/87/PESK li temenda u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea fil-Bosnja u Ħerzegovina

    ĠU L 303, 21.11.2007, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2007/748/oj

    21.11.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 303/38


    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/748/PESK

    tad-19 ta’ Novembru 2007

    li temenda l-Azzjoni Konġunta 2007/87/PESK li temenda u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea fil-Bosnja u Ħerzegovina

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fis-7 ta' Frar 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/87/PESK (1).

    (2)

    Fit-18 ta' Ġunju 2007, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2007/427/PESK (2) li taħtar lis-Sur Mr Miroslav Lajčák bħala r-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Bosnja u Ħerzegovina.

    (3)

    Fid-19 ta' Diċembru 2006, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà endorsja rakkomandazzjonijiet li għandhom l-għan li jiksbu l-aqwa koordinazzjoni u koerenza f'sitwazzjonijiet fejn mill-inqas żewġ atturi ta' l-UE fil-qasam tal-maniġġar ta' kriżijiet huma attivi fl-istess pajjiż, speċjalment permezz ta' konsultazzjoni eqreb bejn Kmandant ta' Forza ta' l-UE u r-RSUE u, bejn Kmandant ta' Forza ta' l-UE u Kap ta' Missjoni tal-Pulizija ta' l-UE, rispettivament.

    (4)

    Fit-18 ta' Ġunju 2007 l-Kunsill approva r-rakkomandazzjonijiet ta' hawn fuq għall-fini ta' l-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea ALTHEA.

    (5)

    Fid-19 ta’ Novembru 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/749/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja u Ħerzegovina (BiĦ) (3), li tirrifletti fost oħrajn l-istruttura ġdida ta' kmand u ta' kontroll għall-operazzjonijiet ta' l-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet ċivili, kif approvata mill-Kunsill fit-28 ta' Ġunju 2007.

    (6)

    Il-mandat tar-RSUE fil-BiĦ għandu jiġi emendat biex jirrifletti r-rwol tiegħu fir-rigward ta' l-operazzjoni militari ALTHEA ta' l-UE, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet approvati mill-Kunsill fit-18 ta' Ġunju 2007, u lill-EUPM fil-BiĦ, f'konformità ma' l-istruttura ġdida ta' kmand u ta' kontroll għall-operazzjonijiet ta' l-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet ċivili,

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    L-Azzjoni Konġunta 2007/87/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 3 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 3

    Mandat

    Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika ta' l-UE fil-BiĦ, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

    (a)

    joffri l-konsulenza u l-faċilitazzjoni ta' l-UE fil-proċess politiku;

    (b)

    jippromwovi koordinazzjoni politika ġenerali ta' l-UE fil-BiĦ;

    (ċ)

    jippromwovi koordinazzjoni ġenerali ta' l-UE ta' l-isforzi ta' l-UE, u jagħtihom direzzjoni politika lokali, fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, mingħajr preġudizzju għar-rwol ewlieni tal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-koordinazzjoni ta' l-aspetti tal-funzjoni tal-pulizija ta' dawn l-isforzi u għal-linja ta' kmand militari ta' l-ALTHEA (EUFOR);

    (d)

    mingħajr preġudizzju għall-katina ta' kmand militari, joffri lill-Kmandant tal-Forza ta' l-UE gwida politika dwar kwistjonijiet militari b'dimensjoni politika lokali, partikolarment dwar operazzjonijiet sensittivi, relazzjonijiet ma' l-awtoritajiet lokali u relazzjonijiet mal-medja lokali;

    (e)

    jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forza ta' l-UE qabel ma jieħu azzjoni politika li jista' jkollha impatt fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà;

    (f)

    jikkonsulta mal-Kmandant ta' l-EUPM qabel ma jieħu azzjoni politika li jista' jkollha impatt fuq il-pulizija u s-sitwazzjoni tas-sigurtà;

    (g)

    jikkontribwixxi għar-rinfurzar tal-koordinazzjoni u l-koerenza interni ta' l-UE fil-BiĦ, anke permezz ta' laqgħat informattivi mal-Kapijiet tal-Missjoni ta' l-UE u permezz ta' parteċipazzjoni, jew rappreżentanza, fil-laqgħat regolari tagħhom, billi jippresjedi grupp ta' koordinazzjoni magħmul mill-atturi kollha ta' l-UE preżenti fil-kamp bil-ħsieb li jiġu kkoordinati l-aspetti implimentattivi ta' l-azzjoni ta' l-UE, u billi jagħtihom gwida dwar relazzjonijiet ma' l-awtoritajiet tal-BiĦ;

    (h)

    jiżgura l-konsistenza u l-koerenza ta' l-azzjoni ta' l-UE lejn il-pubbliku. Il-kelliem tar-RSUE għandu jkun il-punt ta' kuntatt prinċipali ta' l-UE għall-medja fil-BiĦ dwar kwistjonijiet tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni/ Politika Estera u ta' Difiża Komuni (PESK/PESD);

    (i)

    iżomm l-attenzjoni tiegħu b'mod ġenerali fuq il-firxa kollha ta' l-attivitajiet fil-qasam ta' l-istat tad-dritt u f'dan il-kuntest jipprovdi konsulenza, kif meħtieġ, lis-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) u lill-Kummissjoni;

    (j)

    jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni ta' l-EUPM gwida politika lokali. Ir-RSUE u l-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ;

    (k)

    bħala parti mill-approċċ usa' tal-komunità internazzjonali u ta' l-awtoritajiet tal-BiĦ lejn l-istat tad-dritt, filwaqt li jagħmel użu mill-kompetenza u assistenza tekniċi fil-funzjonijiet tal-pulizija pprovduti mill-EUPM f'dan ir-rigward, jappoġġa l-preparazzjoni u l-implementazzjoni tar-ristrutturazzjoni tal-pulizija;

    (l)

    jipprovdi appoġġ sabiex tiġi rinfurzata u ssir aktar effettiva s-sistema ta' komunikazzjoni bejn il-pulizija u s-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-BiĦ, b'kuntatti mill-qrib ma' l-EUPM;

    (m)

    safejn ikunu konċernati l-attivitajiet taħt it-Titolu VI tat-Trattat, inkluż l-Europol, u attivitajiet Komunitarji relatati, jipprovdi konsulenza lis-SĠ/RGħ u lill-Kummissjoni kif meħtieġ, u jieħu sehem fil-koordinazzjoni lokali meħtieġa;

    (n)

    bil-ħsieb ta' koerenza u ta' sinerġiji li jkunu possibbli, ikompli jipprovdi konsulenza dwar prijoritajiet għal Strument ta' Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni;

    (o)

    jappoġġa ppjanar għall-uffiċċju tar-RSUE msaħħaħ fil-kuntest ta' l-għeluq ta' l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli (OHR), inkluża konsulenza dwar aspetti ta' informazzjoni pubblika tat-tranżazzjoni, f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni;

    (p)

    jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali bi qbil mal-politika ta' l-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-Linji Gwida ta' l-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

    (q)

    jinvolvi ruħu ma' l-awtoritajiet rilevanti tal-BiĦ dwar il-kooperazzjoni sħiħa tagħhom mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal Dik Li Qabel Kienet il-Jugoslavja (ICTY);

    (r)

    jipprovdi konsulenza u faċilitazzjoni politika fil-proċess tar-riforma kostituzzjonali;

    (s)

    mingħajr preġudizzju għall-ktajjen ta' kmand applikabbli, jgħin biex ikun żgurat li l-istrumenti kollha ta' l-UE fuq il-post jaġixxu b'mod koerenti sabiex jintlaħqu l-objettivi politiċi stabbiliti mill-Kunsill.”

    (2)

    il-punt (v) ta' l-Artikolu 8(2) għandu jitħassar.

    Artikolu 2

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 3

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, 19 ta’ Novembru 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. AMADO


    (1)  ĠU L 35, 8.2.2007, p. 35.

    (2)  ĠU L 159, 20.6.2007, p. 63.

    (3)  Ara paġna 40 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    Top