Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22016A1203(02)

Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra

ĠU L 329, 3.12.2016, p. 8–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/12/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2016/2117/oj

Related Council decision
Related Council decision

3.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 329/8


FTEHIM QAFAS

dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra

L-UNJONI EWROPEA,

minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”

u

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-RENJU TA' SPANJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IR-REPUBBLIKA TA' ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

IR-REPUBBLIKA TAL-UNGERIJA,

MALTA,

IR-RENJU TAL-PAJJIŻI L-BAXXI,

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TAL-ISVEZJA,

IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ,

Partijiet Kontraenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Istati Membri”,

minn naħa waħda, u

IR-REPUBBLIKA SOĊJALISTA TAL-VJETNAM,

minn hawn 'il quddiem imsejħa “Vjetnam”,

min-naħa l-oħra,

Minn hawn 'il quddiem imsejħa b'mod konġunt il-“Partijiet”,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-rabtiet tradizzjonali ta' ħbiberija bejn il-Partijiet u r-rabtiet storiċi, politiċi u ekonomiċi mill-qrib li jgħaqqduhom,

BILLI l-Partijiet jagħtu importanza partikolari lin-natura komprensiva tar-relazzjoni reċiproka tagħhom, kif muri, inter alia, bil-“Pjan Direttur għar-relazzjonijiet bejn il-Vjetnam u l-Unjoni Ewropea sal-2010 u l-orjentazzjonijiet lejn l-2015” tal-Vjetnam tal-2005 u d-diskussjonijiet li segwew bejn il-Partijiet,

BILLI l-Partijiet jikkunsidraw li dan il-Ftehim jifforma parti minn relazzjoni aktar wiesgħa u koerenti bejniethom permezz ta' ftehimiet li fihom jipparteċipaw it-tnejn li huma,

WAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom lejn il-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali u l-iskopijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u r-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem,

WAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID ir-rispett tagħhom lejn l-indipendenza, is-sovranità, l-integrità territorjali u l-unità nazzjonali tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam,

WAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID ir-rabta tagħhom mal-prinċipju ta' governanza tajba u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

WAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID ix-xewqa tagħhom li jippromwovu l-progress ekonomiku u soċjali għall-popli tagħhom, filwaqt li jqisu l-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli u r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Qorti Kriminali Internazzjonali tikkostitwixxi żvilupp importanti għall-paċi u l-ġustizzja internazzjonali, li timmirra għall-prosekuzzjoni effettiva tal-aktar reati serji ta' tħassib għall-komunità internazzjonali,

BILLI l-Partijiet jaqblu li l-proliferazzjoni tal-armi ta' distruzzjoni massiva (ADM) isservi ta' theddida ewlenija għas-sigurtà internazzjonali u jixtiequ li jsaħħu d-djalogu tagħhom u l-kooperazzjoni f'dan il-qasam. L-adozzjoni b'kunsens tar-Riżoluzzjoni 1540 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) hija l-bażi tal-impenn tal-komunità internazzjonali kollha fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' distruzzjoni massiva,

WAQT LI JAGĦRFU l-bżonn li jsaħħu d-diżarm kif ukoll l-impenji ta' non-proliferazzjoni skont obbligi internazzjonali applikabbli għall-Partijiet,

WAQT LI JESPRIMU l-impenn sħiħ tagħhom biex jiġġieldu kull forma ta' terroriżmu b'konformità mal-liġi internazzjonali, inkluż il-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja u li jistabbilixxu kooperazzjoni internazzjonali effettiva u strumenti biex jiżguraw l-eradikazzjoni tagħhom, u jfakkru r-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU rilevanti,

WAQT LI JAGĦRFU l-importanza tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni tas-7 ta' Marzu 1980 bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Indoneżja, il-Malasja, il-Filippini, Singapor u t-Tajlandja — pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) — u li kien estiż għall-Vjetnam fl-1999, kif ukoll il-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam tas-17 ta' Lulju 1995,

WAQT LI JAGĦRFU l-importanza li jsaħħu r-relazzjoni eżistenti bejn il-Partijiet bil-ħsieb li jtejbu l-kooperazzjoni bejniethom, u l-impenn komuni tagħhom li jikkonsolidaw, iqawwu u jiddiversifikaw ir-relazzjonijiet tagħhom f'oqsma ta' interess reċiproku fuq il-bażi tas-sovranità, l-ugwaljanza, in-non-diskriminazzjoni, ir-rispett għall-ambjent naturali u l-benefiċċju reċiproku,

WAQT LI JAGĦRFU l-istatus tal-Vjetnam bħala pajjiż li qed jiżviluppa u jqisu l-livelli rispettivi tal-iżvilupp tal-Partijiet,

WAQT LI JAGĦRFU l-importanza sinifikanti tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment il-pajjiżi li qed jiżviluppaw bi dħul baxx u bi dħul medju u baxx, għat-tkabbir ekonomiku sostnut tagħhom, l-iżvilupp sostenibbli u t-twettiq fil-ħin u bis-sħiħ tal-għanijiet tal-iżvilupp maqbula internazzjonalment, inklużi l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti,

WAQT LI JAGĦRFU l-progress magħmul mill-Vjetnam biex jilħaq l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti u fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tiegħu għall-Iżvilupp Soċjo-Ekonomiku kif ukoll il-livell attwali tal-iżvilupp tiegħu bħala pajjiż li qed jiżviluppa bi dħul baxx,

BILLI l-Partijiet jagħtu importanza partikolari lill-prinċipji u r-regoli li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali li jinsabu fil-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), u l-bżonn li japplikawhom b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju,

WAQT LI JAGĦRFU li l-kummerċ għandu rwol sinifikanti fl-iżvilupp u l-importanza ta' programmi preferenzjali tal-kummerċ,

WAQT LI JESPRIMU l-impenn sħiħ tagħhom biex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, inkluż il-protezzjoni ambjentali u l-kooperazzjoni effettiva biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima kif ukoll il-promozzjoni effettiva u l-implimentazzjoni ta' standards tax-xogħol rikonoxxuti internazzjonalment rattifikati mill-Partijiet,

WAQT LI JENFASIZZAW l-importanza tal-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni,

WAQT LI JIKKONFERMAW ix-xewqa tagħhom li jtejbu, f'konformità sħiħa mal-attivitajiet li jsiru f'qafas reġjonali, il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet ibbażata fuq valuri li huma jaqsmu u l-benefiċċju reċiproku,

WAQT LI JINNOTAW li d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim li jaqgħu fl-ambitu tal-Parti III, taħt it-Titolu V, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda bħala Partijiet Kontraenti separati jew, alternattivament, bħala parti mill-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-istess japplika għad-Danimarka, f'konformità mal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness ma' dawk it-Trattati,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TITOLU I

NATURA U AMBITU

Artikolu 1

Prinċipji Ġenerali

1.   Il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom lejn il-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali kif definiti fl-iskopijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, affermati mill-ġdid fid-Dikjarazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-Prinċipji tal-Liġi Internazzjonali li jikkonċernaw Relazzjonijiet ta' Ħbiberija u Kooperazzjoni fost l-Istati f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-24 ta' Ottubru 1970, u fi trattati internazzjonali rilevanti oħra, li inter alia jesprimu l-istat tad-dritt, u l-prinċipju ta' pacta sunt servanda; u lejn ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali rilevanti oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem li għalihom il-Partijiet huma Partijiet Kontraenti, li jsaħħu l-linji politiċi interni u internazzjonali taż-żewġ Partijiet u li jikkostitwixxu element essenzjali ta' dan il-Ftehim.

2.   Il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom biex jikkooperaw aktar lejn il-ksib komplut tal-għanijiet ta' żvilupp maqbula internazzjonalment, inklużi l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti, permezz tal-konformità mal-obbligi internazzjonali reċiproki eżistenti li huma applikabbli għall-Partijiet. Dan jikkostitwixxi element essenzjali ta' dan il-Ftehim. Huma jikkonfermaw ukoll l-impenji rispettivi tagħhom lejn il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp tal-2005, id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna maqbula fil-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna fl-2005, l-Aġenda għall-Azzjoni ta' Accra maqbula fit-Tielet Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, u d-Dikjarazzjoni Prinċipali ta' Hanoi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna maqbula fl-2006 bil-ħsieb li jtejbu aktar il-prestazzjoni fir-rigward ta' kooperazzjoni fl-iżvilupp, inkluż progress fuq in-non-kondizzjonalità tal-għajnuna u l-ksib ta' mekkaniżmi tal-għajnuna aktar prevedibbli.

3.   Il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom biex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, jikkooperaw biex jindirizzaw l-isfidi tat-tibdil fil-klima kif ukoll tal-globalizzazzjoni u jikkontribwixxu għall-għanijiet ta' żvilupp maqbula internazzjonalment, inklużi dawk li jinsabu fl-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti.

4.   Il-Partijiet jaqblu li l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni kollha taħt dan il-Ftehim għandhom iqisu l-livelli tal-iżvilupp, il-bżonnijiet u l-kapaċità rispettivi tagħhom

5.   Il-Partijiet jikkonfermaw li l-kummerċ għandu rwol sinifikanti fl-iżvilupp u li l-programmi preferenzjali tal-kummerċ jgħinu biex jippromwovu l-iżvilupp f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, inkluż il-Vjetnam.

6.   Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim tkun skont il-leġiżlazzjoni, ir-regoli u r-regolamenti rispettivi tagħhom.

Artikolu 2

Għanijiet tal-Kooperazzjoni

Bil-ħsieb li jsaħħu r-relazzjoni bilaterali tagħhom, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jwettqu djalogu komprensiv u jippromwovu aktar kooperazzjoni bejniethom fis-setturi kollha ta' interess reċiproku. L-isforzi tagħhom ikunu b'mod partikolari mmirati biex:

(a)

jistabbilixxu kooperazzjoni bilaterali u f'kull fora jew organizzazzjoni reġjonali u internazzjonali rilevanti;

(b)

jiżviluppaw kummerċ u investiment bejn il-Partijiet għall-vantaġġ reċiproku tagħhom;

(c)

jistabbilixxu kooperazzjoni fl-oqsma kollha relatati mal-kummerċ u l-investiment ta' interess reċiproku, sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ sostenibbli u l-flussi tal-investiment u biex jipprevjenu u jneħħu l-ostakli għall-kummerċ u l-investiment, b'mod konsistenti u komplimentari fir-rigward ta' inizjattivi reġjonali UE-ASEAN li qed jiġu attwalment implimentati u futuri;

(d)

jaħdmu permezz ta' kooperazzjoni fl-iżvilupp biex jeqirdu l-faqar, jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli, jiġġieldu l-isfidi emerġenti bħat-tibdil fil-klima u l-mard li jittieħed, iqawwu r-riforma ekonomika u jintegraw fl-ekonomija dinjija;

(e)

jistabbilixxu kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u s-sigurtà, inkluż l-istat tad-dritt u l-kooperazzjoni legali, il-protezzjoni tad-data, il-migrazzjoni, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus u d-drogi illeċiti;

(f)

ikattru l-kooperazzjoni fis-setturi l-oħra kollha ta' interess reċiproku, inklużi d-drittijiet tal-bniedem; il-politika ekonomika, is-servizzi finanzjarji; it-tassazzjoni, il-politika industrijali u l-intrapriżi żgħar u medji; it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni; ix-xjenza u t-teknoloġija; l-enerġija; it-trasport; l-ippjanar u l-iżvilupp urban u reġjonali; it-turiżmu; l-edukazzjoni u t-taħriġ; il-kultura; it-tibdil fil-klima; ir-riżorsi ambjentali u naturali; l-agrikoltura, il-forestrija, il-bhejjem, is-sajd u l-iżvilupp rurali; is-saħħa; l-istatistika; ix-xogħol; l-impjieg u l-affarijiet soċjali; ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika; l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (OMG); il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta' diżastri naturali; l-ugwaljanza bejn is-sessi;

(g)

itejbu l-parteċipazzjoni eżistenti u jinkoraġġixxu parteċipazzjoni ġdida taż-żewġ Partijiet fil-programmi ta' kooperazzjoni subreġjonali u reġjonali miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Parti l-oħra;

(h)

jistabbilixxu kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' distruzzjoni massiva u l-mezzi tat-twassil tagħhom; biex jiġġieldu l-kummerċ illeċitu ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir u fl-aspetti kollha tiegħu; fdalijiet tal-gwerra;

(i)

jistabbilixxu kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

(j)

ikabbru r-rwoli u l-profili tal-Partijiet fir-reġjuni rispettivi tagħhom b'diversi mezzi, inklużi l-iskambji kulturali, l-użu ta' teknoloġija tal-informatika u l-edukazzjoni;

(k)

jippromwovu l-fehim minn poplu għall-ieħor inter alia permezz ta' kooperazzjoni fost entitajiet bħal gruppi ta' riflessjoni, persuni akkademiċi, is-settur kummerċjali u l-media fil-forma ta' seminars, konferenzi, interazzjoni bejn żgħażagħ u attivitajiet oħra

Artikolu 3

Kooperazzjoni f'Organizzazzjonijiet Reġjonali u Internazzjonali

1.   Il-Partijiet jintrabtu li jiskambjaw opinjonijiet u jikkooperaw f'fora u f'organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, inklużi n-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet tagħha, id-djalogu UE-ASEAN, il-Forum Reġjonali tal-ASEAN (ARF), il-Laqgħa bejn l-Ewropa u l-Asja (ASEM), u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

2.   Il-Partijiet jaqblu wkoll li jippromwovu l-kooperazzjoni f'dawn l-oqsma bejn gruppi ta' riflessjoni, persuni akkademiċi, OMG, is-settur kummerċjali u l-media permezz tal-organizzazzjoni ta' seminars, konferenzi, u attivitajiet oħra relatati, sakemm din il-kooperazzjoni tkun ibbażata fuq kunsens reċiproku.

Artikolu 4

Kooperazzjoni Bilaterali u Reġjonali

1.   Għal kull settur tad-djalogu u l-kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim, u filwaqt li jkunu enfasizzati kif xieraq il-materji taħt il-kooperazzjoni bilaterali, il-Partijiet jaqblu li jwettqu l-attivitajiet relatati jew fuq livell bilaterali jew reġjonali jew permezz ta' kumbinazzjoni taż-żewġ oqfsa. Waqt l-għażla tal-aħjar qafas, il-Partijiet ser ifittxu li jimmassimizzaw l-impatt fuq, u jsaħħu l-involviment ta', il-partijiet kollha interessati, filwaqt li jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli u jqisu l-fattibilità politika u istituzzjonali, u jiżguraw il-koerenza ma' attivitajiet oħra li jinvolvu l-Unjoni u l-ASEAN. Il-kooperazzjoni tista', kif ikun xieraq, tinkludi appoġġ għall-integrazzjoni u l-bini komunitarju tal-ASEAN.

2.   Il-Partijiet jistgħu, kif ikun xieraq, jiddeċiedu li jestendu l-appoġġ finanzjarju lejn attivitajiet ta' kooperazzjoni fl-oqsma koperti mill-ftehim jew relatati miegħu, skont il-proċeduri u r-riżorsi finanzjarji rispettivi tagħhom. Din il-kooperazzjoni tista' partikolarment tappoġġa l-implimentazzjoni tar-riformi soċjoekonomiċi tal-Vjetnam, u tista' tinkludi miżuri ta' żvilupp ta' kapaċità bħall-organizzazzjoni ta' skemi tat-taħriġ, workshops u seminars, skambji ta' esperti, studji, u azzjonijiet oħra maqbula mill-Partijiet skont strateġiji ta' assistenza għall-iżvilupp ta' donaturi.

TITOLU II

KOOPERAZZJONI FL-IŻVILUPP

Artikolu 5

Prinċipji Ġenerali

1.   L-objettivi ċentrali tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp huma biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju kif ukoll l-eradikazzjoni tal-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni fl-ekonomija dinjija. L-objettivi tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp għandhom iqisu l-istrateġiji u l-programmi ta' żvilupp soċjoekonomiku tal-Vjetnam. Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-kooperazzjoni fl-iżvilupp bejniethom hija essenzjali għall-indirizzar tal-isfidi tal-iżvilupp tal-Vjetnam.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu attivitajiet ta' kooperazzjoni skont il-proċeduri u r-riżorsi rispettivi tagħhom.

Artikolu 6

Għanijiet tal-Kooperazzjoni

L-istrateġiji tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Partijiet għandhom jimmiraw biex, inter alia:

(a)

jiksbu tkabbir ekonomiku sostnut;

(b)

jippromwovu l-iżvilupp uman u soċjali;

(c)

jippromwovu riformi u żvilupp istituzzjonali;

(d)

jippromwovu s-sostenibbiltà, ir-riġenerazzjoni u l-aħjar prattiċi ambjentali, u l-preservazzjoni tar-riżorsi naturali;

(e)

jipprevenu u jittrattaw il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima;

(f)

jagħtu appoġġ lil-linji politiċi u l-istrumenti mmirati għall-integrazzjoni progressiva fl-ekonomija u l-kummerċ dinji.

Artikolu 7

Forom ta' Kooperazzjoni

1.   Għal kull settur tal-kooperazzjoni taħt dan it-Titolu, il-Partijiet jaqblu li jwettqu attivitajiet f'livell bilaterali jew reġjonali jew permezz ta' kombinament tat-tnejn, inkluż permezz ta' kooperazzjoni tripartita.

2.   Il-forom ta' kooperazzjoni bejn il-Partijiet jistgħu jinkludu:

(a)

l-iżvilupp u l-assistenza teknika għall-programmi u l-proġetti kif maqbula mill-Partijiet;

(b)

l-iżvilupp ta' kapaċità permezz ta' korsijiet tat-taħriġ, workshops u seminars, skambju ta' esperti, studji, u riċerka konġunta bejn il-Partijiet;

(c)

il-konsiderazzjoni ta' forom oħra ta' finanzjament għall-iżvilupp kif xieraq;

(d)

l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-aħjar prattiċi ta' effikaċja tal-għajnuna.

TITOLU III

PAĊI U SIGURTÀ

Artikolu 8

Fil-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Distruzzjoni Massiva u l-Mezzi tat-Twassil Tagħhom

1.   Il-Partijiet jikkonsidraw li l-proliferazzjoni tal-armi ta' distruzzjoni massiva u l-mezzi tat-twassil tagħhom, kemm għal atturi tal-istat u mhux tal-istat, tirrappreżenta waħda mill-aktar theddid serji għall-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali, filwaqt li jaffermaw mill-ġdid id-drittijiet leġittimi tal-Partijiet biex jirriċerkaw, jiżviluppaw, jużaw, jinnegozjaw u jittrasferixxu teknoloġija bijoloġika, kimika u nukleari u materjali relatati għal skopijiet paċifiċi skont it-trattati u l-konvenzjonijiet li huma partijiet għalihom. Il-Partijiet għalhekk jaqblu li jikkooperaw u jikkontribwixxu biex jiġġieldu l-proliferazzjoni tal-armi ta' distruzzjoni massiva u l-mezzi tat-twassil tagħhom permezz ta' konformità sħiħa ma' u l-implimentazzjoni nazzjonali tal-obbligi eżistenti rispettivi tagħhom taħt trattati u ftehimiet ta' diżarm u non-proliferazzjoni internazzjonali u obbligi internazzjonali rilevanti li huma applikabbli għall-Partijiet. Il-Partijiet jaqblu li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi element essenzjali tal-Ftehim.

2.   Il-Partijiet barra minn hekk jaqblu li jikkooperaw u jikkontribwixxu biex jiġġieldu l-proliferazzjoni tal-armi ta' distruzzjoni massiva u l-mezzi tat-twassil tagħhom billi:

(a)

jieħdu passi biex jiffirmaw, jirrattifikaw, jew jidħlu, kif xieraq, għat-trattati u l-ftehimiet internazzjonali l-oħra kollha rilevanti, u li jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi rispettivi tagħhom;

(b)

jistabbilixxu, b'konsiderazzjoni xierqa għall-kapaċità ta' kull Parti, sistema effettiva ta' kontrolli tal-esportazzjoni nazzjonali, li tikkontrolla l-esportazzjoni u t-tranżitu ta' oġġetti relatati mal-armi ta' distruzzjoni massiva, inkluż il-kontroll tal-użu aħħari tal-armi ta' distruzzjoni massiva fuq teknoloġiji ta' użu doppju u li tinkludi sanzjonijiet effettivi għall-ksur ta' kontrolli tal-esportazzjoni skont ir-Riżoluzzjoni 1540 tal-KSNU mingħajr ma tolqot l-attivitajiet normali u legali tal-importazzjoni u l-esportazzjoni u t-tranżazzjonijiet finanzjarji. Din tista' tinkludi l-provvista ta' assistenza, inkluż l-iżvilupp ta' kapaċità.

3.   Il-Partijiet jaqblu li jfittxu djalogu politiku regolari li jakkompanja u jikkonsolida dawn l-elementi.

Artikolu 9

Kooperazzjoni fil-Ġlieda Kontra Kummerċ Illeċitu f'Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SALW) fl-Aspetti Kollha Tiegħu

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-manifattura, it-trasferiment u ċ-ċirkolazzjoni illeċita ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir, fl-aspetti kollha tagħħom, inkluż l-akkumulazzjoni eċċessiva tagħhom, u t-tixrid mhux ikkontrollat qed ikomplu jkunu ta' theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, filwaqt li jaffermaw mill-ġdid id-drittijiet leġittimi tal-Partijiet li jimmanifatturaw, jimportaw u jżommu armi ħfief u ta' kalibru żgħir għad-difiża proprja tagħhom u għall-bżonnijiet ta' sigurtà. F'dan ir-rigward, il-Partijiet ifakkru l-kontenut rilevanti tar-Riżoluzzjonijiet 64/50 u 64/51 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

2.   Il-Partijiet jaqblu li josservaw u jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi rispettivi tagħhom biex jindirizzaw il-kummerċ illeċitu ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir, fl-aspetti kollha tiegħu, taħt il-ftehimiet internazzjonali eżistenti li għalihom il-Partijiet huma partijiet kontraenti u taħt ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, kif ukoll l-impenji tagħhom fil-qafas ta' strumenti internazzjonali rilevanti oħra applikabbli f'dan il-qasam, bħall-Programm ta' Azzjoni tan-NU biex jipprevenu, jiġġieldu u jeqirdu l-kummerċ illeċitu ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir fl-aspetti kollha tiegħu.

3.   Il-Partijiet jintrabtu li jistabbilixxu djalogu, kif xieraq, sabiex jiskambjaw opinjonijiet u informazzjoni u jiżviluppaw fehim komuni dwar il-kwistjonijiet u l-problemi relatati mal-kummerċ illeċitu ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir, u li jsaħħu l-abbiltà tal-Partijiet biex jipprevenu, jiġġieldu u jeqirdu dan il-kummerċ.

Artikolu 10

Kooperazzjoni fil-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza tal-ġlieda kontra t-terroriżmu b'konformità sħiħa mal-liġi, inkluża l-Karta tan-NU, il-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-liġi dwar ir-refuġjati u l-liġi umanitarja internazzjonali. F'dan il-qafas u, skont l-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu, li tinsab fir-Riżoluzzjoni Nru 60/288 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, u fid-Dikjarazzjoni Konġunta UE-ASEAN tat-28 ta' Jannar 2003 dwar il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u t-trażżin tat-terroriżmu.

Il-Partijiet għandhom jagħmlu dan b'mod partikolari:

(a)

fil-qafas tal-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni 1373 tal-KSNU u riżoluzzjonijiet oħra rilevanti tan-NU, u jieħdu passi sabiex jirratifikaw u jimplimentaw b'mod komplut konvenzjonijiet u strumenti internazzjonali dwar il-ġlieda u l-prevenzjoni tat-terroriżmu;

(b)

billi jistabbilixxu taħt il-Kumitat Konġunt konsultazzjonijiet regolari dwar kooperazzjoni fil-ġlieda u l-prevenzjoni tat-terroriżmu;

(c)

bl-iskambju ta' informazzjoni dwar gruppi terroristiċi u n-netwerks ta' appoġġ tagħhom skont il-liġi internazzjonali u nazzjonali u, bla ħsara għall-programmi u l-istrumenti tal-Partijiet, billi jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp ta' kapaċità fil-ġlieda u l-prevenzjoni tat-terroriżmu;

(d)

bl-iskambji ta' opinjonijiet dwar mezzi u metodi wżati għal kontra t-terroriżmu u l-inċitament ta' atti terroristiċi, inkluż f'oqsma tekniċi u taħriġ, u bl-iskambju ta' esperjenzi fir-rigward tal-prevenzjoni tat-terroriżmu;

(e)

billi jikkooperaw sabiex iqawwu l-kunsens internazzjonali fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-qafas normattiv tiegħu u billi jaħdmu għal ftehim dwar il-Konvenzjoni Komprensiva dwar it-Terroriżmu Internazzjonali mill-aktar fis possibbli sabiex jikkomplimenta l-istrumenti eżistenti tan-NU ta' kontra t-terroriżmu;

(f)

billi jippromwovu l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri tan-NU sabiex effettivament jimplimentaw l-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu;

(g)

bl-iskambju tal-aħjar prattiċi fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Artikolu 11

Kooperazzjoni Legali

1.   Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fuq materji legali, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u tal-istituzzjonijiet fil-livelli kollha fl-oqsma tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja u l-infurzar tal-liġi.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fit-titjib tal-kapaċità ġuridika u s-sistema legali f'oqsma bħal-liġi ċivili, il-liġi proċedurali ċivili, il-liġi kriminali u l-liġi proċedurali kriminali, kif ukoll biex iwettqu skambju ta' informazzjoni dwar sistemi legali u leġiżlazzjoni.

3.   Il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkooperaw fil-qasam tal-ġustizzja kriminali internazzjonali. Il-Partijiet jikkonsidraw li l-aktar reati serji ta' tħassib għall-komunità internazzjonali għandhom jiġu kkastigati u li l-prosekuzzjoni effettiva tagħhom għandha tiġi żgurata billi jittieħdu l-miżuri fil-livell xieraq.

4.   Il-Partijiet jikkonsidraw li l-Qorti Kriminali Internazzjonali hija istituzzjoni progressiva u indipendenti li topera għall-fini ta' paċi u ġustizzja internazzjonali. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-ħsieb li jsaħħu l-qafas legali mmirat biex jipprevjeni u jikkastiga l-aktar reati serji ta' tħassib għall-komunità internazzjonali u li jikkonsidraw il-possibbiltà ta' adeżjoni għall-Istatut ta' Ruma. Il-Partijiet jaqblu li d-djalogu u l-kooperazzjoni dwar din il-materja jkunu ta' benefiċċju.

TITOLU IV

KOOPERAZZJONI DWAR KWISTJONIJIET TA' KUMMERĊ U INVESTIMENT

Artikolu 12

Prinċipji Ġenerali

1.   Il-Partijiet għandhom jidħlu fi djalogu dwar il-kummerċ bilaterali u multilaterali u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bil-ħsieb li jsaħħu r-relazzjonijiet ta' kummerċ bilaterali u javvanzaw is-sistema tal-kummerċ multilaterali.

2.   Il-Partijiet jintrabtu li jippromwovu l-iżvilupp u d-diversifikazzjoni tal-iskambji kummerċjali tagħhom sal-aktar livell għoli possibbli u għall-benefiċċju reċiproku tagħhom. Huma jintrabtu li jiksbu kundizzjonijiet ta' aċċess għas-suq imtejba u prevedibbli billi jaħdmu għall-eliminazzjoni tal-barrieri għall-kummerċ, b'mod partikolari permezz tat-tneħħija fil-ħin ta' barrieri mhux tat-tariffi u restrizzjonijiet għall-kummerċ, u billi jieħdu l-miżuri biex itejbu t-trasparenza, filwaqt li jikkonsidraw ix-xogħol li twettaq f'dan il-qasam minn organizzazzjonijiet internazzjonali li fihom iż-żewġ Partijiet huma membri.

3.   Filwaqt li jirrikonoxxu li l-kummerċ għandu rwol indispensabbli fl-iżvilupp, u li skemi ta' preferenzi għall-kummerċ, inkluża s-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP), u t-trattament speċjali u differenzjat kif speċifikat mill-WTO urew li huma ta' benefiċċju għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-Partijiet għandhom jaħdmu biex isaħħu l-konsultazzjonijiet fuq l-implimentazzjoni effettiva tagħhom.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkonsidraw il-livelli tal-iżvilupp rispettivi tagħhom għall-implimentazzjoni ta' dan it-Titolu.

5.   Il-Partijiet għandhom iżommu lil xulxin informati fir-rigward tal-iżvilupp tal-kummerċ u ta' linji politiċi relatati mal-kummerċ bħall-politika agrikola, il-politika dwar is-sigurtà tal-ikel, il-politika dwar il-konsumatur u l-politika ambjentali.

6.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu d-djalogu u l-kooperazzjoni biex jiżviluppaw ir-relazzjonijiet tal-kummerċ u l-investiment tagħhom, inklużi s-soluzzjoni għal problemi kummerċjali u l-provvista ta' assistenza teknika u programmi ta' żvilupp ta' kapaċità biex jindirizzaw kwistjonijiet dwar kummerċ, inter alia, fl-oqsma msemmija taħt dan it-Titolu.

7.   Bil-ħsieb li joħorġu l-potenzjali tagħhom u jużaw il-komplementarjetà ekonomika tagħhom, il-Partijiet jaħdmu biex jesploraw u jfittxu aktar opportunitajiet u soluzzjonijiet biex isaħħu r-relazzjonijiet tal-kummerċ u l-investiment tagħhom, inkluż, fejn xieraq, in-negozjar ta' ftehimiet dwar kummerċ ħieles u ftehimiet oħrajn ta' interess reċiproku.

Artikolu 13

Żvilupp tal-Kummerċ

1.   Il-Partijiet jintrabtu li jiżviluppaw, jiddiversifikaw u jżidu l-kummerċ bejniethom u li jtejbu l-kompetittività tal-prodotti tagħhom fi swieq domestiċi, reġjonali u internazzjonali. Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għal dan il-għan għandha partikolarment timmira biex issaħħaħ l-iżvilupp ta' kapaċità f'oqsma bħal strateġiji ta' żvilupp tal-kummerċ, titjib tal-potenzjal għall-kummerċ, inklużi l-preferenzi SĠP, il-kompetittività, il-promozzjoni tat-trasferiment tat-teknoloġija bejn l-intrapriżi, it-trasparenza tal-linji politiċi, il-liġijiet u r-regolamenti, l-informazzjoni dwar is-suq, l-iżvilupp istituzzjonali kif ukoll in-netwerking reġjonali.

2.   Il-Partijiet għandhom jużaw bis-sħiħ l-Għajnuna għall-Kummerċ u programmi ta' assistenza supplimentari oħra Għall-finijiet tat-tkabbir tal-kummerċ u l-investiment bejniethom.

Artikolu 14

Kwistjonijiet Sanitarji u Fitosanitarji u tat-Trattament Xieraq tal-Annimali

1.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-drittijiet u l-obbligi eżistenti tagħhom taħt il-Ftehim tal-WTO dwar miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (SPS).

2.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-proċeduri tal-leġiżlazzjoni, l-implimentazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni, l-ispezzjoni u s-sorveljanza dwar miżuri sanitarji u fitosanitarji f'kummerċ bejn il-Partijiet fil-qafas ta' Ftehim tal-WTO dwar miżuri Sanitarji u Fitosanitarji, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti (IPPC), l-Office International des Épizooties (OIE) u l-CODEX Alimentarius.

3.   Il-Partijiet barra minn hekk jaqblu li jikkooperaw fuq materji dwar miżuri sanitarji u fitosanitarji u li jippromwovu l-kooperazzjoni f'dan il-qasam bejn il-Partijiet, permezz tal-iżvilupp ta' kapaċità u assistenza teknika, li għandhom ikunu speċifiċi għall-bżonnijiet ta' kull Parti u mmirati biex jgħinuhom jikkonformaw mal-qafas legali ta' xulxin inkluż is-sigurtà tal-ikel, is-saħħa tal-pjanti u l-annimali u l-użu ta' standards internazzjonali.

4.   Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw kif meħtieġ dwar it-trattament xieraq tal-annimali, inklużi l-assistenza teknika u l-iżvilupp ta' kapaċità għall-iżvilupp ta' standards ta' trattament xieraq tal-annimali.

5.   Il-Partijiet għandhom joħolqu punti ta' kuntatt għall-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet taħt dan l-Artikolu.

Artikolu 15

Barrieri Tekniċi għall-Kummerċ

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-użu ta' standards internazzjonali u jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni dwar standards, regolamenti tekniċi, u proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità, speċjalment fil-qafas tal-Ftehim tal-WTO dwar Barrieri Tekniċi għall-Kummerċ (TBT).

2.   Il-Partijiet jaħdmu biex jiskambjaw informazzjoni mill-istadji bikrin tal-formulazzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida fil-qasam tat-TBT. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu kwalunkwe miżuri mmirati biex isolvu d-differenzi ta' bejniethom fil-qasam tal-valutazzjoni tal-konformità u l-istandardizzazzjoni u t-titjib tal-konverġenza u l-kompatibilità bejn is-sistemi rispettivi tal-Partijiet f'dan il-qasam. Il-Partijiet jaqblu li jiskambjaw opinjonijiet dwar, u li jesploraw il-possibbiltà li tiġi applikata ċertifikazzjoni tal-parti terza bil-ħsieb li jkunu ffaċilitati l-flussi tal-kummerċ bejniethom.

3.   Il-kooperazzjoni dwar barrieri tekniċi għall-kummerċ għandha ssir, inter alia, permezz ta' djalogu b'mezzi xierqa, proġetti konġunti, assistenza teknika u programmi ta' żvilupp ta' kapaċità. Il-Partijiet għandhom joħolqu, meta meħtieġ, punti ta' kuntatt għall-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet taħt dan l-Artikolu.

Artikolu 16

Kooperazzjoni dwar Materji Doganali u l-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ

1.   Il-Partijiet għandhom:

(a)

jaqsmu l-esperjenza u l-aħjar prattiċi u jeżaminaw il-possibbiltajiet għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-importazzjoni, l-esportazzjoni u proċeduri doganali oħrajn;

(b)

jiżguraw it-trasparenza tar-regolamenti doganali u ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ;

(c)

jiżviluppaw kooperazzjoni dwar materji doganali, u mekkaniżmi effettivi u reċiproki ta' assistenza amministrattiva;

(d)

ifittxu l-konverġenza tal-fehmiet u azzjoni konġunta fil-kuntest ta' inizjattivi internazzjonali rilevanti inkluż il-faċilitazzjoni tal-kummerċ.

2.   Il-Partijiet ser jagħtu attenzjoni speċjali biex, inter alia,

(a)

iżidu d-dimensjoni ta' sigurtà u sikurezza tal-kummerċ internazzjonali;

(b)

jiżguraw infurzar doganali aktar effettiv u effiċjenti ta' drittijiet tal-proprjetà intelletwali;

(c)

jiżguraw approċċ bilanċjat bejn il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet.

3.   Mingħajr ħsara għal forom oħra ta' kooperazzjoni, ipprovduti taħt dan il-Ftehim, il-Partijiet jistqarru l-interess tagħhom billi fil-futur jikkonsidraw il-konklużjoni ta' protokolli dwar il-kooperazzjoni doganali u l-assistenza amministrattiva reċiproka, fil-qafas istituzzjonali stabbilit f'dan il-Ftehim.

4.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jimmobilizzaw riżorsi ta' assistenza teknika biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni dwar regolamenti dwar materji doganali u ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ taħt dan il-Ftehim.

Artikolu 17

Investiment

Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu fluss akbar ta' investiment permezz tal-iżvilupp ta' ambjent attraenti u stabbli għall-investiment permezz ta' djalogu konsistenti mmirat biex ikabbar il-fehim u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet dwar investiment, jesploraw mekkaniżmi amministrattivi biex ikunu ffaċilitati l-flussi tal-investiment, u jippromwovu regoli stabbli, trasparenti, miftuħa u kundizzjonijiet indaqs għall-investituri tal-Partijiet.

Artikolu 18

Politika dwar il-Kompetizzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom ikollhom liġijiet, regolamenti u awtoritajiet relatati mal-kompetizzjoni. Huma għandhom japplikaw dawn il-liġijiet b'mod effettiv, mhux diskriminatorju u trasparenti sabiex ikattru ċ-ċertezza legali fit-territorji rispettivi tagħhom.

2.   Għal dan il-għan, il-Partijiet jistgħu jidħlu f'attivitajiet ta' żvilupp ta' kapaċità u attivitajiet oħra ta' kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' liġijiet u regolamenti dwar il-kompetizzjoni, suġġetti għad-disponibilità tal-finanzjament taħt l-istrumenti u l-programmi ta' kooperazzjoni tal-Partijiet.

Artikolu 19

Servizzi

Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu djalogu regolari partikolarment immirat għall-iskambju ta' informazzjoni dwar l-ambjenti regolatorji rispettivi tagħhom bil-ħsieb li jiġu identifikati l-aħjar prattiċi, issir promozzjoni tal-aċċess għas-swieq ta' xulxin, inkluż il-kummerċ elettroniku, issir promozzjoni tal-aċċess għal sorsi tal-kapital u t-teknoloġija u ssir promozzjoni tal-kummerċ f'servizzi bejn iż-żewġ reġjuni u fis-swieq ta' pajjiżi terzi.

Artikolu 20

Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali

1.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza kbira li jagħtu lill-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali (DPI) u l-implimentazzjoni sħiħa tal-impenji internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-DPI, bil-ħsieb li jiżguraw protezzjoni adegwata u effettiva ta' dawn id-drittijiet, skont l-istandards/ftehimiet internazzjonali rilevanti, bħall-Ftehim dwar l-Aspetti relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (TRIPS) u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti (UPOV), inklużi l-mezzi effettivi tal-infurzar.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jkabbru l-kooperazzjoni dwar il-protezzjoni u l-infurzar ta' proprjetà intelletwali, inkluż fuq mezzi xierqa għall-iffaċilitar tal-protezzjoni u r-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-parti l-oħra fit-territorji rispettivi tagħhom, filwaqt li jqisu r-regoli, il-prattiċi u l-iżviluppi internazzjonali f'dan il-qasam u l-kapaċità rispettiva tagħhom.

3.   Il-kooperazzjoni għandha tiġi implimentata fil-forom maqbula mill-Partijiet, inkluż għall-iskambju ta' informazzjoni u esperjenzi dwar kwistjonijiet bħall-prattika, il-promozzjoni, it-tixrid, is-simplifikazzjoni, il-ġestjoni, l-armonizzazzjoni, il-protezzjoni, l-infurzar u l-applikazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, il-prevenzjoni tal-abbużi ta' dawn id-drittijiet, il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, inklużi l-istabbiliment u t-tisħiħ ta' organizzazzjonijiet għall-kontroll u l-protezzjoni ta' dawn id-drittijiet.

Artikolu 21

Parteċipazzjoni Mkabbra ta' Atturi Ekonomiċi

1.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-operazzjoni tal-Kmamar tal-Kummerċ u l-Industrija kif ukoll il-kooperazzjoni fost l-assoċjazzjonijiet professjonali tal-Partijiet bil-ħsieb li jippromwovu l-kummerċ u l-investiment f'oqsma ta' interess għaż-żewġ Partijiet.

2.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu djalogu bejn il-korpi regolatorji rispettivi tagħhom u l-atturi tas-settur privat bil-ħsieb li jiġu diskussi żviluppi riċenti fl-ambjent tal-kummerċ u l-investiment, jesploraw il-bżonnijiet tal-iżvilupp tas-settur privat u jiskambjaw opinjonijiet dwar oqfsa ta' politika għat-tisħiħ tal-kompetittività korporattiva.

Artikolu 22

Konsultazzjonijiet

Bil-ħsieb li jiżguraw is-sigurtà u l-previdibbiltà fir-relazzjoni tal-kummerċ bilaterali tagħhom, il-Partijiet jaqblu li jikkonsultaw ma' xulxin fil-pront u mill-aktar fis possibbli fuq talba minn Parti kwalunkwe materji ta' differenza li jistgħu jinħolqu b'konnessjoni mal-kummerċ u l-materji relatati mal-kummerċ taħt dan it-Titolu.

TITOLU V

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-ĠUSTIZZJA

Artikolu 23

Il-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Organizzata

Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, ekonomika u finanzjarja kif ukoll il-korruzzjoni. Din il-kooperazzjoni partikolarment timmira li timplimenta u tippromwovi standards u strumenti internazzjonali rilevanti, bħall-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokolli li jsostnuha u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, fejn applikabbli.

Artikolu 24

Kooperazzjoni fil-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu

1.   Il-Partijiet jaqblu fuq il-bżonn li jaħdmu u jikkooperaw biex jipprevjenu r-riskju li s-sistemi finanzjarji tagħhom jiġu abbużati u li jsir ħasil ta' kwalunkwe rikavat minn attivitajiet kriminali serji, kif rakkomandat mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF).

2.   Iż-żewġ Partijiet jaqblu li jippromwovu t-taħriġ u l-assistenza teknika mmirati lejn l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tar-regolamenti u l-funzjonament effiċjenti ta' mekkaniżmi għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. B'mod partikolari, il-kooperazzjoni għandha tippermetti l-iskambji ta' informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet fil-qafas tal-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom fuq il-bażi ta' standards xierqa għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ekwivalenti għal dawn adottati mill-Partijiet u l-korpi internazzjonali attivi f'dan il-qasam, bħat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF).

Artikolu 25

Kooperazzjoni Kontra Drogi Illeċiti

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżguraw approċċ komprensiv u bilanċjat, permezz ta' azzjoni effettiva u koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, inkluża dik mis-setturi tal-infurzar tal-liġi, doganali, tas-saħħa, tal-ġustizzja u tal-intern u setturi rilevanti oħra, bl-għan li jnaqqsu l-provvista (inkluż il-kultivazzjoni illeċita ta' peprin tal-loppju u l-produzzjoni ta' drogi sintetiċi) u t-traffikar ta', u d-domanda għal, drogi illeċiti kif ukoll l-impatt tagħhom fuq l-utenti tad-drogi u s-soċjetà inġenerali u biex jiksbu aktar kontrolli effettivi tal-prekursuri.

2.   Il-Partijiet għandhom jaqblu fuq mezzi ta' kooperazzjoni biex jilħqu dawn l-objettivi. L-azzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji maqbula b'mod komuni skont il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti li huma partijiet għalihom; id-Dikjarazzjoni Politika, id-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji ta' Gwida tat-Tnaqqis fid-Domanda għad-Drogi, u l-Miżuri għat-Tisħiħ fil-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Ġlieda kontra l-Problema Dinjija tad-Droga, adottati mill-20 Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi f'Ġunju 1998; u d-Dikjarazzjoni Politika u l-Pjan ta' Azzjoni adottati fit-52 sessjoni tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Drogi Narkotiċi f'Marzu 2009.

3.   Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandha tinkludi assistenza teknika u amministrattiva partikolarment fl-oqsma li ġejjin: l-abbozzar ta' leġiżlazzjoni u linji politiċi nazzjonali; l-istabbiliment ta' istituzzjonijiet nazzjonali u ċentri tal-informazzjoni u l-monitoraġġ; taħriġ ta' personal; riċerka relatata mad-drogi; sforzi biex titnaqqas id-domanda għal, u l-ħsara li ssir, mid-drogi; u kooperazzjoni ġuridika u bejn il-pulizija; u kontroll effettiv ta' prekursuri peress li hu relatat mal-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi. Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jinkludu oqsma oħra.

Artikolu 26

Protezzjoni ta' Dejta Personali

1.   Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw sabiex itejbu l-livell ta' protezzjoni ta' dejta personali għall-ogħla standards internazzjonali, kif xieraq, bħal dawk li jinsabu fi strumenti internazzjonali, safejn dawn japplikaw għall-Partijiet.

2.   Il-kooperazzjoni fir-rigward tal-protezzjoni ta' dejta personali tista' tinkludi, inter alia, assistenza teknika fil-forma ta' skambju ta' informazzjoni u kompetenzi.

TITOLU VI

ŻVILUPP SOĊJO-EKONOMIKU U OQSMA OĦRA TA' KOOPERAZZJONI

Artikolu 27

Kooperazzjoni dwar Migrazzjoni

1.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza ta' sforzi komuni sabiex jamministraw il-flussi migratorji bejn it-territorji tagħhom. Bil-ħsieb li jsaħħu l-kooperazzjoni, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu djalogu komprensiv dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-migrazzjoni. It-tħassib dwar il-migrazzjoni għandu jiġi inkluż fl-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' pajjiżi ta' orġini, tranżitu u destinazzjoni tal-migranti.

2.   Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-bżonnijiet speċifiċi mwettqa b'konsultazzjoni reċiproka bejn il-Partijiet u li għandha tiġi implimentata skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u nazzjonali rilevanti fis-seħħ. Il-kooperazzjoni ser tiffoka, inter alia, fuq:

(a)

l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni;

(b)

it-twettiq ta' djalogu komprensiv dwar il-migrazzjoni legali li, kif maqbul b'mod reċiproku, jimmira li jistabbilixxi mekkaniżmi għall-promozzjoni ta' opportunitajiet ta' migrazzjoni legali;

(c)

l-iskambju ta' esperjenzi u prattiċi dwar l-osservanza u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tal-Refuġjati, iffirmata fit-28 ta' Lulju 1951, u tal-Protokoll relattiv għaliha, iffirmat fil-31 ta' Jannar 1967, speċjalment il-prinċipji ta' “non-refoulment” u “ripatrijazzjoni volontarja”.

(d)

ir-regoli tad-dħul, kif ukoll id-drittijiet u l-istatus tal-persuni li jiddaħħlu, it-trattament ġust u l-integrazzjoni ta' persuni ta' nazzjonalità differenti residenti b'mod leċitu, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-miżuri kontra r-razziżmu u l-ksenofobija;

(e)

l-istabbiliment ta' politika effettiva u preventiva kontra l-immigrazzjoni illegali, il-kuntrabandu ta' migranti u t-traffikar ta' bnedmin, inklużi metodi għall-ġlieda kontra netwerks ta' kuntrabandisti u ta' traffikanti u l-protezzjoni tal-vittmi ta' dan it-traffikar.

(f)

ir-ritorn, taħt kundizzjonijiet umani u dinjitużi, ta' persuni residenti illegalment inklużi l-promozzjoni tar-ritorn volontarju tagħhom, u r-riammissjoni ta' dawn il-persuni skont il-paragrafu 3.

(g)

kwistjonijiet identifikati bħala ta' interess reċiproku fil-qasam tal-viżi u s-sigurtà ta' dokumenti tal-ivvjaġġar;

(h)

kwistjonijiet identifikati bħala ta' interess reċiproku fil-qasam ta' kontrolli fuq il-fruntieri;

(i)

żvilupp ta' kapaċità teknika u umana.

3.   Fil-qafas tal-kooperazzjoni għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-immigrazzjoni illegali u mingħajr ħsara għall-bżonn ta' protezzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, il-Partijiet jaqblu wkoll li:

(a)

ladarba n-nazzjonalità Vjetnamita ta' persuna li tkun ser tiġi aċċettata mill-ġdid tiġi stabbilita mill-awtoritajiet kompetenti tal-Vjetnam skont il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew il-ftehimiet eżistenti rilevanti, il-Vjetnam għandu jaċċetta mill-ġdid kwalunkwe ċittadini tiegħu preżenti illegalment fit-terrotorju ta' Stat Membru, fuq talba mill-awtoritajiet kompetenti ta' dan tal-aħħar u mingħajr dewmien mhux meħtieġ;

(b)

ladarba n-nazzjonalità ta' persuna li tkun ser tiġi aċċettata mill-ġdid tiġi stabbilita mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat skont il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew il-ftehimiet eżistenti rilevanti, kull Stat Membru għandu jaċċetta mill-ġdid kwalunkwe ċittadin tiegħu preżenti illegalment fit-territorju tal-Vjetnam, fuq talba mill-awtoritajiet kompetenti ta' dan tal-aħħar u mingħajr dewmien mhux meħtieġ.

Il-Partijiet għandhom jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom b'dokumenti tal-identità xierqa għal dawn il-finijiet. Meta persuna li tkun ser tiġi aċċettata mill-ġdid ma jkolliex fil-pussess tagħha kwalunkwe dokument jew provi oħra tan-nazzjonalità, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jew il-Vjetnam għandhom, fuq talba mill-Vjetnam jew mill-Istat Membru kkonċernat, jagħmlu arranġamenti biex jintervistaw lill-persuna sabiex jistabbilixxu n-nazzjonalità tagħha.

4.   Suġġetti għal-liġijiet u l-proċeduri rispettivi tagħhom, il-Partijiet għandhom ikabbru l-kooperazzjoni tagħhom fuq il-kwistjonijiet ta' riammissjoni, fejn jimmiraw, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet u kif maqbul b'mod reċiproku, għall-innegozjar ta' ftehim bejn l-UE u l-Vjetnam dwar ir-riammissjoni taċ-ċittadini rispettivi tagħhom.

Artikolu 28

Edukazzjoni u Taħriġ

1.   Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ li kif xieraq tirrispetta d-diversità tagħhom sabiex isaħħu l-fehim reċiproku u jaqblu li jżidu l-għarfien dwar l-opportunitajiet edukattivi fl-UE u fil-Vjetnam.

2.   Il-Partijiet għandhom barra minn hekk jenfasizzaw miżuri mfassla biex jinħolqu rabtiet bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla rispettivi tagħhom u aġenziji speċjalizzati u li jinkoraġġixxu l-iskambju ta' informazzjoni, tagħrif, studenti, esperti u riżorsi tekniċi, filwaqt li jieħdu vantaġġ mill-faċilitajiet offruti minn programmi tal-Unjoni fix-Xlokk tal-Asja fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll l-esperjenza li ż-żewġ Partijiet kisbu f'dan il-qasam.

3.   Iż-żewġ naħat jaqblu wkoll li jippromwovu l-implimentazzjoni ta' programmi rilevanti għal edukazzjoni ogħla bħall-programm Erasmus Mundus u programmi ta' taħriġ għal interpreti tal-konferenzi u jinkoraġġixxu istituzzjonijiet edukattivi fl-UE u fil-Vjetnam biex jikkooperaw fi programmi ta' gradi u riċerka konġunti bil-ħsieb li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni u l-mobilità akkademika.

4.   Il-Partijiet jaqblu wkoll li jibdew djalogu dwar materji ta' interess reċiproku relatati mal-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni ogħla u tas-sistema ta' taħriġ tekniku u vokazzjonali, li jistgħu partikolarment jinkludu miżuri għall-assistenza teknika, immirati biex, inter alia, itejbu l-qafas tal-kwalifiki u l-assigurazzjoni tal-kwalità.

Artikolu 29

Saħħa

1.   Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fis-settur tas-saħħa bil-ħsieb li jtejbu l-kundizzjonijiet tas-saħħa u l-benesseri soċjali, b'mod partikolari t-tisħiħ tas-sistema tas-saħħa, inkluż il-kura tas-saħħa u l-assigurazzjoni tas-saħħa.

2.   Il-kooperazzjoni għandha prinċipalment issir fuq:

(a)

programmi li jimmiraw li jsaħħu s-settur tas-saħħa, inkluż it-titjib tas-sistemi tas-saħħa, is-servizzi tas-saħħa u l-kundizzjonijiet tas-saħħa kif ukoll il-benesseri soċjali;

(b)

attivitajiet konġunti dwar l-epidemjoloġija, inklużi kollaborazzjoni fil-prevenzjoni bikrija u l-kontroll ta' epidemiji bħall-influwenza avjarja u pandemika u mard prinċipali ieħor li jittieħed;

(c)

ftehimiet internazzjonali dwar is-saħħa, b'mod partikolari l-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk u r-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa;

(d)

standards dwar is-sigurtà tal-ikel, inkluż netwerk ta' kontroll awtomatiku għall-importazzjonijiet tal-ikel, kif koperti bl-Artikolu 14;

(e)

l-iskambju ta' informazzjoni, esperjenza fir-rigward ta' linji politiċi u regolamenti dwar tagħmir farmaċewtiku u mediku, kif maqbul b'mod reċiproku.

(f)

il-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard li ma jittiħidtx permezz tal-iskambju ta' informazzjoni u prattiċi tajba, il-promozzjoni ta' stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa, l-indirizzar ta' elementi prinċipali li jiddeterminaw is-saħħa kif ukoll is-sorveljanza u l-ġestjoni ta' dak il-mard.

3.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta' aktar modernizzazzjoni tas-settur tas-saħħa u jaqblu li jsaħħu l-iżvilupp ta' kapaċità u l-assistenza teknika fis-settur tas-saħħa.

Artikolu 30

Ambjent u Riżorsi Naturali

1.   Il-Partijiet jaqblu dwar il-bżonn li jikkonservaw u jamministraw b'mod sostenibbli r-riżorsi naturali u d-diversità bijoloġika bħala bażi għall-iżvilupp tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

2.   Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni f'dan il-qasam għandha tippromwovi l-konservazzjoni u t-titjib tal-ambjent waqt li ssegwi l-iżvilupp sostenibbli. L-eżitu tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli għandu jitqies fl-attivitajiet kollha li jsiru mill-Partijiet taħt dan il-Ftehim.

3.   Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-ħsieb li jkabbru l-appoġġ reċiproku fir-rigward tal-politika ambjentali u l-integrazzjoni ta' konsiderazzjonijiet ambjentali fis-setturi kollha tal-kooperazzjoni.

4.   Il-Partijiet jintrabtu li jkomplu u jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom speċifikament fir-rigward ta':

(a)

il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni attiva tal-Partijiet fl-implimentazzjoni ta' ftehimiet ambjentali multilaterali li huma partijiet għalihom, inklużi l-Konvenzjoni ta' Basel, il-Konvenzjoni ta' Stokkolma u l-Konvenzjoni ta' Rotterdam;

(b)

il-promozzjoni ta' għarfien ambjentali u t-tkabbir tal-parteċipazzjoni lokali, inklużi l-parteċipazzjoni ta' komunitajiet indiġeni u lokali fl-isforzi tal-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli;

(c)

il-promozzjoni u l-użu ta' teknoloġiji, prodotti u servizzi ambjentali, inkluż permezz tal-użu ta' strumenti regolatorji u bbażati fuq is-suq;

(d)

il-prevenzjoni ta' ċaqliq transkonfinali illegali tal-iskart, inkluż skart perikoluż u sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu;

(e)

titjib tal-kwalità tal-arja tal-ambjent, il-ġestjoni ambjentali tajba tal-iskart, is-sigurtà tal-kimiċi, il-ġestjoni integrata u sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma u l-promozzjoni tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli;

(f)

l-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni tal-foresti, inkluż il-promozzjoni tal-ġestjoni ta' foresti sostenibbli, iċ-ċertifikazzjoni tal-foresti, il-miżuri għall-ġlieda kontra l-qtugħ illegali ta' siġar u l-kummerċ assoċjat miegħu, u l-integrazzjoni tal-iżvilupp tal-forestrija fl-iżvilupp komunitarju lokali;

(g)

il-ġestjoni effettiva tal-parks nazzjonali u r-rikonoxximent u l-konservazzjoni taż-żoni ta' bijodiversità u l-ekosistemi vulnerabbli, b'konsiderazzjoni xierqa tal-komunitajiet lokali u indiġeni li jgħixu fi jew qrib dawn iż-żoni;

(h)

il-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-ambjent tal-kosta u tal-baħar bil-promozzjoni tal-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi tal-baħar sabiex jinkiseb żvilupp tal-baħar sostenibbli;

(i)

tal-protezzjoni tal-ħamrija u l-preservazzjoni tal-funzjonijiet tal-ħamrija u l-ġestjoni tal-art sostenibbli;

(j)

titjib fil-kapaċità tal-ġestjoni tal-art, linji ekonomiċi trasparenti dwar l-art u l-funzjonament korrett tas-suq tal-proprjetà immobbli, ibbażati fuq il-prinċipju tal-Ġestjoni tal-Art Sostenibbli u drittijiet ekwi għall-azzjonisti, sabiex ikun żgurat kemm l-użu effettiv kif ukoll il-protezzjoni ambjentali għall-iżvilupp sostenibbli.

5.   Għal dawn l-għanijiet, il-Partijiet għandhom jimmiraw li jsaħħu l-kooperazzjoni, permezz ta' oqfsa bilaterali u multilaterali, inklużi programmi ta' assistenza teknika bil-ħsieb li jippromwovu l-iżvilupp, it-trasferiment u l-użu ta' teknoloġiji tajbin għall-ambjent, kif ukoll inizjattivi u arranġamenti ta' sħubija bbażati fuq il-prinċipju ta' benefiċċju reċiproku għas-sodisfazzjoni bikri tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju.

Artikolu 31

Kooperazzjoni dwar Tibdil fil-Klima

1.   Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw biex jaċċelleraw il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-impatt tagħha fuq id-degradazzjoni tal-ambjent u l-faqar, jippromwovu linji politiċi li jgħinu jnaqqsu t-tibdil fil-klima u jadattaw għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, speċjalment iż-żieda fil-livell tal-baħar, u jistabbilixxu l-ekonomiji tagħhom fuq tkabbir sostenibbli b'konsum ta' livell baxx tal-karbonju.

2.   L-objettivi tal-kooperazzjoni għandhom ikunu li:

(a)

jtejbu l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, bl-għan ġenerali ta' tranżizzjoni lejn ekonomiji b'konsum ta' livell baxx tal-karbonju li huma siguri u sostenibbli, permezz ta' azzjonijiet ta' mitigazzjoni konkreti skont il-prinċipji tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC);

(b)

jtejbu l-prestazzjonijiet tal-enerġija tal-ekonomiji tagħhom, bil-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-konservazzjoni tal-enerġija, u l-użu ta' enerġija sigura u sostenibbli rinnovabbli, u l-qlib lejn ġenerazzjoni adattata għall-klima li tikkontribwixxi għat-tqegħid tal-pedament għal rivoluzzjoni ta' enerġija ekoloġika;

(c)

jippromowvu mudelli ta' Produzzjoni u Konsum Sostenibbli (PKS) fl-ekonomiji tagħhom, li jikkontribwixxu biex inaqqsu l-pressjonijiet fuq l-ekosistemi, inklużi l-ħamrija u l-klima;

(d)

jadattaw għall-impatt inevitabbli u ħażin tat-tibdil fil-klima, inkluż l-integrazzjoni ta' miżuri ta' adattament fl-istrateġiji tat-tkabbir u l-iżvilupp tal-Partijiet u l-ippjanar fis-setturi u fil-livelli kollha.

3.   Sabiex jilħqu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 2, il-Partijiet għandhom:

(a)

jintensifikaw id-djalogu dwar il-politika u l-kooperazzjoni fil-livell tekniku;

(b)

jippromwovu l-kooperazzjoni għal attivitajiet ta' Riċerka u Żvilupp (R&Ż) u teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi;

(c)

isaħħu l-kooperazzjoni dwar azzjonijiet ta' mitigazzjoni xierqa nazzjonali, pjanijiet ta' tkabbir b'konsum baxx tal-karbonju, programmi nazzjonali għall-adattament tat-tibdil fil-klima u Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri;

(d)

ikabbru l-bini tal-kapaċità u jsaħħu l-istituzzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi tat-tibdil fil-klima;

(e)

jippromwovu ż-żieda fl-għarfien, speċjalment għall-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli u dawk li jgħixu f'żoni vulnerabbli, u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta' komunitajiet lokali bħala reazzjoni għat-tibdil fil-klima.

Artikolu 32

Agrikoltura, Forestrija, Bhejjem, Sajd u Żvilupp Rurali

1.   Il-Partijiet jaqblu li jkabbru l-kooperazzjoni, inkluż permezz ta' djalogu msaħħaħ u l-iskambju ta' esperjenza, fl-agrikoltura, il-forestrija, fir-rigward tal-bhejjem, is-sajd u l-iżvilupp rurali, b'mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

(a)

il-politika agrikola u l-perspettiva internazzjonali dwar l-agrikoltura b'mod ġenerali;

(b)

il-faċilitazzjoni tal-kummerċ bejn il-Partijiet ta' pjanti u annimali u l-prodotti tagħhom, u l-iżvilupp u l-promozzjoni tas-suq;

(c)

il-politika dwar l-iżvilupp f'żoni rurali;

(d)

il-politika dwar il-kwalità għall-pjanti, l-annimali u l-prodotti akwatiċi, u b'mod partikolari l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u l-produzzjoni organika; il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta' kwalità, partikolarment il-prodotti organiċi u ta' indikazzjoni ġeografika (tikkettar, ċertifikazzjoni u kontroll);

(e)

it-trattament xieraq tal-annimali;

(f)

l-iżvilupp ta' agrikoltura sostenibbli u adattata għall-ambjent u dwar it-trasferiment ta' bijoteknoloġiji;

(g)

l-appoġġ għal politika sostenibbli u responsabbli fit-tul dwar il-baħar u s-sajd inkluż il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-kosta u l-baħar;

(h)

il-promozzjoni tal-isforzi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra prattiċi tas-sajd illegali, mhux rapportati u mhux regolati u l-qtugħ ta' siġar u l-kummerċ illegali ta' prodotti tal-forestrija permezz tal-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT) u l-Ftehim ta' Sħubija ta' Volontieri (VPA);

(i)

ir-riċerka dwar l-eredità, l-għażla tal-varjetà tal-annimali u l-pjanti, inkluż titjib ta' kwalità għolja tal-bhejjem, u riċerka dwar l-għalf u n-nutrizzjoni għall-annimali terrestri u akwatiċi;

(j)

il-mitigazzjoni tal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima fuq il-produzzjoni agrikola u t-tnaqqis tal-faqar f'żoni mbegħda u rurali;

(k)

l-appoġġ u l-promozzjoni tal-ġestjoni ta' foresti sostenibbli, inkluż l-adattament tat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tal-effetti negattivi.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jeżaminaw possibbiltajiet għall-assistenza teknika fil-produzzjonijiet tal-pjanti u l-annimali, inkluż iżda mhux limitat għal titjib fil-produttività tal-annimali u l-pjanti u l-kwalità tal-prodott u jaqblu wkoll li jikkonsidraw programmi tal-iżvilupp ta' kapaċità mmirati biex jibnu l-kapaċità maniġerjali f'dan il-qasam.

Artikolu 33

Kooperazzjoni Relatata mal-Ugwaljanza bejn is-Sessi

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex isaħħu l-linji politiċi u l-programmi relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll l-iżvilupp ta' kapaċità istituzzjonali u amministrattiva u jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' strateġiji nazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż id-drittijiet u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, sabiex jiżguraw il-parteċipazzjoni ekwa tal-irġiel u n-nisa fis-setturi kollha tal-ħajja ekonomika, kulturali, politika u soċjali. B'mod partikolari, il-kooperazzjoni għandha tiffoka fuq it-titjib tal-aċċess tan-nisa għar-riżorsi neċessarji għall-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħhom.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-ħolqien ta' qafas adegwat biex:

(a)

jiżguraw li kwistjonijiet relatati ma' ugwaljanza bejn is-sessi jiġu inkorporati kif xieraq fl-istrateġiji, fil-linji politiċi u fil-programmi kollha tal-iżvilupp;

(b)

jiskambjaw esperjenzi u mudelli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u jippromwovu l-adozzjoni ta' miżuri pożittivi favur in-nisa.

Artikolu 34

Kooperazzjoni dwar Trattament ta' Fdalijiet tal-Gwerra

Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-kooperazzjoni għat-tneħħija ta' mini, bombi u artilleriji oħra mhux sploduti u l-osservanza ta' trattati internazzjonali li huma partijiet għalihom, filwaqt li jqisu strumenti rilevanti oħra. Il-Partijiet għalhekk jaqblu li jikkooperaw permezz ta':

(a)

taqsim ta' esperjenza u djalogu, tkabbir tal-kapaċità tal-maniġment, u taħriġ tal-esperti, riċerkaturi u esperti speċjalizzati, inkluż assistanza fl-iżvilupp ta' kapaċità suġġetti għall-proċeduri domestiċi tagħhom biex jindirizzaw il-kwistjonijiet innotati hawn fuq;

(b)

komunikazzjoni u edukazzjoni dwar il-prevenzjoni ta' inċidenti kkawżati minn bombi u mini, rijabilitazzjoni u reintegrazzjoni fil-komunità għall-vittmi tal-bombi u l-mini.

Artikolu 35

Kooperazzjoni dwar Drittijiet tal-Bniedem

1.   Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' strumenti tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali li huma partijiet għalihom.

Tiġi pprovduta assistenza teknika għal dan il-għan.

2.   Din il-kooperazzjoni tista' tinkludi:

(a)

il-promozzjoni u l-edukazzjoni dwar drittijiet tal-bniedem;

(b)

it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem;

(c)

it-tisħiħ tad-djalogu eżistenti dwar id-drittijiet tal-bniedem;

(d)

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem tan-NU.

Artikolu 36

Riforma tal-Amministrazzjoni Pubblika

Il-Partijiet, abbażi ta' valutazzjoni dwar il-bżonnijiet speċifiċi mwettqa permezz ta' konsultazzjoni reċiproka, jaqblu li jikkooperaw bil-ħsieb li jirristrutturaw u jtejbu l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika, inter alia, billi:

(a)

jtejbu l-effiċjenza organizzattiva, inkluż id-deċentralizzazzjoni;

(b)

jżidu l-effettività tal-istituzzjonijiet fl-għoti tas-servizzi;

(c)

jtejbu l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-kontabilità skont il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet;

(d)

jtejbu l-qafas legali u istituzzjonali;

(e)

jibnu l-kapaċitajiet għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika (għoti ta' servizz pubbliku, kompożizzjoni u eżekuzzjoni tal-baġit, politika kontra l-korruzzjoni);

(f)

jibnu l-kapaċità tal-mekkaniżmi u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi;

(g)

jirriformaw is-servizz pubbliku, l-aġenziji u l-proċeduri amministrattivi;

(h)

jibnu l-kapaċità għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika.

Artikolu 37

Assoċjazzjonijiet u Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol u l-kontribuzzjoni potenzjali ta' assoċjazzjonijiet u OMG, inklużi l-imsieħba soċjali, fil-proċess ta' kooperazzjoni skont dan il-Ftehim.

2.   Skont il-prinċipji demokratiċi u d-dispożizzjonijiet legali u amministrativi ta' kull Parti, l-assoċjazzjonijiet organizzati u l-OMG jistgħu:

(a)

jipparteċipaw fil-proċess tat-tfassil tal-politika;

(b)

ikunu informati dwar u jipparteċipaw f'konsultazzjonijiet dwar strateġiji tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni u linji politiċi settorjali, partikolarment f'oqsma li jikkonċernawhom, inklużi l-istadji kollha tal-proċess tal-iżvilupp;

(c)

jirċievu riżorsi finanzjarji, safejn ir-regoli interni ta' kull Parti jippermettu, u appoġġ għall-iżvilupp ta' kapaċità f'oqsma kritiċi;

(d)

jipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta' programmi ta' kooperazzjoni fl-oqsma li jikkonċernawhom.

Artikolu 38

Kultura

1.   Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni kulturali f'diversi aspetti li tirrispetta kif xieraq id-diversità tagħhom sabiex iżidu l-fehim reċiproku u l-konoxxenza tal-kulturi rispettivi tagħhom.

2.   Il-Partijiet jaħdmu biex jieħdu l-miżuri xierqa biex jippromwovu l-iskambji kulturali u jwettqu inizjattivi konġunti f'diversi sferi kulturali inkluż il-kooperazzjoni fil-konservazzjoni tal-wirt kulturali fir-rigward tad-diversità kulturali. F'dan ir-rigward, il-Partijiet jaqblu li jkomplu jikkooperaw fil-qafas tal-Laqgħa bejn l-Ewropa u l-Asja (ASEM) billi jappoġġaw l-attivitajiet tal-Fondazzjoni Asja-Ewropa (ASEF). Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jappoġġaw u jippromwovu s-sħubija fit-tul u l-attivitajiet ta' kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kulturali tagħhom.

3.   Il-Partijiet jaqblu li jikkonsultaw u jikkooperaw f'fora internazzjonali rilevanti, bħall-UNESCO, sabiex isegwu l-objettivi komuni u jippromwovu d-diversità kulturali kif ukoll il-protezzjoni tal-wirt kulturali. F'dan ir-rigward, il-Partijiet jaqblu li jippromwovu r-ratifikazzjoni u jsaħħu l-kooperazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, li kienet ġiet adottata fl-20 ta' Ottubru 2005, u tenfasizza d-djalogu dwar il-politika, l-integrazzjoni tal-kultura fl-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar bil-ħsieb li tkattar l-iżvilupp ta' settur kulturali dinamiku billi tiffaċilita l-iżvilupp tal-industriji kulturali. Il-Partijiet għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jinkoraġġixxu stati oħra jirratifikaw dik il-Konvenzjoni.

Artikolu 39

Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika

1.   Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika f'oqsma ta' interess reċiproku, inklużi l-industrija, l-enerġija, it-trasport, l-ambjent, b'mod partikolari t-tibdil fil-klima u l-ġestjoni tar-riżorsi umani (eż. is-sajd, il-forestrija u l-iżvilupp rurali), l-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel, il-bijoteknoloġiji, u s-saħħa tal-bniedem u l-annimali, filwaqt li jitqiesu l-linji politiċi rispettivi tagħhom u l-programmi ta' kooperazzjoni.

2.   L-għanijiet ta' din il-kooperazzjoni għandhom, inter alia, ikunu li:

(a)

jinkoraġġixxu l-iskambji ta' informazzjoni xjentifika u teknoloġika u l-kompetenzi, inkluż dwar l-implimentazzjoni ta' linji politiċi u programmi;

(b)

jippromwovu relazzjonijiet fit-tul u sħubiji tar-riċerka bejn komunitajiet xjentifiċi, ċentri tar-riċerka, universitajiet u industriji;

(c)

jippromwovu t-taħriġ tar-riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija;

(d)

isaħħu l-applikazzjoni tar-riċerka xjentifika u teknoloġika għall-promozzjoni ta' żvilupp sostenibbli u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja.

3.   Il-kooperazzjoni għandha tieħu l-forom li ġejjin:

(a)

proġetti u programmi konġunti ta' R&Ż;

(b)

skambju ta' informazzjoni, għarfien u esperjenza permezz tal-organizzazzjoni konġunta ta' seminars u workshops xjentifiċi, laqgħat, simpożji u konferenzi;

(c)

taħriġ u skambju ta' xjentisti, riċerkaturi żgħar permezz ta' skemi ta' mobilità internazzjonali u programmi ta' skambju, li jipprovdu għat-tixrid massimu tar-riżultati tar-riċerka, it-tagħlim u l-aħjar prattiċi;

(d)

forom oħra kif maqbula b'mod reċiproku mill-Partijiet.

4.   F'din il-kooperazzjoni, il-Partijiet għandhom jiffavorixxu l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla, iċ-ċentri tar-riċerka u s-setturi produttivi rispettivi tagħhom, b'mod partikolari intrapriżi żgħar u medji. L-attivitajiet tal-kooperazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tar-reċiproċità, it-trattament ġust u l-benefiċċji reċiproki, u jiżguraw protezzjoni adegwata tal-proprjetà intelletwali.

5.   Prijoritajiet speċifiċi ta' kooperazzjoni għandhom jiġu maqbula għal, inter alia, l-oqsma li ġejjin:

(a)

il-promozzjoni u l-faċilitazzjoni tal-aċċess għal faċilitajiet tar-riċerka deżinjati għall-iskambju u t-taħriġ ta' riċerkaturi;

(b)

l-inkoraġġiment tal-integrazzjoni tar-R&Ż fi programmi/proġetti ta' assistenza għall-iżvilupp tal-investiment u uffiċjali.

6.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jimmobilizzaw sorsi finanzjarji biex jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika taħt dan il-Ftehim fil-kapaċitajiet tagħhom.

7.   Il-Partijiet jaqblu li jagħmlu l-isforzi kollha biex iżidu l-għarfien pubbliku dwar il-possibbiltajiet offruti mill-programmi rispettivi tagħhom għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika.

Artikolu 40

Kooperazzjoni dwar Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni

1.   Waqt li jagħrfu li t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) huma elementi ewlenija tal-ħajja moderna u ta' importanza vitali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, il-Partijiet jaqblu li jiskambjaw opinjonijiet dwar il-linji politiċi rispettivi f'dan il-qasam bil-ħsieb li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

2.   Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam għandha, inter alia, tiffoka fuq:

(a)

il-faċilitazzjoni tad-djalogu dwar aspetti differenti tal-iżvilupp tal-ICT;

(b)

l-iżvilupp ta' kapaċità tal-ICT inkluż l-iżvilupp tar-riżorsi umani;

(c)

l-interkonnessjoni u l-interoperabilità tan-netwerks u s-servizzi tal-Partijiet u tax-Xlokk tal-Asja;

(d)

l-istandardizzazzjoni u t-tixrid ta' ICT ġdida;

(e)

il-promozzjoni ta' kooperazzjoni fir-R&Ż bejn il-Partijiet fil-qasam tal-ICT;

(f)

il-kwistjonijiet/aspetti tas-sigurtà tal-ICT kif ukoll il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità;

(g)

il-valutazzjoni tal-konformità tat-telekomunikazzjonijiet, inkluż it-tagħmir tar-radju;

(h)

il-kooperazzjoni u t-taqsim ta' esperjenzi u l-aħjar prattiċi dwar l-introduzzjoni ta' teknoloġija tal-informatika għas-soċjetà kollha u l-amministrazzjoni pubblika;

(i)

il-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet rilevanti tagħhom u l-aġenti f'oqsma tas-setturi awdjoviżivi u tal-media;

(j)

l-inkoraġġiment ta' aktar kooperazzjoni bejn l-intrapriżi tal-ICT tal-Partijiet inkluż it-trasferiment tat-teknoloġija.

Artikolu 41

Trasport

1.   Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu aktar il-kooperazzjoni tagħhom f'oqsma rilevanti tal-politika tat-trasport bil-ħsieb li jkabbru u jespandu l-opportunitajiet tal-investiment, itejbu ċ-ċaqliq tal-oġġetti u l-passiġġieri, jippromwovu s-sigurtà u s-sikurezza marittima u tal-avjazzjoni, b'mod aktar partikolari t-tfittix u s-salvataġġ, jiġġieldu l-piraterija, u l-konverġenza regolatorja aktar wiesgħa, inaqqsu l-impatti ambjentali tat-trasport, u jżidu l-effiċjenza tas-sistemi tat-trasport tagħhom.

2.   Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet f'dan il-qasam għandha timmira biex tippromwovi:

(a)

l-iskambji ta' informazzjoni dwar il-linji politiċi u l-prattiċi tat-trasport rispettivi tagħhom, speċjalment fir-rigward tat-trasport urban, rurali, marittimu u tal-ajru, l-ippjanar tat-trasport urban, il-loġistika tat-trasport, l-iżvilupp tat-trasport pubbliku u l-interkonnessjoni u l-interoperabilità ta' netwerks tat-trasport multimodali;

(b)

l-iskambju ta' informazzjoni dwar is-sistema Ewropea globali ta' navigazzjoni bis-satellita (Galileo) bl-użu tal-istrumenti bilaterali xierqa, b'enfasi fuq il-kwistjonijiet regolatorji, industrijali u tal-iżvilupp tas-suq ta' interess reċiproku;

(c)

l-azzjonijiet konġunti fil-qasam tas-servizzi tat-trasport bl-ajru permezz ta', inter alia, l-implimentazzjoni ta' ftehimiet eżistenti, l-eżami tal-possibbiltajiet għall-iżvilupp ulterjuri ta' relazzjonijiet, kif ukoll il-kooperazzjoni regolatorja u teknika f'oqsma bħas-sikurezza tal-avjazzjoni, is-sigurtà tal-avjazzjoni, u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru bil-ħsieb ta' appoġġ għall-konverġenza regolatorja u tat-tneħħija tal-ostakli għan-negozju. Fuq din il-bażi, il-Partijiet għandhom jesploraw l-ambitu possibbli għal kooperazzjoni akbar fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili;

(d)

djalogu fil-qasam tas-servizzi tat-trasport marittimu li jimmira għal aċċess mhux ristrett għas-swieq marittimi internazzjonali u n-negozji fuq bażi kummerċjali, impenji għall-eliminazzjoni gradwali ta' skemi eżistenti ta' riservazzjoni tal-merkanzija, l-astensjoni mill-introduzzjoni ta' klawżoli dwar it-taqsim tal-merkanzija, l-istabbiliment fis-servizzi tat-trasport marittimu inklużi s-servizzi awżiljarji, klawżoli dwar trattament nazzjonali u MFN dwar l-aċċess għas-servizzi awżiljarji u s-servizzi tal-portijet għal bastimenti mħaddma minn ċittadini jew kumpaniji tal-Parti l-oħra u kwistjonijiet relatati mat-trasport minn bieb għal bieb.

(e)

l-implimentazzjoni ta' standards tas-sigurtà, sikurezza u ta' prevenzjoni tat-tniġġis, partikolarment fir-rigward tat-trasport marittimu u bl-ajru, skont il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, inkluż il-kooperazzjoni fil-fora internazzjonali xierqa li jimmiraw biex jiżguraw infurzar aħjar tar-regolamenti internazzjonali. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni teknika u l-assistenza fuq kwistjonijiet relatati mas-sikurezza tat-trasport, inkluż inter alia t-tfittix u s-salvataġġ, l-investigazzjoni ta' diżgrazzji u inċidenti.

Artikolu 42

Enerġija

1.   Il-Partijiet jaqblu li jkabbru l-kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija bil-ħsieb li:

(a)

jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija sabiex itejbu s-sigurtà tal-enerġija, u jiżviluppaw forom innovattivi u rinnovabbli ġodda tal-enerġija, inklużi bijofjuwils u bijomassa sostenibbli b'konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, l-enerġija mir-riħ u solari kif ukoll il-ġenerazzjoni tal-enerġija idro u jappoġġaw l-iżvilupp ta' oqfsa xierqa tal-politika biex joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-investiment u kundizzjonijiet indaqs għall-enerġija rinnovabbli u l-integrazzjoni f'oqsma tal-politika rilevanti;

(b)

jiksbu l-użu razzjonali tal-enerġija b'kontribuzzjonijiet kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll tad-domanda bil-promozzjoni tal-effiċjenza tal-enerġija fil-produzzjoni tal-enerġija, it-trasport, id-distribuzzjoni u l-użu aħħari;

(c)

ikattru t-trasferiment tat-teknoloġija mmirata għall-produzzjoni u l-użu ta' enerġija sostenibbli;

(d)

ikabbru l-iżvilupp ta' kapaċità u l-faċilitazzjoni tal-investiment fil-qasam fuq il-bażi ta' regoli kummerċjali trasparenti u mhux diskriminatorji;

(e)

jindirizzaw ir-rabtiet bejn l-aċċess għas-servizzi tal-enerġija li jistgħu jintlaħqu u l-iżvilupp sostenibbli.

2.   Għal dawn l-għanijiet, il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-kuntatti u r-riċerka konġunta kif ukoll li jkabbru l-assistenza teknika u l-proġetti tal-iżvilupp ta' kapaċità permezz ta' fora reġjonali xierqa dwar il-produzzjoni nadifa u l-protezzjoni ambjentali għall-benefiċċju reċiproku tal-Partijiet. Iż-żewġ naħat għandhom jesploraw aktar possibbiltajiet għal kooperazzjoni akbar fis-sigurtà u s-sikurezza nukleari fil-qafas u l-politika legali eżistenti tagħhom.

Artikolu 43

Turiżmu

1.   Iggwidati mill-Kodiċi ta' Etika Globali għat-Turiżmu tal-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu u mill-prinċipji tas-sostenibbiltà bbażati fuq il-“Proċess lokali tal-Aġenda 21”, il-Partijiet għandhom jimmiraw biex itejbu l-iskambju ta' informazzjoni u jistabbilixxu l-aħjar prattika sabiex jiżguraw żvilupp bilanċjat u sostenibbli tat-turiżmu.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jiżviluppaw il-kooperazzjoni dwar, inter alia:

(a)

il-protezzjoni u l-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-wirt naturali u kulturali;

(b)

il-mitigazzjoni tal-impatti negattivi tat-turiżmu;

(c)

it-tkabbir tal-kontribuzzjoni pożittiva tal-kummerċ turistiku għall-iżvilupp sostenibbli tal-komunitajiet lokali, inter alia, bl-iżvilupp tal-ekoturiżmu u t-turiżmu kulturali, filwaqt li jiġu rispettati l-integrità u l-interessi tal-komunitajiet lokali u indiġeni;

(d)

l-assistenza teknika u l-iżvilupp ta' kapaċità, inklużi programmi ta' taħriġ għal dawk li jfasslu l-politika u l-maniġers tat-turiżmu;

(e)

l-inkoraġġiment tal-industrija tat-turiżmu inklużi l-operaturi tal-ġiti u l-aġenti tal-ivvjaġġar taż-żewġ Partijiet biex jiżviluppaw aktar il-kooperazzjoni bilaterali inkluż it-taħriġ.

Artikolu 44

Politika Industrijali u Kooperazzjoni ma' SMEs

Il-partijiet, filwaqt li jitqiesu l-linji politiċi u l-objettivi ekonomiċi rispettivi tagħhom, jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni fil-politika industrijali fl-oqsma kollha meqjusa bħala adattati, bil-ħsieb li jtejbu l-kompetittività ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, inter alia, permezz ta':

(a)

l-iskambju ta' informazzjoni u esperjenzi dwar il-ħolqien ta' qafas legali u kundizzjonijiet oħra għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju biex itejbu l-kompetittività tagħhom;

(b)

il-promozzjoni tal-kuntatti u l-iskambji bejn l-operaturi ekonomiċi, l-inkoraġġiment ta' investimenti konġunti u l-istabbiliment ta' impriżi konġunti u netwerks ta' informazzjoni partikolarment permezz ta' programmi orizzontali tal-Unjoni, l-istimular b'mod partikolari ta' trasferimenti ta' soft u hard technology bejn l-imsieħba, inkluż teknoloġiji ġodda u avvanzati;

(c)

il-provvista ta' informazzjoni u l-istimular tal-innovazzjoni u l-iskambju ta' prattiċi ġodda dwar l-aċċess għall-finanzi u s-suq, inklużi servizzi ta' awditjar u ta' kontabilità partikolarment għal mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar;

(d)

il-faċilitazzjoni u l-appoġġ għall-attivitajiet rilevanti stabbiliti mis-setturi privati u l-assoċjazzjonijiet kummerċjali tal-Partijiet;

(e)

il-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-kontabilità u l-inkoraġġiment ta' prattiċi kummerċjali responsabbli inkluż il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli. Din il-kooperazzjoni għandha tkun komplimentata minn perspettiva tal-konsumatur bħall-informazzjoni ta' fuq il-prodott u r-rwol tal-konsumatur fis-suq;

(f)

it-twettiq ta' proġetti ta' riċerka konġunti, l-assistenza teknika u l-kooperazzjoni dwar standards, regolamenti tekniċi u proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità f'oqsma industrijali magħżula, kif maqbul b'mod reċiproku.

Artikolu 45

Djalogu dwar il-Politika Ekonomika

Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fuq il-promozzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni dwar ix-xejriet u l-politika ekonomika rispettiva tagħhom, u t-taqsim ta' esperjenzi bil-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fil-kuntest tal-kooperazzjoni ekonomika reġjonali u l-integrazzjoni permezz ta' mekkaniżmi bilaterali u multilaterali eżistenti f'oqsma ta' interess reċiproku, inkluż it-taqsim ta' informazzjoni fuq il-proċess ta' riforma u l-ekwitizzazzjoni ta' intrapriżi tal-istat b'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Partijiet.

Artikolu 46

Kooperazzjoni dwar it-Tassazzjoni

1.   Bil-ħsieb li jsaħħu u jiżviluppaw l-attivitajiet ekonomiċi filwaqt li jqisu l-bżonn li jiżviluppaw oqfsa regolatorji u amministrattivi xierqa, il-Partijiet huma impenjati għall-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u ser jimplimentaw il-prinċipji tat-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni fil-qafas tal-ftehimiet dwar it-taxxa bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Vjetnam. Il-Partijiet jaqblu wkoll li jsaħħu l-iskambju tagħhom tal-esperjenza, id-djalogu u l-kooperazzjoni għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u prattiċi oħra ta' dannu għat-taxxa.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tat-taxxa bil-ħsieb li jkabbru l-kapaċità regolatorja u amministrattiva tagħhom permezz, inter alia, tal-iskambju ta' esperjenza u assistenza teknika.

3.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehimiet dwar it-taxxa bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Vjetnam u jappoġġaw il-konsiderazzjoni ta' ftehimiet ġodda bħal dawn fil-futur.

Artikolu 47

Kooperazzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji

Il-Partijiet jaqblu li jwettqu djalogu partikolarment immirat għall-iskambju ta' informazzjoni u esperjenzi fuq l-ambjenti regolatorji rispettivi tagħhom, u jsaħħu l-kooperazzjoni bil-ħsieb li jtejbu l-kontabilità, l-awditjar, is-sistemi superviżorji u regolatorji tas-servizzi bankarji, l-assigurazzjoni u partijiet oħra tas-settur finanzjarju inkluż permezz ta' programmi ta' bini ta' kapaċità f'oqsma ta' interess reċiproku.

Artikolu 48

Kooperazzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Mitigazzjoni ta' Diżastri Naturali

1.   Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw biex jipprevenu u jirreaġixxu b'mod effettiv għal diżastri naturali biex inaqqsu t-telf tal-ħajja, proprjetà, riżorsi naturali, l-ambjent u l-wirt kulturali u biex jintegraw it-tnaqqis ta' riskju minn diżastri fis-setturi u l-oqsma kollha ta' intervent fil-livell nazzjonali u lokali.

2.   Fuq dik il-bażi, il-Partijiet jaqblu li:

(a)

jaqsmu informazzjoni dwar il-monitoraġġ, il-valutazzjoni, it-tbassir u l-provvista ta' twissija bikrija ta' diżastri naturali;

(b)

jkabbru l-kapaċità permezz tat-taqsim ta' esperjenza, l-aħjar prattiċi fil-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta' diżastri naturali;

(c)

jappoġġaw lil xulxin fit-teknoloġija, fit-tagħmir speċjalizzat u l-materjali meħtieġa għall-ġestjoni ta' diżastri u r-reazzjoni waqt emerġenza;

(d)

jkabbru d-djalogu bejn l-awtoritajiet tal-Partijiet inkarigati mill-ġestjoni ta' diżastri naturali u r-reazzjoni waqt emerġenza biex jappoġġaw u jsaħħu l-kooperazzjoni f'dan il-qasam.

Artikolu 49

Ippjanar u Żvilupp Urban u Reġjonali

1.   Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni u s-sħubija f'dan il-qasam fl-għarfien tagħhom tar-rwol importanti tal-ippjanar u l-iżvilupp urban u reġjonali sabiex jinkisbu tkabbir ekonomiku, tnaqqis tal-faqar u żvilupp sostenibbli,.

2.   Il-kooperazzjoni fl-ippjanar u l-iżvilupp urban u reġjonali tista' tkun fil-forom li ġejjin:

(a)

l-iskambju ta' esperjenza fl-indirizzar ta' kwistjonijiet relatati mal-ippjanar u l-iżvilupp urban u reġjonali sostenibbli, inkluż, inter alia:

linji politiċi li jittrattaw l-ippjanar urban u l-infrastruttura relatata, l-ippjanar reġjonali u l-espansjoni urbana, il-konservazzjoni u l-iżvilupp ta' bliet storiċi;

l-istabbiliment ta' netwerks urbani bil-parteċipazzjoni tal-maniġment ċentrali u lokali inklużi muniċipalitajiet, assoċjazzjonijiet u OMG, aġenziji, kuntratturi u assoċjazzjonijiet professjonali;

il-ġestjoni tal-arkitettura, l-ippjanar u l-espansjoni ta' spazji urbani bl-użu ta' għodod tas-Sistema ta' Informazzjoni Ġeografika (GIS);

l-ippjanar u l-iżvilupp ta' ċentri urbani u r-rinnovament ta' ċentri ta' bliet u l-ippjanar ambjentali urban;

ir-relazzjonijiet bejn żoni urbani u rurali;

l-iżvilupp ta' infrastrutura teknika urbana, inklużi r-rijabilitazzjoni u t-tijib ta' sistemi urbani tal-provvista tal-ilma, il-kostruzzjoni ta' sistemi tad-drenaġġ u sistemi ta' trattament ta' skart solidu, il-protezzjoni tal-ambjent u t-tisbiħ tal-pajsaġġ urban;

(b)

l-appoġġ għal taħriġ u żvilupp ta' kapaċità għall-maniġers ta' livell ċentrali, reġjonali u lokali fl-ippjanar reġjonali u urban, il-ġestjoni tal-arkitettura u l-wirt arkitettoniku;

(c)

il-kooperazzjoni fil-qafas tal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bħal UN-HABITAT u l-Forum Urban Dinji permezz ta' programmi ta' riċerka konġunti u l-organizzazzjoni ta' workshops u seminars għall-iskambju ta' informazzjoni u esperjenza fl-ippjanar u l-iżvilupp urban, inkluż l-espansjoni urbana, id-disinn urban, l-iżvilupp tal-art u l-iżvilupp tal-infrastruttura teknika.

3.   Il-Partijiet jaqblu li jkabbru l-kooperazzjoni, jaqsmu l-esperjenza u l-informazzjoni fost l-awtoritajiet reġjonali u urbani tagħhom biex isolvu problemi urbani kumplessi permezz tal-promozzjoni ta' żvilupp sostenibbli.

Artikolu 50

Xogħol, Impjieg u Affarijiet Soċjali

1.   Il-Partijiet jaqblu li jkabbru l-kooperazzjoni fil-qasam tax-xogħol, l-impjieg u l-affarijiet soċjali, inklużi il-kooperazzjoni dwar ix-xogħol, il-koeżjoni reġjonali u soċjali, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tul il-ħajja, l-iżvilupp tar-riżorsi umani, il-migrazzjoni internazzjonali u x-xogħol deċenti, is-sigurtà soċjali bil-ħsieb li jsaħħu d-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni.

2.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid il-bżonn li jappoġġaw il-proċess ta' globalizzazzjoni li hu ta' benefiċċju għal kulħadd u li jippromwovu l-impjieg sħiħ u produttiv u x-xogħol deċenti bħala l-element prinċipali tal-iżvilupp sostenibbli u tat-tnaqqis tal-faqar, kif approvat mir-Riżoluzzjoni 60/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-parti ta' livell għoli tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU ta' Lulju 2006. Il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ Partijiet għandha tkun kompatibbli ma' u tqis il-karatteristiċi rispettivi u n-natura diversa tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali.

3.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenji tagħhom li jirrispettaw, jippromwovu u jissodisfaw standards tax-xogħol rikonoxxuti internazzjonalment, kif stabbiliti f'konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) li huma partijiet għalihom imsemmija fid-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u jipprovdu assistenza teknika bil-ħsieb li jippromwovu r-ratifikazzjoni ta' standards tax-xogħol rikonoxxuti internazzjonalment kif xieraq u b'mod effettiv jimplimentaw standards tax-xogħol rattifikati mill-Partijiet.

4.   Suġġetti għal-liġijiet, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli fil-pajjiż ospitanti u t-trattati internazzjonali rilevanti u l-konvenzjonijiet li huma partijiet għalihom, il-Partijiet għandhom jimmiraw li jiżguraw li t-trattament maqbul għaċ-ċittadini tal-Parti l-oħra, impjegati legalment fit-territorju tal-pajjiż ospitanti għandu jkun ħieles minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, fir-rigward, inter alia, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, ir-remunerazzjoni jew it-tkeċċija kif imqabbel mal-kundizzjonijiet applikati għal ċittadini ta' terzi pajjiżi oħra.

5.   Il-forom tal-kooperazzjoni jistgħu jinkludu programmi u proġetti speċifiċi, kif maqbula b'mod reċiproku, kif ukoll żvilupp ta' kapaċità, skambju ta' politika u inizjattivi dwar suġġetti ta' interess komuni fuq livell bilaterali jew multilaterali, bħal fil-livelli tal-ASEM, l-UE-ASEAN u l-ILO.

Artikolu 51

Statistika

1.   Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni fl-armonizzazzjoni u l-iżvilupp ta' metodi tal-istatistika inkluż il-ġbir, l-ipproċessar, l-analiżi, u t-tixrid tal-istatistika.

2.   Għal dan il-għan, il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni, inkluż permezz ta' fora reġjonali u internazzjonali, permezz tal-iżvilupp ta' kapaċità u proġetti ta' assistenza teknika oħra, inkluża l-provvista ta' software modern tal-istatistika, bil-ħsieb li jtejjeb il-kwalità tal-istatistika.

TITOLU VII

QAFAS ISTITUZZJONALI

Artikolu 52

Kumitat Konġunt

1.   Il-Partijiet jaqblu li jistabbilixxu Kumitat Konġunt, magħmul minn rappreżentanti taż-żewġ naħat fl-ogħla livell possibbli, li x-xogħlijiet tiegħu għandhom ikunu li:

(a)

jiżgura l-funzjonament tajjeb u l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;

(b)

jistabbilixxi prijoritajiet fir-rigward tal-għanijiet ta' dan il-Ftehim;

(c)

jissorvelja l-iżvilupp tar-relazzjoni komprensiva bejn il-Partijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-promozzjoni tal-objettivi ta' dan il-Ftehim;

(d)

jitlob, kif xieraq, informazzjoni minn kumitati jew korpi oħra stabbiliti taħt ftehimiet oħrajn bejn il-Partijiet u jikkonsidra kwalunkwe rapporti sottomessi minnhom;

(e)

jiskambja opinjonijiet u jagħmel suġġerimenti fuq kwalunkwe kwistjoni ta' interess komuni, inklużi azzjonijiet futuri u riżorsi disponibbli biex jitwettqu;

(f)

jsolvi differenzi li joħorġu mill-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim;

(g)

jeżamina l-informazzjoni kollha ppreżentata mill-Parti fir-rigward tas-sodisfazzjon tal-obbligi u jagħmel konsultazzjonijiet mal-Parti l-oħra biex ifittex soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ Partijiet skont l-Artikolu 57.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu normalment jiltaqa' annwalment f'Hanoi u Brussell alternattivament, f'data li tiġi stabbilita bi ftehim reċiproku. Jistgħu jiġu konvenuti wkoll laqgħat straordinarji tal-Kumitat Konġunt bi qbil bejn il-Partijiet. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun ippresedut alternattivament minn kull waħda mill-Partijiet. L-aġenda għal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt għandha tiġi determinata bi qbil bejn il-Partijiet.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jistabbilixxi sottokumitati u gruppi ta' ħidma speċjalizzati sabiex jgħinuh fit-twettiq tax-xogħlijiet tiegħu. Dawn is-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma għandhom jagħmlu rapporti dettaljati tal-attivitajiet tagħhom lill-Kumitat Konġunt f'kull laqgħa tiegħu.

4.   Il-Partijiet jaqblu li għandu jkun ukoll ix-xogħol tal-Kumitat Konġunt li jiżgura l-funzjonament tajjeb ta' kwalunkwe ftehim settorjali jew protokoll konkluż jew li jkun ser jiġi konkluż bejn il-Partijiet.

5.   Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

TITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 53

Riżorsi għall-Kooperazzjoni

1.   Il-Partijiet jaqblu li jagħmlu disponibbli r-riżorsi xierqa, inklużi l-mezzi finanzjarji, safejn ir-riżorsi u r-regolamenti rispettivi tagħhom jippermettu, sabiex jissodisfaw l-objettivi tal-kooperazzjoni stabbiliti f'dan il-Ftehim.

2.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex ikompli bl-operazzjonijiet tiegħu fil-Vjetnam, skont il-proċeduri u l-kriterji tal-finanzjament tiegħu.

Artikolu 54

Klawżola dwar Żviluppi Futuri

1.   Il-Partijiet jistgħu b'kunsens reċiproku jespandu l-ambitu ta' dan il-Ftehim bil-ħsieb li jkabbru l-livell ta' kooperazzjoni, anke billi jissumplimentawh permezz ta' ftehimiet jew protokolli dwar setturi jew attivitajiet speċifiċi. Dawn il-ftehimiet speċifiċi għandhom ikunu parti integrali tar-relazzjonijiet bilaterali ġenerali kif regolati b'dan il-Ftehim u għandhom jifformaw parti minn qafas istituzzjonali komuni.

2.   Fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, kwalunkwe mill-Partijiet tista' tressaq suġġerimenti biex twessa' l-ambitu tal-kooperazzjoni, filwaqt li tqis l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tiegħu.

Artikolu 55

Ftehimiet Oħra

1.   Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, la dan il-Ftehim u lanqas l-azzjoni li tittieħed taħtu ma għandha tolqot s-setgħat tal-Istati Membri li jwettqu attivitajiet ta' kooperazzjoni bilaterali mal-Vjetnam jew li jikkonkludu, fejn xieraq, ftehimiet ġodda ta' sħubija u kooperazzjoni mal-Vjetnam.

2.   Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' impenji meħuda mill-Partijiet rispettivi f'relazzjonijiet ma' partijiet terzi.

3.   Ftehimiet eżistenti dwar oqsma speċifiċi ta' kooperazzjoni li jaqgħu fl-ambitu ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu kkonsidrati bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali ġenerali kif regolati b'dan il-Ftehim u bħala li jifformaw parti minn qafas istituzzjonali komuni.

Artikolu 56

Applikazzjoni u Interpretazzjoni tal-Ftehim

1.   Kull Parti tista' tirreferi lill-Kumitat Konġunt kwalunkwe diverġenza fl-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim.

2.   Il-Kumitat Konġunt jista' jsolvi l-kwistjoni permezz ta' rakkomandazzjoni.

Artikolu 57

Twettiq ta' Obbligi

1.   Il-Partijiet għandhom jieħdu kwalunkwe miżuri ġenerali jew speċifiċi meħtieġa biex iwettqu l-obbligi tagħhom taħt dan il-Ftehim u għandhom jiżguraw li jikkonformaw mal-objettivi u l-iskopijiet stabbiliti f'dan il-Ftehim.

2.   Jekk waħda mill-Partijiet tikkonsidra li l-Parti l-oħra naqqset milli tissodisfa kwalunkwe mill-obbligi tagħha taħt dan il-Ftehim, tista' tieħu miżuri xierqa.

3.   Qabel tagħmel dan, minbarra f'każijiet ta' ksur materjali tal-Ftehim, għandha tippreżenta lill-Kumitat Konġunt l-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa għal ezaminazzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni bil-ħsieb li tfittex soluzzjoni aċċettabbli għall-Partijiet.

4.   Il-Partijiet jaqblu li għall-iskop tal-interpretazzjoni korretta u l-applikazzjoni prattika ta' dan il-Ftehim, it-terminu “miżuri xierqa” kif imsemmi fl-Artikolu 57(2) ifisser miżuri meħuda skont il-liġi internazzjonali u li huma proporzjonali man-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-obbligi taħt dan il-Ftehim. Fl-għażla ta' dawn il-miżuri, għandha tingħata prijorità lil dawk li l-inqas jiddisturbaw il-funzjonament ta' dan il-Ftehim. Dawn il-miżuri għandhom jiġu notifikati immedjatament lill-Parti l-oħra u għandhom ikunu suġġetti għal konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt jekk il-Parti l-oħra titlob hekk.

Artikolu 58

Faċilitajiet

Biex tkun iffaċilitata l-kooperazzjoni fil-qafas ta' dan il-Ftehim, iż-żewġ Partijiet jaqblu li jagħtu l-faċilitajiet neċessarji lill-uffiċjali u lill-esperti involuti fl-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, skont ir-regoli u r-regolamenti interni taż-żewġ Partijiet.

Artikolu 59

Dikjarazzjonijiet

Id-Dikjarazzjonijiet għal dan il-Ftehim għandhom jifformaw parti integrali mill-Ftehim.

Artikolu 60

Applikazzjoni Territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju li fih it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea hu applikat taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak it-Trattat, minn naħa waħda, u għat-territorju tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra.

Artikolu 61

Definizzjoni tal-Partijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, “il-Partijiet” għandha tfisser l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, skont is-setgħat rispettivi tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra.

Artikolu 62

Sigurtà Nazzjonali u Żvelar ta' Informazzjoni

Xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jitqies bħala li jeħtieġ li kwalunkwe Parti tipprovdi kwanunkwe informazzjoni, li tikkonsidra l-iżvelar tagħha bħala li jmur kontra l-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha.

Artikolu 63

Dħul fis-Seħħ u Perjodu ta' Validità

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-aħħar Parti tkun innotifikat lill-oħra dwar il-konklużjoni tal-proċeduri legali neċessarji għal dan l-iskop.

2.   Dan il-Ftehim hu validu għal perjodu ta' ħames snin. Għandu jiġi awtomatikament estiż għal aktar perjodi suċċessivi ta' sena, sakemm waħda mill-Partijiet ma tinnotifikax lill-Parti l-oħra bil-miktub bl-intenzjoni tagħha li ma testendix dan il-Ftehim sitt xhur qabel it-tmiem ta' kwalunkwe perjodu ta' sena sussegwenti.

3.   Kwalunkwe emenda lil dan il-Ftehim għandha ssir bi ftehim bejn il-Partijiet. Kwalunkwe emenda għandha ssir effettiva biss wara li l-Parti tal-aħħar tkun innotifikat lill-Parti l-oħra li l-formalitajiet kollha neċessarji jkunu ġew konklużi.

4.   Dan il-Ftehim jista' jiġi terminat minn waħda mill-Partijiet b'avviż bil-miktub ta' denunzja mogħti lill-Parti l-oħra. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ sitt xhur wara l-irċevuta tan-notifika mill-Parti l-oħra.

Artikolu 64

Notifiki

In-notifiki li jsiru taħt l-Artikolu 63 għandhom isiru lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Vjetnam, rispettivament.

Artikolu 65

Test Awtentiku

Dan il-Ftehim huwa mfassal, f'żewġ eżemplari, bil-Bulgaru, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, Svediż u Vjetnamiż, b'kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku.

Съставено в Брюксел на двадесет и седми юни две хиляди и дванадесета година.

Hecho en Bruselas, el veintisiete de junio de dos mil doce.

V Bruselu dne dvacátého sedmého června dva tisíce dvanáct.

Udfærdiget i Bruxelles den syvogtyvende juni to tusind og tolv.

Geschehen zu Brüssel am siebenundzwanzigsten Juni zweitausendzwölf.

Kahe tuhande kaheteistkümnenda aasta juunikuu kahekümne seitsmendal päeval Brüsselis.

Έγινε στις Βρυξέλλες, στις είκοσι εφτά Ιουνίου δύο χιλιάδες δώδεκα.

Done at Brussels on the twenty-seventh day of June in the year two thousand and twelve.

Fait à Bruxelles, le vingt-sept juin deux mille douze.

Fatto a Bruxelles, addì ventisette giugno duemiladodici.

Briselē, divi tūkstoši divpadsmitā gada divdesmit septītajā jūnijā.

Priimta du tūkstančiai dvyliktų metų birželio dvidešimt septintą dieną Briuselyje.

Kelt Brüsszelben, a kétezer-tizenkettedik év június havának huszonhetedik napján.

Magħmul fi Brussell, fis-sebgħa u għoxrin jum ta’ Ġunju tas-sena elfejn u tnax.

Gedaan te Brussel, de zevenentwintigste juni tweeduizend twaalf.

Sporządzono w Brukseli dnia dwudziestego siódmego czerwca roku dwa tysiące dwunastego.

Feito em Bruxelas, em vinte e sete de junho de dois mil e doze.

Întocmit la Bruxelles la douăzeci și șapte iunie două mii doisprezece.

V Bruseli dňa dvadsiateho siedmeho júna dvetisícdvanásť.

V Bruslju, dne sedemindvajsetega junija leta dva tisoč dvanajst.

Tehty Brysselissä kahdentenakymmenentenäseitsemäntenä päivänä kesäkuuta vuonna kaksituhattakaksitoista.

Som skedde i Bryssel den tjugosjunde juni tjugohundratolv.

Image

Voor het Koninkrijk België

Pour le Royaume de Belgique

Für das Königreich Belgien

Image

Deze handtekening verbindt eveneens de Vlaamse Gemeenschap, de Franse Gemeenschap, de Duitstalige Gemeenschap, het Vlaamse Gewest, het Waalse Gewest en het Brussels Hoofdstedelijk Gewest.

Cette signature engage également la Communauté française, la Communauté flamande, la Communauté germanophone, la Région wallonne, la Région flamande et la Région de Bruxelles-Capitale.

Diese Unterschrift bindet zugleich die Deutschsprachige Gemeinschaft, die Flämische Gemeinschaft, die Französische Gemeinschaft, die Wallonische Region, die Flämische Region und die Region Brüssel-Hauptstadt.

За Република България

Image

Za Českou republiku

Image

For Kongeriget Danmark

Image

Für die Bundesrepublik Deutschland

Image

Eesti Vabariigi nimel

Image

Thar cheann Na hÉireann

For Ireland

Image

Για την Ελληνική Δημοκρατία

Image

Por el Reino de España

Image

Pour la République française

Image

Per la Repubblica italiana

Image

Για την Κυπριακή Δημοκρατία

Image

Latvijas Republikas vārdā –

Image

Lietuvos Respublikos vardu

Image

Pour le Grand-Duché de Luxembourg

Image

A Magyar Köztársaság részéről

Image

Għal Malta

Image

Voor het Koninkrijk der Nederlanden

Image

Für die Republik Österreich

Image

W imieniu Rzeczypospolitej Polskiej

Image

Pela República Portuguesa

Image

Pentru România

Image

Za Republiko Slovenijo

Image

Za Slovenskú republiku

Image

Suomen tasavallan puolesta

För Republiken Finland

Image

För Konungariket Sverige

Image

For the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland

Image

За Европейския съюз

Por la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Image

Image

Image


ANNESS

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ISTATUS TAL-EKONOMIJA TAS-SUQ

Il-Partijiet għandhom ikabbru l-kooperazzjoni biex jimxu lejn ir-rikonoxximent bikri tal-istatus tal-ekonomija tas-suq tal-Vjetnam mill-aktar fis possibbli, suġġett għall-proċeduri rilevanti.

DIKJARAZZJONI UNILATERALI MILL-UNJONI EWROPEA DWAR IS-SISTEMA ĠENERALIZZATA TA' PREFERENZI (SĠP)

L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi l-importanza sinifikanti tal-SĠP għall-iżvilupp tal-kummerċ u għandha tikkoopera wkoll permezz ta', inter alia, djalogu, skambji u attivitajiet ta' żvilupp ta' kapaċità, bil-ħsieb li tiżgura l-aħjar użu tal-iskema mill-Vjetnam skont il-proċeduri rilevanti tal-Partijiet u l-politika tal-kummerċ li qed tevolvi tal-UE.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARTIKOLU 24 (KOOPERAZZJONI FIL-ĠLIEDA KONTRA L-ĦASIL TAL-FLUS U L-FINANZJAMENT TAT-TERRORIŻMU)

Il-Partijiet jaqblu li l-Kumitat Konġunt ser jistabbilixxi lista tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-iskambju tal-informazzjoni rilevanti taħt dan l-artikolu.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARTIKOLU 57 (TWETTIQ TA' OBBLIGI)

Il-Partijiet jaqblu li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni korretta u l-applikazzjoni prattika ta' dan il-Ftehim, it-terminu “ksur materjali tal-Ftehim” fl-Artikolu 57 (3), skont l-Artikolu 60 (3) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tal-1969 (“Konvenzjoni ta' Vjenna”), jikkonsisti fi:

(a)

rifjut tal-ftehim mhux sanzjonat mill-Konvenzjoni ta' Vjenna; jew

(b)

ksur ta' element essenzjali tal-Ftehim, kif deskritt fl-Artikolu 1(1) u (2) u l-Artikolu 8.

F'każijiet ta' ksur materjali tal-Ftehim, il-miżura għandha tiġi notifikata immedjatament lill-Parti l-oħra. Fuq talba tal-Parti l-oħra, il-Kumitat Konġunt għandu jwettaq konsultazzjonijiet urġenti f'perjodu ta' mhux aktar minn 30 jum għal eżami dettaljat ta' kwalunkwe aspett jew bażi tal-miżura bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-Partijiet.


Top