Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31990R1360

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/90 tas-7 ta' Mejju 1990 li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ

    ĠU L 131, 23.5.1990, p. 1–5 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/01/2009; Imħassar b' 32008R1339

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1990/1360/oj

    31990R1360



    Official Journal L 131 , 23/05/1990 P. 0001 - 0005
    Finnish special edition: Chapter 16 Volume 2 P. 0003
    Swedish special edition: Chapter 16 Volume 2 P. 0003


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/90

    tas-7 ta' Mejju 1990

    li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 235 tiegħu,

    Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Billi l-Kunsill Ewropew li ltaqa’ fi Strasburgu fit-8 u d-9 ta' Diċembru 1989 talab lill-Kunsill sabiex jadotta, fil-bidu ta' l-1990, id-deċiżjonijiet neċessarji għall-istabbiliment ta' Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għall-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, billi jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni;

    Billi fit-18 ta' Diċembru 1989 il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 3906/89 [4] dwar għajnuna ekonomika lir-Repubblika ta' l-Ungerija u lir-Repubblika tal-Poplu Pollakk li jipprovdi għal għajnuna f'oqsma li jinkludu t-taħriġ sabiex jissaħħaħ il-proċess ta' riforma ekonomika u soċjali fl-Ungerija u l-Polonja;

    Billi l-Kunsill jista’ sussegwentement jestendi din l-għajnuna lil pajjiżi oħra fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant taħt att legali rilevanti;

    Billi l-proċess ta' riforma ekonomika u soċjali jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn il-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u l-Komunità li jkunu ta' benefiċċju għaż-żewġ naħat; billi dawn ir-relazzjonijiet intensifikati jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp armonjuż ta' attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità;

    Billi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ tista’ tagħti kontribuzzjoni importanti għall-għoti effettiv ta' assistenza fit-taħriġ lill-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant eliġibbli għal għajnuna ekonomika sabiex jissaħħaħ il-proċess ta' riforma;

    Billi, għall-kontribuzzjoni tagħha, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ ikollha bżonn tirrikorri għall-esperjenza li akkwistat fil-Komunità fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali fl-implimentazzjoni ta' politika komuni għat-taħriġ vokazzjonali u għall-istituzjonijiet tagħha li joperaw fil-qasam tat-taħriġ;

    Billi fil-Komunità u f'pajjiżi terzi, inklużi l-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, jeżistu faċilitajiet reġjonali u/jew nazzjonali, pubbliċi u/jew privati li jistgħu jintalbu jikkolaboraw fl-għoti effettiv ta' għajnuna fil-qasam tat-taħriġ;

    Billi l-istat u l-istruttura tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għandha tiffaċilita rispons flessibbli għar-rekwiżiti speċifiċi u varjati tal-pajjiżi individwali li għandhom ikunu assistiti, u jippermettulha li taqdi l-funzjonijiet tagħha f'kooperazzjoni mill-qrib mal-faċilitajiet nazzjonali u internazzjonali eżistenti;

    Billi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għandu jkollha personalità legali, u fl-istess waqt iżżomm fil-kompożizzjoni tagħha relazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u tirrispetta r-responsabbilitajiet politiċi ġenerali tal-Komunità u ta' l-istituzzjonijiet tagħha.

    Billi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għandu jkollha rabtiet mill-qrib maċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali, ma’ l-Iskema ta' Mobilità Transewropea għall-Istudji Universitarji (Tempus) u kwalunkwe skema oħra istitwita mill-Kunsill sabiex tipprovdi għajnuna fil-qasam tat-taħriġ lil pajjiżi ta' Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

    Billi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità u li jħaddnu l-impenn tal-Komunità u ta' l-Istati Membri għall-għoti ta' għajnuna lill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fil-qasam tat-taħriġ taħt arranġamenti li għandhom isiru fi ftehim bejn il-Komunità u dawn l-istess pajjiżi;

    Billi t-Trattat ma jipprovdix, għall-azzjoni kkonċernata, poteri barra minn dawk f'Artikolu 235,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Għanijiet

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi hawnhekk il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (minn hawnhekk ‘il quddiem imsejħa l-Fondazzjoni) li l-għanijiet tagħha għandhom ikunu li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-sistemi ta' taħriġ vokazzjonali tal-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li kienu nominati bħala eliġibbli għal għajnuna ekonomika mill-Kunsill fir-Regolament (KEE) Nru 3906/89 jew fi kwalunkwe att legali sussegwenti rilevanti. Dawn il-pajjiżi huma minn hawnhekk il quddiem imsejħa "il-pajjiżi eliġibbli".

    Il-Fondazzjoni għandha b'mod partikolari:

    - tfittex li tippromwovi kooperazzjoni effettiva bejn il-Komunità u l-pajjiżi eliġibbli fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali,

    - tikkontribwixxi għall-koordinazzjoni ta' assistenza pprovduta mill-Komunità, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 16.

    Artikolu 2

    Skop

    Il-Fondazzjoni għandha taħdem fil-qasam tat-taħriġ, u tkopri sew taħriġ vokazzjonali inizjali u kontinwu kif ukoll taħriġ mill-ġdid għal żgħażagħ u adulti, inkluż b'mod partikolari taħriġ fit-tmexxija.

    Artikolu 3

    Funzjonijiet

    Bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet imniżżla f'Artikolu 1, il-Fondazzjoni għandha:

    (a) tipprovdi assistenza fid-definizzjoni ta' ħtiġiet ta' taħriġ u prioritajiet permezz ta' l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' assistenza teknika fil-qasam tat-taħriġ, u permezz ta' kooperazzjoni mal-korpi maħtura addattati fil-pajjiżi eliġibbli;

    (b) taġixxi bħala kwartieri ċentrali sabiex tipprovdi lill-Komunità, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 16, flimkien mal-pajjiżi eliġibbli u l-partijiet l-oħra kollha interessati, b'informazzjoni fuq inizjattivi kurrenti u ħtiġiet futuri fil-qasam tat-taħriġ, u tipprovdi qafas li minnu jistgħu ikunu mgħoddija offerti għal assistenza;

    (ċ) fuq il-bażi ta' (a) u (b):

    teżamina l-iskop għal proġetti komuni ta' assistenza fit-taħriġ inklużi proġetti pilota, għat-twaqqif ta' timijiet multinazzjonali speċjalizzati għal proġetti speċifiċi u sabiex jiġu identifikati ħidmiet li jkunu jistgħu jiġu kofinanzjati, u tipprovdi fondi għad-disinn u l-preparazzjoni ta' dawn il-proġetti, li l-implimentazzjoni tagħhom tista’ tkun iffinanzjata minn kontribuzzjonijiet minn pajjiż wieħed jew bosta pajjiżi, flimkien mal-Fondazzjoni, jew, f'każijiet eċċezzjonali, mill-Fondazzjoni weħidha;

    (d) għal attivitajiet u proġetti li jkunu ffinanzjati mill-Fondazzjoni: tagħmel arranġamenti għall-korpi pubbliċi u/jew privati xierqa li jkollhom rekord tajjeb fit-taħriġ u l-ħila meħtieġa sabiex ifasslu, jippreparaw, jimplimentaw u/jew immexxu proġetti fuq bażi flessibbli u deċentralizzata;

    (e) għal proġetti ffinanzjati jew koiffinanzjati mill-Fondazzjoni, proċeduri għat-tfigħ ta' offerti għandhom jiġu stabbiliti mill-bord li jirregola msemmi f'Artikolu 5, u għandu jingħata kull każ tal-proċeduri stabbiliti fil-kuntest tar-Regolament (KEE) Nru 3906/89 u, b'mod partikolari, Artikolu 7 tiegħu; jew fi kwalunkwe att legali sussegwenti rilevanti;

    (f) f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, tassisti fil-kontroll u l-evalwazzjoni tal-effettività ġenerali ta' assistenza fit-taħriġ lill-pajjiżi eliġibbli;

    (ġ) ixxerred informazzjoni u tinkoraġġixxi skambju ta' esperjenza, permezz ta' pubblikazzjonijiet, laqgħat, u mezzi oħra addattati;

    (ħ) fil-qafas ġenerali ta' dan ir-Regolament, tagħmel xogħolijiet oħra skond kif ikun miftiehem bejn il-bord li jirregola u l-Kummissjoni.

    Artikolu 4

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    1. Il-Fondazzjoni għandu jkollha personalità legali. Hija għandha tgawdi f' kull wieħed mill-Istati Membri il-kapaċità legali l-aktar estensiva li tista' tingħata lill-persuni legali taħt il-liġijiet tagħhom; tista', b'mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjeta mobbli u immobbli u tista' tkun parti fi proċedimenti legali. Hija ma għandhiex taħdem għall-profitt.

    Il-Fondazzjoni għandha tfittex il-kooperazzjoni ta' korpi oħra tal-Komunità, b'mod partikolari iċ-Cedefop.

    2. Rappreżentanti tal-partijiet soċjali fuq livell Ewropew li huma diġà attivi fix-xogħol tal-istituzzjonijiet tal-Komunità, u organizzazzjonijiet internazzjonali attivi fil-qasam tat-taħriġ, jistgħu ikunu assoċjati max-xogħol tal-Fondazzjoni, b'mod partikolari kif provdut f'Artikoli 5(8) u 6 (1) u (2).

    Artikolu 5

    Il-bord li jirregola

    1. Il-Fondazzjoni għandu jkollha bord li jirregola li jkun jikkonsisti f'rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni.

    Membru alternattiv jista’ jirrapreżenta jew jakkompanja lil kull membru tal-bord li jirregola; meta jkun qed jakkompanja membru, il-membru alternattiv għandu jattendi mingħajr ma jkollu d-dritt li jivvota.

    2. Ir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri għandhom jiġu maħtura mill-Istati Membri konċernati.

    Il-Kummissjoni għandha taħtar il-membri li għandhom jirrapreżentawha.

    3. Il-mandat tar-rappreżentanti għandu jkun ta' tliet snin. Dan għandu jkun jista’ jiġi mġedded.

    4. Il-bord li jirregola għandu jkun ippresedut minn wieħed mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni. Il-president ma għandux jivvota.

    Il-bord li jirregola għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

    Kull membru tal-bord li jirregola għandu jkollu vot wieħed.

    Deċiżjonijiet tal-bord li jirregola għandhom ikollhom maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tal-bord, barra fil-każ imsemmi fil-paragrafu 5.

    5. Il-bord li jirregola għandu jistabilixxi, b'deċiżjoni unanima tal-membri tiegħu, ir-regoli li jirregolaw il-lingwi tal-Fondazzjoni, jieħu kont tal-bżonn li jiġi żgurat l-aċċess, u l-parteċipazzjoni, mill-partijiet kollha interessati fix-xogħol tal-Fondazzjoni.

    6. Il-President għandu jlaqqa’ il-bord li jirregola mill-inqas darbtejn fis-sena u fuq talba ta' mill-inqas maġġoranza sempliċi tal-membri tal-bord.

    Il-President għandu jkun responsabbli sabiex jinforma lill-bord b'attivitajiet oħra tal-Komunità rilevanti għax-xogħol tagħhom u bl-aspettattivi mill-Fondazzjoni fis-sena li tkun ġejja.

    7. Fuq il-bażi ta' abbozz ippreżentat mid-direttur tal-Fondazzjoni, u skond il-qafas imfassal fi pjan ta' tliet snin, il-bord li jirregola għandu jadotta, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru ta' kull sena, il-programm annwali ta' xogħol tal-Fondazzjoni għas-sena ta' wara f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

    Il-proġetti fil-programm annwali ta' xogħol għandu jkun akkumpanjat bi stima tal-ispiża neċessarja.

    8. Il-bord li jirregola għandu japprova, kif ikun neċessarju u fuq bażi ta' każ b'każ, it-twaqqif ta' kumitati ta' xogħol ad hoc skond is-settur li jkunu jinvolvu il-pajjiżi jew organizzazzjonijiet kollha li jikkontribwixxu għall-finanzi tal-proġetti differenti konċernati kif ukoll partijiet oħra interessati, inklużi fejn ikun xieraq rappreżentanti ta' sieħba soċjali.

    9. Il-bord li jirregola għandu, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena, jippreżenta abbozz ta' rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni għas-sena ta' qabel u l-iffinanzjar tagħhom lill-Kummissjoni.

    Il-Kummissjoni għandha tapprova r-rapport annwali u tippreżentah lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Istati Membri.

    Il-Kummissjoni għandha wkoll tgħaddi dan ir-rapport, għall-informazzjoni, lill-pajjiżi eliġibbli.

    Artikolu 6

    Forum ta' konsulenza

    1. Il-Fondazzjoni għandu jkollha forum ta' konsulenza maħtur mill-bord li jirregola.

    Il-membri tal-forum għandhom jiġu magħżula minn esperti fil-qasam tat-taħriġ u f'oqsma oħra li jkollhom x'jaqsmu max-xogħol tal-Fondazzjoni, u għandu jingħata każ tal-bżonn li tiġi żgurata l-preżenza ta' rappreżentanti tas-sieħba soċjali, ta' dawk l-organizzazzjonijiet internazzjonali li jkunu attivi fl-għoti ta' assistenza fit-taħriġ, u tal-pajjiżi eliġibbli.

    Għandhom ikunu maħtura żewġ esperti minn kull wieħed mill-Istati Membri, minn kull wieħed mill-pajjiżi eliġibbli u mis-sieħba soċjali fuq livell Ewropew.

    2. Il-bord li jirregola għandu jfittex nomini għall-kariga minn:

    - kull wieħed mill-Istati Membri,

    - kull wieħed mill-pajjiżi eliġibbli,

    - is-sieħba soċjali fuq livell Ewropew li jkunu diġà attivi fix-xogħol ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità, u

    - organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

    3. Il-mandat tal-forum ta' konsulenza għandu normalment ikun ta' tliet snin, u jkun soġġetta għal reviżjoni regolari mill-bord li jirregola.

    4. Ix-xogħol tal-forum ta' konsulenza għandu jkun li jagħti opinjonijiet lill-bord li jirregola fuq talba tal-bord jew fuq inizjattiva tiegħu stess fir-rigward tal-programm annwali ta' xogħol tal-Fondazzjoni msemmi f'Artikolu 5(7).

    L-opinjonijiet kollha għandhom jiġu kkomunikati lill-bord li jirregola.

    5. Id-direttur tal-Fondazzjoni għandu jkun il-president tal-forum ta' konsulenza.

    Il-forum ta' konsulenza għandu jagħmel ir-regoli ta' proċedura tiegħu, li jkunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-bord li jirregola.

    6. Il-forum ta' konsulenza għandu jissejjaħ mill-president darba fis-sena.

    Artikolu 7

    Id-direttur

    1. Id-direttur tal-Fondazzjoni għandu jiġi maħtur mill-bord li jirregola, fuq proposta mill-Kummissjoni, għal mandat ta' ħames snin, li għandu jkun jista’ jiġi mġedded.

    Id-direttur għandu jkun responsabbli:

    - mill-preparazzjoni u l-organizzazzjoni tax-xogħol tal-bord li jirregola, ta' xi kumitati ta' xogħol ad hoc imsejħa mill-bord ta'tmexxija u, b'mod partikolari, mill-preparazzjoni ta' l-abbozz tal-programm annwali ta' xogħol tal-Fondazzjoni,

    - mill-amministrazzjoni ta' kuljum tal-Fondazzjoni,

    - mill-preparazzjoni ta' prospett ta' dħul u nfiq u l-esekuzzjoni tal-budget tal-Fondazzjoni,

    - mill-preparazzjoni u l-pubblikazzjoni ta' rapporti speċifikati taħt dan ir-Regolament,

    - mill-affarijiet kollha tal-persunal,

    - milli jwettaq ix-xogħolijiet imsemmija f'Artikolu 3.

    2. Id-direttur għandu jkun responsabbli lejn il-bord li jirregola għall-attivitajiet tiegħu u għandu jattendi l-laqgħat tiegħu.

    3. Id-direttur għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Fondazzjoni.

    Artikolu 8

    Rabtiet ma’ azzjonijiet oħra tal-Komunità

    Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-bord li jirregola u, fejn ikun addattat, skond il-proċedura imniżżla f'Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 3906/89, għandha tiżgura konsistenza u, fejn ikun meħtieġ, komplimentarjetà bejn ix-xogħol tal-Fondazzjoni u azzjonijiet oħra fil-livell tal-Komunità, sew ġewwa l-Komunità kif ukoll f'assistenza lill-pajjiżi eliġibbli, b'riferenza partikolari għal azzjonijiet taħt l-iskema Tempus.

    Artikolu 9

    Kontenut tal-budget

    1. Għandha tiġi mħejjija stima tad-dħul u l-infiq kollu tal-Fondazzjoni għal kull sena finanzjarja u għandha tiġi murija fil-budget tal-Fondazzjoni, li għandu jinkludi pjan ta' stabbiliment, u kull sena finanzjarja għandha tikkorrispondi mas-sena kalendarja.

    2. Id-dħul u nfiq muri fil-budget tal-Fondazzjoni għandu jkun fil-bilanċ.

    3. Id-dħul tal-Fondazzjoni għandu jinkludi, mingħajr preġudizzju għal tipi oħra ta' dħul, sussidju mill-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, pagamenti magħmula bħala remunerazzjoni għal servizzi mwettqa kif ukoll finanzjament minn sorsi oħra.

    4. Il-budget għandu jinkludi wkoll dettalji ta' fondi li jkunu tpoġġew għad-dispożizzjoni mill-pajjiżi eliġibbli nfushom għal proġetti li jgawdu minn assistenza finanzjarja mill-Fondazzjoni.

    Artikolu 10

    Proċedura tal-budget

    1. Id-direttur għandu jistabilixxi kull sena proposta għal abbozz tal-budget għall-Fondazzjoni li tkun tkopri spejjeż kurrenti u l-programm ta' ħidmiet propost għas-sena finanzjarja ta' wara u għandu jippreżentah lill-bord li jirregola.

    2. Fuq din il-bażi, il-bord li jirregola għandu, sa mhux aktar tard mill-15 ta' Frar, jadotta abbozz tal-budget għall-Fondazzjoni u jippreżentah lill-Kummissjoni.

    3. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-abbozz tal-budget tal-Fondazzjoni waqt li tikkunsidra l-prijoritajiet ta' taħriġ vokazzjonali fil-pajjiżi eliġibbli u l-orjentamenti finanzjarji kumplessivi dwar għajnuna ekonomika lil dawn il-pajjiżi.

    Għandha tistabbilixxi fuq din il-bażi, u fil-limiti proposti ta' l-ammont kumplessiv li għandu jitpoġġa għad-dispożizzjoni għal għajnuna ekonomika lill-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, il-kontribuzzjoni annwali għall-budget tal-Fondazzjoni li għandha tkun inkluża fl-abbozz preliminari tal-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

    4. Il-bord li jirregola, wara li jirċievi il-parir tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-budget tal-Fondazzjoni fil-bidu ta' kull sena finanzjarja, u jaġġustah skond il-bosta kontribuzzjonijiet mogħtija lill-Fondazzjoni u lir-riżorsi l-oħra tagħha.

    Artikolu 11

    Implimentazzjoni u kontroll tal-budget

    1. Id-direttur għandu jimplimenta l-budget tal-Fondazzjoni.

    2. Il-kontroll tar-rabta u ħlas ta' l-infiq kollu u l-annotazzjoni u l-irkupru tad-dħul kollu tal-Fondazzjoni għandu jsir mill-kontrollur finanzjarju maħtur mill-bord li jirregola fuq proposta mill-Kummissjoni.

    3. Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena, id-direttur għandu jippreżenta lill-Kummissjoni, lill-bord li jirregola u l-Qorti tal-Awdituri l-kontijiet fid-dettall tad-dħul u l-infiq kollu fis-sena finanzjarja preċedenti.

    Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha teżamina dawn il-kontijiet skond Artikolu 206a tat-Trattat.

    4. Il-bord li jirregola għandu jillibera lid-direttur fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-budget.

    Artikolu 12

    Regoli finanzjarji

    Il-bord li jirregola għandu jistabbilixxi, wara konsultazzjoni mill-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri, regoli finanzjarji ddettaljati li jispeċifikaw b'mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u implimentazzjoni tal-budget tal-Fondazzjoni.

    Artikolu 13

    Privileġġi u immunitajiet

    Il-Protokoll dwar il-privileġġi u immunitajiet tal-Kommunitajiet Ewropej għandu jgħodd għall-Fondazzjoni.

    Artikolu 14

    Regoli tal-persunal

    Ir-regoli u r-regolamenti li jirregolaw il-persunal statutorju tal-Fondazzjoni, inkluż id-direttur, għandhom ikunu analogi għal dawk imniżżla fir-Regolament tal-Kunsill (KEFA, KEE, Euratom) Nru 1859/76 tad-29 ta' Ġunju 1976 li jipprovdi il-kondizzjonijiet ta' l-impieg ta' persunal taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali [5], u għandhom ikunu imniżżla fir-Regolament separat li għandu jkun adottat mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni.

    Artikolu 15

    Responsabbiltà legali

    1. Ir-responsabiltà kontrattwali tal-Fondazzjoni għandha tiġi irregolata mill-liġi applikabbli għall-kuntratt imsemmi.

    2. Fil-każ ta' responsabiltà mhux kontrattwali, il-Fondazzjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għall-liġijiet ta' l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-Fondazzjoni jew mill-impjegati tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jkollhom x'jaqsmu ma’ kumpens għal kwalunkwe dannu ta' dan it-tip.

    3. Ir-responsabiltà personali ta' l-impjegati lejn il-Fondazzjoni għandha tkun irregolata mill-provvedimenti rilevanti li japplikaw għall-persunal tal-Fondazzjoni.

    Artikolu 16

    Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

    1. Il-Fondazzjoni għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi li ma jkunux membri tal-Komunità Ewropea, u li jħaddnu l-impenn tal-Komunità u l-Istati Membri għall-għoti ta' għajnuna lill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fil-qasam tat-taħriġ, taħt arranġamenti li għandhom isiru bi ftehim bejn il-Komunità u dawn l-istess pajjiżi, skond il-proċedura imniżżla fl-Artikolu 228 tat-Trattat.

    Il-ftehim għandu, inter alia, jispeċifika n-natura u l-firxa ta' u r-regoli fid-dettall tal-parteċipazzjoni minn dawn il-pajjiżi fix-xogħol tal-Fondazzjoni inklużi provvedimenti dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji u persunal.

    2. Il-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fil-kumitati ta' xogħol ad hoc imsemmija fl-Artikolu 5(8) tista' tkun deċiża bħala meħtieġa mill-bord li jirregola mingħajr il-ħtieġa ta' ftehim.

    Artikolu 17

    Proċedura ta' kontroll u evalwazzjoni

    Il-Kummissjoni għandha, f'konsultazzjoni mal-bord li jirregola, tistabbilixxi proċedura ta' kontroll u evalwazzjoni ta' l-esperjenza miksuba fix-xogħol tal-Fondazzjoni.

    Hija għandha tippreżenta l-ewwel riżultati ta' din il-proċedura f'rapport li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali qabel il-31 ta' Diċembru 1992.

    Artikolu 18

    Reviżjoni

    Dan ir-Regolament għandu jiġi rivedut mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni fi żmien ħames snin minn mindu jidħol fis-seħħ.

    Artikolu 19

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak meta l-awtoritajiet kompetenti ikunu iddeċidew dwar is-sede tal-Fondazzjoni [6].

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u hu applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fis-7 ta' Mejju 1990.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. Collins

    [1] ĠU Ċ 86, ta' l-4.4.1990, p. 12.

    [2] ĠU Ċ 113, tas-7.5.1990.

    [3] Opinjoni mogħtija fil-25 ta'April 1990 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [4] ĠU L 375, tat-23.12.1989, p. 11.

    [5] ĠU L 214, tas-6.8.1976, p. 1.

    [6] Id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    --------------------------------------------------

    Top