EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005H0309

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta' Lulju 2004 dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta' Direttivi li jolqtu s-suq intern Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 98, 16.4.2005, p. 47–52 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 272M, 18.10.2005, p. 264–269 (MT)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2005/309/oj

18.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

264


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta' Lulju 2004

dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta' Direttivi li jolqtu s-suq intern

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2005/309/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 211 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Istati Membri li jagħmlu t-traspożizzjoni ta' Direttivi fil-liġi nazzjonali jistgħu jagħżlu l-għamla u l-metodi għal din it-traspożizzjoni, iżda huma marbuta bit-termini tad-Direttiva minħabba r-riżultat li jrid jintlaħaq u għeluq iż-żmien li jrid jitħares biex tkun twettqet it-traspożizzjoni.

(2)

F'diversi laqgħat li saru bejn il-kapijiet ta' l-Istati, inklużi l-laqgħa ta' Stokkolma li nżammet f'Marzu 2001, ta' Barċellona li nżammet f'Marzu 2002 u dik ta' Brussel li nżammet f'Marzu 2003 u 2004, il-Kunsill Ewropew, waqt li jagħraf l-importanza ta' suq intern li jkun qed jaħdem tajjeb (1) għall-kompetittività ta' l-ekonomija Ewropea, ħeġġeġ ħafna drabi lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità għolja lit-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta' Direttivi li jolqtu s-suq intern.

(3)

Il-Parlament Ewropew (2), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (3) u l-Kumitat tar-Reġjuni (4) tennew ħafna drabi t-tħassib tagħhom dwar l-imġieba fqira ta' l--Istati Membri biex dawn jittrasponu d-Direttivi tas-suq intern b'mod tajjeb u f'waqthom. Il-Ftehim Inter-istituzzjonali fuq it-tfassil aħjar tal-liġijiet tas-16 ta' Diċembru 2003 (5) jisħaq ukoll dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri jkunu konformi ma' l-Artikolu 10 tat-Trattat u sejjaħ lill-Istati Membri biex jiżguraw li sa għeluq iż-żmien preskritt il-liġi tal-Komunità tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali kif suppost u fil-pront.

(4)

Minkejja dawn is-sejħat, u l-fatt li t-traspożizzjoni f'waqtha u korretta hija rabta legali, l-Istati Membri b'mod regolari ma jittrasponux id-Direttivi tas-suq intern b'mod tajjeb sa għeluq iż-żmien li dwaru huma stess ikunu qablu. Ħafna mill-Istati Membri lanqas ma jilħqu l-miri tat-traspożizzjoni interim stabbiliti mill-Kunsill Ewropew, u ħafna minn dawn id-Direttivi għadhom s'issa ma ġewx ittrasportati fil-liġi nazzjonali fl-Istati Membri kollha, minkejja li ilu li għadda għeluq iż-żmien tat-traspożizzjoni.

(5)

Meta t-traspożizzjoni tad-Direttivi tas-suq intern issir tard jew ħażin tkun qed issir ħsara lin-negozju u ċ-ċittadini, minħabba li din tkun qed iċċaħħadhom mid-drittijiet tagħhom.

(6)

It-traspożizzjoni li ssir tard jew ħażin iċċaħħad ukoll lin-negozjanti u lill-konsumaturi mill-ġid ekonomiku sħiħ ta' suq intern li jkun qed jaħdem kif suppost, u tagħmel ħsara ukoll lill-kompetittività ta' l-ekonomija Ewropea sħiħa, u waqt li jkun hemm livell għoli ta' koeżjoni soċjali din tkun qed iddgħajjef il-ħila tal-Komunità biex jinħoloq tkabbir ekonomiku.

(7)

F'Unjoni Ewropea ta' ħamsa u għoxrin Stat Membru jew aktar, hemm aktar riskju li t-traspożizzjoni tad-Direttivi li ssir tard jew b'mod ħażin tikkawża t-tkissir tas-suq intern u b'hekk il-ġid ekonomiku tas-suq intern imur lura.

(8)

Il-Kummissjoni se tkompli tieħu, bħala prijorità, azzjoni legali iebsa kontra dawk l-Istati Membri li jagħmlu din it-traspożizzjoni tard jew b'mod ħażin, u tinkuraġġixxi l-pressjoni li ssir mill-imsieħba bil-pubblikazzjoni regolari tar-rekords tat-traspożizzjoni ta' l-Istati Membri fl-iScoreboard tas-Suq Intern; madankollu, waqt li dawn l-azzjonijiet fl-imgħoddi kellhom xi ftit suċċess, in-nuqqasijiet tat-traspożizzjoni għadhom hemm, u għalhekk hi meħtieġaattitudni aktar proattiva kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Istati Membri.

(9)

Il-Kummissjoni wriet, fil-Komunikazzjoni tagħha ta' l-2002 fuq il-monitoraġġ aħjar ta' l-applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità Ewropea (6), kif din tgħin jew tista' tgħin lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttivi fil-liġi nazzjonali.

(10)

Madankollu huma l-Istati Membri li jridu jiżguraw li dawn jittrasponu d-Direttivi b'mod tajjeb u f'waqthom.

(11)

L-Artikolu 10 tat-Trattat jeħtieġ li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, kemm ġenerali jew speċifiċi, biex jiżguraw li dawn iwettqu tassew ir-rabtiet tagħhom li jkunu ġejjin mit-Trattat jew minn xi azzjoni li tkun ittieħdet mill-istituzzjonijiet tal-Komunità.

(12)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tisħaq b'mod konsistenti li l-Istati Membri ma jistgħux jirreferu għal dispożizzjonijiet, prattiċi jew ċirkustanzi li jkunu jeżistu fis-sistemi interni legali tagħhom stess biex jiġġustifikaw in-nuqqas tagħhom li jikkonformaw ma' l-obbligi u l-limiti ta' żmien li jkunu ġew stabbiliti fid-Direttivi.

(13)

Hemm ħtieġa li l-Istati Membri, minħabba n-natura repetittiva tan-nuqqas tagħhom li jittrasponu d-Direttivi b'mod tajjeb u fil-ħin, jistħarrġu mill-ġdid il-proċeduri u l-prattiċi tagħhom biex jiżguraw li huma jwettqu b'mod konsistenti dan l-obbligu legali.

(14)

Uħud mill-Istati Membri għandhom, b' mod konsistenti, rekords ta' traspożizzjoni aħjar minn oħrajn; dan jirrifletti l-eżistenza jew l-adozzjoni ta' strutturi, proċeduri u prattiċi aktar effettivi. Madankollu, il-fatt li l-ebda Stat Membru m'għandu rekord perfett juri li kollha jeħtieġ iħarsu 'l quddiem biex itejbu l-pożizzjoni tagħhom. Skond il-Ftehim Inter-istituzzjonali fuq it-tfassil aħjar tal-liġijiet, l-Istati Membri għandhom ifasslu, għalihom infushom u fl-interessi tal-Komunità, tabelli ta' korrelazzjoni li juru kemm jistgħu il-korrispondenza bejn id-Direttivi u l-miżuri tat-traspożizzjoni, u għandhom jippubblikaw dawn it-tabelli.

(15)

Fil-Komunikat tagħha “Strateġija għas-Suq Intern 2003-2006” (7) il-Kummissjoni saħqet li hija se toħroġ Rakkomandazzjoni li tistabbilixxi numru ta' prattiċi tajbin li għandhom ikunu segwiti mill-Istati Membri biex dawn jiżguraw it-traspożizzjoni aħjar u aktar mgħaġġla tad-Direttivi tas-suq intern.

(16)

L-Istati Membri esprimew interess li jitgħallmu mill-prattiċi ta' xulxin, u ġew ikkonsultati, permezz tal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Suq Intern, dwar il-prattiċi ta' traspożizzjoni tajba tagħhom u l-ħafna regoli u prattiċi kostituzzjonali, legali u amministrattivi nazzjonali tagħhom, sakemm dawn ikunu jaffettwaw it-traspożizzjoni.

(17)

Ġew identifikati prattiċi tajbin li jistgħu jgħinu lill-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttivi tas-suq intern fil-liġi nazzjonali fil-ħin u b'mod korrett.

(18)

Kull Stat Membru għandu jagħżel l-aħjar proċeduri u prattiċi mfassla biex jiżguraw it-traspożizzjoni tajba u f'waqtha tad-Direttivi tas-suq intern, waqt li jqisu x'jista' jkun l-aktar effettiv fil-kuntest ta' dak l-Istat Membru, minħabba li l-proċeduri u l-prattiċi li huma effettivi fi Stat Membru wieħed jistgħu ma jkunux daqshekk effettivi f'ieħor.

(19)

Minħabba l-inċertezza legali u l-konfużjoni li jinħolqu meta traspożizzjoni ta' Direttivi tas-suq intern issir tard, in-negozji u ċ-ċittadini għandhom jiġu mgħarrfa meta d-Direttivi ma jkunux ġew trasposti f'waqthom, u dwar id-drittijiet legali tagħhom f'każijiet bħal dawn.

(20)

Fejn jiġu sottomessi abbozzi ta' dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni lill-Parlamenti nazzjonali, irid ikun hemm mehmuża magħhom dikjarazzjoni dwar il-konformità ta' dawn mal-liġi tal-Komunità. L-Istati Membri għandhom ukoll jgħarrfu lill-Parlament jekk dawn ikunux qed jittrasponu d-Direttiva kkonċernata b'mod sħiħ jew parzjali.

(21)

Bla ħsara għar-rwol u l-obbligi tal-Kummissjoni bħala l-għassies tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tkun mgħarrfa, meta d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali jkunu ġew innotifikati lilha, dwar jekk id-Direttiva kkonċernata tkunx għalhekk ġiet trasposta b'mod sħiħ jew parzjali fil-liġi nazzjonali u jekk id-dispożizzjonijiet jitqisux li huma skond il-liġi tal-Komunità.

(22)

Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jinkludu t-traspożizzjoni ta' Direttiva bħala parti minn eżerċizzju leġislattiv usa', dan jista' jwassal biex dawn ma jilħqux jagħmlu t-traspożizzjoni tagħhom sa għeluq iż-żmien; id-dħul tal-kundizzjonijiet u l-kriterji addizzjonali għal dawk meħtieġa biex tiġi trasposta Direttiva jista' jfixkel ukoll l-għanijiet tad-Direttiva kkonċernata,

HAWNHEKK TIRRAKKOMANDA LILL-ISTATI MEMBRI:

(1)

Jieħdu l-miżuri, oraganizzattivi jew oħrajn, meħtieġa biex jittrattaw fil-pront u b'mod effettiv il-kawżi li huma l-bażi tal-ksur persistenti tagħhom ta' l-obbligu legali tagħhom li jittrasponu d-Direttivi tas-suq intern b'mod tajjeb u fil-ħin;

(2)

Jistħarrġu l-aħjar prattiċi stabbiliti fl-Anness u, waqt li jqisu t-tradizzjonijiet istituzzjonali nazzjonali tagħhom, jadottaw dawk il-prattiċi li se jwasslu, jew li wieħed jistenna li jwasslu għal titjib fl-għaġla jew fil-kwalità tat-traspożizzjoni tad-Direttivi tas-suq intern;

(3)

Jippubblikaw f'waqtha lista tad-Direttivi tas-suq intern li għadhom ma ġewx trasposti b'mod sħiħ fil-liġi nazzjonali fil-ħin, u jgħarrfu lin-negozji u ċ-ċittadini li, minkejja li ma tkunx saret it-traspożizzjoni, dawn jistgħu f'ċerti ċirkustanzi jkollhom drittijiet legali taħt Direttivi li ma jkunux ġew trasposti; dan it-tagħrif għandu jkun disponibbli mill-inqas fuq sit ta' l-internet tal-Gvern;

(4)

Jiżguraw li, fejn ikunu ġew sottomessi abbozzi ta' dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni lill-Parlamenti nazzjonali, dawn ikollhom mehmuża dikjarazzjoni li qed jitqiesu li huma skond il-liġi tal-Komunità u li dawn ikunu qed jittrasponu Direttiva partikolari b'mod sħiħ jew parzjali;

(5)

Jiddikjaraw lill-Kummissjoni, meta jinnotifikaw dispożizzjonijiet ta' implimetazzjoni nazzjonali li, sa fejn jafu, dawn id-dispożizzjonijiet jaqblu mal-liġi tal-Komunità, u jiddikjaraw jekk dawn ikunux qed jittrasponu d-Direttiva kkonċernata b'mod sħiħ jew parzjali;

(6)

Iżommu lura milli jżidu mal-leġislazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali kundizzjonijiet jew kriterji li mhumiex meħtieġa għat-traspożizzjoni tad-Direttiva kkonċernata, fejn dawn il-kundizzjonijiet jew kriterji jkunu jistgħu jfixklu l-ksib ta' l-għanijiet tad-Direttiva;

(7)

Jiżguraw, meta t-traspożizzjoni ta' Direttiva tkun imdaħħla f'eżerċizzju leġislattiv usa' fuq livell nazzjonali, li dan ma jwassalx biex jinqabeż għeluq iż-żmien għat-traspożizzjoni.

Magħmula fi Brussell, fit-12 ta' Lulju 2004.

Għall-Kummissjoni

Frederik BOLKESTEIN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Is-Suq Intern ikopri wkoll tliet Stati ta' l-EFTA, l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, bħala riżultat tas-sħubija tagħhom fil-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea.

(2)  Ir-Rapport Harbour, ĠU C 234, tat-30.9.2003, p. 55 ; ir-Rapport Miller, tal-25 ta’ Frar 2004.

(3)  ĠU C 221, tas-7.8.2001, p. 25; ĠU C 241, tas-7.10.2002, p. 180; ĠU C 234, tat-30.9.2003, p. 55.

(4)  ĠU C 128, tad-29.5.2003, p. 48.

(5)  ĠU C 321, tal-31.12.2003, p. 1.

(6)  COM(2002) 725 finali tal-11.12.2002.

(7)  COM(2003) 238 finali tas-7.5.2003.


ANNESS

PRATTIĊI IDENTIFIKATI TA' L-ISTATI MEMBRI LI JĦAFFU T-TRASPOŻIZZJONI TAJBA U F'WAQTHA FIL-LIĠI NAZZJONALI TA' DIRETTIVI LI JOLQTU S-SUQ INTERN

1.   Li traspożizzjoni tajba u f'waqtha tkun ta' prijorità politika u operazzjonali permanenti.

1.1.

Membru anzjan wieħed tal-gvern, f' livell ta' Ministru jew Segretarju ta' l-Istat, jinħatar bħala l-persuna responsabbli mill-monitoraġġ tat-traspożizzjoni tad-Direttivi kollha tas-suq intern fil-liġi nazzjonali u biex itejjeb ir-rekord tat-traspożizzjoni ta' l-Istat Membru. F'dan ix-xogħol dan il-membru tal-gvern ikollu l-appoġġ evidenti tal-Kap tal-Gvern, u huwa ċar għall-Ministri u għall-amministrazzjoni li l-gvern ikun qed iqis it-traspożizzjoni tajba u f'waqtha bħala prijorità.

1.2.

Il-Ministri kollha jirċievu rapport regolarment (per eżempju, darba fix-xahar) fuq ir-rekords tat-traspożizzjoni tal-Ministeri/entitajiet governattivi kollha. Ir-rekords tat-traspożizzjoni jiġu diskussi regolarment fil-laqgħat tal-Ministri.

1.3.

Ikunu allokati riżorsi biżżejjed biex tkun żgurata t-traspożizzjoni tajba u f'waqtha.

2.   Li jkun żgurat l-monitoraġġ u l-kordinazzjoni tat-traspożizzjoni tad-Direttivi tas-suq intern fuq livell amministrattiv u politiku

2.1.

Ministeru wieħed jew entità governattiva waħda jkunu responsabbli mill-monitoraġġ sħiħ tat-traspożizzjoni. Dan/din j/tikkoordina t-traspożizzjoni mal-Ministeri u ma' entitajiet governattivi sub-federali, reġjonali u devoluti li jkunu responsabbli mit-traspożizzjoni, u j/tingħata l-iskeda ta' ppjanar għat-traspożizzjoni. Dan/din j/tiżgura li l-progress fuq it-traspożizzjoni jiġi diskuss b'mod regolari mal-Ministeri fuq livell amministrattiv għoli (per eżempju, darba fix-xahar). Dan/din jirrapporta regolarment (per eżempju, darba fix-xahar) lill-Ministru jew lis-Segretarju ta' l-Istat responsabbli mill-monitoraġġ tat-traspożizzjoni. Dan/din j/taġixxi wkoll bħala koordinatur nazzjonali biex jittratta mal-Kummissjoni dwar ir-rekord tat-traspożizzjoni ta' l-Istat Membru.

2.2.

Kull Ministeru u kull entità governattiva sub-federali, reġjonali u devoluta li twettaq it-traspożizzjoni għandu/ha j/taħtar uffiċjali li jkunu responsabbli mill-monitoraġġ tat-traspożizzjoni fil-Ministeru jew entità u biex dawn jaġixxu bħala punt ta' kuntatt. Fost dawn l-uffiċjali titwaqqaf network nazzjonali.

2.3.

Jinħarġu linji ta' gwida, li jistabbilixxu kif għandha ssir it-traspożizzjoni u li jiżguraw li tittieħed linja komuni għat-traspożizzjoni fl-amministrazzjoni kollha.

2.4.

Tinżamm database nazzjonali ċentrali fuq it-traspożizzjoni. Din id-database hija aċċessibbli għall-Ministeri u entitajiet governattivi sub-federali, reġjonali u devoluti kollha li huma involuti fit-traspożizzjoni. Għal kull Direttiva, din fiha: ir-referenzi u s-suġġett tad-Direttiva; il-Ministeru jew l-entità governattiva responsabbli mit-traspożizzjoni, u l-persuni reponsabbli fil-Ministeru jew l-entità governattiva; lista ta' Ministeri u entitajiet governattivi oħrajn involuti fit-traspożizzjoni u l-persuni responsabbli; ir-riżorsi meħtieġa għat-traspożizzjoni; għeluq iż-żmien tat-traspożizzjoni; il-miżuri li għandhom jittieħdu biex Direttiva tiġi trasposta; l-iskeda taż-żmien ippjanata għat-traspożizzjoni (inklużi kull deċiżjoni parlamentari); l-istat tal-progress; id-diffikultajiet kollha tat-traspożizzjoni; u jekk il-proċeduri ta' ksur ikunux bdew għal traspożizzjoni li tkun saret tard jew ħażin. Huwa possibbli li f'kull żmien jiġi stabbilit ir-rekord tat-traspożizzjoni ta' l-Istat Membru b'mod sħiħ u skond il-Ministeru.

2.5.

Noti ta' tfakkir (reminders) jintbagħtu lill-Ministeru jew entità governattiva oħra li tkun responabbli mit-traspożizzjoni qabel għeluq iż-żmien (per eżempju, tliet xhur u imbagħad xahar qabel għeluq iż-żmien).

2.6.

Fejn għeluq iż-żmien ikun għadda, tintbagħat mill-ewwel nota ta' tfakkir kemm fuq livell amministrattiv kif ukoll Ministerjali, waqt li jiġi mgħarraf il-Parlament nazzjonali.

2.7.

L-Istati Membri jkunu proattivi biex jiksbu l-parir u l-għajnuna tal-Kummissjoni fi żmien xieraq, fuq punti li jolqtu t-traspożizzjoni. Id-database tal-punt ta' kuntatt imwaqqfa mill-Kummissjoni tintuża biex ikunu magħrufa l-uffiċjali responsabbli.

3.   Ikun żgurat li t-tħejjijiet għat-traspożizzjoni jseħħu fi stadju bikri u li dawn ikollhom bħala l-għan tagħhom it-traspożizzjoni tajba u f'waqtha

3.1.

Matul in-negozjati tad-Direttiva, il-Ministeru jew entità governattiva oħra responsabbli min-negozjati jħejju skeda ta' ppjanar għat-traspożizzjoni, u f'kull każ qabel ma d-Direttiva tiġi adottata. Għal kull Direttiva, l-iskeda ta' ppjanar tinkludi: ir-referenzi u s-suġġett tad-Direttiva; il-Ministeru jew l-entità governattiva responsabbli mit-traspożizzjoni u l-persuni responsabbli fil-Ministeru jew l-entità governattiva; lista ta' Ministeri u entitajiet governatiivi oħra li huma involuti fit-traspożizzjoni u l-persuni responsabbli; ir-riżorsi meħtieġa għat-traspożizzjoni; għeluq iż-żmien tat-traspożizzjoni; paragun bejn il-liġi nazzjonali eżistenti u t-termini tad-Direttiva proposta; il-miżuri li jridu jittieħdu biex tiġi trasposta d-Direttiva; u l-iskeda taż-żmien ippjanata għat-traspożizzjoni (inkluż kull diskussjoni parlamentari). Din l-iskeda ta' ppjanar għandha tintbagħat lill-Ministeru jew l-entità governattiva responsabbli mill-monitoraġġ tat-traspożizzjoni kollha fi żmien qasir (per eżempju, erba' ġimgħat) wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, biex ikun żgurat li d-database tat-traspożizzjoni tinżamm aġġornata.

3.2.

L-abbozzar tal-leġislazzjoni jibda qabel ma, jew hekk kif, id-Direttiva tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

3.3.

Il-Ministeru jew l-entità governattiva responsabbli mit-traspożizzjoni qed iħejju tabella ta' korrelazzjoni li tistabbilixxi l-mod kif kull dispożizzjoni ta' Direttiva għandha tiġi ttrasportata fil-liġi nazzjonali. Din it-tabella tkun mehmuża ma' kull abbozz ta' leġislazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali, meta dan jintbagħat lill-Parlament jew lill-gvern biex iħaffef id-deċiżjonijiet tiegħu, u ma' kull notifika tal-leġislazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali li tintbagħat lill-Kummissjoni.

3.4.

Iż-żieda ta' dispożizzjonijiet supplementari li mhumiex meħtieġa biex jittrasponu Direttiva għandha tkun evitata. Fejn jiġri hekk, il-Ministeru jew entità governattiva oħra li jkunu responsabbli għandhom jiġġustifikaw għaliex din titqies meħtieġa u jistabbilixxu li din mhux se twassal għal dewmien fit-traspożizzjoni.

3.5.

Safejn ikun possibbli, l-uffiċjali nazzjonali responsabbli min-negozjati ta' Direttiva għandhom ikunu involuti fit-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali. Jekk dan ma jkunx possibbli, dawn għandhom jikkooperaw mill-qrib ma' dawk li huma responsabbli mit-traspożizzjoni. F'kull każ, l-uffiċjali li jkunu qed jinnegozjaw Direttiva għandhom iżommu lil dawk l-uffiċjali li jittrasponuha nfurmati matul in-negozjati kollha tad-Direttiva biex ikun żgurat li kull problema ta' traspożizzjoni li jista' jkun hemm titqajjem u tiġi ttrattata qabel ma tiġi adottata d-Direttiva.

3.6.

Ir-rappreżentanti ta' kull entità governattiva sub-federali, reġjonali jew devoluta li jkollhom jittrasponu Direttiva għandhom jinżammu nfurmati matul in-negozjati tad-Direttiva.

3.7.

Il-leġislazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali tiġi notifikata lill-Kummissjoni b'mod elettroniku.

4.   Il-Ħidma mill-qrib ma' Parlamenti nazzjonali, reġjonali u devoluti li jkunu involuti fit-traspożizzjoni tad-Direttivi tas-suq intern biex tkun żgurata t-traspożizzjoni korretta u f'waqtha

4.1.

Jintbagħtu proposti għad-Direttivi lill-Parlamenti hekk kif dawn jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni, u jinżammu nfurmati dwar il-progress li jkun sar fin-negozjati tad-Direttiva.

4.2.

Il-Parlamenti jirċievu rapporti fuq bażi regolari (per eżempju, kull tliet xhur) fuq il-progress fit-traspożizzjoni, fuq Direttivi li t-traspożizzjoni tagħhom tkun saret tard, u fuq proċeduri ta' ksur li jkunu nbdew mill-Kummissjoni għal traspożizzjoni li tkun saret tard jew li tkun ħażina.

4.3.

Flimkien ma' l-abbozz tal-leġislazzjoni nazzjonali, il-Parlamenti jirċievu skeda taż-żmien għat-traspożizzjoni, indikazzjoni ċara ta' għeluq iż-żmien, it-tabelli kollha ta' korrelazzjoni li jkunu tħejjew u dikjarazzjoni mill-Gvern li l-miżura ta' implimentazzjoni nazzjonali tkun titqies li taqbel mal-liġi tal-Komunità.

4.4.

Il-Parlamenti jirċievu twissija minn kmieni (per eżempju, tliet xhur qabel għeluq iż-żmien tat-traspożizzjoni) mill-gvern li għeluq iż-żmien għat-traspożizzjoni qed joqrob. Dawn jiġu mgħarrfa wkoll meta għeluq iż-żmien ikun għadda.

4.5.

Il-Gvern iħeġġeġ lill-Parlamenti biex jaħsbu għal żmien biżżejjed biex jittrasponu d-Direttivi f'waqthom.

5.   Tittieħed azzjoni malajr, b'mod viżibbli u effettiv, biex isseħħ it-traspożizzjoni tad-Direttivi li t-traspożizzjoni tagħhom tkun tard

5.1.

Għandhom jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex ikun żgurat li d-Direttivi kollha li ma jkunux ġew trasposti fil-ħin jiġu trasposti kemm jista' jkun malajr wara għeluq iż-żmien tat-traspożizzjoni.

5.2.

Fejn it-traspożizzjoni ta' Direttiva waħda jew aktar tkun tard, il-Parlamenti huma mħeġġa jipprovdu aktar żmien biex jittrasponu dawn id-Direttivi kemm jista' jkun malajr u biex jieħdu ħsieb kull kawża proċedurali ta' dewmien.

5.3.

L-Istati Membri jippubblikaw lista ta' Direttivi li huma ma jkunux għamlu t-traspożizzjoni tagħhom fil-ħin u jagħtu parir lin-negozju u ċ-ċittadini li, minkejja li ma tkunx saret it-traspożizzjoni, f'ċerti ċirkustanzi huma xorta waħda jista' jkollhom drittijiet legali taħt Direttivi mhux trasposti.

5.4.

Fejn ikun hemm nuqqas persistenti biex Direttivi jiġu trasposti f'waqthom, l-Istati Membri għandhom jistħarrġu sa fejn il-proċedura leġislattiva quddiem il-Parlament għat-traspożizzjoni tad-Direttivi tista' titqassar. Din l-adozzjoni hi prevista f'qari wieħed jew taħt proċedura mgħaġġla.

5.5.

Fejn ikun hemm nuqqas persistenti biex jiġu trasposti Direttivi f'waqthom, u fejn dan hu permess fil-Kostituzzjoni ta' Stat Membru jew b'ordni legali intern, għandu jitqies l-użu ta' digrieti jew regolamenti tal-gvern għat-traspożizzjoni fejn dawn jistgħu iħaffu l-proċess.


Top