Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0122

    Direttiva 2006/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 li temenda għat-tletin darba d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri rigward restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (sulfonati tal-perfluworooktan) Test b’rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 372, 27.12.2006, p. 32–34 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/05/2009

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/122/oj

    27.12.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    32


    DIRETTIVA 2006/122/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-12 ta' Diċembru 2006

    li temenda għat-tletin darba d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri rigward restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (sulfonati tal-perfluworooktan)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Valutazzjoni tar-riskju twettqet mill-OECD (Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku) abbażi ta' informazzjoni illi kienet disponibbli sa Lulju 2002. Din l-istima kkonkludiet li s-sulfonati tal-perfluworooktan (minn hawn 'il quddiem “PFOS”) huma persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi għall-ispeċi mammiferi u, għaldaqstant, jindikaw kawża ta' tħassib.

    (2)

    Ir-riskji għas-saħħa u l-ambjent ikkawżati mill-PFOS ġew valutati skond il-prinċipji tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta' Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll ta' riskji minn sustanzi eżistenti (3). Il-valutazzjoni tar-riskju identifikat il-bżonn li jitnaqqsu r-riskji għas-saħħa u għall-ambjent.

    (3)

    Il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u għall-Ambjent (minn hawn 'il quddiem “SCHER”) ġie kkonsultat. Ix-SCHER ikkonkluda li l-PFOS jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala persistenti ħafna, bijoakkumulattivi ħafna u tossiċi. Il-PFOS għandhom ukoll il-potenzjal li jkunu propogati fuq distanza twila fl-ambjent u għandhom il-potenzjal li jħallu effetti ħżiena u għaldaqstant jissodisfaw il-kriterji li jiġu kklassifikati bħala pollutanti organiċi persistenti (minn hawn 'il quddiem “POPs”) skond il-Konvenzjoni ta' Stokkolma (4). Ix-SCHER identifika l-ħtieġa għal valutazzjoni xjentifika ulterjuri tar-riskji tal-PFOS, fl-istess ħin qabel li jistgħu jkunu meħtieġa miżuri għat-tnaqqis tar-riskji sabiex jiġi evitat li jseħħu mill-ġdid l-użi preċedenti. Skond ix-SCHER, l-użi kritiċi li għadhom għaddejjin fl-industrija ta' l-avjazzjoni, fl-industrija tas-semikondutturi, u fl-industrija fotografika ma jidhrux li jikkawżaw riskju relevanti għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem, jekk l-emissjoni tagħhom fl-ambjent u l-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol jkunu minimizzati. Fir-rigward ta' fowms għat-tifi tan-nar, ix-SCHER jaqbel li għandhom jiġu valutati r-riskji għas-saħħa u għall-ambjent ta' sostituti qabel ma tkun tista' tittieħed deċiżjoni finali. Ix-SCHER jaqbel ukoll mar-restrizzjoni ta' l-użu tal-PFOS fl-industrija tal-plating, jekk m'hemm l-ebda miżura oħra disponibbli li tista' tiġi applikata sabiex jitnaqqsu r-rilaxxi waqt il-plating tal-metall għal livell aktar baxx b'mod sinifikanti.

    (4)

    Sabiex jitħarsu s-saħħa u l-ambjent, jidher għalhekk neċessarju li t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-PFOS għandhom jiġu ristretti. Din id-Direttiva hi maħsuba biex tkopri l-biċċa l-kbira tar-riskji mill-espożizzjoni. Użi minuri oħrajn tal-PFOS ma jidhrux li jikkawżaw xi riskju u għaldaqstant huma attwalment eżentati. Madankollu, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-proċessi ta' plating li jużaw il-PFOS u għaldaqstant ir-rilaxxi minn dawk il-proċessi jeħtieġu li jkunu minimizzati billi jiġu applikati l-aħjar tekniki disponibbli (minn hawn 'il quddiem imsejħa “BAT”) filwaqt li titqies b'mod sħiħ l-informazzjoni kollha rilevanti li tinsab fid-dokument ta' referenza tal-BAT dwar it-Trattament tal-Wiċċ ta' Metalli u Plastics, kif żviluppat għall-użu skond id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (5) (Direttiva ta' l-IPPC). Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu inventarji ta' dawn l-użi sabiex jiksbu informazzjoni dwar il-kwantitajiet effettivi użati u rilaxxati.

    (5)

    Il-prodotti u l-artikoli parzjalment kompluti li fihom il-PFOS għandhom ukoll jiġu ristretti sabiex jitħares l-ambjent. Ir-restrizzjoni għandha tkopri l-prodotti u l-artikoli kollha li magħhom jiġi miżjuda b'mod intenzjonali l-PFOS, tenut kont li l-PFOS setgħu ntużaw biss f'partijiet distinti jew f'kisjiet ta' ċerti prodotti u artikoli, bħalma huma t-tessuti. Din id-Direttiva għandha tirrestrinġi biss prodotti ġodda u m’għandhiex tapplika għall-prodotti li diġà qed jintużaw jew li jinsabu għal bejgħ fis-suq tas-second hand. Madankollu, għandhom jiġu identifikati r-riservi attwali ta' fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFOS, u l-użu tagħhom għandu jiġi permess biss għal żmien limitat sabiex tiġi evitata l-possibiltà ta' aktar emissjonijiet mill-użu ta' prodotti bħal dawn.

    (6)

    Sabiex tkun żgurata it-tneħħija gradwali ta' l-użi tal-PFOS il-Kummissjoni għandha tirrevedi kull deroga skond din id-Direttiva meta informazzjoni ġdida dwar l-użi u l-iżvilupp ta' alternattivi aktar sikuri jiġġustifikaw dan. Id-deroga tista' biss titkompla għal użi essenzjali bil-kundizzjoni li ma jkunux jeżistu sustanzi jew teknoloġiji aktar sikuri li huma teknikament u ekonomikament vijabbli, u li l-BAT jiġu applikati sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-emissjonijiet tal-PFOS.

    (7)

    Hemm suspett li l-aċidu perfluworoottaniku (minn hawn 'il quddiem “PFOA”) u l-imluħ tiegħu għandhom riskju simili bħall-PFOS, u għaldaqstant, jeħtieġ li jkun hemm kontroll ta' l-attivitajiet ta' valutazzjoni tar-riskju li qed isiru bħalissa u tad-disponibbiltà ta' alternattivi iktar sikuri u li jkun definit liema tip ta' miżuri għat-tnaqqis tar-riskji, inkluża restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu, jekk xieraq, għandhom jiġu applikati fl-Unjoni Ewropea.

    (8)

    Id-Direttiva 76/769/KEE (6) għandha tiġi emendata skond dan.

    (9)

    L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tintroduċi dispożizzjonijiet armonizzati rigward il-PFOS, biex b'hekk tippreserva s-suq intern filwaqt li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kif meħtieġ skond l-Artikolu 95 tat-Trattat.

    (10)

    Din id-Direttiva hija bla ħsara għal-leġislazzjoni Komunitarja li tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-ħarsien tal-ħaddiema, bħad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (7), u direttivi individwali bbażati fuqha, b’mod partikolari d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-ħarsien tal-ħaddiema mir-riskji konnessi ma’ l-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (is-Sitt Direttiva individwali fis-sens tat-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (verżjoni kkodifikata) (8) u d-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta' April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu ma' l-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fis-sens tat-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (9),

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE qiegħed jiġi emendat permezz tal-preżenti kif stabbilit fl-Anness għal din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mit-27 ta' Diċembru 2007, il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijet u skeda li turi l-korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva .

    Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-27 ta' Ġunju 2008.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkumpanjati minn tali referenza fil-jum tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi għal tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva ser tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Strasburgu, nhar it-12 ta' Diċembru 2006.

    Għall-Parlament Ewropew

    Għall-Kunsill

    J. BORRELL FONTELLES

    Il-President

    Il-President

    M. PEKKARINEN


    (1)  ĠU C 195, 18.8.2006, p. 10.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2006.

    (3)  ĠU L 84, 5.4.1993, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

    (4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE ta' l-14 ta' Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar it-Tniġġiż Organiku Persistenti (ĠU L 209, 31.7.2006, p. 1).

    (5)  ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru. 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).

    (6)  ĠU L 262, 27.9.1976, p. 201. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2005/90/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 28).

    (7)  ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1. Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003.

    (8)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50. Corrigendum fil- ĠU L 229, 29.6.2004, p. 23.

    (9)  ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11. Direttiva kif emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l- 2003.


    ANNESS

    Il-punt li ġej għandu jiżdied ma' l-Anness I tad-Direttiva 76/769/KEE:

    “52

    sulfonati tal-perfluworooktan

    (PFOS)

    C8F17SO2X

    (X = OH, Melħ tal-metall, (O-M+), alid, amid, u derivati oħra li jinkludu l-polimeri)

    (1)

    Ma jistax jitqiegħed fis-suq jew jintuża bħala sustanza jew kostitwent fi preparazzjonijiet f'konċentrazzjoni ta’ 0,005  % jew aktar tal-massa.

    (2)

    Ma jistax jitqiegħed fis-suq fi prodotti jew artikolii li huma parzjalment kompluti, jew f'partijiet minnhom, jekk il-konċentrazzjoni ta' PFOS hija ta’ 0,1  % jew aktar tal-massa kkalkulata b'referenza għall-massa ta' partijiet strutturalment jew mikrostrutturalment distinti li fihom PFOS jew għal tessuti jew materjali miksija oħra, jekk l-ammont ta' PFOS huwa ta' 1μg/m2 jew aktar tal-materjal miksi.

    (3)

    Bħala deroga, il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx japplikaw la għall-oġġetti li ġejjin, u lanqas għal sustanzi u preparazzjonijiet meħtieġa biex jipproduċuhom:

    (a)

    fotoreżisti jew kisjiet antiriflettenti għal proċessi fotolitografiċi,

    (b)

    kisjiet fotografiċi applikati għal films, karti, jew plates ta' l-istampar,

    (ċ)

    aġenti li jrażżnu ċ-ċpar fil-plating tal-kromju, (VI) iebes u mhux dekorattiv u aġenti li jiffaċilitaw l-assorbiment ta' l-ilma (‘wetting agents’) li jintużaw f'sistemi kkontrollati ta' electroplating fejn l-ammont ta' PFOS rilaxxat fl-ambjent huwa minimiżżat, billi jiġu applikati bis-sħiħ l-aħjar tekniki disponibbli relevanti żviluppati fi ħdan il-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (*),

    (d)

    il-fluwidi idroliċi għall-avjazzjoni.

    (4)

    Bħala deroga mill-paragrafu 1, foams għat-tifi tan-nar li tqiegħdu fis-suq qabel it-27 ta’ Diċembru 2006 jistgħu jintużaw sat-27 ta’ Ġunju 2011.

    (5)

    Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw bla ħsara għar-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar id-deterġenti (**).

    (6)

    Mhux aktar tard mit-27 ta’ Diċembru 2008 l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jikkomunikaw lill-Kummissjoni inventarju li jkopri:

    (a)

    proċessi li huma suġġetti għal deroga fil-paragrafu 3(ċ) u l-ammonti ta' PFOS użati fihom u rilaxxati minnhom,

    (b)

    ħażniet eżistenti ta' foams għat-tifi tan-nar li fihom il-PFOS.

    (7)

    Malli tkun disponibbli informazzjoni ġdida dwar dettalji ta' użi u sustanzi jew teknoloġiji alternattivi iktar sikuri, il-Kummissjoni għandha tirrevedi kull waħda mid-derogi fil-paragrafi 3(a) sa (d) sabiex:

    (a)

    l-użi ta' PFOS jitneħħew gradwalment hekk kif l-użu ta' alternattivi iktar sikuri jkun teknikament u ekonomikament vijabbli,

    (b)

    deroga tkun tista' titkompla biss għal użi essenzjali li għalihom ma jeżistux alternattivi iktar sikuri u fejn ġie rrappurtat dak kollu li sar biex jinstabu alternattivi iktar sikuri,

    (ċ)

    rilaxxi ta' PFOS fl-ambjent jitnaqqsu kemm jista' jkun, billi jiġu applikati l-aħjar tekniki disponibbli.

    (8)

    Il-Kummissjoni għandha tirrevedi regolarment l-attivitajiet ta' valutazzjoni tar-riskju u d-disponibbiltà ta' sustanzi jew teknoloġiji alternattivi aktar sikuri konnessi ma' l-użi ta' l-aċidu perfluorooktan (PFOA) u ta' sustanzi relatati u għandha tipproponi l-miżuri kollha meħtieġa biex jitnaqqsu r-riskji identifikati, inklużi restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu, b'mod partikulari meta sustanzi jew teknoloġiji alternattivi iktar sikuri, u li huma teknikament u ekonomikament fattibli, jkunu disponibbli.”


    (*)  ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru. 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).

    (**)  ĠU L 104, 8.4.2004, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 907/2006 (ĠU L 168, 21.6.2006, p. 5).


    Top