EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22009A0630(04)
Agreement between the European Community and the Commonwealth of the Bahamas on the short-stay visa waiver
Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Commonwealth tal-Baħamas dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir
Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Commonwealth tal-Baħamas dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir
ĠU L 169, 30.6.2009, p. 24–29
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2009/481/oj
Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Commonwealth tal-Baħamas dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir
Official Journal L 169 , 30/06/2009 P. 0024 - 0029
Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Commonwealth tal-Baħamas dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa "il-Komunità" u IL-COMMONWEALTH TAL-BAĦAMAS, minn hawn ’il-quddiem imsejħa "il-Baħamas" minn hawn ’il quddiem konġuntement imsejħa "il-Partijiet Kontraenti"; BIL-ĦSIEB LI JIĠU żviluppati ulterjorment relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn il-partijiet Kontraenti u bix-xewqa li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar billi jiġi żgurat dħul u soġġorn għal perjodu qasir mingħajr viża għaċ-ċittadini tagħhom, WARA LI KKUNSIDRAW ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1932/2006 tal- 21 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viżi fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa [1], inter alia billi jittrasferixxi sitt pajjiżi terzi, inkluż l-Baħamas fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mill-ħtieġa tal-viża għal soġġorni qosra fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE), FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1932/2006 jistipula li għal dawn is-sitt pajjiżi, l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika biss mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża li għandu jiġi konkluż mill-Komunità Ewropea mal-pajjiżi in kwistjoni, FILWAQT LI JAGĦRFU li ċ-ċittadini ta’ bosta Stati Membri huma eżentati mill-ħtieġa tal-viża meta jivvjaġġaw lejn il-Baħamas għal perjodu ta’ mhux aktar minn 3 xhur jew 8 xhur, filwaqt li dawk ta’ Stati Membri oħra jeħtieġu l-viża, FILWAQT LI JIXTIEQU li jitħares il-prinċipju ta’ trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE, WARA LI JIKKUNSIDRAW li l-persuni li jivvjaġġaw għall-skopijiet ta’ attività bi ħlas matul is-soġġorn qasir tagħhom mhumiex koperti b’dan il-ftehim u għalhekk għal din il-kategorija r-regoli relevanti tal-liġi tal-Komunità u tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u tal-liġi nazzjonali tal-Baħamas dwar l-obbligu jew l-eżenzjoni tal-viża u għall-aċċess għal impjieg jibqgħu japplikaw, FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropa u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda, FTEHMU KIF ĠEJ: Artikolu1 Għan Dan il-Ftehim jipprevedi vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini tal-Baħamas meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim: (a) "L-Istati Membri" għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda; (b) "ċittadin tal-Unjoni Ewropea" għandha tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif deskritt fil-punt (a); (c) "ċittadin tal-Baħamas" għandha tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza tal-Baħamas; (d) "iż-żona ta’ Schengen" għandha tfisser iż-żona mingħajr fruntieri interni li jinkludu t-territorji tal-Istati Membri kif definit fil-punt (a) li japplikaw l-acquis ta’ Schengen fl-intier tiegħu; Artikolu 3 Kamp ta’ applikazzjoni 1. Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku jew tas-servizz/uffiċjali, li hu validu u maħruġ minn Stat Membru, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Baħamas għall-perjodu ta’ soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(1). Iċ-ċittadini tail-Baħamas li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku jew tas-servizz/uffiċjali, li hu validu u maħruġ minn Seychelles, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Istati Membri għall-perjodu ta’ soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(2). 2. Il-paragrafu 1 ma japplikax għall-persuni li jivvjaġġaw għal skopijiet ta’ attivitajiet bi ħlas. Għal din il-kategorija ta’ persuni, kull Stat Membru jista’ jiddeċidi b’mod individwali li jimponi l-ħtieġa tal-viża fuq iċ-ċittadini tail-Baħamas jew li jirtirha skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Għal din il-kategorija ta’ persuni, il-Baħamas tista’ tiddeċidi dwar il-ħtieġa tal-viża jew l-eżenzjoni tal-viża għaċ-ċittadini ta’ kull Stat Membru b’mod individwali skont il-liġi nazzjonali tiegħu. 3. L-eżenzjoni tal-viża prevista minn dan il-Ftehim għandha tapplika bla ħsara għal-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti dwar il-kondizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn qasir. L-Istati Membri u il-Baħamas jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul jew is-soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux sodisfatti. 4. L-eżenzjoni tal-viża tapplika irrespettivament mill-metodu ta’ trasport użat biex tinqasam il-fruntiera tal-Partijiet Kontraenti. 5. Kwistjonijiet mhux koperti minn dan il-Ftehim għandhom jkunu koperti mil-liġi Komunitarja, il-liġi nazzjonali, tal-Istati Membri jew bil-liġi nazzjonali tal-Baħamas. Artikolu 4 Tul tas-soġġorn 1. Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Baħamas għal perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur wara d-data ta’ meta jkunu daħlu l-ewwel darba fit-territorju tal-pajjiż. 2. Iċ-ċittadini tal-Baħamas jistgħu jibqgħu fiż-żona ta’ Schengen għal perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur wara d-data ta’ meta jkunu daħlu l-ewwel darba fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen fl-intier tiegħu. Dan il-perjodu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur għandu jkun ikkalkulat b’mod indipendenti minn kwalunkwe soġġorn fi Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta’ Schengen fl-intier tiegħu. Iċ-ċittadini tal-Baħamas jistgħu jibqgħu għal perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur wara d-data ta’ meta jkunu daħlu l-ewwel darba fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen fl-intier tiegħu, indipendentament mill-perjodu ta’ soġġorn ikkalkulat għaż-żona ta’ Schengen. 3. Dan il-ftehim ma jaffetwax il-possibbiltà għall-Baħamas u għall-Istati Membri li jestendu l-perjodu ta’ soġġorn għal aktar minn tliet xhur skont il-liġi nazzjonali u l-liġi Komunitarja. Artikolu 5 Applikazzjoni territorjali 1. Fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża. 2. Fir-rigward tar-Renju tal-Olanda, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw biss għat-territorju Ewropew u tar-Renju tal-Olanda. Artikolu 6 Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim 1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta’ esperti (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat"), magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità Ewropea u minn rappreżentanti tal-Baħamas. Il-Komunità għandha tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea. 2. Il-Kumitat għandu jkollu, inter alia, dawn il-kompiti: (a) jossorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim; (b) jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim; (c) isolvi disputi naxxenti mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. 3. Il-Kumitat għandu jitlaqqa’ kull meta jkun meħtieġ fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti. 4. Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu stess. Artikolu 7 Relazzjoni bejn dan il-Ftehim u ftehimiet bilaterali eżistenti għall-eżenzjoni mill-viża bejn l-Istati Membri u l-Baħamas Dan il-Ftehim għandu jkollu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehimiet bilaterali jew arranġamenti konklużi bejn l-Istati Membri individwali u tal-Baħamas, safejn id-dispożizzjonijiet tagħhom ikopru kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Artikolu 8 Dispożizzjonijiet finali 1. Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti skont il-proċeduri interni rispettivi tagħhom u għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data meta l-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija hawn fuq tlestew. 2. Dan il-Ftehim qed jiġi konkluż għal perjodu ta’ żmien indefinit, kemm-il darba ma jintemmx skont il-paragrafu 5. 3. Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan il-għan. 4. Kull Parti Kontraenti tistà tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, protezzjoni ta’ sigurtà nazzjonali u protezzjoni ta’ saħħa pubblika, immigrazzjoni illegali jew introduzzjoni mill-ġdid tal-ħtieġa tal-viża minn kull Parti Kontraenti. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tkun notifikata lill-Parti Kontraenti mhux aktar tard minn xahrejn qabel jidħol fis-seħħ il-Ftehim. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tgħarraf immedjatament lill-Parti l-oħra ladarba r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux japplikaw aktar. 5. Kull Parti Kontraenti tista’ ttemm dan il-Ftehim billi tavża bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim għandu jieqaf jiffunzjona 90 jum wara d-data ta’ din in-notifika. 6. Il-Baħamas tista’ tissospendi jew ittemm dan il-Ftehim biss, fir-rigward tal-Istati Membri kollha tal-Komunità Ewropea. 7. Il-Komunità tistà tissospendi jew ittemm, dan il-Ftehim biss, fir-rigward tal-Istati Membri kollha tagħha. Magħmul fi Brussell, duplikatament, fit- 28 ta’ Mejju 2009 fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża, Taljana u Ungeriża, b’kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku. За Европейската общност Por la Comunidad Europea Za Evropské společenství For Det Europæiske Fællesskab Für die Europäische Gemeinschaft Euroopa Ühenduse nimel Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα For the European Community Pour la Communauté européenne Per la Comunità europea Eiropas Kopienas vārdā Europos bendrijos vardu Az Európai Közösség részéről Għall-Komunità Ewropea Voor de Europese Gemeenschap W imieniu Wspólnoty Europejskiej Pela Comunidade Europeia Pentru Comunitatea Europeană Za Európske spoločenstvo Za Evropsko skupnost Euroopan yhteisön puolesta För Europeiska gemenskapen +++++ TIFF +++++ За Бахамската общност Por la Commonwealth de Las Bahamas Za Bahamské společenství For Commonwealth of The Bahamas Für das Commonwealth der Bahamas Bahama Ühenduse nimel Για την Κοινοπολιτεία των Νήσων Μπαχάμες For the Commonwealth of The Bahamas Pour le Commonwealth des Bahamas Per il Commonwealth delle Bahamas Bahamu Salu Sadraudzības vārdā Bahamų Sandraugos vardu A Bahamai Közösség részéről Għall-Commonwealth tal-Bahamas Voor het Gemenebest van de Bahama’s W imieniu Wspólnoty Bahamów Pela Comunidade das Baamas Pentru Uniunea Bahamas Za Bahamské spoločenstvo Za Zvezo Bahami Bahaman liittovaltion puolesta För Samväldet Bahamas +++++ TIFF +++++ [1] ĠU L 405, 30.12.2006, p. 23. --------------------------------------------------