This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02014L0030-20180911
Directive 2014/30/EU of the European Parliament and of the Council of 26 February 2014 on the harmonisation of the laws of the Member States relating to electromagnetic compatibility (recast) (Text with EEA relevance)Text with EEA relevance
Consolidated text: Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (riformulazzjoni) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE
Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (riformulazzjoni) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE
Dan it-test ikkonsolidat jista’ ma jinkludix l-emendi li ġejjin:
Att li jemenda | Tip ta’ emenda | Is-subdiviżjoni kkonċernata | Data tal-effett |
---|---|---|---|
32024L2749 | Emendata minn | artikolu 3 paragrafu 1 punt 26 | 28/11/2024 |
32024L2749 | Emendata minn | kapitolu 5a | 28/11/2024 |
32024L2749 | Emendata minn | artikolu 41 paragrafu 2a | 28/11/2024 |
32024L2749 | Emendata minn | artikolu 3 paragrafu 1 punt 27 | 28/11/2024 |
02014L0030 — MT — 11.09.2018 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
DIRETTIVA 2014/30/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (riformulazzjoni) (ĠU L 096 29.3.2014, p. 79) |
Emendata bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
REGOLAMENT (UE) 2018/1139 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-4 ta' Lulju 2018 |
L 212 |
1 |
22.8.2018 |
DIRETTIVA 2014/30/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-26 ta’ Frar 2014
dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (riformulazzjoni)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
KAPITOLU 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Direttiva tirregola l-kompatibilità elettromanjetika tat-tagħmir. L-għan tagħha hu li tiżgura l-funzjonament tas-suq intern billi teħtieġ li t-tagħmir jikkonforma ma’ livell adegwat ta’ kompatibilità elettromanjetika.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Direttiva għandha tapplika għat-tagħmir kif definit fl-Artikolu 3.
2. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:
(a) tagħmir kopert bid-Direttiva 1999/5/KE;
(b) it-tagħmir tal-avjazzjoni li ġej, fejn dak it-tagħmir jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) u huwa maħsub esklużivament għall-użu fl-ajru:
(i) inġenji tal-ajru, minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif ukoll magni, skrejjen, parts u tagħmir mhux installat assoċjati;
(ii) inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif ukoll magni, skrejjen, parts u tagħmir mhux installat assoċjati, li d-disinn tagħhom huwa ċċertifikat skont l-Artikolu 56(1) ta' dak ir-Regolament u li huma maħsuba biex joperaw biss fuq frekwenzi allokati mir-Regolamenti tar-Radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni għal użu ajrunawtiku protett;
(c) tagħmir tar-radju utilizzat minn dilettanti tar-radju fit-tifsira tar-Regolamenti tar-Radju adottata fil-qafas tal-Kostituzzjoni tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni u l-Konvenzjoni tal- Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni ( 2 ), sakemm it-tagħmir ma jsirx disponibbli fis-suq;
(d) tagħmir li n-natura inerenti tal-karatteristiċi fiżiċi tiegħu hija tali li:
(i) mhux kapaċi li jiġġenera jew li jikkontribwixxi għal emissjonijiet elettromanjetiċi li jaqbżu livell li jippermetti lit-tagħmir tar-radju u tat-telekomunikazzjoni u tagħmir ieħor li jaħdem kif intiż; u
(ii) jopera mingħajr degradazzjoni inaċċettabbli fil-preżenza tad-disturb elettromanjetiku li normalment iseħħ bl-użu intiż tiegħu.
(e) kitts ta’ evalwazzjoni mibnija skont l-ordni destinati għal professjonisti biex jintużaw biss f’faċilitajiet ta’ riċerka u żvilupp għal tali skopijiet.
Għall-għanijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, kitts ta’ komponenti li għandhom jiġu mmuntati minn dilettanti tar-radju u tagħmir magħmul disponibbli fis-suq u modifikat minn dilettanti tar-radju u għall-użu minnhom ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala tagħmir magħmul disponibbli fis-suq.
3. Fejn, għat-tagħmir imsemmi fil-paragrafu 1, parti jew it-totalità tar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Anness I huma stabbiliti iżjed speċifikament minn leġislazzjoni tal-Unjoni oħra, din id-Direttiva ma għandhiex tapplika, jew għandha tieqaf milli tapplika, għal dak it-tagħmir fir-rigward ta’ tali rekwiżiti mid-data tal-implimentazzjoni ta’ dik il-leġislazzjoni tal-Unjoni.
4. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni ta’ leġislazzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali dwar is-sigurtà tat-tagħmir.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) “tagħmir” tfisser kwalunkwe apparat jew stallazzjoni fissa;
(2) “apparat” tfisser kwalunkwe appliance lesta, jew kombinazzjoni ta’ appliances lesti, li huma disponibbli fis-suq bħala unità funzjonali waħda, intiżi għall-użu mill-utent aħħari, u li x’aktarx joħolqu disturb elettromanjetiku, jew li l-prestazzjoni tagħhom x’aktarx tkun affettwata minn tali disturb;
(3) “stallazzjoni fissa” tfisser kombinazzjoni partikolari ta’ diversi tipi ta’ apparat u, fejn applikabbli, strumenti oħra, li huma mmuntati, installati u intiżi biex jiġu użati b’mod permanenti f’lok predefinit;
(4) “kompatibilità elettromanjetika” tfisser il-kapaċità ta’ tagħmir li jaħdem b’mod sodisfaċenti fl-ambjent elettromanjetiku tiegħu mingħajr ma jintroduċi disturb elettromanjetiku intollerabbli għal tagħmir ieħor f’dak l-ambjent;
(5) “disturb elettromanjetiku” tfisser kwalunkwe fenomenu elettromanjetiku li jista’ jiddegrada l-prestazzjoni tat-tagħmir; disturb elettromanjetiku jista’ jkun ħoss elettromanjetiku, sinjal mhux mixtieq jew bidla fil-mezz ta’ propagazzjoni innifsu;
(6) “immunità” tfisser il-kapaċità ta’ tagħmir li jaħdem kif suppost mingħajr degradazzjoni fil-preżenza ta’ disturb elettromanjetiku;
(7) “għanijiet ta’ sigurtà” tfisser l-għanijiet tal-ħarsien tal-ħajja umana jew tal-proprjetà;
(8) “ambjent elettromanjetiku” tfisser il-fenomeni elettromanjetiċi kollha osservabbli f’lok determinat.
(9) “tagħmel disponibbli fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta’ apparat għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu fis-suq tal-Unjoni tul attività kummerċjali kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas;
(10) “tqiegħed fis-suq” tfisser l-ewwel darba li prodott ikun disponibbli fis-suq tal-Unjoni;
(11) “manifattur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura l-apparat jew li tiddisinja jew timmanifattura l-apparat, u li tikkummerċjalizza dak l-apparat, f’isimha jew bit-trade mark tagħha;
(12) “rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand il-manifattur sabiex taġixxi f’ismu fir-rigward ta’ kompiti speċifiċi;
(13) “importatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni, li tqiegħed apparat minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni;
(14) “distributur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika fil-katina ta’ provvista, barra mill-manifattur jew l-importatur, li tagħmel l-apparat disponibbli fis-suq;
(15) “operaturi ekonomiċi” tfisser il-manifattur, ir-rappreżentanti awtorizzat, l-importatur u d-distributur;
(16) “speċifikazzjoni teknika” tfisser dokument li jistipula r-rekwiżiti tekniċi li jridu jiġu ssodisfati mit-tagħmir;
(17) “standard armonizzat” tfisser standard armonizzat kif definit fil-punt (c) tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;
(18) “akkreditazzjoni” tfisser akkreditazzjoni kif definita fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;
(19) “korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni” tfisser korp tal-akkreditazzjoni kif definit fil-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;
(20) “valutazzjoni tal-konformità” tfisser il-proċess li juri jekk ir-rekwiżiti essenzjali ta’ din id-Direttiva relatati ma’ xi apparat ġewx issodisfati;
(21) “korp tal-valutazzjoni tal-konformità” tfisser korp li jwettaq attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità inklużi l-kalibrazzjoni, l-ittestjar, l-attestazzjoni u l-ispezzjoni;
(22) “teħid lura” tfisser kull miżura maħsuba biex jittieħed lura apparat li jkun diġà sar disponibbli għall-utent aħħari;
(23) “irtirar” tfisser kull miżura maħsuba biex ma tħallix li apparat fil-katina tal-provvista jsir disponibbli fis-suq;
(24) “leġislazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni” tfisser kwalunkwe leġislazzjoni tal-Unjoni li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti;
(25) “marka CE” tfisser marka li permezz tagħha l-manifattur jindika li l-apparat huwa konformi mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fil-leġislazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni li tipprovdi għat-twaħħil tagħha;
2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, dan li ġej għandu jiġi kkunsidrat bħala apparat:
(1) “komponenti” jew “sottokompożizzjonijiet” intiżi għall-inkorporazzjoni f’apparat mill-utent finali, li jistgħu jiġġeneraw disturb elettromanjetiku, jew li l-prestazzjoni tagħhom x’aktarx tkun affettwata minn tali disturb;
(2) “stallazzjonijiet mobbli” tfisser kombinazzjoni ta’ apparat, u fejn applikabbli, ta’ mezzi oħra, intiż biex jiġi mċaqlaq u operat f’diversi lokalitajiet.
Artikolu 4
Disponibbiltà fis-suq u/jew tqegħid fis-servizz
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li tagħmir isir disponibbli fis-suq u/jew fis-servizz biss jekk jikkonforma ma’ din id-Direttiva meta jkun stallat, miżmum u użat kif suppost għall-iskop intiż tiegħu.
Artikolu 5
Moviment liberu ta’ tagħmir
1. L-Istati Membri ma għandhomx jimpedixxu, għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kompatibilità elettromanjetika, id-disponibbiltà fis-suq u/jew it-tqegħid fis-servizz fit-territorju tagħhom ta’ tagħmir li jikkonforma ma’ din id-Direttiva.
2. Ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva ma għandhomx jimpedixxu l-applikazzjoni fi kwalunkwe Stat Membru tal-miżuri speċjali li ġejjin dwar it-tqegħid fis-servizz jew l-użu ta’ tagħmir:
(a) miżuri sabiex tingħeleb problema ta’ kompatibilità elettromanjetika eżistenti jew imbassra f’sit speċifiku;
(b) miżuri meħudin għal raġunijiet ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ rettikolati pubbliċi ta’ telekomunikazzjoni jew ta’ stazzjonijiet li jirċievu jew li jittrażmettu meta użati għal skopijiet ta’ sigurtà f’sitwazzjonijiet ta’ spettru definiti tajjeb.
Bla preġudizzju għad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi ( 3 ), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dawn il-miżuri speċjali.
Il-miżuri speċjali li ġew aċċettati għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
3. L-Istati Membri ma għandhom joħolqu l-ebda ostakolu għall-wiri u/jew id-dimostrazzjoni f’fieri, f’esibizzjonijiet jew f’avvenimenti simili ta’ tagħmir li ma jikkonformax ma’ din id-Direttiva, kemm-il darba sinjal viżibbli jindika biċ-ċar li tali tagħmir ma għandux jitpoġġa disponibbli fis-suq u/jew jitqiegħed fis-servizz sakemm ma jkunx inġieb f’konformità ma’ din id-Direttiva. Dimostrazzjoni tista’ sseħħ biss bil-kundizzjoni li jkunu ttieħdu l-miżuri xierqa biex jiġu evitati disturbi elettromanjetiċi.
Artikolu 6
Rekwiżiti essenzjali
It-tagħmir għandu jilħaq ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness I.
KAPITOLU 2
OBBLIGI TAL-OPERATURI EKONOMIĊI
Artikolu 7
Obbligi tal-manifatturi
1. Meta jqiegħdu l-apparati tagħhom fis-suq il-manifatturi għandhom jiżguraw li tfasslu u ġew immanifatturati skont ir-rekwiżiti essenzjali tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness I.
2. Il-manifatturi għandhom ifasslu d-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness II jew l-Anness III u jwettqu l-proċedura rilevanti ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 14 jew iqabbdu lil xi ħadd biex jagħmilha f’isimhom.
Fejn ikun intwera permezz ta’ dik il-proċedura li l-apparat huwa konformi mar-rekwiżiti applikabbli, il-manifatturi għandhom ifasslu dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE u jwaħħlu l-marka CE.
3. Il-manifatturi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni teknika u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għal 10 snin wara li l-apparat ikun tqiegħed fis-suq.
4. Il-manifatturi għandhom jaraw li jkollhom f’posthom proċeduri biex il-produzzjoni ta’ serje tibqa’ konformi ma’ din id-Direttiva. Għandhom jitqiesu b’mod suffiċjenti dawk it-tibdiliet fid-disinn jew il-karatteristiċi tal-apparat u t-tibdiliet fl-istandards armonizzati jew fi speċifikazzjonijiet tekniċi oħra li b’referenza għalihom tiġi dikjarata l-konformità tal-apparat.
5. Il-manifatturi għandhom jassiguraw li l-apparat li huma qiegħdu fis-suq ikollu t-tip, il-partita u n-numru tas-serje jew kull element ieħor biex ikunu jistgħu jiġu identifikati, jew, jekk id-daqs jew natura tagħhom ma tagħmilx dan possibbli, li l-informazzjoni meħtieġa tingħata fuq l-ippakkjar jew f’dokument li jakkumpanja l-apparat.
6. Il-manifatturi għandhom, fuq l-apparat, jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali reġistrat jew it-trade mark reġistrata tagħhom u l-indirizz fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-ippakkjar tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja l-apparat. L-indirizz għandu jindika punt uniku fejn jista’ jiġi kkuntattat il-manifattur. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom ikunu b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.
7. Il-manifatturi għandhom jassiguraw li l-apparat ikun akkumpanjat minn struzzjonijiet u l-informazzjoni ta’ sikurezza msemmija fl-Artikolu 18, provduti b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħra, skont kif jiġi determinat mill-Istat Membru konċernat. Dawn l-istruzzjonijiet u informazzjoni, kif ukoll kull tip ta’ tikkettar, għandhom ikunu ċari, jistgħu jinftiehmu u intelliġibbli.
8. Il-manifatturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jaħsbu li apparat li jkunu qiegħdu fis-suq mhuwiex konformi ma’ din id-Direttiva għandhom minnufih jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dak l-apparat isir konformi, jirtirawh jew jeħduh lura, jekk dan ikun meħtieġ. Barra minn hekk, fejn l-apparat jippreżenta riskju, il-manifatturi għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma jkunu għamlu l-apparat disponibbli fis-suq għal dan il-għan, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas tal-konformità u dwar kwalunkwe miżura korrettiva meħuda.
9. Il-manifatturi għandhom, wara talba raġunata minn awtorità kompetenti nazzjonali, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja fuq karta jew elettronikament biex juru l-konformità tal-apparat ma’ din id-Direttiva, b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Huma għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq talba tagħha, fir-rigward ta’ kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji preżentati mill-apparat li huma jkunu qiegħdu fis-suq.
Artikolu 8
Rappreżentanti awtorizzati
1. Il-manifatturi jistgħu, b’mandat bil-miktub, jaħtru rappreżentant awtorizzat.
L-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7(1) u l-obbligu tat-tfassil ta’ dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Artikolu 7(2) ma għandhomx jiffurmaw parti mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat.
2. Rappreżentant awtorizzat għandu jwettaq il-kompiti speċifikati fil-mandat li jirċievi mingħand il-manifattur. Il-mandat għandu jippermetti lir-rappreżentant awtorizzat għall-inqas li jagħmel dan li ġej:
(a) li jżomm id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE u d-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq għal perjodu ta’ 10 snin wara li l-apparat ikun tqiegħed fis-suq;
(b) fuq talba raġunata minn awtorità nazzjonali kompetenti, huwa għandu jipprovdi lil dik l-awtorità l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi ppruvata l-konformità tal-apparat;
(c) jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fuq talba tagħhom, dwar kull azzjoni meħuda biex ikunu eliminati riskji preżentati mill-apparat kopert mill-mandat tar-rappreżentanti awtorizzati tagħhom.
Artikolu 9
Obbligi tal-importaturi
1. L-importaturi għandhom iqiegħdu fis-suq dak l-apparat li huwa konformi biss.
2. Qabel ma jqiegħdu l-apparat fis-suq, l-importaturi għandhom jiżguraw li tkun saret il-proċedura xierqa tal-evalwazzjoni tal-konformità mill-manifattur imsemmija fl-Artikolu 14. Huma għandhom jassiguraw li l-manifattur ikun ħejja d-dokumentazzjoni teknika, li l-apparat ikollu l-marka CE u li jkun akkumpanjat mid-dokumenti meħtieġa u li l-manifattur ikun osserva r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(5) u (6).
Meta importatur iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li l-apparat ma jkunx konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness I, dan ma għandux iqiegħed l-apparat fis-suq sakemm dan ikun sar konformi. Barra minn hekk, fejn l-apparat jippreżenta riskju, l-importatur għandu jinforma lill-manifattur u lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq dwar dan.
3. L-importaturi għandhom, fuq l-apparat, jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali reġistrat jew it-trade mark reġistrata tagħhom u l-indirizz fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-ippakkjar tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja l-apparat. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom ikunu b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.
4. L-importaturi għandhom jassiguraw li l-apparat ikun ikkumpanjat minn struzzjonijiet u informazzjoni msemmija fl-Artikolu 18, provduti b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħra, skont kif jiġi determinat mill-Istat Membru konċernat.
5. L-importaturi għandhom jassiguraw li, waqt li l-apparat ikun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ ħażna jew ta’ trasport tiegħu ma jippreġudikawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.
6. L-importaturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jaħsbu li l-apparat li huma jkunu qiegħdu fis-suq mhux konformi ma’ din id-Direttiva għandhom minnufih jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex l-apparat isir konformi, jirtirawh jew jeħduh lura, skont il-każ. Barra minn hekk, fejn l-apparat jippreżenta riskju, l-importaturi għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma jkunu għamlu l-apparat disponibbli fis-suq għal dan il-għan, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas ta’ konformità u dwar kwalunkwe miżura korrettiva meħuda.
7. L-importaturi għandhom, għal perjodu ta’ 10 snin wara li l-apparat ikun tqiegħed fis-suq, iżommu kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u jiżguraw li d-dokumentazzjoni teknika tkun disponibbli għal dawk l-awtoritajiet, jekk jitolbuha.
8. L-importaturi għandhom, wara talba raġunata minn awtorità kompetenti nazzjonali, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja fuq karta jew f’forma elettronika biex juru l-konformità tal-apparat, b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità kompetenti nazzjonali. Huma għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq talba tagħha, fir-rigward ta’ kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji preżentati mill-apparat li huma jkunu qiegħdu fis-suq.
Artikolu 10
Obbligi tad-distributuri
1. Meta jagħmlu apparat disponibbli fis-suq, id-distributuri għandhom jaġixxu bl-attenzjoni dovuta fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.
2. Qabel ma jagħmlu l-apparat disponibbli fis-suq, id-distributuri għandhom jivverifikaw li l-apparat ikollu l-marka CE, jiġifieri li jkun akkumpanjati mid-dokumenti meħtieġa kif ukoll minn struzzjonijiet u informazzjoni msemmija fl-Artikolu 18, b’lingwa li tkun tista’ tiftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħra fl-Istat Membru fejn ikun se jiġi magħmul disponibbli fis-suq l-apparat, u li l-manifattur u l-importatur ikunu ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(5) u (6) u l-Artikolu 9(3), rispettivament.
Fejn distributur iqis jew ikollu raġunijiet biex jemmen li l-apparat ma jkunx konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness I, huwa għandu jagħmel l-apparat disponibbli fis-suq biss wara li dan ikun sar konformi. Barra minn hekk, fejn l-apparat jippreżenta riskju, id-distributur għandu jinforma lill-manifattur jew lill-importatur kif ukoll lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq dwar dan.
3. Id-distributuri għandhom jassiguraw li, waqt li l-apparat ikun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ ħażna jew ta’ trasport tiegħu ma jippreġudikawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.
4. Id-distributuri li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jaħsbu li l-apparat li huma jkunu għamlu disponibbli fis-suq ma jkunx konformi ma’ din id-Direttiva għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex l-apparat isir konformi, jirtirawh jew jeħduh lura, jekk dan ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn l-apparat jippreżenta riskju, id-distributuri għandhom jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma jkunu għamlu l-apparat disponibbli fis-suq għal dan il-għan, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas ta’ konformità u dwar kwalunkwe miżura korrettiva meħuda.
5. Id-distributuri għandhom, wara talba raġunata mill-awtorità kompetenti nazzjonali, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja fuq karta jew f’forma elettronika biex juru l-konformità tal-apparat. Huma għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq talba tagħha, fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mill-apparat li huma jkunu għamlu disponibbli fis-suq.
Artikolu 11
Każijiet fejn l-obbligi tal-manifatturi japplikaw għall-importaturi u d-distributuri
Importatur jew distributur għandu jitqies bħala manifattur għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u għandu jkun suġġett għall-obbligi tal-manifattur taħt l-Artikolu 7, fejn huwa jqiegħed apparat fis-suq taħt ismu jew trade mark tiegħu, jew jimmodifika apparat li diġà jkun tqiegħed fis-suq b’mod li jista’ jinċidi fuq il-konformità tal-prodott ma’ din id-Direttiva.
Artikolu 12
L-identifikazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi
L-operaturi ekonomiċi għandhom, wara li ssir talba, jidentifikaw dan li ġej lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq:
(a) kull operatur ekonomiku li jkun ipprovdihom b’apparat;
(b) kull operatur ekonomiku li lilu jkunu provdew apparat.
L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu kapaċi jippreżentaw l-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għal 10 snin wara li jkunu ġew ipprovduti bl-apparat u għal 10 snin wara li jkunu pprovdew l-apparat.
KAPITOLU 3
IL-KONFORMITÀ TAT-TAGĦMIR
Artikolu 13
Preżunzjoni tal-konformità ta’ tagħmir
Tagħmir li jkun f’konformità mal-istandards armonizzati jew partijiet minnhom li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandu jkun preżunt li hu f’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness I, koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom.
Artikolu 14
Proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għall-apparat
Il-konformità tal-apparat mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness I għandha tkun murija permezz waħda mill-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li ġejjin:
(a) kontroll intern tal-produzzjoni stabbilit fl-Anness II;
(b) eżami tat-tip tal-UE, li jkun segwit minn konformità mat-tip, ibbażat fuq il-kontroll intern tal-produzzjoni stabbilit fl-Anness III.
Il-manifattur jista’ jagħżel li jirrestrinġi l-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu għal ċerti aspetti tar-rekwiżiti essenzjali, sakemm għall-aspetti l-oħrajn tar-rekwiżiti essenzjali l-proċedura msemmija fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tiġi applikata.
Artikolu 15
Dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE
1. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tiddikjara li l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ sikurezza speċifikati fl-Anness I intweriet.
2. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandu jkollha l-istruttura tal-mudell stabbilita fl-Anness IV, għandu jkollha l-elementi speċifikati fil-moduli rilevanti stabbiliti fl-Annessi II u III u għandha tiġi aġġornata kontinwament. Għandha tiġi tradotta fil-lingwa jew lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn jitqiegħed jew isir disponibbli fis-suq l-apparat.
3. Meta l-apparat ikun suġġett għal att wieħed jew aktar tal-Unjoni, li jitlob dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE, għandha titfassal dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE waħda fir-rigward tat-tali atti kollha tal-Unjoni. Dik id-dikjarazzjoni għandu jkollha l-identifikazzjoni tal-atti tal-Unjoni kkonċernati inklużi r-referenzi tal-pubblikazzjoni tagħhom.
4. Meta jfassal id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, il-manifattur ikun qed jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tal-apparat mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva.
Artikolu 16
Prinċipji ġenerali tal-marka CE
Il-marka CE għandha tkun suġġetta għall-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artiklu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.
Artikolu 17
Regoli u kundizzjonijiet għat-twaħħil tal-marka CE
1. Il-marka CE għandha titwaħħal b’mod viżibbli, leġibbli u indelibbli fuq l-apparat jew fuq it-tikketta tiegħu. Fejn dan ma jkunx possibbli jew in-natura tal-apparat ma tistħoqqilhiex, din għandha titwaħħal fuq il-pakkett u d-dokument li jakkumpanjaw l-apparat.
2. Il-marka CE għandha titwaħħal qabel ma l-apparat jitqiegħed fis-suq.
3. L-Istati Membri għandhom jibnu fuq il-mekkaniżmi eżistenti biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tas-sistema tal-immarkar CE u għandhom jieħdu azzjoni xierqa fil-każ ta’ użu mhux korrett ta’ dak l-immarkar.
Artikolu 18
Informazzjoni dwar l-użu tal-apparat
1. L-apparat għandu jkun akkumpanjat b’informazzjoni dwar kwalunkwe prekawzjonijiet speċifiċi li għandhom jittieħdu meta l-apparat jiġi mmuntat, stallat, mantnut jew użat, sabiex jiġi żgurat li, meta jitqiegħed fis-servizz, l-apparat ikun konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f’punt 1 tal-Anness I.
2. L-apparat li għalih il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness I mhix żgurata f’żoni residenzjali għandu jkun akkumpanjat minn indikazzjoni ċara ta’ tali restrizzjoni fl-użu, fejn xieraq fuq l-imballaġġ ukoll.
3. L-informazzjoni meħtieġa li tippermetti li apparat jista’ jintuża skont l-iskop intiż tiegħu għandha tkun inkluża fl-istruzzjonijiet li jiġu mal-apparat.
Artikolu 19
Stallazzjonijiet fissi
1. Apparat li jkun sar disponibbli fis-suq u li jista’ jiġi nkorporat fi stallazzjoni fissa għandu jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti kollha għal apparat stabbiliti f’din id-Direttiva.
Madankollu, ir-rekwiżiti tal-Artikoli minn 6 sa 12 u l-Artikoli minn 14 sa 18 ma għandhomx ikunu obbligatorji fil-każ ta’ apparat li huwa intiż għall-inkorporazzjoni fi stallazzjoni fissa partikolari u ma jsirx disponibbli b’mod ieħor fis-suq.
F’tali każijiet, id-dokumentazzjoni li tiġi miegħu għandha tidentifika l-installazzjoni fissa u l-karatteristiċi ta’ kompatibilità elettromanjetika tagħha u għandha tindika l-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu għall-inkorporazzjoni tal-apparat fl-istallazzjoni fissa sabiex il-konformità ta’ dik l-istallazzjoni ma tiġix kompromessa. Għandha tinkludi wkoll l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 7(5) u (6) u l-Artikolu 9(3).
Il-prattiki tajbin ta’ inġinerija msemmija fil-punt 2 tal-Anness I għandhom jiġu dokumentati u d-dokumentazzjoni għandha tinżamm mill-persuna jew persuni responsabbli għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għall-ispezzjoni sakemm l-istallazzjoni fissa tibqa’ topera.
2. Fejn hemm indikazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità tal-istallazzjoni fissa, b’mod partikolari, fejn hemm ilmenti dwar disturbi kkawżati mill-istallazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konċernat jistgħu jitolbu evidenza ta’ konformità tal-istallazzjoni fissa, u, fejn xieraq, jagħtu bidu għal valutazzjoni.
Fejn tiġi stabbilita nuqqas ta’ konformità, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jimponu miżuri xierqa biex l-istallazzjoni fissa tinġieb f’konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness I.
3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-identifikazzjoni tal-persuna jew persuni responsabbli għall-istabbiliment ta’ konformità ta’ stallazzjoni fissa mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti.
KAPITOLU 4
NOTIFIKA TA’ KORPI TA’ VALUTAZZJONI TA’ KONFORMITÀ
Artikolu 20
Notifika
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’korpi awtorizzati sabiex iwettqu l-kompiti tal-evalwazzjoni tal-konformità tal-parti terza skont din id-Direttiva.
Artikolu 21
Awtoritajiet tan-notifika
1. L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità ta’ notifika li tkun responsabbli biex tistabbilixxi u tesegwixxi l-proċeduri meħtieġa għall-evalwazzjoni u n-notifika ta’ korpi tal-evalwazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ ta’ korpi notifikati, inklużi l-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26.
2. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u b’konformità miegħu.
3. Fejn l-awtorità tan-notifika tiddelega jew b’xi mod ieħor tafda l-valutazzjoni, in-notifika jew il-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 lil korp li ma jkunx entità governattiva, dak il-korp għandu jkun entità ġuridika u għandu jikkonforma mutatis mutandis mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 22. Addizzjonalment, tali korp għandu jkollu arranġamenti biex jagħmel tajjeb għar-reponsabbiltajiet derivati mill-attivitajiet tiegħu.
4. L-awtorità tan-notifika għandha tieħu responsabbiltà sħiħa tal-kompiti mwettqa mill-korp imsemmi fil-paragrafu 3.
Artikolu 22
Rekwiżiti marbuta mal-awtoritajiet tan-notifika
1. L-awtorità tan-notifika għandha tiġi stabbilita b’mod li ma jkunx hemm konflitti ta’ interess ma’ korpi ta’ evalwazzjoni ta’ konformità.
2. L-awtorità tan-notifika għandha tkun organizzata u titmexxa b’mod li jkunu salvagwardjati l-oġġettività u l-imparzjalità tal-attivitajiet tagħha.
3. L-awtorità tan-notifika għandha tkun organizzata b’tali mod li kull deċiżjoni relatata man-notifika tal-korp ta’ valutazzjoni ta’ konformità tittieħed minn persuni kompetenti differenti minn dawk li jkunu għamlu l-evalwazzjoni.
4. L-awtorità tan-notifika ma għandhiex toffri jew tipprovdi kwalunkwe attivitajiet li jsiru minn korpi tal-evalwazzjoni ta’ konformità, jew servizzi ta’ konsulenza fuq bażi kummerċjali jew kompetittiva.
5. L-awtorità tan-notifika għandha tissalvagwardja l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba.
6. L-awtorità tan-notifika għandu jkollha numru suffiċjenti ta’ persunal kompetenti għad-dispożizzjoni tagħha biex jitwettqu korrettament il-kompiti tagħha.
Artikolu 23
Obbligu ta’ informazzjoni tal-awtoritajiet tan-notifika
L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-proċeduri tagħhom għall-valutazzjoni u n-notifika ta’ korpi tal-evalwazzjoni tal-konformità u dwar il-monitoraġġ ta’ korpi tan-notifika, u dwar kull bdil li jkun hemm f’dan il-qasam.
Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.
Artikolu 24
Rekwiżiti marbuta ma’ korpi notifikati
1. Għall-finijiet tan-notifika, kull korp tal-evalwazzjoni tal-konformità għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi minn 2 sa 11.
2. Il-korp ta’ valutazzjoni ta’ konformità għandu jkun stabbilit skont il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru u għandu jkollu personalità ġuridika.
3. Korp tal-evalwazzjoni tal-konformità għandu jkun korp terz indipendenti mill-organizzazzjoni jew mill-apparat li jevalwa.
Korp li jkun jappartjeni lil xi assoċjazzjoni kummerċjali jew federazzjoni professjonali li tkun tirrappreżenta intrapriżi involuti fid-disinn, il-manifattura, il-provvista, il-muntaġġ, l-użu jew il-manutenzjoni tal-apparat li huwa jivvaluta, jista’, bil-kundizzjoni li l-indipendenza tiegħu u n-nuqqas ta’ kull konflitt ta’ interess jiġu murija, jitqies bħala tali korp ta’ valutazzjoni ta’ konformità.
4. Il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, l-ogħla livell tal-ġestjoni tiegħu jew il-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni ta’ konformità ma għandhomx ikunu d-disinjaturi, il-manifatturi, il-fornituri, l-installaturi, ix-xerrejja, is-sidien, l-utenti jew dawk li jagħmlu l-manutenzjoni tal-apparat li huma jevalwaw, u lanqas ma għandhom ikunu r-rappreżentanti ta’ xi waħda minn dawk il-partijiet. Dan ma għandux jipprekludi l-użu tal-prodotti valutati li jkunu meħtieġa għall-operazzjonijiet tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jew l-użu ta’ apparat bħal dan għal għanijiet personali.
Il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, l-ogħla livell tal-ġestjoni tiegħu jew il-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu direttament involuti fid-disinn, il-manifattura jew il-kostruzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni, l-installazzjoni, l-użu jew il-manutenzjoni ta’ dak l-apparat, u lanqas ma għandhom jirrappreżentaw lill-partijiet li jwettqu dawk l-attivitajiet. Huma ma għandhom jieħdu sehem fl-ebda attività li tista’ toħloq kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b’rabta mal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità li għalihom huma jkunu notifikati. Dan japplika b’mod partikolari għas-servizzi ta’ konsulenza.
Il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tas-sussidjarji jew is-sottokuntratturi tagħhom ma jaffettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività jew l-imparzjalità tal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità tagħhom.
5. Il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u l-persunal tagħhom għandhom iwettqu l-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità bl-ogħla livell ta’ integrità professjonali u l-kompetenza teknika meħtieġa fil-qasam speċifiku u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u tentazzjonijiet, partikolarment finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità tagħhom, speċjalment fir-rigward ta’ persuni jew gruppi ta’ persuni b’interess fir-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet.
6. Il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun kapaċi jwettaq il-kompiti kollha ta’ valutazzjoni tal-konformità assenjati lilu permezz tal-Anness III u li fir-rigward tagħhom ikun ġie notifikat, kemm jekk dawk il-kompiti jsiru mill-korp stess ta’ valutazzjoni tal-konformità kif ukoll jekk f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
F’kull żmien u għal kull proċedura ta’ valutazzjoni ta’ konformità u għal kull tip jew kategorija ta’ apparat li fir-rigward tagħhom ikun notifikat, il-korp ta’ valutazzjoni ta’ konformità għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu il-neċessitajiet li ġejjin:
(a) persunal b’għarfien tekniku u esperjenza suffiċjenti u xierqa biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità;
(b) deskrizzjonijiet ta’ proċeduri li f’konformità magħhom titwettaq l-evalwazzjoni tal-konformità, waqt li jiġu żgurati t-trasparenza u l-kapaċità ta’ riproduzzjoni ta’ dawk il-proċeduri. Huwa għandu jkollu l-politika u l-proċeduri xierqa fis-seħħ li jiddistingwu bejn il-kompiti li jwettaq bħala korp notifikat u attivitajiet oħra;
(c) proċeduri għat-twettiq tal-attivitajiet li jqisu d-daqs tal-impriża, is-settur li fih jopera, l-istruttura tiegħu, il-grad ta’ kumplessità tat-teknoloġija tal-prodott konċernat u n-natura ta’ massa jew ta’ serje tal-proċess ta’ produzzjoni.
Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu l-mezzi neċessarji biex iwettaq il-kompiti tekniċi u amministrattivi konnessi mal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità b’mod xieraq u għandu jkollu aċċess għat-tagħmir u l-faċilitajiet kollha meħtieġa.
7. Il-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu dawn li ġejjin:
(a) taħriġ tekniku u vokazzjonali sod li jkopri l-attivitajiet kollha tal-valutazzjoni tal-konformità li għalih il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità jkun ġie notifikat;
(b) għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-valutazzjonijiet li jsiru minnu u awtorità adegwata biex jagħmel dawk il-valutazzjonijiet;
(c) konoxxenza adegwata u apprezzament tar-rekwiżiti essenzjali, stabbiliti fl-Anness I, tal-istandards armonizzati applikabbli u tad-dispożizzjonjiet rilevanti tal-leġislazzjoni tal-Unjoni rilevanti ta’ armonizzazzjoni u tal-leġislazzjoni nazzjonali;
(d) il-kapaċità meħtieġa biex ifassal ċertifikati, rekords u rapporti li juru li l-valutazzjonijiet ikunu saru.
8. Għandha tkun garantita l-imparzjalità tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, tal-ogħla livell ta’ ġestjoni tiegħu u tal-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità.
Ir-rimunerazzjoni ta’ dawk fl-ogħla livell tal-ġestjoni u tal-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandhiex tiddipendi fuq l-għadd ta’ valutazzjonijiet li jsiru jew fuq ir-riżultati ta’ dawk il-valutazzjonijiet.
9. Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jipprovdi għal polza ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà sakemm ir-responsabbiltà ma tkunx assunta mill-Istat skont il-liġi nazzjonali, jew sakemm l-Istat Membru nnifsu ma jkunx direttament responsabbli għall-valutazzjoni ta’ konformità.
10. Il-persunal ta’ korp tal-evalwazzjoni tal-konformità għandu josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha miksuba meta jkunu qed iwettqu x-xogħlijiet tagħhom skont l-Anness III jew skont kull dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li ddaħħal lil dak l-Artikolu fis-seħħ, ħlief fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih l-attivitajiet ikunu qed isiru. Id-drittijiet proprjetarji għandhom jitħarsu.
11. Il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità għandhom jipparteċipaw fi, jew jiżguraw li l-persunal responsabbli tagħhom biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità jkun mgħarraf dwar l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni rilevanti u l-attivitajiet tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-korp notifikat stabbilit skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni rilevanti ta’ armonizzazzjoni u għandhom japplikaw bħala gwida ġenerali d-deċiżjonijiet amministrattivi u d-dokumenti prodotti bħala riżultat tax-xogħol ta’ dak il-grupp.
Artikolu 25
Preżunzjoni ta’ konformità ta’ korpi notifikati
Fejn korp tal-valutazzjoni tal-konformità juri l-konformità tiegħu mal-kriterji stabbiliti fl-istandards armonizzati rilevanti jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dan għandu jkun preżunt konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24 sakemm l-istandards armonizzati applikabbli jkopru dawk ir-rekwiżiti.
Artikolu 26
Sussidjarji u sottokuntrattar ta’ korpi notifikati
1. Meta korp notifikat jagħti b’sottokuntratt xogħlijiet speċifiċi li jkollhom x’jaqsmu mal-valutazzjoni tal-konformità jew iqabbad sussidjarju, huwa għandu jiżgura li s-sottokuntrattur jew is-sussidjarju jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24 u għandu jinforma lill-awtorità tan-notifika dwar dan.
2. Il-korpi notifikati għandhom jerfgħu r-responsabbiltà kollha tal-kompiti li jkunu twettqu mis-sottokuntratturi jew mis-sussidjarji kull fejn dawn ikunu stabbiliti.
3. L-attivitajiet jistgħu jingħataw b’sottokuntratt jew imwettqa minn sussidjarju biss meta jkun hemm il-qbil tal-klijent.
4. Korpi nnotifikati għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-awtorità tan-notifika d-dokumenti rilevanti dwar l-evalwazzjoni tal-kwalifiki tas-sottokuntratturi jew tas-sussidjarju u tax-xogħol li jkun sar minnhom skont l-Anness III.
Artikolu 27
Applikazzjoni għal notifika
1. Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jippreżenta applikazzjoni għal notifika lill-awtorità tan-notifika tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit.
2. L-applikazzjoni għal notifika għandha tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità, tal-modulu jew moduli tal-valutazzjoni tal-konformità u tal-apparat li għalihom il-korp jiddikjara lilu nnifsu kompetenti, kif ukoll minn ċertifikat ta’ akkreditazzjoni, jekk ikun hemm wieħed eżistenti, maħruġ minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li jafferma li l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24.
3. Jekk il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità kkonċernat ma jistax jipprovdi ċertifikat ta’ akkreditazzjoni, dan għandu jipprovdi lill-awtorità tan-notifika bl-evidenza dokumentata kollha meħtieġa għall-verifika, ir-rikonoxximent u l-monitoraġġ regolari tal-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24.
Artikolu 28
Proċedura tan-notifika
1. L-awtoritajiet tan-notifika jistgħu jinnotifikaw biss lill-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità li jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24.
2. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bl-użu tal-mezz elettroniku ta’ notifika żviluppat u ġestit mill-Kummissjoni.
3. In-notifika għandha tinkludi d-dettalji kollha dwar l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità, tal-modulu jew moduli tal-valutazzjoni tal-konformità u tal-apparat inkwistjoni u tal-affermazzjoni rilevanti tal-kompetenza.
4. Meta notifika ma tkunx ibbażata fuq ċertifikat ta’ akkreditazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 27(2), l-awtorità ta’ notifika għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’evidenza dokumentata li tafferma l-kompetenza tal-korp tal-valutazzjoni tal-konformità kif ukoll l-arranġamenti li saru biex ikun żgurat li dak il-korp ikun eżaminat b’mod regolari u jkompli jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24.
5. Il-korp ikkonċernat jista’ jwettaq l-attivitajiet ta’ korp notifikat biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjonijiet mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri l-oħra fi żmien ġimagħtejn minn notifika fejn ikun intuża ċertifikat ta’ akkreditazzjoni jew fi żmien xahrejn minn notifika meta ma tkunx intużat akkreditazzjoni.
Korp bħal dan biss għandu jitqies bħala korp notifikat għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.
6. L-awtorità tan-notifika għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra dwar kull tibdil sussegwenti rilevanti fin-notifika.
Artikolu 29
Numri ta’ identifikazzjoni u listi ta’ korpi notifikati
1. Il-Kummissjoni għandha tassenja numru ta’ identifikazzjoni lil korp notifikat.
Hi għandha tassenja numru wieħed bħal dan, anki fil-każ fejn il-korp ikun notifikat skont diversi atti tal-Unjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-lista tal-korpi notifikati taħt id-Direttiva, inklużi n-numri ta’ identifikazzjoni li kienu assenjati lilhom u l-attivitajiet li għalihom ikunu ġew notifikati.
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-lista tinżamm aġġornata.
Artikolu 30
Tibdil fin-notifika
1. Fejn awtorità tan-notifika taċċerta ruħha jew tkun informata li korp notifikat ma jkunx għadu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24, jew li jkun qed jonqos milli jaqdi l-obbligi tiegħu, l-awtorità tan-notifika għandha tillimita, tissospendi jew tirtira n-notifika kif xieraq, skont kemm ikun gravi n-nuqqas fir-rigward tar-rekwiżiti jew tal-obbligi li jridu jiġu sodisfatti. Hija għandha immedjatament tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar dan.
2. Fil-każ li tiġi limitata, sospiża jew irtirata n-notifika, jew fejn il-korp notifikat ma jkunx għadu attiv, l-Istat Membru tan-notifika għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-fajls ta’ dak il-korp jiġu pproċessati minn korp notifikat ieħor jew jinżammu disponibbli għall-awtorità tan-notifika u għall-awtorità tas-sorveljanza tas-suq li jkunu responsabbli, suġġetti għat-talba tagħhom.
Artikolu 31
Sfida lill-kompetenza tal-korpi notifikati
1. Il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-każijiet kollha fejn ikollha dubju jew issir taf b’dubju dwar il-kompetenza ta’ korp notifikat jew jekk korp notifikat għadux jissodisfa r-rekwiżiti u r-responsabbiltajiet li jkollu.
2. L-Istat Membru notifikant għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, wara talba, bl-informazzjoni kollha relatata mal-bażi għan-notifika jew il-manutenzjoni tal-kompetenza tal-korp notifikat ikkonċernat.
3. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni kollha sensittiva miksuba matul l-investigazzjonijiet tagħha tinżamm kunfidenzjali.
4. Meta l-Kummissjoni taċċerta ruħha li korp notifikat ma jissodisfax, jew ma jkunx għadu jissodisfa, ir-rekwiżiti għan-notifika tiegħu, hija għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jitlob lill-Istat Membru tan-notifika sabiex jieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa, inkluż l-irtirar tan-notifika, jekk dan ikun meħtieġ.
Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 41(2).
Artikolu 32
Obbligi operattivi tal-korpi notifikati
1. Il-korpi notifikati għandhom jagħmlu l-evalwazzjonijiet tal-konformità skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Anness III.
2. Il-valutazzjonijiet tal-konformità għandhom isiru b’mod proporzjonat, billi jiġu evitati piżijiet bla bżonn għall-operaturi ekonomiċi.
Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom billi jieħdu kont debitu tad-daqs tal-impriża, is-settur li fiha hija topera, l-istruttura tagħha, il-livell ta’ kumplessità tat-teknoloġija tal-prodott ikkonċernat u tan-natura massiva jew serjali tal-proċess ta’ produzzjoni.
Meta jkunu qed jagħmlu hekk huma għandhom madanakollu jirrispettaw il-grad ta’ rigorożità u l-livell ta’ protezzjoni meħtieġa għall-konformità tal-apparat ma’ din id-Direttiva.
3. Fejn korp notifikat isib li rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I jew standards armonizzati korrispondenti jew speċifikazzjonijiet tekniċi oħra ma ġewx sodisfatti mill-manifattur, huwa għandu jeżiġi mingħand il-manifattur li dan jieħu miżuri korrettivi adegwati u ma għandux joħroġ ebda ċertifikat.
4. Fejn, waqt li jkun qiegħed isir monitoraġġ tal-konformità wara l-ħruġ ta’ ċertifikat, korp notifikat isib li l-apparat ma jkunx għadu konformi, il-korp notifikat għandu jesiġi mingħand il-manifattur li dan jieħu miżuri korrettivi xierqa u għandu jissospendi jew jirtira ċ-ċerifikat tiegħu jekk ikun meħtieġ.
5. Fejn ma jittieħdux miżuri korrettivi jew fejn dawn ma jkollhomx l-effett meħtieġ, il-korp notifikat għandu jillimita, jissospendi jew jirtira kull ċertifikat, kif xieraq.
Artikolu 33
Appell kontra deċiżjonijiet tal-korpi notifikati
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm disponibbli proċedura ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet tal-korpi notifikati
Artikolu 34
Obbligu ta’ informazzjoni għall-korpi notifikati
1. Il-korpi notifikati għandhom jinformaw lill-awtorità tan-notifika dwar dan li ġej:
(a) kull rifjut, restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar ta’ ċertifikat;
(b) kull ċirkustanza li jkollha effett fuq l-ambitu jew il-kundizzjonijiet għan-notifika;
(c) kull talba għal informazzjoni li huma jkunu rċevew minn awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq rigward attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità;
(d) wara talba, l-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità li jsiru fl-ambitu tan-notifika tagħhom u kwalunkwe attività oħra li twettqet, inklużi attivitajiet transkonfinali u sottokuntrattar.
2. Il-korpi notifikati għandhom jipprovdu lill-korpi l-oħrajn notifikati taħt din id-Direttiva li jwettqu attivitajiet simili ta’ valutazzjoni tal-konformità u jkopru l-istess apparat bl-informazzjoni rilevanti dwar kwistjonijiet marbuta mar-riżultati negattivi u, wara talba, mar-riżultati pożittivi tal-valutazzjoni tal-konformità.
Artikolu 35
Skambju ta’ esperjenza
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi għall-organizzazzjoni ta’ skambji ta’ esperjenza bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri responsabbli mill-politika tan-notifiki.
Artikolu 36
Koordinazzjoni ta’ korpi notifikati
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm koordinazzjoni u kooperazzjoni xierqa bejn korpi notifikati taħt din id-Direttiva u li dawn isiru kif xieraq f’forma ta’ grupp settorjali ta’ korpi notifikati.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi notifikati minnhom jieħdu sehem fix-xogħol ta’ dak il-forum, b’mod dirett jew permezz ta’ rappreżentanti nominati.
KAPITOLU 5
IS-SORVELJANZA TAS-SUQ TAL-UNJONI U L-KONTROLL TAL-APPARAT LI JIDĦOL FIS-SUQ TAL-UNJONI U L-PROĊEDURA TA’ SALVAGWARDJA TAL-UNJONI
Artikolu 37
Is-sorveljanza tas-suq tal-Unjoni u kontroll tal-apparat li jidħol fis-suq tal-Unjoni
L-Artikolu 15(3) u l-Artikoli 16 sa 29 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandhom japplikaw għall-apparat.
Artikolu 38
Proċeduri għat-trattament ta’ apparat li jippreżenta riskju fil-livell nazzjonali
1. Fejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru wieħed ikollhom raġunijiet suffiċjenti sabiex jemmnu li xi apparat jippreżenta riskju għas-saħħa jew is-sikurezza tal-persuni jew għal xi aspetti oħra ta’ interess pubbliku ta’ protezzjoni koperti b’din id-Direttiva, huma għandhom jagħmlu evalwazzjoni fir-rigward tal-apparat ikkonċernat li tkun tkopri r-rekwiżiti rilevanti kollha stabbiliti f’din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw skont kif ikun meħtieġ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għal dak il-għan.
Fejn, tul l-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq isibu li l-apparat ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva, huma għandhom mingħajr dewmien jeżiġu li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-azzjonijiet korrettivi kollha xierqa biex l-apparat isir konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti, li jirtira l-apparat mis-suq jew li jieħdu lura fi żmien raġonevoli li jkun jaqbel man-natura tar-riskju, skont kif jistabbilixxu.
L-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għandhom jinfurmaw lill-korp notifikat rilevanti kif meħtieġ.
L-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu japplika għall-miżuri msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.
2. Fejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq iqisu li n-nuqqas ta’ konformità mhuwiex ristrett biss għat-territorju nazzjonali tagħhom, dawn għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni u dwar l-azzjonijiet li huma rabtu lill-operatur li jieħu.
3. L-operatur ekonomiku għandu jassigura li jittieħdu l-azzjonijiet korrettivi adegwati kollha fir-rigward tal-apparat kollu konċernat li huwa jkun disponibbli fis-suq fl-Unjoni kollha.
4. Fejn l-operatur ekonomiku rilevanti ma jiħux azzjoni korrettiva adegwata fil-perjodu ta’ żmien imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jieħdu l-miżuri provviżorji adegwati kollha biex jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-apparat milli jsir disponibbli fis-suq nazzjonali tagħhom jew biex l-apparat jiġi rtirat minn dak is-suq jew biex dan jittieħed lura.
L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, mingħajr dewmien, dwar dawk il-miżuri.
5. L-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 għandha tinkludi d-dettalji disponibbli kollha, partikolarment id-dejta neċessarja għall-identifikazzjoni tal-apparat li mhux konformi, l-oriġini tal-apparat, in-natura tal-allegat nuqqas ta’ konformità u r-riskju involut, in-natura u l-perjodu tal-miżuri nazzjonali li jkunu ttieħdu u l-argumenti mressqa mill-operatur ekonomiku rilevanti. B’mod partikolari, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jindikaw jekk in-nuqqas ta’ konformità jkunx dovut għal xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
(a) in-nuqqas tal-apparat li jissodisfa r-rekwiżiti relatati ma’ aspetti ta’ protezzjoni tal-interess pubbliku koperti b’din id-Direttiva; jew
(b) nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 13 li jikkonferixxu preżunzjoni tal-konformità.
6. L-Istati Membri, barra mill-Istat Membru li jkun beda l-proċedura skont dan l-Artikolu, għandhom, mingħajr dewmien, jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’kull miżura adottata u kull informazzjoni addizzjonali fuq in-nuqqas tal-konformità tal-apparat ikkonċernat għad-dispożizzjoni tagħhom, u, jekk ma jkunx hemm qbil fuq il-miżura nazzjonali adottata, dwar l-oġġezzjonijiet tagħhom.
7. Fejn, fi żmien tliet xhur mir-riċezzjoni tal-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, ma tkun saret ebda oġġezzjoni minn xi Stat Membru jew mill-Kummissjoni fuq miżura provviżorja meħuda minn Stat Membru, dik il-miżura għandha titqies li tkun ġustifikata.
8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri restrittivi adegwati, bħall-irtirar tal-apparat mis-suq, fir-rigward tal-apparat konċernatmingħajr dewmien.
Artikolu 39
Proċedura ta’ salvagwardja tal-Unjoni
1. Fejn, wara li tkun tlestiet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38(3) u (4), isiru oġġezzjonijiet kontra miżura nazzjonali meħuda minn Stat Membru jew fejn il-Kummissjoni tqis li l-miżura nazzjonali tkun kuntrarja għall-leġislazzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tidħol f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżura nazzjonali. Abbażi tar-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jiddetermina jekk il-miżura nazzjonali hijiex ġustifikata jew le.
Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha minnufih lilhom u lill-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti.
2. Jekk il-miżura nazzjonali titqies ġustifikata, l-Istati Membri kollha għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-apparat li ma jkunx konformi jiġi rtirat mis-swieq tagħhom, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni skont il-każ. Jekk il-miżura nazzjonali titqies li mhix ġustifikata, l-Istat Membru konċernat għandu jirtira dik il-miżura.
3. Meta l-miżura nazzjonali titqies ġustifikata u n-nuqqas ta’ konformità tal-apparat ikun attribwit għal nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 38(5) ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.
Artikolu 40
Nonkonformità formali
1. Bla preġudizzju għall-Artikolu 38, fejn Stat Membru jasal għal xi waħda mill-konklużjonijiet li ġejjin, huwa għandu jeżiġi li l-operatur ekonomiku rilevanti jwaqqaf in-nuqqas fir-rigward tal-konformità kkonċernata:
(a) il-marka CE tkun twaħħlet bi ksur tal-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew tal-Artikolu 17 ta’ din id-Direttiva;
(b) il-marka CE ma tkunx twaħħlet;
(c) id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE ma tkunx saret;
(d) id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE ma tkunx saret b’mod korrett;
(e) id-dokumentazzjoni teknika ma tkunx disponibbli jew ma tkunx kompleta;
(f) l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(6) jew fl-Artikolu 9(3) hi nieqsa, falza jew inkompleta;
(g) kwalunkwe rekwiżit amministrattiv ieħor previst fl-Artikolu 7 jew fl-Artikolu 9 ma jkunx sodisfatt.
2. Fejn jippersisti n-nuqqas ta’ konformità msemmi fil-paragrafu 1, l-Istat Membru konċernat għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jillimita jew jipprojbixxi li l-apparat isir disponibbli fis-suq jew jiżgura li dan jittieħed lura jew jiġi irtirat mis-suq.
KAPITOLU 6
DISPOŻIZZJONIJIET GĦALL-KUMITAT, TRANŻIZZJONALI U FINALI
Artikolu 41
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar il-Kompatibbiltà Elettromanjetika. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Il-kumitat għandu jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni dwar kwalunkwe materja li għaliha hija meħtieġa konsultazzjoni ta’ esperti settorjali mir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jew meħtieġa minn xi leġislazzjoni oħra tal-Unjoni.
Il-kumitat, barra minn hekk, jista’ jeżamina kwalunkwe kwistjoni oħra li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dan id-Direttiva mqajma jew mill-president tiegħu jew minn rappreżentant ta’ Stat Membru taħt ir-regoli ta’ proċedura tiegħu.
Artikolu 42
Pieni
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur, minn operaturi ekonomiċi, tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiddaħħlu fis-seħħ. Tali regoli jistgħu jinkludu pieni kriminali għal ksur serju.
Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
Artikolu 43
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
L-Istati Membri ma għandhomx ifixklu li jsiru disponibbli fis-suq u/jew il-bidu ta’ servizz ta’ tagħmir kopert mid-Direttiva 2004/108/KE li jkun konformi ma’ dik id-Direttiva u li kien tqiegħed fis-suq qabel l-20 ta’ April 2016.
Artikolu 44
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sad-19 ta’ April 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi mal-Artikolu 2(2), il-punti (9) sa (25) tal-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4, l-Artikolu 5(1), l-Artikoli 7 sa 12, l-Artikoli 15, 16 u 17, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1), l-Artikoli 20 sa 43, u l-Annessi II, III u IV. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.
Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-20 ta’ April 2016.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn id-dispożizzjonijiet għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Dawn għandhom jinkludu dikjarazzjoni li r-referenzi tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti tad-Direttiva mħassra b’din id-Direttiva għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza u kif għandha tiġi formulata dik id-dikjarazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.
Artikolu 45
Tħassir
Id-Direttiva 2004/108/KE titħassar b’effett mill-20 ta’ April 2016, bla preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-dati tal-applikazzjoni tad-Direttiva stabbiliti fl-Anness V.
Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness VI.
Artikolu 46
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 1, l-Artikolu 2, il-punti (1) sa (8) tal-Artikolu 3(1), l-Artikolu 3(2), l-Artikolu 5(2) u (3), l-Artikolu 6, l-Artikolu 13, l-Artikolu 19(3) u l-Anness I għandhom japplikaw mill-20 ta’ April 2016.
Artikolu 47
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS I
REKWIŻITI ESSENZJALI
1. Ir-rekwiżiti ġenerali
It-tagħmir għandu jkun iddisinjat u fabbrikat, b’konsiderazzjoni għat-teknika l-aktar moderna, b’mod li jiġi żgurat li:
(a) id-disturb elettromanjetiku ġenerat ma jaqbiżx il-livell li ‘l fuq minnu, tagħmir tar-radju u tat-telekomunikazzjoni jew tagħmir ieħor ma jkunx jista’jopera kif intiż;
(b) ikollu livell ta’ immunità għad-disturb elettromanjetiku li hu mistenni fl-użu intiż tiegħu li jippermettilu li jopera mingħajr degradazzjoni inaċċettabbli tal-użu intiż tiegħu.
2. Rekwiżiti speċifiċi għal installazzjonijiet fissi
Installazzjoni u użu intiż tal-komponenti
Installazzjoni fissa għandha tiġi installata bl-użu ta’ prattiki tajbin ta’ inġinerija u skont l-informazzjoni dwar l-użu intiż tal-komponenti tagħha, bil-ħsieb li jintlaħqu r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-punt 1.
ANNESS II
MODULU A: KONTROLL TA’ PRODUZZJONI INTERNA
1. |
Il-kontroll intern tal-produzzjoni huwa l-proċedura ta’ valutazzjoni ta’ konformità, li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2, 3, 4, u 5 ta’ dan l-Anness, u jassigura, u jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu, li l-apparat ikkonċernat jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva li japplikaw għalih. |
2. |
Il-valutazzjoni tal-kompatibilità elettromanjetika
Il-manifattur għandu jagħmel valutazzjoni tal-kompatibilità elettromanjetika tal-apparat, fuq il-bażi tal-fenomeni rilevanti, bil-ħsieb li jintlaħqu r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness I. Il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà elettromanjetika għandha tqis il-kundizzjonijiet normali kollha tal-operat li jkunu intiżi. Fejn l-apparat hu kapaċi jieħu konfigurazzjonijiet differenti, il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà elettromanjetika għandha tikkonferma jekk l-apparat jissodisfax ir-rekwiżiti mill-manifattur bħala essenzjali stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness I, fil-konfigurazzjonijiet kollha possibbli identifikati rappreżentattivi tal-użu intiż tiegħu. |
3. |
Dokumentazzjoni teknika
Il-manifattur għandu jistabbilixxi d-dokumentazzjoni teknika. Id-dokumentazzjoni għandha tagħmel possibbli l-valutazzjoni fir-rigward tal-apparat rigward il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti rilevanti, u għandha tinkludi analiżi u stima adegwati tar-riskju jew riskji. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika r-rekwiżiti applikabbli u tkopri, sa fejn ikun rilevanti għall-valutazzjoni, id-disinn u l-manifattura tal-apparat u kif jaħdem. Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha, fejn applikabbli, mill-anqas dawn l-elementi: (a) deskrizzjoni ġenerali tal-apparat; (b) id-disinn kunċettwali u t-tpinġijiet u l-iskemi tal-manifattura tal-komponenti, it-tagħmir sekondarju tal-immuntar, ċirkwiti, eċċ.; (c) deskrizzjonijiet u spjegazzjonijiet neċessarji biex wieħed jifhem id-disinji u l-iskemi u l-operazzjoni tal-apparat; (d) lista ta’ standards armonizzati, applikati b’mod sħiħ jew parzjali, li r-referenzi tagħhom ġew pubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u, fejn dawk l-istandards armonizzati ma ġewx applikati, deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet adottati biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti essenzjali ta’ din id-Direttiva, inkluża lista ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti oħra applikati. F’każ ta’ standards armonizzati li jkunu ġew applikati parzjalment, id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika f’liema partijiet ġew applikati; (e) ir-riżultati tal-kalkoli tad-disinn magħmula, l-eżamijiet li jsiru, eċċ.; (f) rapporti ta’ testijiet. |
4. |
Manifattura
Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex il-proċess tal-manifattura u l-monitoraġġ tiegħu jassiguraw li l-apparat manifatturat jikkonforma mad-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 3 ta’ dan l-Anness u mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fil-punt 1 tal-Anness I. |
5. |
Il-marka CE u d-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE
5.1. Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka CE meħtieġa ma’ kull biċċa apparat individwali li tissodisfa r-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva. 5.2. Il-manifattur għandu jagħmel dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE bil-miktub għal mudell tal-apparat u jżommha flimkien mad-dokumentazzjoni teknika, għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, għal perjodu ta’ 10 snin wara li l-prodott ikun tqiegħed fis-suq. Id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għandha tidentifika l-prodott li għalih tkun saret. Meta ssir talba għaliha, għandha tiġi pprovduta kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE lill-awtoritajiet rilevanti. |
6. |
Ir-rappreżentant awtorizzat
L-obbligi tal-manifattur, inklużi fil-punt 5, jistgħu jiġu ssodisfati mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat. |
ANNESS III
PARTI A
Modulu B: Eżami tat-tip tal-UE
1. L-eżami tat-tip tal-UE huwa dik il-parti minn proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li fiha korp notifikat jeżamina d-disinn tekniku ta’ prodott u jivverifika u jixhed li d-disinn tekniku tal-apparat jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stipulati fil-punt 1 tal-Anness I.
2. L-eżami tat-tip tal-UE għandu jitwettaq bħala evalwazzjoni tal-adegwatezza tad-disinn tekniku tal-apparat permezz ta’ eżami tad-dokumentazzjoni teknika imsemmija fil-punt 3, mingħajr eżami tal-kampjuni (tip tad-disinn). Jista’ jkun ristrett għal ċerti aspetti tar-rekwiżiti essenzjali kif speċifikat mill-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.
3. Il-manifattur għandu jippreżenta applikazzjoni għal eżami tat-tip tal-UE lil korp notifikat wieħed tal-għażla tiegħu.
L-applikazzjoni għandha tispeċifika l-aspetti tar-rekwiżiti essenzjali li għalihom jintalab eżami u għandha tinkludi:
(a) l-isem u l-indirizz tal-manifattur u, jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mir-rappreżentant awtorizzat, ismu u l-indirizz tiegħu wkoll;
(b) dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma ġiet ippreżentata lill-ebda korp notifikat ieħor;
(c) id-dokumentazzjoni teknika. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tagħmilha possibbli biex issir l-evalwazzjoni tal-konformità tal-apparat mar-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva u għandha tinkludi analiżi xierqa u evalwazzjoni tar-riskji. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika r-rekwiżiti applikabbli u tkopri, sa fejn ikun rilevanti għall-evalwazzjoni, id-disinn, il-manifattura tal-apparat u kif jaħdem. Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha, fejn applikabbli, mill-anqas dawn l-elementi:
(i) deskrizzjoni ġenerali tal-apparat;
(ii) id-disinn kunċettwali u t-tpinġijiet u l-iskemi tal-manifattura tal-komponenti, it-tagħmir sekondarju tal-immuntar, ċirkwiti, eċċ.;
(iii) deskrizzjonijiet u spjegazzjonijiet neċessarji biex wieħed jifhem id-disinji u l-iskemi u l-operazzjoni tal-apparat;
(iv) lista ta’ standards armonizzati, applikati b’mod sħiħ jew parzjali, li r-referenzi tagħhom ġew pubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u, fejn dawk l-istandards armonizzati ma ġewx applikati, deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet adottati biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti essenzjali tas-sikurezza ta’ din id-Direttiva, inkluża lista ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti oħra applikati. F’każ ta’ standards armonizzati li jkunu ġew applikati parzjalment, id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika f’liema partijiet ġew applikati;
(v) ir-riżultati tal-kalkoli tad-disinn magħmula, l-eżamijiet li jsiru, eċċ.;
(vi) rapporti ta’ testijiet.
4. Il-korp notifikat għandu jeżamina d-dokumentazzjoni teknika biex jevalwa l-adegwatezza tad-disinn tekniku tal-apparat fir-rigward tal-aspetti tar-rekwiżiti essenzjali li għalihom jintalab eżami.
5. Il-korp notifikat għandu jħejji rapport ta’ valutazzjoni li jirreġistra l-attivitajiet li jkunu saru taħt il-punt 4 u r-riżultati tagħhom. Bla preġudizzju għall-obbligi tiegħu lejn l-awtoritajiet tan-notifika, il-korp notifikat għandu joħroġ il-kontenut ta’ dak ir-rapport, kollu jew parti minnu, biss bi ftehim mal-manifattur.
6. Fejn it-tip jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva applikabbli għall-apparat konċernat, il-korp notifikat għandu joħroġ ċertifikat ta’ e¿ami tat-tip tal-UE lill-manifattur. Dak iċ-ċertifikat għandu jinkludi l-isem u l-indirizz tal-manifattur, il-konklużjonijiet tal-eżami, l-aspetti tar-rekwiżiti essenzjali koperti mill-eżami, il-kundizzjonijiet (jekk ikun hemm) għall-validità tiegħu u dejta neċessarja għall-identifikazzjoni tat-tip approvat. Iċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jista’ jkollu anness wieħed jew iktar mehmuża miegħu.
Iċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u l-annessi tiegħu għandhom jinkludu l-informazzjoni rilevanti kollha biex il-konformità tal-apparat manifatturat mat-tip eżaminat tkun tista’ tiġi valutata u biex ikun hemm lok għal kontroll intern.
Fejn it-tip ma jissodisfax ir-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva, il-korp notifikat għandu jirrifjuta li joħroġ ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u għandu jinforma b’dan lill-applikant kif inhu xieraq, fejn jagħti raġunijiet dettaljati għar-rifjut tiegħu.
7. Il-korp notifikat għandu jżomm lilu nnifsu mgħarraf dwar kull bidla fit-teknoloġija l-aktar aġġornata ġeneralment rikonoxxuta, li tindika li t-tip approvat jista’ ma jikkonformax aktar mar-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva, u għandu jiddetermina jekk tali bidliet ikunux jeħtieġu aktar investigazzjonijiet. Jekk ikun il-każ, il-korp notifikat għandu jinforma l-manifattur b’dan.
Il-manifattur għandu jinforma lill-korp notifikat li għandu d-dokumentazzjoni teknika relatata maċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE, bil-modifikazzjonijiet kollha għat-tip approvat li jistgħu jinċidu fuq il-konformità tal-istrument mar-rekwiżiti essenzjali ta’ din id-Direttiva jew mal-kundizzjonijiet għall-validità ta’ dak iċ-ċertifikat. Tali modifiki għandhom jeħtieġu approvazzjoni addizzjonali fil-forma ta’ żieda għaċ-ċertifikat oriġinali tal-eżami tat-tip tal-UE.
8. Kull korp notifikat għandu jinforma lill-awtorità tan-notifika tiegħu dwar iċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE u/jew kull addizzjoni magħmula lilhom, li nħarġu jew irtirati, u għandu, perjodikament jew wara talba, jagħmel disponibbli lill-awtorità tan-notifika tiegħu, il-lista ta’ dawn iċ-ċertifikati u/jew kwalunkwe addizzjonijiet li jkun irrifjuta, issospenda jew b’xi mod ieħor illimita.
Kull korp notifikat għandu jinforma lill-korpi notifikati l-oħra dwar iċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE u/jew kull żieda għalihom, li jkun irrifjuta, irtira, issospenda jew b’xi mod ieħor illimita u, jekk jintalab jagħmel dan, dwar dawn iċ-ċertifikati u/jew żidiet għalihom li jkun ħareġ.
Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-korpi notifikati l-oħra jistgħu, wara talba, jiksbu kopja taċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE u/jew iż-żidiet tagħhom. Wara talba, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jiksbu kopja tad-dokumentazzjoni teknika u r-riżultati tal-eżamijiet li jkun wettaq il-korp notifikat. Il-korp notifikat għandu jżomm kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip UE, tal-annessi u taż-żidiet tiegħu, kif ukoll tal-fajl tekniku, inkluża d-dokumentazzjoni mressqa mill-manifattur, sal-iskadenza tal-validità ta’ dak iċ-ċertifikat.
9. Il-manifattur għandu jżomm kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE, tal-annessi u taż-żidiet tiegħu, flimkien mad-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal perjodu ta’ 10 snin wara li l-prodott ikun tqiegħed fis-suq.
10. Ir-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur jista’ jippreżenta l-applikazzjoni msemmija fil-punt 3 u jwettaq l-obbligi msemmija fil-punti 7 u 9, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat.
PARTI B
Modulu C: Konformità għat-tip fuq il-bażi tal-kontroll intern tal-produzzjoni
1. |
Il-konformità għat-tip fuq il-bażi tal-kontroll intern tal-produzzjoni huwa dik il-parti ta’ proċedura ta’ valutazzjoni ta’ konformità li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2 u 3, u jassigura, u jiddikjara, li l-apparat ikkonċernat jkun f’konformità mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, applikabbli għalihom. |
2. |
Manifattura
Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-proċess ta’ manifattura u l-monitoraġġ tiegħu jiżguraw il-konformità tal-apparat immanifatturat mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva applikabbli għalihom. |
3. |
Il-marka CE u d-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE
3.1. Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka CE ma’ kull apparat individwali li jkun f’konformità mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva. 3.2. Il-manifattur għandu jagħmel dikjarazzjoni tal-konformità bil-miktub għal kull mudell tal-apparat u jżommha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, għal perjodu ta’ 10 snin wara li l-apparat ikun tqiegħed fis-suq. Id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għandha tidentifika l-mudell tal-apparat li għalih tkun saret. Meta ssir talba għaliha, għandha tiġi pprovduta kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE lill-awtoritajiet rilevanti. |
4. |
Ir-rappreżentant awtorizzat
L-obbligi tal-manifattur, inklużi fil-punt 3, jistgħu jiġu ssodisfati mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat. |
ANNESS IV
Dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE (Nru XXXX) ( 4 )
1. Mudell tal-apparat/Prodott (numru tal-prodott, tat-tip, tal-lott jew tas-serje):
2. L-isem u l-indirizz tal-manifattur jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu:
3. Din id-dikjarazzjoni tal-konformità qiegħda tinħareġ taħt ir-responsabbiltà unika tal-manifattur.
4. L-għan tad-dikjarazzjoni (l-identifikazzjoni tal-apparat li tippermetti t-traċċabbiltà; tista’ tinkludi immaġni bil-kulur ta’ ċarezza suffiċjenti fejn meħtieġ għall-identifikazzjoni tal-apparat):
5. L-għan tad-dikjarazzjoni deskritt hawn fuq huwa konformi mal-leġislazzjoni ta’ armonizzazzjoni rilevanti tal-Unjoni:
6. Ir-referenzi għall-istandards armonizzati rilevanti li ntużaw, inkluża d-data tal-istandard, jew ir-referenzi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi l-oħra, inkluża d-data tal-ispeċifikazzjoni, li b’relazzjoni għalihom tkun qed tiġi ddikjarata l-konformità:
7. Fejn applikabbli, il-korp notifikat … (isem, numru)… wettaq … (deskrizzjoni tal-intervent)… u ħareġ iċ-ċertifikat:
8. Informazzjoni addizzjonali:
Iffirmat għal u f’isem:
(post u data tal-ħruġ):
(isem, funzjoni) (firma):
ANNESS V
Limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-data tal-applikazzjoni
(imsemmija fl-Artikolu 45)
Direttiva |
Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni |
Data tal-applikazzjoni |
2004/108/KE |
fl-20 ta’ Jannar 2007 |
fl-20 ta’ Lulju 2007 |
ANNESS VI
Tabella ta’ Korrelazzjoni
Direttiva 2004/108/KE |
Din id-Direttiva |
L-Artikolu 1(1) |
L-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) |
L-Artikolu 1(2) |
L-Artikolu 2(2)(a) sa (c) |
L-Artikolu 1(3) |
L-Artikolu 2(2)(d) |
L-Artikolu 1(4) |
L-Artikolu 2(3) |
L-Artikolu 1(5) |
L-Artikolu 2(4) |
L-Artikolu 2(1)(a) |
L-Artikolu 3(1)(1) |
L-Artikolu 2(1)(b) |
L-Artikolu 3(1)(2) |
L-Artikolu 2(1)(c) |
L-Artikolu 3(1)(3) |
L-Artikolu 2(1)(d) |
L-Artikolu 3(1)(4) |
L-Artikolu 2(1)(e) |
L-Artikolu 3(1)(5) |
L-Artikolu 2(1)(f) |
L-Artikolu 3(1)(6) |
L-Artikolu 2(1)(g) |
L-Artikolu 3(1)(7) |
L-Artikolu 2(1)(h) |
L-Artikolu 3(1)(8) |
L-Artikolu 2(2) |
Artikolu 3(2) |
L-Artikolu 3 |
L-Artikolu 4 |
L-Artikolu 4 |
L-Artikolu 5 |
L-Artikolu 5 |
L-Artikolu 6 |
L-Artikolu 6 |
L-Artikolu 13 |
L-Artikolu 7 |
L-Artikolu 14 |
L-Artikolu 8 |
L-Artikoli 16 u 17 |
L-Artikolu 9(1) |
L-Artikolu 7(5) |
L-Artikolu 9(2) |
L-Artikolu 7(6) |
L-Artikolu 9(3) |
L-Artikolu 18(1) |
L-Artikolu 9(4) |
L-Artikolu 18(2) |
L-Artikolu 9(5) |
L-Artikolu 18(3) |
L-Artikoli 10 u 11 |
L-Artikoli 37, 38 u 39 |
L-Artikolu 12 |
Il-Kapitolu 4 |
L-Artikolu 13 |
L-Artikolu 19 |
L-Artikolu 14 |
L-Artikolu 45 |
L-Artikolu 15 |
L-Artikolu 43 |
L-Artikolu 16 |
L-Artikolu 44 |
L-Artikolu 17 |
L-Artikolu 46 |
L-Artikolu 18 |
L-Artikolu 47 |
L-Anness I |
L-Anness I |
L-Anness II u l-punt 1 tal-Anness IV |
L-Anness II |
L-Anness III |
L-Anness III |
Il-punt 2 tal-Anness IV |
L-Anness IV |
L-Anness V |
L-Artikoli 16 u 17 |
L-Anness VI |
L-Artikolu 24 |
L-Anness VII |
L-Anness VI |
DIKJARAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
Il-Parlament Ewropew iqis li huwa biss meta u sakemm atti ta' implimentazzjoni fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 jiġu diskussi fil-laqgħat tal-kumitati, li dawn tal-aħħar jistgħu jitqiesu bħala "kumitati ta' komitoloġija" fis-sens tal-Anness I tal-Qafas ta' Ftehim dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Il-laqgħat tal-kumitati, għaldaqstant, jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-punt 15 tal-Qafas ta' Ftehim meta u sakemm jiġu diskussi kwistjonijiet oħra.
( 1 ) Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).
( 2 ) Kostituzzjoni u Konvenzjoni tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni adottata mill-Konferenza Plenipotenzjarja Addizzjonali (Ġinevra, 1992) kif emendata mill-Konferenza Plenipotenzjarja (Kyoto, 1994).
( 3 ) ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.
( 4 ) Il-manifattur għandu l-fakoltà li jassenja numru għad-dikjarazzjoni ta’ konformità.