Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0548

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta' Awwissu 2006 li temenda d-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom

ĠU L 215, 5.8.2006, p. 38–43 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 1055–1060 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 17/03/2015; Revokat u sostitwit bi 32015D0444

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/548/oj

8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1055


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta' Awwissu 2006

li temenda d-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom

(2006/548/KE, Euratom)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikolu 131 tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 2(1) tad-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (1) il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kwistjonijiet ta' sigurtà għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jassigura li, meta tintuża l-informazzjoni kklassifikata ta' l-UE, jiġu rispettati r-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fi ħdan il-Kummissjoni u, inter alia, mill-kuntratturi esterni tal-Kummissjoni.

(2)

L-Artikolu 2(2) tad-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà jiddikjara li Stati Membri, istituzzjonijiet oħra, entitajiet, uffiċji u aġenziji stabbiliti skond jew a bażi tat-Trattati għandhom jitħallew jirċievu l-informazzjoni kklassifikata ta' l-UE bil-kundizzjoni li jassiguraw li regoli strettament ekwivalenti jiġu rispettati fi ħdan id-dipartimenti u l-bini tagħhom, inter alia, mill-kuntratturi esterni ta' l-Istati Membri.

(3)

Id-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fil-preżent ma jinkludux elementi dwar kif il-prinċipji bażiċi tagħhom u l-istandards minimi għandhom japplikaw fejn il-Kummissjoni tagħti lill-entitajiet esterni, b'kuntratt jew ftehim ta' għotja, xogħlijiet li jinvolvu, jinkludu u/jew fihom informazzjoni kklassifikata ta' l-UE.

(4)

Huwa għalhekk meħtieġ li jiddaħħlu standards minimi komuni speċifiċi f'dak ir-rigward fid-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà u fir-regoli dwar is-sigurtà annessi magħhom.

(5)

Dawn l-istandards minimi komuni għandhom jikkonformaw magħhom ukoll Stati Membri, rigward miżuri li għandhom jittieħdu skond l-arranġamenti nazzjonali, fejn jingħataw b'kuntratt jew ftehim ta' għotja, xogħlijiet li jinvolvu u/jew fihom informazzjoni kklassifikata ta' l-UE dwar entitajiet esterni li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(2) tad-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà.

(6)

Dawn l-istandards minimi komuni għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju lejn atti oħra relevanti, b'mod partikolari Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti dwar xogħlijiet pubbliċi, kuntratti dwar provvista pubblika u kuntratti dwar servizz pubbliku (2), Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru. 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3) u r-Regolament tal-Kummissjoni Nru. 2342/2002 (4) li jistabbilixxi r-regoli tiegħu ta' implimentazzjoni u b'mod partikolari għall-ftehimiet bilaterali u multilaterali li hemm referenza għalihom fl'Artikoli 106 u 107 tar-Regolament KE, Euratom Nru. 1605/2002.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif stipulati fl-Anness tad-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2(1) jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Meta kuntratt jew ftehim ta' għotja bejn il-Kummissjoni u kuntrattur estern jew benefiċjarju jinvolvi l-ipproċessar ta' informazzjoni kklassifikata ta' l-UE fil-bini tal-kuntrattur jew tal-benefiċjarju, il-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu mill-imsemmi kuntrattur estern jew benefiċjarju biex jassigura li r-regoli li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 huma rrispettati, meta tiġi użata informazzjoni kklassifikata ta' l-UE, għandhom ikunu parti integrali mill-kuntratt jew ftehim ta' għotja.”

(2)

Ir-regoli tas-sigurtà kif stipulati fl-Anness għad-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà huma emendati kif ġej:

(a)

Fit-Taqsima 5.1 tal-Parti 1 tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Standards minimi bħal dawn għandhom jiġu wkoll applikati meta l-Kummissjoni tagħti kuntratt jew ftehim ta' għotja, xogħol li jinvolvi, jinkludi u/jew fih informazzjoni kklassifikata ta' l-UE dwar entitajiet industrijali jew oħrajn: dawn l-istandards minimi komuni jinsabu fit-Taqsima 27 tal-Parti II.”

(b)

Fil-Parti II, it-test fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni huwa miżjud bħala Taqsima 27.

(ċ)

Fl-Appendiċi 6, jiżdiedu l-abbrevjazzjonijiet li ġejjin:

“DSA

:

Designated Security Authority

FSC

:

Facility Security Clearance

FSO

:

Facility Security Officer

PSC

:

Personnel Security Clearance

SAL

:

Security Aspects Letter

SCG

:

Security Classification Guide

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, nhar it-2 ta' Awwissu 2006.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi-President tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/70/KE, Euratom (ĠU L 34, 7.2.2006, p. 32).

(2)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2083/2005 (ĠU L 333, 20.12.2005, p. 28).

(3)  ĠU 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU 357, 31.12.2002. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1261/2005 (ĠU L 201, 2.8.2005, p. 3).


ANNESS

“27.   STANDARDS MINIMI KOMUNI DWAR IS-SIGURTÀ INDUSTRIJALI

(a)   Introduzzjoni

Din it-Taqsima għandha x'taqsam ma' aspetti ta' sigurtà ta' attivitajiet industrijali li huma uniċi fin-negozjar u l-għoti ta' kuntratti jew ftehimiet ta' għotja li jassenjaw xogħlijiet li jinvolvu, jinkludu u/jew fihom informazzjoni klassifikata ta' l-UE u fil-prestazzjoni tagħhom minn entitajiet industrijali u oħrajn, inkluż ir-rilaxx ta', jew aċċess għal, informazzjoni kklassifikata ta' l-UE waqt il-proċeduri ta' kuntratt jew sejħa għall-proposti (perjodu ta' offerti u negozjati qabel il-kuntratt).

(b)   Definizzjonijiet

Għall-għan ta' dawn l-istandards minimi komuni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘Kuntratt ikklassifikat’: kull kuntratt jew ftehim ta' għotja għall-forniment ta' prodotti, l-eżekuzzjoni ta' xogħlijiet, it-trasformazzjoni ta' bini biex isir abitabbli jew għall-għoti ta' servizzi, li l-prestazzjoni tiegħu teħtieġ jew tinvolvi aċċess għal jew il-ħolqien ta' informazzjoni kklasifikata ta' l-UE;

(b)

‘Sottokuntratt ikklassifikat’: kuntratt li jidħol għalih kuntrattur jew benefiċjarju ta' għotja ma' kuntrattur ieħor (jiġifieri s-sottokuntrattur) biex iforni prodotti, jeżegwixxi x-xogħlijiet, jagħti bini jew servizzi, li l-prestazzjoni tiegħu teħtieġ jew tinvolvi aċċess għal jew il-ġenerazzjoni ta' informazzjoni kklassfikata ta' l-UE;

(ċ)

‘Kuntrattur’: operatur ekonomiku jew entità ġuridika li għandu kapaċità legali biex jidħol għal kuntratti jew ikun il-benefiċjarju ta' għotja;

(d)

‘Designated Security Authority (DSA)’: awtorità responsabbli għall-Awtorità Nazzjonali tas-Sigurtà (NSA) ta' Stat Membru ta' l-UE li hija responsabbli biex tikkomunika lill-industrija jew entitajiet oħra l-politika nazzjonali fil-materji kollha ta' sigurtà industrijali u biex tipprovdi direzzjoni u għajnuna fl-implimentazzjoni tagħha. Il-funzjoni tad-DSA tista' tiġi eżegwita mill-NSA;

(e)

Facility Security Clearance (FSC)’: determinazzjoni amministrattiva minn NSA/DSA li, mill-perspettiva ta' sigurtà, faċilità tista' tagħti protezzjoni ta' sigurtà adegwata lill-informazzjoni kklassifikata ta' l-UE lil-livell ta' klassifikazzjoni speċifiku ta' sigurtà u li lill-membri ta' l-istaff tagħha li għandhom bżonn aċċess għall-informazzjoni kklassifikata ta' l-UE jingħatalhom il-permess u jiġu spjegati lilhom ir-rekwiżiti neċessarji ta' sigurtà biex ikollhom aċċess għal u jipproteġu informazzjoni kklassfikata ta' l-UE;

(f)

‘Entità industrijali jew oħra’: kuntrattur jew sottokuntrattur involut fil-forniment tal-prodotti, l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew il-provvista tas-servizzi; dan jista' jinvolvi entitajiet industrijali, ta' servizz kummerċjali, xjentifiċi, ta' riċerka, edukattivi jew ta' żvilupp;

(g)

‘Sigurtà industrijali’: l-applikazzjoni ta' miżuri protettivi u proċeduri biex jimpedixxu, jidentifikaw u jirkupraw fil-każ li tintilef jew tiġi kompromessa informazzjoni kklassifikata ta' l-UE użata minn kuntrattur jew sottokuntrattur fin-negozjati tal-(ta' qabel il-)kuntratt u kuntratti kklassifikati;

(h)

‘National Security Authority (NSA)’: L-Awtorità Governattiva ta' Stat Membru ta' l-UE bir-reponsabbiltà aħħarija għall-protezzjoni ta' informazzjoni kklassifikata ta' l-UE fi ħdan Stat Membru;

(i)

‘Livell globali ta' klassifikazzjoni ta' sigurtà ta' kuntratt’: id-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni ta' sigurtà tal-kuntratt kollu jew ta' ftehim ta' għotja, ibbażata fuq il-klassifikazzjoni ta' l-informazzjoni u/jew l-materjal li irid ikun, jew jista' jkun, ġenerat, rilaxxat jew ikun hemm aċċess għalih taħt kull element ta' kuntratt globali jew ftehim ta' għotja. Il-livell globali ta' klassifikazzjoni ta' sigurtà ta' kuntratt m'għandux ikun inferjuri mill-ogħla klassifikazzjoni ta' kull wieħed mill-elementi tiegħu, imma jista' jkun ogħla minħabba l-effett ta' l-aggregat;

(j)

‘Security Aspects Letter (SAL)’: sensiela ta' kundizzjonijiet kuntrattwali speċjali, maħruġa mill-awtorità kontraenti, li tifforma parti integrali minn kuntratt ikklassifikat li jinvolvi aċċess għal jew il-ġenerazzjoni ta' informazzjoni kklassifikata ta' l-UE, u li tidentifika r-rekwiżiti ta' sigurtà jew dawk l-elementi tal-kuntratt ikklassifikat li jeħtieġ protezzjoni ta' sigurtà;

(k)

‘Security Classification Guide (SCG)’: dokument li jiddeskrivi l-elementi ta' programm, kuntratt jew ftehim ta' għotja li huma kklassifikati, li jispeċifika l-livelli ta' klassifikazzjoni ta' sigurtà applikabbli. Il-GKS jista' jiġi estiż tul iż-żmien kollu tal-programm, kuntratt jew ftehim ta'għotja, u l-elementi ta' informazzjoni jistgħu jiġu klassifikati mill-ġdid jew jitbaxxew għall-livell inferjuri. L-SCG għandha tagħmel parti mis-SAL.

(ċ)   Organizzazzjoni

(l)

Il-Kummissjoni tista' tassenja permezz ta' kuntratt ikklassifikat xogħlijiet li jinvolvu, jinkludu u/jew li fihom informazzjoni kklassifikata ta' l-UE fuq entitajiet industrijali jew oħrajn rreġistrati fi Stat Membru;

(m)

Meta tagħti kuntratti kklassifikati l-Kummissjoni għandha tassigura li jiġu mħarsa r-rekwiżiti kollha li joħorġu minn dawn l-istandards minimi;

(n)

Il-Kummissjoni għandha tinvolvi l-NSA jew NSAs relevanti biex tapplika dawn l-istandards minimi dwar is-sigurtà industrijali. L-NSAs jistgħu jirreferu dawn ix-xogħlijiet lil waħda jew iktar mid-DSAs;

(o)

Ir-responsabbilità aħħarija għall-protezzjoni ta' informazzjoni kklassifikata ta' l-UE fi ħdan entitajiet industrijali jew oħrajn hija tat-tmexxija ta' dawn l-entitajiet;

(p)

Kull meta jingħata kuntratt jew sottokuntratt ikklassifikat fi ħdan l-ambitu ta' dawn l-istandards minimi, il-Kummissjoni u/jew l-NSA/DSA, kif xieraq, tinnotifika immedjatament lill-NSA/DSA ta' l-Istat Membru li fih il-kuntrattur jew sottokuntrattur huwa reġistrat.

(d)   Kuntratti kklassifikati u deċiżjonijiet ta' għotjiet

(q)

Il-klassifikazzjoni ta' sigurtà tal-kuntratti jew ftehim ta' għotja għandha tqis il-prinċipji li ġejjin:

Il-Kummissjoni tqis, kif xieraq, dawk l-aspetti tal-kuntratt ikklassifikat li jeħtieġu protezzjoni u l-klassifikazzjoni konsegwenti ta' sigurtà; hija u tagħmel dan, għandha tqis il-klassifikazzjoni oriġinali ta' sigurtà assenjata mill-oriġinatur dwar l-informazzjoni ġenerata qabel ma jingħata l-kuntratt ikklassifikat;

Il-livell globali tal-klassifikazzjoni tal-kuntratt ma jistax ikun inferjuri mill-ogħla klassifikazzjoni ta' xi wieħed mill-elementi tiegħu;

Informazzjoni kklassifikata ta' l-UE iġġenerata taħt attivitajiet kuntrattwali hija klassifikata bi ftehim mal-Gwida Klassifikata ta' Sigurtà (SCG);

Fejn xieraq, il-Kummissjoni hija responsabbli għat-tibdil fil-livell globali ta' klassifikazzjoni tal-kuntratt, jew klassifikazzjoni ta' sigurtà ta' xi wieħed mill-elementi tiegħu, b'konsultazzjoni ma' l-oriġinatur tiegħu, u biex tinforma l-partijiet kollha interessati;

L-informazzjoni kklassifikata rilaxxata lill-kuntrattur jew sottokuntrattur jew ġenerata taħt attività kuntrattwali għandha tintuża biss għall-għanijiet definiti mill-kuntratt ikklassifikat u m'għandhiex tiġi mgħarrfa lill-partijiet terzi mingħajr il-kunsens li jingħata minn qabel bil-miktub ta' l-oriġinatur.

(r)

Il-Kummissjoni u l-NSAs/DSAs ta' l-Istati Membri relevanti huma responsabbli li jassiguraw li l-kuntratturi u s-sottokuntratturi li ngħataw kuntratti kklassifikati li jinvolvu informazzjoni kklassifikata bhala CONFIDENTIEL UE jew fuq kollox jieħdu l-miżuri xierqa biex iħarsu informazzjoni kklassifikata ta' l-UE bħal din rilaxxata lil jew iġġenerata minnhom fil-prestazzjoni tal-kuntratt ikklassifikat skond il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali. Jekk ir-rekwiżiti ta' sigurtà ma jiġux rispettati dan jista' jwassal biex il-kuntratt ikklassifikat jiġi tterminat.

(s)

L-entititajiet kollha industrijali u oħrajn li jipparteċipaw f'kuntratti kklassifikati li jinvolvu aċċess għall-informazzjoni kklassifikata CONFIDENTIEL UE jew bħal hawn fuq għandu jkollhom FSC nazzjonali. L-FSC jingħata minn NSA/DSA ta' Stat Membru biex jikkonferma li l-faċilità jista' jkollha u tiggarantixxi protezzjoni adegwata ta' sigurtà ta' l-informazzjoni kklassifikata ta' l-UE fil-livell ta' klassifikazzjoni xieraq.

(t)

Meta jingħata kuntratt ikklassifikat, Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Faċilità (FSO), maħtur mill-amministrazzjoni tal-kuntrattur jew sottokuntrattur, għandu jkun responsabbli biex jitlob Ħruġ ta' Sigurtà tal-Persunal (PSC) għall-persuni kollha impjegati f'entitajiet industrijali u oħrajn reġistrati fi Stat Membru ta' l-UE li għandhom id-dmir li jkollhom aċċess għall-informazzjoni kklassifikata CONFIDENTIEL UE jew bħal hawn fuq suġġetta għall-kuntratt ikklassifikat, li jingħata minn NSA/DSA ta' dak l-Istat Membru skond ir-regolamenti nazzjonali tiegħu.

(u)

Kuntratti kklassifikati għandhom jinkludu SAL kif definit fi 27.2.(j). Is-SAL għandha tinkludi l-SCG.

(v)

Qabel jinbeda proċediment innegozjat għall-kuntratt ikklassifikat il-Kummissjoni tagħmel kuntatt ma NSA/DSA ta' Stat Membru fejn huma rreġistrati l-entitjtaiet industrijali jew oħrajn ikkonċernati biex tikseb konferma li għandhom FSC validu xieraq fil-livell ta' klassifikazzjoni ta' sigurtà tal-Kuntratt.

(w)

L-awtorità kontraenti m'għandhiex tassenja kuntratt ikklassifikat lil operatur ekonomiku preferut qabel ma tirċievi ċ-ċertifikat FSC validu.

(x)

Sakemm ma jintalabx mil-liġijiet u regolamenti nazzjonali ta' Stat Membru, l-FSC mhuwiex meħtieġ għall-kuntratti li jinvolvu informazzjoni kklassifikata RESTREINT UE.

(y)

Sejħiet għall-offerti fir-rigward ta' kuntratti kklassifikati għandhom jinkludu provvediment li jobbliga operatur ekonomiku li ma jissottomettix offerta jew li ma ntgħażilx biex irodd lura d-dokumenti kollha f'perjodu speċifiku ta' żmien.

(z)

Jista' jkun meħtieġ li kuntratturi jinnegozjaw sottokuntratti kklassifikati ma sottokuntratturi f'livelli diversi. Il-kuntrattur huwa responsabbli li jassigura li jidħol għall-attivitajiet kollha ta' sottokuntrattar skond l-istandards minimi komuni inklużi f'din it-Taqsima. Madankollu, il-kuntrattur ma jistax jittrażmetti informazzjoni jew materjal ikklassifikat ta' l-UE lil sottokuntrattur mingħajr il-kunsens minn qabel bil-miktub ta' l-oriġinatur.

(aa)

Il-kundizzjonijiet li taħthom kuntrattur jista' jagħti sottokuntratt għandhom jiġu definiti fl-offerta jew fis-sejħa ta' proposti fil-kuntratt ikklassifikat. L-ebda sottokuntratt m'għandu jingħata lill-entitajiet reġistrati f'pajjiż li mhux Stat Membru ta' l-UE mingħajr l-awtorizzazzjoni espliċita bil-miktub tal-Kummissjoni.

(bb)

Matul il-perjodu kollu ta' żmien tal-kuntratt ikklassifikat, l-osservanza tad-dispożizzjonijiet kollha tiegħu ta' sigurtà jiġu monitorjati mill-Kummissjoni flimkien ma' l-NSA/DSA relevanti. Kull inċident ta' sigurtà għandu jiġi rrapurtat, skond id-dispożizzjonijiet imfissra f'Parti II, Taqsima 24 tar-Regoli dwar is-Sigurtà. Kull tibdil jew irtirar ta' kull FSC għandu jiġi mmedjatament ikkomuminkat lill-Kummissjoni jew xi NSA/DSA oħra li lilha ġiet notifikata.

(cc)

Meta kuntratt jew sottokuntratt ikklassifikat jiġi terminat, il-Kummissjoni u/jew l-NSA/DSA, kif xieraq, tinnotifika immedjatament lill-NSA/DSA ta' l-Istat Membru li fih il-kuntrattur jew sottokuntrattur huwa reġistrat.

(dd)

L-istandards minimi komuni f'din it-Taqsima, għandhom ikomplu jiġu osservati, u l-kunfidenzjalità ta' l-informazzjoni kklassifikata għandha tinżamm mill-kuntratturi u sottokuntratturi, wara t-terminazzjoni jew il-konklużjoni tal-kuntratt jew sottokuntratt ikklassifikat.

(ee)

Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar kif l-informazzjoni kklassifikata tinqered fi tmiem il-kuntratt ikklassifikat jiġi mfisser fl-SAC jew f'xi dispożizzjonijiet relevanti oħra li jidentifikaw rekwiżiti ta' sigurtà.

(ff)

L-obbligi u l-kundizzjonijiet li saret referenza għalihom f'din it-Taqsima, japplikaw mutatis mutandis għall-provvedimenti li fihom jingħataw l-għotjiet b'deċiżjoni u b'mod partikolari lill-benefiċjarji ta' għotjiet bħal dawn. Id-deċizjoni ta' l-għotja għandha tiffissa l-obbligi kollha tal-benefiċjarji.

(e)   Żjarat

Għandhom jiġu organizzati, ma' l-NSA/DSA relevanti, żjarat minn staff tal-Kummissjoni fil-kuntest ta' kuntratti kklassifikati lill-entitajiet industrijali jew oħrajn fl-Istati Membri li jwettqu l-kuntratti kklassifikati ta' l-UE. Għandhom jiġu organizzati, bejn l-NSAs/DSAs ikkonċernati, żjarat minn impjegati ta' entitajiet industrijali jew oħrajn fi ħdan il-qafas ta' kuntratt ikklassifikat ta' l-UE. Madankollu, l-NSAs/DSAs involuti f'kuntratt ikklassifikat ta' l-UE jistgħu jiftehmu fuq proċedura li permezz tagħha żjarat minn impjegati f'entitajiet industrijali jew oħrajn jistgħu jiġu miftehma direttament.

(f)   Trażmissjoni u trasport ta' informazzjoni kklassfikata ta' l-UE

(gg)

Fir-rigward tat-trażmissjoni ta' informazzjoni kklassfikata ta' l-UE, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Parti II, Taqsima 21 tar-Regoli dwar Sigurtà. Biex ikun hemm appoġġ għal dawn id-dispożizzjonijiet, għandha tapplika kull proċedura eżistenti li hemm fis-seħħ fost l-Istati Membri.

(hh)

It-trasport internazzjonali ta' materjal ikklassifikat ta' l-UE dwar kuntratti kklassifikati għandu jsir skond il-proċeduri nazzjonali ta' l-Istati Membri. Il-prinċipji li ġejjin għandhom japplikaw meta jiġu eżaminati arranġamenti ta' sigurtà għat-trasport internazzjonali.

Is-sigurtà hija assigurata fl-istadji kollha matul it-trasport u taħt kull ċirkostanza, mill-punt ta' oriġini sad-destinazzjoni finali.

Il-grad ta' protezzjoni mogħti lill-kunsinna jiġi determinat permezz ta' l-ogħla klassifikazzjoni tal-materjal li fiha.

Jingħata FSC, fejn xieraq, lill-kumpaniji li jipprovdu t-trasport. F'każijiet bħal dawn, l-istaff li jimmaniġġja l-kunsinna għandu jkollu l-permess ta' sigurtà skond l-istandards minimi komuni inklużi f'din it-Taqsima.

Il-vjaġġi jsiru minn punt għall-ieħor sa fejn hu possibbli u jintemmu b'ammont ta' ħeffa kif jippermettu ċ-ċirkostanzi.

Fejn hu possibbli, ir-rotot jitħaddmu biss bejn l-Istati Membri ta' l-UE. Ir-rotot li jgħaddu minn pajjiżi mhux Stati Membri ta' l-UE għandhom jithaddmu biss meta awtorizzati mill-NSA/DSA ta' l-Istati ta' dak li bagħat il-kunsinna kif ukoll dak li rċeviha.

Qabel kull moviment ta' materjal ikklassifikat ta' l-UE, għandha titħejja Mappa tat-Trasport minn min bagħat il-kunsinna li tkun approvata mill-NSAs/DSAs ikkonċernati.”


Top