Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22017A0321(01)

    Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020

    ĠU L 75, 21.3.2017, p. 3–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2017/479/oj

    Related Council decision
    Related Council decision

    21.3.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 75/3


    FTEHIM

    bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020

    L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”

    u

    IR-RENJU TAN-NORVEĠJA, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ in-“Norveġja”,

    Minn hawn 'il quddiem flimkien imsejħin “il-Partijiet”

    WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (1) (il-“Ftehim ta' Assoċjazzjoni man-Norveġja”),

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni stabbilixxiet l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna permezz tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni man-Norveġja.

    (3)

    Billi r-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandu impatt dirett fuq l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, u b'hekk jaffettwa l-qafas legali ta' dan tal-aħħar, u billi l-proċeduri stipulati fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni man-Norveġja ġew applikati għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, li ġiet innotifikata lin-Norveġja, il-Partijiet jirrikonoxxu li r-Regolament (UE) Nru 514/2014 jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni man-Norveġja sa fejn ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.

    (4)

    L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 jipprevedi li l-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, fosthom in-Norveġja, jipparteċipaw fl-istrument skont id-dispożizzjonijiet tiegħu u li għandhom jiġu konklużi arranġamenti li jispeċifikaw il-kontribuzzjonjiet finanzjarji minn dawk il-pajjiżi u r-regoli supplementari meħtieġa għal tali parteċipazzjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tas-setgħa ta' awditu tal-Qorti tal-Awdituri.

    (5)

    L-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti tal-Fond għas-Sigurtà Interna (“l-ISF-Fruntieri u Viża”) jikkostitwixxi strumenti speċifiku fil-kuntest tal-acquis ta' Schengen imfassal biex jipprevedi l-qsim tal-piżijiet u l-appoġġ finanzjarju fil-qasam tal-fruntieri esterni u tal-politika dwar il-viża fl-Istati Membri u fl-Istati assoċjati.

    (6)

    L-Artikolu 60 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jipprevedi regoli dwar il-ġestjoni indiretta li huma applikabbli meta pajjiżi terzi, inklużi Stati assoċjati, huma fdati b'kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit.

    (7)

    L-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 jipprevedi l-eliġibbiltà tan-nefqa li saret fl-2014 minn Awtorità Responsabbli li għadha ma ġietx nominata formalment, biex b'hekk tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr xkiel bejn il-Fond għall-Fruntieri Esterni u l-Fond għas-Sigurtà Interna. Bl-istess mod, huwa importanti li l-istess tħassib jiġi rifless f'dan il-Ftehim. Peress li dan il-ftehim ma daħalx fis-seħħ qabel tmiem l-2014, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-eliġibbiltà tan-nefqa li tkun saret qabel u sakemm tiġi nnominata formalment l-Awtorità Responsabbli, dment li s-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll applikati qabel ikunu essenzjalment l-istess bħal dawk fis-seħħ wara n-nomina formali tal-Awtorità Responsabbli.

    (8)

    Sabiex jiġu ffaċilitati l-kalkolu u l-użu tal-kontribuzzjonijiet annwali dovuti minn Norveġja għall-ISF-Fruntieri u Viża, il-kontribuzzjonijiet tagħha għall-perjodu 2014-2020 ser jitħallsu f'ħames pagamenti parzjali annwali mill-2016 sal-2020. Mill-2016 sal-2018, il-kontribuzzjonijiet annwali huma stabbiliti f'ammonti fissi filwaqt li l-kontribuzzjonijiet dovuti għas-snin 2019 u 2020 ser jiġu determinati fl-2019 abbażi tal-prodott domestiku gross tal-Istati kollha li jipparteċipaw fl-ISF-Fruntieri u Viża filwaqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni l-pagamenti li effettivament ikunu saru,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Kamp ta' applikazzjoni

    Dan il-Ftehim jistabblixxi r-regoli supplementari meħtieġa għall-parteċipazzjoni tan-Norveġja fl-ISF-Fruntieri u Viża skont ir-Regolament (UE) Nru 515/2014.

    Artikolu 2

    Ġestjoni finanzjarja u kontroll

    1.   In-Norveġja għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi żgurata konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti għall-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll li huma stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) u fid-dritt tal-Unjoni li l-bażi legali tiegħu joħroġ mit-TFUE.

    Id-dispożizzjonijiet tat-TFUE u tal-leġislazzjoni sekondarja msemmija fl-ewwel subparagrafu huma dawn li ġejjin:

    (a)

    l-Artikolu 287(1), (2) u (3) TFUE;

    (b)

    l-Artikoli 30, 32 u 57, il-punt (i) tal-Artikolu 58(1)(c), l-Artikolu 60 u l-Artikoli 79(2) u 108(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012;

    (c)

    l-Artikoli 32, 38, 42, 84, 88, 142 u 144 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (5);

    (d)

    ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (6);

    (e)

    ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

    Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jemendaw din il-lista bi ftehim reċiproku.

    2.   In-Norveġja għandha tapplika d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 fit-territorju tagħha f'konformità ma' dan il-Ftehim.

    Artikolu 3

    Rispett għall-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba

    Il-Fondi allokati għan-Norveġja taħt l-ISF-Fruntieri u Viża għandhom jintużaw skont il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba.

    Artikolu 4

    Rispett għall-prinċipju dwar il-kunflitt ta' interess

    L-atturi finanzjarji kollha u kull persuna oħra involuta fl-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-baġit, inklużi l-atti preparatorji relattivi, l-awditu jew il-kontroll fit-territorju tan-Norveġja għandhom jiġu pprojbiti milli jieħdu xi azzjoni li tista' ġġib l-interessi tagħhom f'kunflitt ma' dawk tal-Unjoni.

    Artikolu 5

    Eżekuzzjoni

    Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni li jimponu obbligu finanzjarju fuq persuni apparti mill-istati, għandhom ikunu eżegwibbli fit-territorju tan-Norveġja.

    L-eżekuzzjoni għandha tkun regolata bir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fin-Norveġja. L-ordni għall-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni għandu jiġi mehmuż ma' dik id-deċiżjoni, mingħajr ebda formalità oħra għajr il-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni, mill-awtorità nazzjonali li l-gvern tan-Norveġja għandu jinnomina għal dan il-għan u li l-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa biha.

    Meta jitlestew dawk il-formalitajiet fuq applikazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista' tipproċedi bl-eżekuzzjoni f'konformità mal-liġi nazzjonali billi tressaq il-kwistjoni direttament quddiem l-awtorità kompetenti.

    L-eżekuzzjoni tista' tiġi sospiża biss b'deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-qrati tan-Norveġja għandu jkollhom ġuriżdizzjoni rigward ilmenti li l-eżekuzzjoni qed issir b'mod irregolari.

    Artikolu 6

    Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi

    1.   In-Norveġja għandha:

    (a)

    tiġġieled il-frodi u kull attività illegali oħra li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta' miżuri li għandhom jaġixxu ta' deterrent u li jkunu tali li jippermettu protezzjoni effettiva fin-Norveġja;

    (b)

    tieħu l-istess miżuri biex tiġġieled il-frodi li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħal ma tieħu biex tiġġieled il-frodi li tolqot l-interessi finanzjarji tagħha stess; u

    (c)

    tikkoordina l-azzjoni tagħha li għandha l-għan li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni mal-Istati Membri u l-Kummissjoni.

    2.   In-Norveġja għandha tadotta miżuri ekwivalenti għal dawk adottati mill-Unjoni skont l-Artikolu 325(4) TFUE li jkunu fis-seħħ fid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim.

    Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu bi ftehim reċiproku li jadottaw miżuri ekwivalenti għal kwalunkwe miżura sussegwenti adottata mill-Unjoni skont dan l-Artikolu.

    Artikolu 7

    Verifiki u spezzjonijiet fuq il-post mill-Kummissjoni (OLAF)

    Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tagħha skont l-Artikolu 5(8) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, il-Kummissjoni (l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, OLAF) għandha tkun awtorizzazzata li twettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fit-territorju tan-Norveġja fir-rigward tal-ISF-Fruntieri u Viża f'konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96.

    L-awtoritajiet tan-Norveġja għandhom jiffaċilitaw il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post li jistgħu, jekk l-awtoritajiet jixtiequ dan, jitwettqu b'mod konġunt magħhom.

    Artikolu 8

    Qorti tal-Awdituri

    F'konformità mal-Artikolu 287(3) TFUE u mal-Ewwel Parti, it-Titolu X, il-Kapitolu 1 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha l-possibbiltà li twettaq awditi fuq il-post fil-bini ta' kwalunkwe entità li tamministra dħul jew nefqa f'isem il-Unjoni fit-territorju tan-Norveġja fir-rigward tal-ISF-Fruntieri u Viża inkluż fil-bini ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun irċeviet pagamenti mill-baġit.

    Fin-Norveġja, l-awditi mill-Qorti tal-Awdituri għandhom isiru f'kollaborazzjoni mal-entitajiet nazzjonali tal-awditjar jew, jekk dawn ma jkollhomx is-setgħat meħtieġa, mad-dipartimenti nazzjonali kompetenti. Il-Qorti tal-Awdituri u l-korpi nazzjonali tal-awditjar tan-Norveġja għandhom jikkooperaw fi spirtu ta' fiduċja reċiproka filwaqt li jippreservaw l-indipendenza tagħhom. Dawk il-korpi jew dipartimenti għandhom jinfurmaw lill-Qorti tal-Awdituri jekk ikollhomx l-intenzjoni li jieħdu sehem fl-awditu.

    Il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha mill-anqas l-istess drittijiet bħall-Kummissjoni kif stipulat fl-Artikolu 5(7) tar-Regulation (UE) Nru 514/2014 u l-Artikolu 7 ta' dan il-Ftehim.

    Artikolu 9

    Akkwist pubbliku

    In-Norveġja għandha tapplika d-dispożizzjonijiet tal-liġi tagħha dwar l-akkwist pubbliku f'konformità l-Anness XVI għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (8).

    Artikolu 10

    Kontribuzzjonijiet finanzjarji

    1.   Għas-snin 2016 sa 2018, in-Norveġja għandha tagħmel pagamenti annwali għall-baġit tal-ISF-Fruntieri u Viża skont it-tabella li ġejja:

    (L-ammonti kollha f'EUR)

     

    2016

    2017

    2018

    In-Norveġja

    19 777 712

    19 777 712

    19 777 712

    2.   Il-kontribuzzjonijiet tan-Norveġja għas-snin 2019 u 2020 għandhom jiġu kkalkulati skont il-Prodott Domestiku Gross (PDG) rispettiv tagħha bħala perċentwal tal-PDG tal-Istati kollha li jipparteċipaw fl-ISF-Fruntieri u Viża f'konformità mal-formula deskritta fl-Anness.

    3.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmijin f'dan l-Artikolu għandhom ikunu dovuti min-Norveġja irrispettivament mid-data ta' adozzjoni tal-programm nazzjonali tagħha msemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

    Artikolu 11

    Użu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji

    1.   It-total tal-pagamenti annwali għall-2016 u l-2017 għandhom jiġu assenjati kif ġej:

    (a)

    75 % għar-rieżami ta' nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014;

    (b)

    15 % għall-iżvilupp tas-sistemi tal-IT imsemmijin fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, soġġett għall-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi rilevanti tal-Unjoni sat-30 ta' Ġunju 2017;

    (c)

    10 % għall-azzjonijiet tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 u għall-assistenza ta' emerġenza msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.

    Meta l-ammont imsemmi fil-punt (b) ma jkunx allokat jew minfuq, il-Kummissjoni għandha, bis-saħħa tal-proċedura stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, tallokah mill-ġdid għall-azzjonijiet speċifiċi msemmijin fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.

    Jekk dan il-Ftehim ma jidħolx fis-seħħ jew ma jiġix applikat fuq bażi provviżorja sal-1 ta' Ġunju 2017, il-kontribuzzjoni kollha tan-Norveġja għandha tintuża skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

    2.   It-total tal-pagamenti annwali għall-2018, l-2019 u l-2020 għandu jiġi assenjat kif ġej:

    (a)

    40 % għal azzjonijiet speċifiċi msemmijin fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014;

    (b)

    50 % għall-iżvilupp tas-sistemi tal-IT imsemmijin fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, soġġett għall-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi rilevanti tal-Unjoni sal-31 ta' Diċembru 2018;

    (c)

    10 % għall-azzjonijiet tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 u għall-assistenza ta' emerġenza msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.

    Meta l-ammont imsemmi fil-punt (b) ma jkunx allokat jew minfuq, il-Kummissjoni għandha, bis-saħħa tal-proċedura stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, tallokah mill-ġdid għall-azzjonijiet speċifiċi msemmijin fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.

    3.   L-ammonti addizzjonali assenjati għar-rieżami ta' nofs it-terminu, għall-azzjonijiet tal-Unjoni, għal azzjonijiet speċifiċi jew għall-programm dwar l-iżvilupp tas-sistemi tal-IT għandhom jintużaw f'konformità mal-proċedura relevanti prevista f'waħda miid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014;

    (b)

    l-Artikolu 8(7) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014;

    (c)

    l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014;

    (d)

    it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.

    4.   Kull sena, il-Kummissjoni tista' tuża sa EUR 142 919 mill-pagamenti li jsiru min-Norveġja għall-finanzjament tan-nefqa amministrattiva relatata mal-persunal jew mal-persunal estern meħtieġ għall-appoġġ tal-implimentazzjoni min-Norveġja tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 u ta' dan il-Ftehim.

    Artikolu 12

    Kunfidenzjalità

    L-informazzjoni kkomunikata jew miksuba fi kwalunkwe forma bis-saħħa ta' dan il-Ftethim għandha tkun koperta mis-sigriet professjonali u protetta bl-istess mod bħalma informazzjoni simili hi protetta bid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u bil-liġijiet tan-Norveġja. Din l-informazzjoni ma għandhiex tiġi kkomunikata lil persuni oħrajn ħlief dawk fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fl-Istati Membri jew fin-Norveġja li l-funzjonijiet tagħhom jirrikjedu li jkunu jafuha, u lanqas ma tista' tintuża għal skopijiet oħra ħlief dawk li jservu biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Partijiet.

    Artikolu 13

    Nomina ta' Awtorità Responsabbli

    1.   In-Norveġja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bin-nomina formali f'livell ministerjali tal-Awtorità Responsabbli responsabbli mill-ġestjoni u l-kontroll tan-nefqa taħt l-ISF-Fruntieri u Viża, malajr kemm jista' jkun wara l-approvazzjoni tal-programm nazzjonali.

    2.   In-nomina msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun soġġetta għall-korp li jikkonforma mal-kriterji ta' nomina dwar l-ambjent intern, l-attivitajiet ta' kontroll, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u l-monitoraġġ stipulati fir-Regolament (UE) Nru 514/2014 jew abbażi tiegħu.

    3.   In-nomina ta' Awtorità Responsabbli għandha tkun ibbażata fuq opinjoni ta' korp tal-awditjar, li jista' jkun l-Awtorità tal-Awditjar, li tivvaluta l-konformità tal-Awtorità Responsabbli mal-kriterji ta' nomina. Dak il-korp jista' jkun l-istituzzjoni pubblika awtonoma responsabbli mill-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-awditjar tal-amministrazzjoni. Il-korp tal-awditjar għandu jiffunzjona indipendentement mill-Awtorità Responsabbli u għandu jwettaq il-ħidma tiegħu f'konformità mal-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment. In-Norveġja tista' jibbaża d-deċiżjoni tagħha dwar in-nomina fuq jekk is-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll humiex essenzjalment l-istess bħal dawk fis-seħħ għall-perjodu preċedenti u jekk iffunzjonawx b'mod effikaċi. Jekk ir-riżultati tal-awditu u tal-kontroll eżistenti juru li l-korp nominat ma għadux jikkonforma mal-kriterji tan-nomina, in-Norveġja għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li jinstab rimedju għan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-kompiti ta' dan il-korp, inkluż billi tintemm in-nomina.

    Artikolu 14

    Definizzjoni tas-sena finanzjarja

    Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, is-sena finanzjarja msemmija fl-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandha tkopri n-nefqa sostnuta u d-dħul riċevut u li jiddaħħlu fil-kontijiet tal-Awtorità Responsabbli fil-perijodu li jibda mis-16 ta' Ottubru tas-sena “N – 1” u li jintemm fil-15 ta' Ottubru tas-sena “N”.

    Artikolu 15

    Eliġibbiltà tan-nefqa

    B'deroga mill-Artikolu 17(3)(b) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, in-nefqa għandha tkun eliġibbli meta din tkun tħallset mill-Awtorità Responsabbli qabel in-nomina formali tal-Awtorità Responsabbli f'konformità mal-Artikolu 13 ta' dan il-Ftehim, dment li s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll applikati preċedentement ikunu essenzjalment l-istess bħal dawk fis-seħħ wara n-nomina formali tal-Awtorità Responsabbli.

    Artikolu 16

    Talba għal pagament tal-bilanċ annwali

    1.   Sal-15 ta' Frar tas-sena li ssegwi s-sena finanzjarja, in-Norveġja għandha tippreżenta lill-Kummissjoni d-dokumenti u l-informazzjoni mitluba fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

    B'deroga mill-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u f'konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, in-Norveġja għandha tippreżenta lill-Kummissjoni l-opinjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 sal-15 ta' Marzu tas-sena li ssegwi s-sena finanzjarja.

    Id-dokumenti ppreżentati msemmijin f'dan il-paragrafu għandhom iservu ta' talba għall-ħlas tal-bilanċ annwali.

    2.   Id-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jitfasslu skont il-mudelli adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

    Artikolu 17

    Rapport ta' implimentazzjoni

    B'deroga mill-Artikolu 54(1) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u f'konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, in-Norveġja għandha tippreżenta lill-Kummissjoni, rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali fis-sena finanzjarja preċedenti sal-15 ta' Frar ta' kull sena sal-2022, inkluż dik is-sena, u tista', fil-livell xieraq, tippubblika din l-informazzjoni.

    L-ewwel rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali għandu jiġi ppreżentat fil-15 ta' Frar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim jew il-bidu tal-applikazzjoni provviżorja tiegħu.

    L-ewwel rapport għandu jkopri s-snin finanzjarji mill-2014 'il quddiem sas-sena finanzjarja ta' qabel ma għandu jiġi ppreżentat l-ewwel rapport annwali, f'konformità mat-tieni paragrafu. In-Norveġja għandha tippreżenta rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali sal-31 ta' Diċembru 2023.

    Artikolu 18

    Sistema ta' skambju elettroniku ta' dejta

    Skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 l-iskambju tal-informazzjoni uffiċjali kollha bejn in-Norveġja u l-Kummissjoni għandu jitwettaq permezz ta' sistema ta' skambju elettroniku tad-dejta stabbilita mill-Kummissjoni għal dak l-għan.

    Artikolu 19

    Dħul fis-seħħ

    1.   Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jaġixxi bħala d-depożitarju ta' dan il-Ftehim.

    2.   Il-Partijiet għandhom japprovaw dan il-Ftehim skont il-proċeduri tagħhom stess. Huma għandhom jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija ta' dawn il-proċeduri.

    3.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara l-jum tal-aħħar notifika msemmija fil-paragrafu 2.

    4.   Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 5, il-Partijiet għandhom japplikaw dan il-Ftehim provviżorjament mill-jum ta' wara l-firma tiegħu, mingħajr preġudizzjugħar-rekwiżiti kostituzzjonali.

    Artikolu 20

    Validità u terminazzjoni

    1.   Kemm il-Komunità kif ukoll in-Norveġja jistgħu jitterminaw dan il-Ftehim billi jinnotifikaw lill-Parti l-oħra bid-deċiżjoni tagħhom. Il-Ftehim għandu jieqaf milli japplika tliet xhur wara d-data ta' tali notifika. Il-proġetti u l-attivitajiet li jkunu għaddejjin fil-mument tat-terminazzjoni għandhom jissoktaw skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Ftehim. Il-Partijiet għandhom jirriżolvu bi qbil reċiproku kull konsegwenza oħra tat-terminazzjoni.

    2.   Dan il-Ftehim għandu jiġi tterminat meta l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni man-Norveġja jiġi tterminat skont l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 11(3) jew l-Artikolu (16) tal-Protokoll ta' Assoċjazzjoni man-Norveġja.

    Artikolu 21

    Lingwi

    Dan il-Ftehim għandu jitfassal f'test oriġinali uniku bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Netherlandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża, Żvediża u Norveġiża, u kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku.

    Съставено в Брюксел на осми декември през две хиляди и шестнадесета година.

    Hecho en Bruselas, el ocho de diciembre de dos mil dieciséis.

    V Bruselu dne osmého prosince dva tisíce šestnáct.

    Udfærdiget i Bruxelles den ottende december to tusind og seksten.

    Geschehen zu Brüssel am achten Dezember zweitausendsechzehn.

    Kahe tuhande kuueteistkümnenda aasta detsembrikuu kaheksandal päeval Brüsselis.

    Έγινε στις Βρυξέλλες, στις οκτώ Δεκεμβρίου δύο χιλιάδες δεκαέξι.

    Done at Brussels on the eighth day of December in the year two thousand and sixteen.

    Fait à Bruxelles, le huit décembre deux mille seize.

    Sastavljeno u Bruxellesu osmog prosinca godine dvije tisuće šesnaeste.

    Fatto a Bruxelles, addì otto dicembre duemilasedici.

    Briselē, divi tūkstoši sešpadsmitā gada astotajā decembrī.

    Priimta du tūkstančiai šešioliktų metų gruodžio aštuntą dieną Briuselyje.

    Kelt Brüsszelben, a kétezer-tizenhatodik év december havának nyolcadik napján.

    Magħmul fi Brussell, fit-tmien jum ta’ Diċembru fis-sena elfejn u sittax.

    Gedaan te Brussel, acht december tweeduizend zestien.

    Sporządzono w Brukseli dnia ósmego grudnia roku dwa tysiące szesnastego.

    Feito em Bruxelas, em oito de dezembro de dois mil e dezasseis.

    Întocmit la Bruxelles la opt decembrie două mii șaisprezece.

    V Bruseli ôsmeho decembra dvetisícšestnásť.

    V Bruslju, dne osmega decembra leta dva tisoč šestnajst.

    Tehty Brysselissä kahdeksantena päivänä joulukuuta vuonna kaksituhattakuusitoista.

    Som skedde i Bryssel den åttonde december år tjugohundrasexton.

    Utferdiget i Brussel, den åttende desember totusenogseksten.

    За Европейския съюз

    Рог la Unión Europea

    Za Evropskou unii

    For Den Europæiske Union

    Für die Europäische Union

    Euroopa Liidu nimel

    Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

    For the European Union

    Pour l'Union européenne

    Za Europsku uniju

    Per l'Unione europea

    Eiropas Savienības vārdā –

    Europos Sąjungos vardu

    Az Európai Unió részéről

    Għall-Unjoni Ewropea

    Voor de Europese Unie

    W imieniu Unii Europejskiej

    Pela União Europeia

    Pentru Uniunea Europeană

    Za Európsku úniu

    Za Evropsko unijo

    Euroopan unionin puolesta

    För Europeiska unionen

    For Den europeiske union

    Image

    За Кралство Норвегия

    Por el Reino de Noruega

    Za Norské království

    For Kongeriget Norge

    Für das Königreich Norwegen

    Norra Kuningriigi nimel

    Για το Βασίλειο της Νορβηγίας

    For the Kingdom of Norway

    Pour le Royaume de Norvège

    Za Kraljevinu Norvešku

    Per il Regno di Norvegia

    Norvēģijas Karalistes vārdā –

    Norvegijos Karalystės vardu

    A Norvég Királyság részéről

    Għar-Renju tan-Norveġja

    Voor het Koninkrijk Noorwegen

    W imieniu Królestwa Norwegii

    Pelo Reino da Noruega

    Pentru Regatul Norvegiei

    Za Nórske kráľovstvo

    Za Kraljevino Norveško

    Norjan kuningaskunnan puolesta

    För Konungariket Norge

    For Kongeriket Norge

    Image


    (1)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112).

    (4)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1) kif emendat l-aħħar mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 547/2014 tal-15 ta' Mejju 2014 (ĠU UE L 163, 29.5.2014, p. 18).

    (5)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU UE L 362, 31.12.2012, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU UE L 292, 15.11.1996, p. 2).

    (7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU UE L 248, 18.9.2013, p. 1).

    (8)  ĠU UE L 1, 3.1.1994, p. 461.


    ANNESS

    FORMULA BIEX JIĠU KKALKULATI L-KONTRIBUZZJONIJIET FINANZJARJI GĦAS-SNIN 2019 U 2020 U DETTALJI TAL-ĦLAS

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja tan-Norveġja għall-ISF-Fruntieri u Viża msemmija fit-tieni u fit-tielet subparagrafi tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 tiġi kkalkulata kif ġej għas-snin 2019 u 2020:

    Għal kull sena mill-2013 sal-2017 iċ-ċifri finali tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tan-Norveġja disponibbli fil-31 ta' Marzu tal-2019 għandhom jiġu diviżi bis-somma taċ-ċifri tal-PDG tal-Istati kollha li jipparteċipaw fl-ISF-Fruntieri u Viża għas-sena rispettiva. Il-medja tal-ħames perċentwali miksuba għas-snin 2013 sa 2017 għandha tiġi applikata għas-somma tal-approprjazzjonijiet annwali effettivi tal-ISF-Fruntieri u Viża għas-snin 2014 sa 2019 u tal-approprjazzjoni ta' impenn annwali tal-ISF-Fruntieri u Viża għas-sena 2020 kif inkluż fl-abbozz tal-baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 adottat mill-Kummissjoni sabiex jinkiseb l-ammont totali li għandu jitħallas min-Norveġja matul il-perjodu kollu ta' implimentazzjoni tal-ISF-Fruntieri u Viża. Minn dan l-ammont, il-ħlasijiet annwali effettivament magħmula min-Norveġja skont l-Artikolu 10(1) ta' dan il-Ftehim għandhom jitnaqqsu sabiex jinkiseb l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet tagħha għas-snin 2019 u 2020. Nofs dan l-ammont għandu jitħallas fl-2019 u n-nofs l-ieħor fl-2020.

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titħallas f'Euro.

    In-Norveġja għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja rispettiva tagħha mhux aktar tard minn 45 jum wara li tirċievi n-nota ta' debitu. Kull dewmien fil-ħlas tal-kontribuzzjoni għandu jwassal għal pagament ta' imgħax ta' inadempjenza fuq l-ammont mhux imħallas mid-data ta' skadenza. Ir-rata tal-imgħax tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tkun fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih taħbat id-data tal-iskadenza, u li tiżdied bi 3,5 punti perċentwali.


    Top