Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31995D3052

    Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 3052/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li tistabbilixxi proċedura għall-iskambju tat-tagħrif dwar il-miżuri nazzjonali li jidderogaw mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija ġewwa l-Komunità

    ĠU L 321, 30.12.1995, p. 1–5 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/05/2009; Imħassar b' 32008R0764

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1995/3052/oj

    31995D3052



    Official Journal L 321 , 30/12/1995 P. 0001 - 0005


    Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 3052/95

    tat-13 ta’ Diċembru 1995

    li tistabbilixxi proċedura għall-iskambju tat-tagħrif dwar il-miżuri nazzjonali li jidderogaw mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija ġewwa l-Komunità

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 100a tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3],

    Billi l-Kummissjoni, bi qbil ma’ l-Artikolu 100b tat-Trattat, ikkompilat l-inventarju tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jaqgħu taħt l-Artikolu 100a tat-Trattat u li ma ġewx armonizzati skond dan l-Artikolu;

    Billi dan l-inventarju żvela illi l-biċċa l-kbira ta’ l-ostakoli għall-kummerċ fil-prodotti rrappurtati mill-Istati Membri tiġi ttrattata jew bil-miżuri meħuda skond l-Artikolu 100a jew permezz ta’ proċedimenti mibdija skond l-Artikolu 169 tat-Trattat jew permezz tal-proċeduri inizjati skond l-Artikolu 169 tat-Trattat minħabba n-nuqqas li jwettqu l-obbligi skond l-Artikolu 30;

    Billi t-trasparenza tal-miżuri nazzjonali li jipprojbixxu l-prodotti tista’ tagħmilha eħfef li jiġu ttrattati malajr u fil-livell approprjat il-problemi li jistgħu jipperikolaw il-moviment liberu tal-merkanzija, fost oħrajn bl-approssimazzjoni f’waqtu ta’ dawn il-miżuri jew li jiġu aġġustati skond l-Artikolu 30 tat-Trattat;

    Billi, sabiex titħaffef din it-trasparenza, għandha tiġi stabbilita proċedura sempliċi u prammatika għall-iskambju tat-tagħrif bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex kull problema li tista’ tinqala’ dwar l-operat tas-suq intern tkun tista’ tiġi solvuta b’mod sodisfaċenti sew għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi;

    Billi l-għan ewlieni ta’ din il-proċedura huwa li jtejjeb it-tagħrif dwar l-implimentazzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija fis-setturi mhux armonizzati u sabiex jidentifika l-problemi li jiltaqgħu magħhom bil-għan li tinstab soluzzjonijiet approprjata għalihom;

    Billi din il-proċedura għandha tkopri biss dawk il-każijiet li fihom Stat Membru jieħu passi sabiex jipprevieni, għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli nazzjonali tiegħu stess, il-moviment liberu jew it-tqegħid fis-suq tal-merkanzija ffabbrikata legalment jew imqiegħda fis-suq fi Stat Membru ieħor;

    Billi dawk il-miżuri biss li jaġixxu bħala ostakolu għal mudell jew tip ta’ merkanzija partikulari għandhom jiġu koperti u għalhekk il-miżuri li għandhom x’jaqsmu mal-merkanzija sekonda li, biż-żmien jew bl-użu, ma baqgħux xierqa sabiex jitqiegħdu jew jinżammu fis-suq għandhom jiġu esklużi mill-iskop ta’ din id-Deċiżjoni;

    Billi l-miżuri li għandhom x’jaqsmu esklussivament mal-protezzjoni tal-moralità pubblika jew ma’ l-ordni pubblika għandhom ukoll jiġu esklużi;

    Billi l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni għandu jkollhom l-opportunità li jirreaġixxu għall-miżuri nnotifikati fil-qafas ta’ din id-Deċiżjoni;

    Billi, b’żieda ma’ dan, il-proċedura m’għandhiex ittenni l-proċeduri tan-notifika jew tat-tagħrif ipprovvduti f’miżuri oħra Komunitarji; billi dawn il-proċeduri differenti għandhom jiġu kkoordinati kif jixraq;

    Billi n-negozji, il-konsumaturi u l-partijiet l-oħra interessati għandhom ikunu jafu lil min jikkuntattjaw ġewwa l-Kummissjoni u l-amministrazzjonijiet ta’ l-Istati Membri individwali meta tinħoloq problema rigward il-moviment liberu tal-merkanzija;

    Billi l-proċeduri stabbiliti sabiex jimplimentaw din id-Deċiżjoni m’għandhomx jinvolvu l-ħolqien ta’ burokrazija ġdida mingħajr il-ħtieġa filwaqt li jiżguraw illi jintlaħaq bilanċ effettiv bejn is-salvagward ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-Istati Membri u ż-żamma tal-moviment liberu tal-merkanzija ġewwa l-Komunità;

    Billi, fl-interess tat-trasparenza, għandu jkun hemm tagħrif sħiħ u aġġornat disponibbli għall-partijiet kollha interessati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni;

    Billi t-tneħħija ta’ l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija huwa ta’ importanza fundamentali għall-Komunità u billi huwa ta’ ħtieġa għall-Komunità li tistabbilixxi miżuri f’dan il-qasam sabiex tikseb dan il-għan; billi din il-miżura tikkonforma b’mod ċar mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħala prinċipju li jikkumplimenta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, ġaladarba hija ristretta li tiżgura l-konoxxenza dwar il-każijiet fejn l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali mhux armonizzati hija lijabbli li taffettwa l-operat sodisfaċenti tas-suq intern,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    L-Artikolu 1

    Meta Stat Membru jieħu miżuri sabiex iżomm milli jseħħu l-moviment liberu jew it-tqegħid fis-suq ta’ mudell jew tip partikolari ta’ prodott iffabbrikat legalment jew imqiegħed fis-suq fi Stat Membru ieħor, għandu jgħarraf lill-Kummissjoni kif xieraq meta l-effett dirett jew indirett tal-miżura huwa:

    - ta’ projbizzjoni ġenerali fuq il-merkanzija,

    - taċ-ċaħda li l-merkanzija jiġu permessi li jitqiegħdu fis-suq,

    - il-modifika tal-mudell jew tat-tip tal-prodott interessat qabel ikun jista’ jitqiegħed jew jinżamm fis-suq, jew

    - l-irtirar tal-merkanzija mis-suq.

    L-Artikolu 2

    Għall-għan ta’ din id-Deċiżjoni:

    - "modifika tal-mudell jew tat-tip tal-prodott" tfisser kull modifika ta’ wieħed jew aktar mill-karatteristiċi tal-prodott kif elenkati fid-definizzjoni ta’ "speċifikazzjoni teknika" mogħtija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/189/KEE [4],

    - "deċiżjoni ġudizzjarja" tfisser kull deċiżjoni meħuda minn korp ġudizzjarju li r-rwol tiegħu huwa li jagħti deċiżjoni,

    - "miżura" tfisser kull miżura għajr deċiżjoni ġudizzjarja.

    L-Artikolu 3

    1. Il-ħtieġa tan-notifika stabbilita fl-Artikolu 1 għandha tapplika għall-miżuri meħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri hekk awtorizzati, bl-eċċezzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

    Meta mudell partikulari jew tip partikolari ta’ prodott ikun is-suġġett ta’ numru ta’ miżuri, adottati skond kondizzjonijiet u proċeduri identiċi u sostantivi, l-ewwel waħda biss fost dawn il-miżuri għandha tkun bla ħsara għall-ħtieġa ta’ notifika.

    2. L-Artikolu 1 m’għandux japplika għal:

    - miżuri meħuda biss skond il-miżuri Komunitarji ta’ armonizzazzjoni,

    - miżuri nnotifikati lill-Kummissjoni skond dispożizzjonijiet speċifiċi,

    - l-abbozz ta’ miżuri nnotifikati lill-Kummissjoni skond dispożizzjonijiet Komunitarji speċifiċi,

    - miżuri li jħejju jew li jwasslu għall-miżura ewlenija msemmija fl-Artikolu 1, bħalma huma l-miżuri jew l-investigazzjonijiet preventivi,

    - miżuri li jirrigwardaw biss il-protezzjoni tal-moralità pubblika jew l-ordni pubbliku,

    - miżuri li għandhom x’jaqsmu mal-merkanzija sekonda man li, biż-żmien jew bl-użu, ma baqgħux adatti li jitqiegħdu jew jinżammu fis-suq.

    3. Il-bidu tal-proċedimenti għal reviżjoni ġudizzjarji ta’ din il-miżura ewliena m’għandu fl-ebda ċirkustanza jirriżulta fis-sospensjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 1.

    L-Artikolu 4

    1. In-notifika riferita fl-Artikolu 1 għandha ssir fid-dettal biżżejjed u f’għamla ċara u li tinftiehem. Għandha tikkonsisti fid-dispaċċ ta’:

    - fuljett ta’ tagħrif li jkun fih il-partikolaritajiet elenkati fl-Anness, u

    - kopja tal-miżura meħuda mill-awtoritajiet riferiti fl-Artikolu 3(1), kif ippubblikata jew innotifikata lill-persuna interessata.

    It-tagħrif mhux kopert bl-intestaturi ta’ fuq il-fuljett jista’ titħalla barra mill-kopja.

    2. It-tagħrif riferit fil-paragrafu 1 għandu jiġi nnotifikat fi żmien 45 jum mid-data li fiha tittieħed il-miżura riferita fl-Artikolu 1.

    3. Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tat-tagħrif riferit fil-paragrafu 1 lill-Istati Membri l-oħra.

    L-Artikolu 5

    1. Meta l-miżura li trid tiġi nnotifikata skond din id-Deċiżjoni jkun fiha l-Anness jew aktar, għandha tintbagħat biss lista qasira li tindika fil-qosor il-kontenut tiegħu/tagħhom flimkien mal-kopja tal-miżura.

    2. L-Istat Membru li jkun ħa l-miżura jista’ jintalab mill-Kummissjoni jew minn kull Stat Membru ieħor li jipprovdi, fi żmien xahar mid-data ta’ din it-talba, it-test sħiħ ta’ l-Annessi msemmija fil-lista riferita fil-paragrafu 1 jew kull tagħrif ieħor rilevanti dwar il-miżura.

    3. Meta l-liġijiet nazzjonali jipprovdu illi l-investigazzjoni għandha tibqa’ kunfidenzjali, il-komunikazzjoni tat-tagħrif mhux kopert bl-intestaturi ta’ fuq il-fuljett riferit fl-Artikolu 4(1) għandha, fejn xieraq, tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni mill-awtorità ġudizzjarji kompetenti.

    L-Artikolu 6

    L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-uffiċjali u l-aġenti tagħhom ikunu mitluba li ma jikxfux dan it-tagħrif miksub għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni li, min-natura tiegħu, huwa kopert bis-segretezza professjonali għajr meta t-tagħrif jirrigwarda l-aspetti tas-sigurtà ta’ prodott mogħti li l-kxif tiegħu ikun magħmul meħtieġ miċ-ċirkustanzi sabiex jipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-persuni.

    L-Artikolu 7

    Kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bl-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jkun ħatar sabiex jittrasmettu jew jirċievu t-tagħrif riferit f’din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dan it-tagħrif lill-Istati Membri l-oħra minnufih.

    L-Istati Membri għandhom ifittxu li jiżguraw illi jiġi stabbilit punt tal-kuntatt, li jista’ jkun l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali riferiti fl-ewwel paragrafu, jew in-network tal-punti tal-kuntatt sabiex jaġixxu bħala punti inizjali ta’ referenza għall-inkjesti kollha dwar ir-raġunijiet li fuqhom ir-regoli nazzjonali l-oħra ma jkunux irrikonoxxuti, u dwar il-funzjonament ġenerali ta’ din id-Deċiżjoni.

    L-Artikolu 8

    1. Il-Kummissjoni għandha tirrinforza l-koordinament tagħha li jirrigwarda l-materji kollha li jinħolqu mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, inklużi l-koordinament tal-proċeduri tan-notifika jew tat-tagħrif interessati, l-ilmenti li jkollhom x’jaqsmu ma’ ostakoli individwali għall-moviment liberu tal-merkanzija, u l-problemi ġenerali dwar ir-rikonoxximent reċiproku.

    2. Il-Kummissjoni għandha tfittex li tiżgura illi n-negozji, il-konsumaturi u l-partijiet l-oħra interessati jkunu jafu lil min għandhom jikkuntattjaw meta jinħolqu l-problemi.

    L-Artikolu 9

    Filwaqt li tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità fejn meħtieġa, u mingħajr preġudizzju għall-każijiet mhux riżolti, il-Kummissjoni għandha tipprovdi tagħrif mal-Komunità kollha dwar il-miżuri nazzjonali nnotifikati skond din id-Deċiżjoni li jkollhom implikazzjonijiet għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija fis-setturi mhux armonizzati. Għandha wkoll tipprovdi t-tagħrif dwar l-azzjonijiet tas-segwiment li tkun iddeċidiet dwarhom.

    Il-miżuri nazzjonali nnotifikati għandhom jiġu elenkati fl-Anness mar-rapport annwali dwar is-suq intern.

    L-Artikolu 10

    Sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti stabbilit bid-Direttiva 83/189/KEE. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Komunità mgħarrfa regolarment bil-funzjonament tal-proċedura pprovvduta b’din id-Deċiżjoni u bil-miżuri nnotifikati mill-Istati Membri.

    Meta approprjat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf ukoll lill-kumitati settorjali stabbiliti bid-dispożizzjonijiet speċifiċi Komunitarji.

    L-Artikolu 11

    Fi żmien sentejn mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tagħti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operat tagħha u għandha tipproponi kull emenda li tqis xierqa. Għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull tagħrif rilevanti dwar il-mod li bih huma jimplimentaw din id-Deċiżjoni.

    Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jeżamina wkoll il-kwistjoni dwar jekk in-notifika skond din id-Deċiżjoni tkunx qed tiġi kkoordinata b’mod adegwat man-notifika skond l-istrumenti l-oħra Komunitarji.

    L-Artikolu 12

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Fi żmien sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni, kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri li jkun ħa bil-għan li jimplimenta d-Deċiżjoni.

    Id-Deċiżjoni għandha tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 1997.

    L-Artikolu 13

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fit-13 ta’ Diċembru 1995.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    K. Hänsch

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. L. Dicenta Ballester

    [1] ĠU C 18, tal-21.1.1994, p. 13. u ĠU C 200, tat-22.7.1994, p. 19.

    [2] ĠU C 195, tat-18.7.1994, p. 6.

    [3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-20 ta’ April 1994 (ĠU C 128, tad-9.5.1994, p. 142), il-Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 1995 (ĠU C 216, tal-21.8.1995, p. 41), u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Ottubru 1995 (ĠU C 308, ta’ l-20.11.1995) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 1995.

    [4] Id-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE, tat-28 ta’ Marzu 1983, li tistabbilixxi proċedura għall-provvediment tat-tagħrif fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi (ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 94/10/KE (ĠU L 100, tad-19.4.1994, p. 30).

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS

    IL-PROĊEDURA GĦALL-ISKAMBJU TAT-TAGĦRIF

    dwar il-miżuri nazzjonali li jidderogaw mill-prinċipju tal-moviment liberu ta’ il-merkanzija ġewwa l-Komunità

    (Id-Deċiżjoni Numru 3052/95/KE)

    1. L-Istat Membru li jinnotifika

    Agħti l-isem u l-indirizz tal-persuna li għandha tiġi kkuntattjata għal aktar tagħrif.

    2. Id-data tan-notifika

    3. Il-mudell jew it-tip tal-prodott

    Agħti deskrizzjoni ddettaljata tat-tip jew il-mudell tal-prodott.

    4. Il-miżuri meħuda

    5. Ir-raġunijiet ewliena

    - r-raġuni/jiet ta’ interess ġenerali li tiġġustifika/jiġġustifikaw il-miżuri meħuda.

    - d-dettalji tar-regoli nazzjonali li magħhom il-prodott fil-kwistjoni jitqies li ma jikkonformax.

    - minn liema aspetti r-regoli nazzjonali, jew il-kondizzjonijiet l-oħra, li skondhom il-prodott fil-kwistjoni jiġi prodott jew imqiegħed fis-suq fi Stat Membru ieħor ma jiżgurawx il-protezzjoni ekwivalenti għall-interess ġenerali interessat.

    --------------------------------------------------

    Top