Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002L0073

    Id-Direttiva 2002/73/KE Tal-Parlament Ewropew U Tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta’ aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħolTest b'relevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 269, 5.10.2002, p. 15–20 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/08/2009; Imħassar b' 32006L0054

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/73/oj

    32002L0073



    Official Journal L 269 , 05/10/2002 P. 0015 - 0020


    Id-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    tat-23 ta’ Settembru 2002

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta’ aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 141(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

    Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni tad-19 ta’ April 2002,

    Billi:

    (1) Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea hija mwaqqfa fuq il-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt, il-prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri, u li għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

    (2) Id-dritt għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-protezzjoni kontra diskriminazzjoni għal persuni kollha jikkostitwixxu dritt universali rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-forom kollha ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-forom kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali u l-Konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, li tagħhom l-Istati Membri kollha huma firmatarji.

    (3) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    (4) L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fondamentali, skond l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(2) tat-Trattat tal-KE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat jipproklamaw ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel bħala "kompitu" u "mira" tal-Komunità u jimponu obbligu pożittiv biex "jippromwovuha" fl-attivitajiet kollha tagħha.

    (5) L-Artikolu 141 tat-Trattat, u b’mod partikolari il-paragrafu 3, jittrattaw speċifikament opportunitajiet ugwali u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol.

    (6) Id-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE [4] ma tfissirx il-kunċetti ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta. Fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 13 tat-Trattat, il-Kunsill adotta d-Direttiva 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika [5] u d-Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi kwadru ġenerali għal trattament ugwali fl-impjieg u x-xogħol [6] li jiddefinixxu diskriminazzjoni diretta u indiretta. Għalhekk huwa approprjat li jiġu inseriti definizzjonijiet konsistenti ma’ dawn id-Direttivi dwar is-sess.

    (7) Din id-Direttiva ma tippreġudikax libertà ta’ assoċjazzjoni, inkluż id-dritt li jiġu stabbiliti unjonijiet ma’ oħrajn u li jissieħbu fihom biex jiddefendu l-interessi tagħhom. Il-miżuri fis-sens ta’ l-Artikolu 141(4) tat-Trattat jistgħu jinkludu sħubija jew il-kontinwazzjoni ta’ l-attività ta’ organizzazzjonijiet jew unjonijiet li l-iskop prinċipali tagħhom huwa l-promozzjoni, fil-prattika, tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel.

    (8) Fastidju relatat mas-sess ta’ persuna u fastidju sesswali huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn nisa u rġiel; huwa għalhekk approprjat li jiġu definiti dawn il-kunċetti u li jiġu pprojbiti dawn il-forom ta’ diskriminazzjoni. Għal dan l-iskop għandu jiġi enfasizzat li dawn il-forom ta’ diskriminazzjoni ma jseħħux biss fil-post tax-xogħol, iżda wkoll fil-kuntest ta’ aċċess għall-impjieg u taħriġ professjonali, matul l-impjieg u x-xogħol.

    (9) F’dan il-kuntest, dawk li jimpjegaw u dawk responsabbli għal taħriġ professjonali għandhom jiġu inkuraġġiti biex jieħdu miżuri biex jikkumbattu l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni sesswali u, b’mod partikolari, biex jieħdu miżuri preventivi kontra fastidju u fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, skond il-leġislazzjoni u l-prattika nazzjonali.

    (10) L-apprezzament tal-fatti li minnhom wieħed jista’ jiddeduċi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta hija fil-kompetenza għal korpi nazzjonali ġuridiċi u oħrajn kompetenti, skond ir-regoli tal-liġi jew il-prattika nazzjonali. Dawn ir-regoli jistgħu jipprovdu b’mod partikolari biex diskriminazzjoni indiretta tiġi konstatata b’kull mezz inkluż dak fuq bażi ta’ prova ta’ statistika. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [7], diskriminazzjoni tinvolvi l-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjoni paragunabbli jew l-applikazzjoni ta’ l-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti.

    (11) L-attivitajiet tax-xogħol li l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-qasam ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 76/207/KEE għandhom jiġu ristretti għal dawk li jinneċessitaw l-impjieg ta’ persuna ta’ sess partikolari għar-raġuni tan-natura ta’ l-attivitajiet ta’ xogħol partikolarment relatat, iżda l-mira għandha tkun waħda leġittima, u soġġetta għall-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [8].

    (12) Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet konsistentement il-leġittimità, skond il-prinċipju ta’ trattament ugwali, tal-protezzjoni tal-kondizzjoni bijoloġika tal-mara matul u wara t-tqala. B’żieda ma’ dan hija konsistentement iddeċidiet li kull trattament sfavorevoli tan-nisa relat mat-tqala jew maternità jikkostitwixxi diskriminazzjoni sesswali diretta. Din id-Direttiva hija għalhekk mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu riċentement jew li qegħdin ireddgħu [9] (l-għaxar Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), li timmira biex tiżgura l-protezzjoni ta’ l-istat fiżiku u mentali tan-nisa tqal, nisa li welldu riċentement u nisa li qed ireddgħu. Il-preambolu tad-Direttiva 92/85/KEE jipprovdi li l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu riċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu m’għandhiex tinvolvi trattament sfavorevoli ta’ nisa li qegħdin fis-suq tax-xogħol u lanqas li jaħdmu għad-detriment tad-Direttivi dwar trattament ugwali għall-irġiel u nisa. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa għall-impjieg, b’mod partikolari d-dritt tagħhom biex jirritornaw għall-istess xogħol jew ieħor ekwivalenti, b’kondizzjonijiet ta’ xogħol mhux anqas favorevoli, kif ukoll li jibbenefikaw minn kull titjib fil-kondizzjonijiet ta’ xogħol li kienu jkunu intitolati għalihom matul l-assenza tagħhom.

    (13) Fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tal-Ministri għall-Impjieg u l-Politika Soċjali fil-Kunsill waqt il-laqgħa fil-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fil-ħajja tal-familja u tax-xogħol [10], l-Istati Membri kienu inkoraġġiti biex jikkunsidraw li jeżaminaw il-qasam ta’ applikazzjoni tas-sistemi legali rispettivi tagħhom biex jagħtu lill-irġiel li jaħdmu dritt individwali u mhux trasferibbli għal-leave tal-paternità, waqt li jżommu drittijiethom relatati ma’ l-impjieg. F’dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed jenfasizza li huwa għall-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jagħtux dan id-dritt jew le u wkoll li jiddeċiedu kull kondizzjoni, għajr sensja u ritorn għax-xogħol, li huma barra mill-qasam ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    (14) L-Istati Membri jistgħu, taħt l-Artikolu 141(4) tat-Trattat, iżommu jew jadottaw miżuri li jipprovdu għal vantaġġi speċifiċi, sabiex jagħmluha aktar faċli għas-sess li mhuwiex rappreżentat biżżejjed biex isegwi attività professjonali jew biex jipprevienu jew jikkompensaw għal żvantaġġi fil-karrieri professjonali. Fis-sitwazzjoni preżenti, u meta wieħed iżomm f’moħħu d-Dikjarazzjoni Nru 28 tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-Istati Membri għandhom, primarjament, jimmiraw biex itejbu s-sitwazzjoni tal-mara fil-ħajja tax-xogħol.

    (15) Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għaż-żamma jew l-adozzjoni ta’ miżuri maħsuba biex jipprevienu jew jikkompensaw għal żvantaġġi mġarrbin minn grupp ta’ persuni ta’ sess minnhom. Dawn il-miżuri jippermettu lil organizzazzjonijiet ta’ persuni ta’ sess wieħed meta l-iskop prinċipali tagħhom huwa l-promozzjoni tal-bżonnijiet speċjali ta’ dawk il-persuni u l-promozzjoni ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

    (16) Il-prinċipju ta’ paga indaqs għall-irġiel u n-nisa huwa diġà stabbilit sewwa bl-Artikolu 141 tat-Trattat u d-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE ta’ l-10 ta’ Frar 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati ma’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga indaqs għan-nisa u rġiel [11] u huwa sostnut konsistentement bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; il-prinċipju jikkostitwixxi parti essenzjali u indispensabbli ta’ l-acquis communautaire dwar id-diskriminazzjoni sesswali.

    (17) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi, wara li kkunsidrat in-natura fondamentali tad-dritt għall-protezzjoni ġuridika effettiva, l-impjegati jgawdu din il-protezzjoni ukoll wara li tkun intemmet ir-relazzjoni ta’ l-impjieg tagħhom [12]. Impjegat li jiddefendi jew jixhed affavur ta’ persuna protetta skond din id-Direttiva għandu jkun intitolat għall-istess protezzjoni.

    (18) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi, biex ikun effettiv, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jimplika illi, kull darba li jinkiser, il-kumpens mogħti lill-impjegat li jkun ġie diskriminat għandu jkun adegwat meta relatat mad-dannu mġarrab. Barraminnhekk speċifikat li l-iffissar minn qabel ta’ limitu ogħla jista’ jipprekludi kumpens effettiv u li l-esklużjoni ta’ l-għoti ta’ l-imgħax għall-kumpens tat-telf sostnut mhux permess [13].

    (19) Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, regoli nazzjonali relatati mat-termini biex jittieħdu passi huma ammissibbli sakemm ma jkunux anqas favorevoli mit-termini għal passi simili ta’ natura interna u ma jirrendux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mil-liġi tal-Komunità impossibbli biex tipprattikahom.

    (20) Persuni li kienu soġġetti għal diskriminazzjoni bbażata fuq sess għandu jkollhom mezzi adegwati għall-protezzjoni legali. Sabiex jiġi pprovdut livell aktar effettiv ta’ protezzjoni, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u entitajiet legali oħra għandhom ukoll jingħataw is-setgħa li jintervjinu, hekk kif jiddeċiedu l-Istati Membri, jew f’isem jew b’sostenn għal kull vittma, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali ta’ proċedura dwar rappreżentazzjoni u difiża quddiem il-qrati.

    (21) L-Istati Membri għandhom jippromwovu djalogu bejn l-imsieħba soċjali u, fil-kwadru tal-prattika nazzjonali, ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi biex jittrattaw forom differenti ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq sess fil-post tax-xogħol u biex jikkumbattuhom.

    (22) L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u disswassivi fil-każ ta’ ksur ta’ l-obbligi taħt id-Direttiva 76/207/KEE.

    (23) Skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat, l-iskopijiet ta’ l-azzjoni proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar mill-Komunità. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ għal dak l-iskop.

    (24) Id-Direttiva 76/207/KEE għandha għalhekk tiġi emendata f’dan is-sens,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    L-Artikolu 1

    Id-Direttiva 76/207/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

    1. fl-Artikolu 1, għandu jiġi inserit il-paragrafu li ġej:

    "1a. L-Istati Membri għandhom attivament jikkunsidraw l-iskop ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa meta jifformulaw u jimplimentaw liġijiet, regolamenti, dispożizzjonijiet amministrattivi, politiki u attivitajiet fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1.";

    2. L-Artikolu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    "L-Artikolu 2

    1. Għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni tkun xi tkun fuq bażi ta’ sess sew direttament kif ukoll indirettament b’referenza b’mod partikolari għall-i status konjugali jew tal-familja.

    2. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-tifsiriet li ġejjin għandhom jgħoddu:

    - diskriminazzjoni diretta: meta persuna waħda hija ttrattata anqas favorevolment fuq bażi ta’ sess minn oħra hija, kienet jew tista’ tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli,

    - diskriminazzjoni indiretta: meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali tista’ tqiegħed persuni ta’ sess minnhom fi żvantaġġ partikolari meta pparagunati ma persuni tas-sess l-ieħor, kemm-il darba dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika ma tkunx ġustifikata b’mod oġġettiv minn mira leġittima, u l-mezzi biex jtintlaħaq din il-mira ma jkunux xierqa u meħtieġa,

    - fastidju: meta imġiba mhix aċċettata relatata mas-sess ta’ persuna titwettaq bl-iskop jew effett li jmur kontra d-dinjità ta’ persuna, u li toħloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv,

    - fastidju sesswali: meta kull forma ta’ mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhix mixtieqa ta’ natura sesswali titwettaq, bl-iskop jew effett li jmur kontra d-dinjità ta’ persuna, b’mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv.

    3. Fastidju jew fastidju sesswali fis-sens ta’ din id-Direttiva għandhom jitqiesu li huma diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess u għalhekk huma pprojbiti.

    Ir-rifjut ta’ jew sottomissjoni għal dan l-aġir ta’ persuna ma jistgħux jintużaw bħala bażi għal deċiżjoni li taffettwa dik il-persuna.

    4. Istruzzjoni għal diskriminazzjoni kontra persuni fuq bażi ta’ sess għandha titqies li hija diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-Direttiva.

    5. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu, skond il-liġi nazzjonali, ftehim jew prattiki kollettivi, u lil dawk li jimpjegaw u dawk responsabbli għal aċċess għal taħriġ professjonali biex jieħdu miżuri li jipprevjenu l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, b’mod partikolari fastidju u fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol.

    6. L-Istati Membri għandhom jiddisponu, fir-rigward ta’ l-aċċess għall-impjieg inkluż it-taħriġ li jwassal għalih, li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata mas-sess m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, għar-raġuni tan-natura ta’ l-attivitajiet ta’ xogħol partikolari relatati jew fl-isfond li fih jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi rekwiżit ġenwin u determinanti tax-xogħol, iżda dak l-iskop ikun leġittimu u r-rekwiżit ikun proporzjonat.

    7. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tan-nisa, b’mod partikolari rigward tqala u maternità.

    Mara bil-leave ta’ maternità għandha tkun intitolata, wara t-tmiem tal-perjodu ta’ leave ta’ maternità tagħha, li tmur lura għax-xogħol tagħha jew għall-post ekwivalenti skond it-termini u kondizzjonijiet li mhumiex anqas favorevoli għaliha u li tibbenefika minn kull titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol li għalihom kienet tkun intitolata waqt l-assenza tagħha.

    Trattament anqas favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew leave ta’ maternità fis-sens tad-Direttiva 92/85/KEE għandu jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-Direttiva.

    Din id-Direttiva għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta’ Ġunju 1996 fuq ftehim kwadru dwar leave ta’ paternità ffirmat mill-UNICE, mis-CEEP u mill-ETUC [14] u d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu tibdil fis-sigurtà u saħħa fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema tqal u ħaddiema li jkunu welldu riċentement jew li jkunu jreddgħu (l-għaxar Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) [15]. Hija wkoll mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jirrikonoxxu drittijiet distinti għal leave ta’ paternità u/jew ta’ adozzjoni. Dawk l-Istati Membri li jirrikonoxxu dawn id-drittijiet għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġu ħaddiema rġiel u nisa minn sensja dovuta għall-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u jiżguraw illi, fi tmiem ta’ dan il-leave, huma jkunu intitolati li jmorru lura lejn xogħolhom jew postijiet ekwivalenti skond termini u kondizzjonijiet li ma jkunux anqas favorevoli għalihom, u li jibbenefikaw minn kull titjib fil-kondizzjonijiet ta’ xogħol li għalihom kienu jkunu inititolati matul l-assenza tagħhom.

    8. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw miżuri fis-sens ta’ l-Artikolu 141(4) tat-Trattat bl-iskop li jiżguraw ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u nisa.";

    3. L-Artikolu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    "L-Artikolu 3

    1. L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi ta’ sess fis-setturi pubbliċi jew privati, inklużi korpi pubbliċi, fir-rigward ta’:

    (a) kondizzjonijiet għal aċċess għall-impjieg, għal xogħol għal rasu jew għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, tkun xi tkun il-fergħa ta’ attività u l-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

    (b) aċċess għat-tipi kollha u l-livelli kollha ta’ gwida professjonli, taħriġ professjonali, taħriġ professjonali avvanzat u taħriġ mill-ġdid, inkluża esperjenza prattika tax-xogħol;

    (ċ) impjieg u kondizzjonijiet ta’ xogħol, inklużi s-sensji, kif ukoll paga kif previsti fid-Direttiva 75/117/KEE;

    (d) sħubija ma’, u impenn fi, organizzazzjonijiet tal-ħaddiema jew ta’ dawk li jimpjegaw, jew kull organizzazzjoni li l-membri tagħha jaħdmu fi professjoni partikolari, inlużi l-benefiċċji previsti minn dawn l-organizzazzjonijiet.

    2. B’dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw illi:

    (a) kull liġi, regolament u dispożizzjoni amministrattiva kuntrarja għall-prinċipju ta’ trattament ugwali tiġi abolita;

    (b) kull dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ trattament ugwali li hi inkluża f’kuntratti jew ftehim kollettivi, regoli interni ta’ impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet indipendenti u professjonijiet u organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema u dawk li jimpejgaw għandha tkun, jew tista’ tiġi dikjarata, nulli u bla effett jew tiġi emendata.";

    4. L-Artikoli 4 u 5 għandhom jitħassru;

    5. L-Artikolu 6 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    "L-Artikolu 6

    1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jqisuh approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-applikazzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva huma disponibbli għall-persuni kollha li jikkunsidraw irwieħhom offiżi minħabba ommissjoni ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għalihom, ukoll wara li l-assoċjazzjoni li fiha d-diskriminazzjoni tkun allegata li tkun ġrat tkun intemmet.

    2. L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri kif huma neċessarji biex jiżguraw kumpens jew riparazzjoni effettiva hekk kif l-Istati Membri jiddeċiedu għat-telf u d-dannu mġarrba minn persuna offiża bħala riżultat ta’ diskriminazzjoni kuntrarja għall-Artikolu 3, b’mod illi huwa diswassiv u proporzjonat għad-danni mġarrba; dan il-kumpens jew riparazzjoni ma jistgħux jiġu ristretti bl-iffissar ta’ limitu superjuri minn qabel, ħlief f’każijiet meta min jimpjega jista’ jipprova li l-uniku dannu soffert minn applikant bħala riżultat ta’ diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-Direttiva huwa r-rifjut li tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni tiegħu/tagħha għall-impjieg

    3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħrajn li, skond il-kriterji stabbiliti bil-liġi nazzjonali tagħhom, għandhom interess leġittimu biex jassiguraw li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, jistgħu jingaġġaw, jew f’isem jew b’sostenn ta’ kwerelant, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha, f’kull proċedura ġuridika u/jew amministrattiva prevista għall-applikazzjoni ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva.

    4. Il-paragrafi 1 u 3 huma mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali relatati għal-limiti ta’ żmien biex jittieħdu azzjonijiet fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.";

    6. L-Artikolu 7 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    "L-Artikolu 7

    L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri kif neċessarji għall-protezzjoni ta’ l-impjegati, inklużi dawk li huma rappreżentanti ta’ l-impjegati previsti bil-liġijiet u/jew il-prattka nazzjonali, kontra sensja jew trattament diffiċli ieħor minn min jimpjega bħala reazzjoni għal ilment fl-intrapriża jew għal xi proċeduri legali mmirati għall-infurzar ta’ konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.";

    7. għandhom jiġu inseriti l-Artikoli li ġejjin:

    "L-Artikolu 8a

    1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw u jagħmlu l-arranġamenti neċessarji għal korp jew korpi għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u s-sostenn ta’ trattament ugwali għall-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess. Dawn il-korpi jistgħu jagħmlu parti minn aġenziji inkarigati f’livell nazzjonali bid-difiża ta’ drittijiet tal-bniedem jew bis-salvagwardja ta’ drittijiet individwali.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompetenzi ta’ dawn il-korpi jinkludu:

    (a) mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-vittmi u ta’ assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħra msemmija fl-Artikolu 6(3), il-provvediment ta’ assistenza indipendenti lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni fit-twettiq ta’ l-ilmenti tagħhom dwar id-diskriminazzjoni;

    (b) il-kondotta ta’ inkjesti indipendenti dwar id-diskriminazzjoni;

    (ċ) il-pubblikazzjoni ta’ rapporti indipendenti u rakkomandazzjonijiet dwar kull kwistjoni relatata ma’ din id-diskriminazzjoni.

    L-Artikolu 8b

    1. L-Istati Membri għandhom, skond tradizzjonijiet u prattika nazzjonali, jieħdu miżuri adegwati biex jippromwovu djalogu soċjali bejn l-imsieħba soċjali bl-iskop li jżommu trattament ugwali, inklużi permezz tal-monitoraġġ ta’ postijiet tax-xogħol, ftehim kollettiv, kodiċi ta’ mġiba, riċerka jew skambju ta’ esperjenzi u prattika tajba.

    2. Meta konsistenti ma’ tradizzjonijiet u prattika nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-imsieħba soċjali, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tagħhom, biex jippromwovu ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u biex jikkonkludu, fil-livell approprjat, ftehim li jistabilixxi regoli antidiskriminatorji fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ negozjar kollettiv. Dan il-ftehim għandu jirrispetta l-ħtiġiet minimi stabbiliti b’din id-Direttiva u l-miżuri nazzjonali relevanti ta’ implimentazzjoni.

    3. L-Istati Membri għandhom, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, jinkoraġġixxu lil dawk li jimpjegaw biex jippromwovu trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fil-post tax-xogħol b’mod ippjanat u sistematiku.

    4. Għal dan l-iskop, dawk li jimpjegaw għandhom jiġu inkoraġġiti biex jipprovdu f’intervalli regolari approprjati lill-impjegati u/jew lir-rappreżentanti tagħhom b’informazzjoni approprjata dwar trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fl-impriża.

    Din l-informazzjoni tista’ tinkludi statistiki dwar proporzjonijiet ta’ rġiel u nisa f’livelli differenti ta’ l-organizzazzjoni u miżuri possibbli biex titjieb is-sitwazzjoni b’kooperazzjoni ma rappreżentanti ta’ l-impjegati.

    L-Artikolu 8ċ

    L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu djalogu ma’ organizzazzjonijiet nongovernattivi approprjati li għandhom, skond il-liġi u l-prattika nazzjonali tagħhom, interess leġittimu li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess bl-iskop li jippromwovu l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    L-Artikolu 8d

    L-Istati Membri għandhom jistabilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jassiguraw li huma applikati.

    Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ kumpens lill-vittima, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-5 ta’ Ottubru 2005 u għandhom jinnotifikawha minnufih b’kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

    L-Artikolu 8e

    1. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

    2. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandha fl-ebda ċirkustanza tikkostitwixxi bażijiet għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni kontra diskriminazzjoni diġà mogħtija mill-Istati Membri fl-oqsma koperti f’din id-Direttiva."

    L-Artikolu 2

    1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-5 ta’ Ottubru 2005 u għandhom jassiguraw, mhux aktar tard minn dik id-data, li l-amministrazzjoni u l-ħaddiema jintroduċu d-dispożizzjonijiet rekwiżiti permezz ta’ ftehim. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jippermettulhom f’kull ħin jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu riferenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif din ir-riferenza għandha ssir.

    2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-informazzjoni neċessarja kollha biex il-Kummissjoni tifformula rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, kull erba’ snin, it-testi ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ kull miżura adottata skond l-Artikolu 141(4) tat-Trattat, kif ukoll rapporti dwar dawn il-miżuri u l-implimentazzjoni tagħhom. Fuq il-bażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta u tippubblika kull erba snin rapport li jistabbilixxi stima paragunabbli ta’ kull miżura fid-dawl tad-Dikjarazzjoni Nru 28 annessa ma’ l-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam.

    L-Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    L-Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fit-23 ta’ Settembru 2002.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    P. Cox

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. Fischer Boel

    [1] ĠU C 337 E, tat-28.11.2000, p. 204 u ĠU C 270 E, tal-25.9.2001, p. 9.

    [2] ĠU C 123, tal-25.4.2001, p. 81.

    [3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta’ Mejju 2001 (ĠU C 47, tal-21.2.2002, p. 19), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2001 (ĠU C 307, tal-31.10.2001, p. 5) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 (ĠU C 112 E, tad-9.5.2002, p. 14). Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Ġunju 2002 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002.

    [4] ĠU L 39, ta’ l-14.2.1976, p. 40.

    [5] ĠU L 180, tad-19.7.2000, p. 22.

    [6] ĠU L 303, tal-21.12.2000, p. 16.

    [7] Każ C-394/96 Brown, [1998] ECR I-4185, Każ C-342/93 Gillespie, [1996] ECR I-475.

    [8] Każ C-222/84 Johnston, [1986] ECR 1651, Każ C-273/97 Sirdar [1999] ECR I-7403 u Każ C-285/98 Kreil [2000] ECR I-69.

    [9] ĠU L 348, tat-28.11.1992, p. 1.

    [10] ĠU C 218, tal-31.7.2000, p. 5.

    [11] ĠU L 45, tad-19.2.1975, p. 19.

    [12] Każ C-185/97 Coote [1998] ECR I-5199.

    [13] Każ C-180/95, Draehmpaehl, [1997] EĊR I-2195, il-Każ C-271/91, Marshall [1993] ECR I-4367.

    [14] ĠU L 145, tad-19.6.1996, p. 4.

    [15] ĠU L 348, tat-28.11.1992, p. 1.

    --------------------------------------------------

    Top